Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja) fl-4 ta’ Marzu 2022 – Proċeduri kontra Juan

(Kawża C-164/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Nacional

Partijiet fil-kawża prinċipali

Juan

Parti oħra fil-proċedura: Ministerio Fiscal

Domandi preliminari

F’dan il-każ, tinħoloq sitwazzjoni ta’ “bis in idem” fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, għaliex inkwistjoni hemm l-istess fatti, fid-dawl tal-portata li l-ġurisprudenza Ewropea tagħti lil dan il-kunċett, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, hija din il-qorti li għandha twettaq l-imsemmija evalwazzjoni, bi qbil mal-prinċipji espressi f’din id-deċiżjoni, għaliex inkwistjoni hemm delitt uniku kontinwat, fosthom dak tan-neċessità ta’ konsolidazzjoni tal-pieni u stabbiliment ta’ limitu ta’ piena bi qbil mal-kriterji ta’ proporzjonalità?

Jekk jitqies li ma tinħoloqx sitwazzjoni ta’ “bis in idem”, minħabba li l-fatti ma humiex kompletament identiċi, bi qbil mal-kriterji esposti f’din id-deċiżjoni:

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, il-limitazzjonijiet tal-effetti tas-sentenzi ta’ Stati oħra tal-Unjoni, previsti espliċitament fl-Artikolu 14(2) tal-Ley Orgánica 7/2014 de 12 de noviembre, sobre intercambio de información de antecedentes penales y consideración de resoluciones judiciales penales en la Unión Europea (il-Liġi Organika 7/2014 tat-12 ta’ Novembru 2014 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali fl-Unjoni Ewropea), li tittrasponi l-leġiżlazzjoni Ewropea, huma kompatibbli kemm mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal-24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda 1 , kif ukoll mal-Artikoli 45 u 49(3) tal-Karta u mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni?

Il-fatt li fid-dritt Spanjol ma teżistix proċedura li tippermetti r-rikonoxximent ta’ sentenzi barranin mogħtija minn qrati Ewropej, konsolidazzjoni u adattazzjoni jew limitazzjoni tal-pieni, b’tali mod li tiġi ggarantita l-proporzjonalità ta’ dawn is-sentenzi, meta jkun hemm sitwazzjoni fejn sentenza barranija li għandha tiġi eżegwita fi Spanja tkun tirrigwarda fatti li għandhom relazzjoni ta’ kontinwità jew ta’ konnessjoni delittwali ma’ deċiżjonijiet oħra fi Spanja u li fir-rigward tagħhom teżisti wkoll sentenza ta’ kundanna, imur kontra l-Artikoli 45 u 49(3) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri 1 , u mal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea2 , u b’mod ġenerali kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni?

____________

1 ĠU 2008, L 220, p. 32.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

1 ĠU 2008, L 327, p. 27.