Language of document : ECLI:EU:C:2020:817

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PRIIT PIKAMÄE

ippreżentati fit-8 ta’ Ottubru 2020 (1)

Kawża C95/19

Agenzia delle Dogane

vs

Silcompa SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 92/12/KEE – Artikoli 6 u 20 – Rilaxx fis-suq ta’ prodotti – Falsifikazzjoni tad-dokument amministrattiv ta’ sostenn – Ksur jew irregolarità mwettqa matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji tas-sisa – Ħruġ irregolari ta’ prodotti minn arranġament ta’ sospensjoni – Determinazzjoni tal-Istat Membru tal-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa – Direttiva 76/308/KEE – Artikoli 6, 8 u 12(1) sa (3) – Assistenza reċiproka – Dazju tas-sisa miġbur sussegwentement fuq l-istess tranżazzjonijiet f’żewġ Stati Membri – Duplikazzjoni tad-dejn dwar id-dazji tas-sisa – Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba – Rifjut eventwali tat-talba għal assistenza”






1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari odjerna ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Agenzia delle dogane (l-Aġenzija tad-Dwana, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) u Silcompa Spa, kumpannija li tipproduċi alkoħol etiliku stabbilita fl-Italja, dwar talba għall-irkupru ta’ dazji tas-sisa indirizzata lil din il-kumpannija, fil-kuntest tal-proċedura ta’ assistenza prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 76/308/KEE (2).

2.        Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja) qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli, fil-kuntest ta’ proċedura mnedija minn kumpannija kontra miżuri ta’ infurzar, intiża għall-irkupru ta’ djun tad-dazju tas-sisa, maħruġa fi Stat Membru (f’dan il-każ, l-Italja), fuq talba ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika), li twettaq il-verifika tal-kundizzjoni dwar il-post fejn seħħet l-irregolarità jew il-ksur matul il-moviment tal-prodotti li d-dazju tas-sisa huwa dovut għalihom.

3.        Din id-domanda tqum f’kuntest li fih, skont il-qorti tar-rinviju, kemm l-awtoritajiet kompetenti Taljani kif ukoll dawk Griegi qegħdin jitolbu l-irkupru ta’ dejn dwar id-dazji tas-sisa li jirrigwardaw l-istess tranżazzjonijiet taxxabbli.

4.        Permezz tas-suġġett tagħha, din it-tilwima qiegħda fl-inkroċju bejn is-sistema tad-dazji tas-sisa tal-Unjoni Ewropea u l-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ ċerti dazji. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ser ikollha tistħarreġ l-artikulazzjoni tad-dispożizzjonijiet, minn naħa, tad-Direttiva 92/12/KEE dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (3) u, min-naħa l-oħra, tad-Direttiva 76/308, dispożizzjonijiet li huma applikabbli ratione temporis għall-kawża inkwistjoni. Minkejja li din il-kawża tirrigwarda direttivi li huma issa mħassra, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha tibqa’ attwali, peress li d-Direttivi 2008/118 u 2010/24 huma bbażati, essenzjalment, fuq l-istess prinċipji bħad-direttivi preċedenti msemmija iktar ’il fuq.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 92/12

5.        Id-Direttiva 92/12 hija applikabbli, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, b’mod partikolari, għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku.

6.        L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva 92/12 jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom jgħoddu id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      magazzinier awtorizzat: persuna naturali jew legali awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti fil-kors tan-negozju tagħha, bid-dazju tas-sisa jiġi sospiż taħt arranġament ta’ magazzinaġġ tat-taxxa;

b)      maħżen tat-taxxa: lok fejn oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, proċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat fil-kors tan-negozju tiegħu, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn icon jinsab il-maħżen tat-taxxa;

ċ)      arranġament ta’ sospensjoni: arranġament ta’ taxxa applikat għall-produzzjoni, proċessar, żamma u ċaqliq ta’ prodotti, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[…]”

7.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).

Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:

a)      kull tluq, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;

b)      kull manifattura, inkluża manifattura irregolari, ta’ dawk il-prodotti barra arranġament ta’ sospensjoni;

ċ)      kull importazzjoni ta’ dawk il-prodotti, inkluża importazzjoni irregolari, meta dawk il-prodotti ma jkunux tqiegħedu taħt arranġament ta’ sospensjoni.

2.      Il-kondizzjonijiet ta’ meta għandu jitħallas u-rata ta’ dazju tas-sisa li għandhom jiġu addottati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha jkollu jitħallas id-dazju fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum jew jiġu rekordjati n-nuqqasijiet. […]”

8.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li, bħala prinċipju, “il-moviment tal-prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa taħt arranġamenti ta’ sospensjoni għandu jsir bejn tax warehouses”.

9.        Skont l-Artikolu 15(3) u (4) ta’ din id-direttiva:

“3.      Ir-riskji ta’ moviment ta’ oġġetti ġewwa l-Komunità għandhom ikunu koperti bil-garanzija mogħtija mill-warehousekeeper tal-kunsinni awtorizzat, kif provdut fl-Artikolu 13, jew, jekk ikun meħtieġ, b’garanzija li torbot in solidum fuq kemm min jagħmel il-kunsinna, kif ukoll it-trasportatur. […]

[…]

4.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 20, ir-responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat ta’ dispaċċ u, jekk tinqala’ l-ħtieġa, dik tat-trasportatur tista’ tiġi biss ippruvata permezz tal-prova li l-konsenjatarju ikun wassal il-prodotti, b’mod partikolarment mid-dokument mehmuż kif riferit fl-Artikolu 18 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu 19.”

10.      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi:

“Minkejja l-użu possibbli ta’ proċeduri kompjuterizzati, il-prodotti kollha soġġetti għal sisa li jiċċaqalqu taħt arranġamenti ta’ sospensjoni ta’ dazju bejn Stati Membri, inkluż ċaqliq bil-baħar jew bl-ajru direttament minn port jew ajruport tal-Komunità għal ieħor, għandhom ikollhom mehmuż dokument kompletat mill-konsenjatur. Dan id-dokument jista’ jew ikun dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali. Il-forma u l-kontenut ta’ dan id-dokument, u l-proċedura li għandha tkun segwita fejn l-użu huwa oġġettivament mhux xieraq, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24.”

11.      Skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva:

“1.      Fejn tkun saret xi irregolarita jew xi reat fil-kors taċ-ċaqliq li jkun jinvolvi il-ħlas ta’ dazju tas-sisa, id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru fejn ikun sar ir-reat jew l-irregolarita mill-persuna naturali jew legali li tkun iggarantit il-ħlas tad-dazji tas-sisa skond l-Artikolu 15(3), mingħajr preġudizzju għat-teħid ta’ proċeduri kriminali.

Meta d-dazju tas-sisa jinġabar minn Stat Membru li ma jkunx dak tat-tluq, l-Istat Membru li jiġbor id-dazju għandu javża lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tat-tluq.

2.      Meta, fil-kors taċ-ċaqliq, ikun inkixef reat jew irregolarita mingħajr ma jkun jista’ jiġi stabbilit fejn ikun seħħ, għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru fejn ikun inkixef.

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(2), meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom u ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit fejn ikun seħħ ir-reat jew l-irregolarita, dak ir-reat jew irregolarita għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru tat-tluq, li għandu jiġbor id-dazji tas-sisa bir-rata fis-seħħ fid-data meta jkunu ntbagħtu l-prodotti kemm-il darba fi żmien ta’ erba’ xhur l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jafu bil-korrettezza tat-tranżazzjoni jew bil-lok fejn ir-reat jew l-irregolarita tkun attwalment seħħet. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitrattaw kull ksur jew irregolarità u jimponi pieni effettivi.

