Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta' Diċembru 2011 minn Michael Heath mis-sentenza mogħtija fid-29 ta' Settembru 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża 121/10, Heath vs BĊE

(Kawża T-645/11 )

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Michael Heath (Southampton, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Appellata: Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Settembru 2011 fil-kawża F-121/10 ;

konsegwentement, tagħti lill-appellant il-benefiċċju tat-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza u, għalhekk,

tannulla d-dikjarazzjoni tas-salarju ta' Jannar 2010 u tax-xhur segwenti sa fejn dawn japplikaw żieda fil-pensjoni ta' 0.6 %, sabiex tiġi applikata żieda ta' 2.1 % ikkalkolata skont GSA regolari ;

sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjonijiet ta' ċaħda tat-talbiet għal eżami mill-ġdid u tal-ilmenti mressqa mir-rikorrent, deċiżjonijiet bid-dati rispettivament tal-11 ta' Mejju 2010 u tad-9 ta' Settembru 2010;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-differenza bejn iż-żieda fil-pensjoni ta' 0.6 % mogħtija illegalment lir-rikorrent sa minn Jannar 2010 u dik ta' 2.1 % li kellu jkollu dritt għaliha, jiġifieri żieda fis-salarju ta' 1.5 % fix-xahar sa minn Jannar 2010. Dawn l-ammonti għandhom jitħallsu bl-interessi mill-iskadenza rispettiva sal-ġurnata tal-ħlas effettiv, ikkalkolati abbażi ta' rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b'żewġ punti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' EUR 5 000, għall-ħlas ta' dannu materjali tar-rikorrent li jirriżulta mit-telf tal-kapaċità ta' xiri tiegħu;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' EUR 5 000, ikkalkolati ex aequo et bono bħala kumpens għad-danni morali;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, ksur tal-kunċett ta' att li jikkawża preġudizzju u ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

It-tieni u t-tielet aggravji huma bbażati fuq ksur tal-istħarriġ tal-iżball manifest ta' evalwazzjoni, żnaturament tal-proċess u ksur tad-dmir ta' motivazzjoni, tal-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-regoli dwar l-oneru tal-prova matul l-istħarriġ magħmul mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-legalità tad-dikjarazzjoni tal-attwarju u tal-legalità tal-kontenut tagħha.

Ir-raba' aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-proċess u ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-ebda mument ma eżamina l-legalità tal-intervent lil hinn mill-1 ta' Novembru 2009 tal-attwarju tal-BĊE fis-seħħ sal-31 ta' Ottubru 2009.

Il-ħames aggravju hwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 48 tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tad-dritt fundamentali ta' nnegozjar kollettiv kif stabbilit b'mod partikolari fl-Artikolu 11 tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li "ir-rikorrent ma setax jikkawża preġudizzju lill-BĊE billi ma ikkonsultax lill-Kumitat tal-Persunal qabel l-iffissar tal-aġġustament tal-pensjoni għall-2010"

____________