4.      Jekk, qabel ma jiskadi perjodu ta’ tlett snin mid-data li fha kien tħejja d-dokument mehmuż, jiġi aċċertat l-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat jew l-irregolarita, l-Istati Membru għandhom jiġbru d-dazju tas-sisa bir-rata fis-seħħ fid-data li fiha jkunu ntbagħtu l-oġġetti. F’dan il-każ, malli tiġi provduta xhieda li l-ġbir ikun sar, id-dazju tas-sisa oriġinalment impost għandu jitħallas lura.”

2.      Id-Direttiva 76/308

12.      Id-Direttiva 76/308 għandha l-għan li tħassar l-ostakoli għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni li jirriżultaw mil-limitazzjoni territorjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ rkupru, b’mod partikolari, tad-dazji tas-sisa.

13.      Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-awtorità mitluba għandha, fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, u skont ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tinnotifika lid-destinatarju b’kull dokument u deċiżjoni, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, li jiġu mill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti jkollha s-sede tagħha u li jkollhom x’jaqsmu ma’ xi dejn jew l-irkupru tiegħu.

14.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/308 jipprevedi:

“1. Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ xi dokument li jippermetti l-infurzar tagħhom.

2. Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi ttrattata bħala talba ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika l-Artikolu 12.”

15.      L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      It-talba għall-irkupru ta’ pretensjoni li l-awtorità applikanti tindirizza lill-awtorità mitluba għandha tiġi akkumpanjata minn koppja uffiċċjali jew iċċertifikata ta’ l-istrument li tippermetti l-infurzar tagħha, maħruġa mill-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti u, jekk ikun xieraq, permezz ta’ l-oriġinali jew kopja ċċertifikata ta’ dokumenti oħra meħtieġa għall-irkupru.

2. L-awtorità applikanti m’għandhiex tagħmel talba għall-irkupru kemm-il darba [sakemm]:

a)      il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha m’humiex ikkontestati fl-Istat Membru li fih hija tinstab, ħlief f’każijiet fejn jiġi applikat it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2),

b)      hija applikat, fl-Istat Membru li fih hija tinstab, il-proċeduri ta’ rkupru xierqa li kienu għad-disposizzjoni tagħha a bażi ta’ l-istrument imsemmi fil-paragrafu 1, u l-miżuri li jittieħdu ma jirriżultawx fil-ħlas sħiħ tal-pretensjoni”

16.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jistipula:

“1.      L-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu jkun rikonoxxut direttamant u ttrattat awtomatikament bħala strument li jippermetti l-infurzar ta’ pretensjoni ta’ l-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.

2.      Minkejja l-ewwel paragrafu, l-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu [jista’], fejn ikun xieraq, u b’konformità mad-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, msaħħaħ permezz ta’, jew mibdul bi strument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi riċevuta t-talba ta’ rkupru, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jtemmu tali aċċettazzjoni, rikonoxximent, tisħiħ jew bdil, ħlief f’kazijiet fejn jiġi applikat it-tielet subparagrafu. M’għandhomx jiġu rifjutati jekk l-istrument li jippermetti tali infurzar jiġi mfassal sew. L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun qabżet il-perjodu ta’ tliet xhur.

Jekk xi waħda minn dawn il-formalitajiet tagħti lok għall-kontestazzjoni dwar il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar maħruġ mill-awtorità applikanti, għandu japplika l-Artikolu 12 [tal-istess direttiva].”

17.      Skont l-Artikolu 12(1) sa (3) tad-Direttiva 76/308:

“1. Jekk, matul il-proċedura ta’ rkupru, it-talba u/jew id-dokument li jippermettu l-infurzar tiegħu maħruġa fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab huma kontestati minn parti interessata, l-azzjoni għandha titressaq minn din tal-aħħar quddiem il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab, skond il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Din l-azzjoni għandha tiġi notifikata mill-awtorità applikanti lill-awtorità mitluba. Il-parti konċernata tista’ wkoll tinnotifika l-awtorità mitluba bl-azzjoni.

2. Hekk kif l-awtorità mitluba tkun irċeviet in-notifika li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar sakemm ikun hemm id-deċiżjoni tal-korp kompetenti fil-materja, kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor b’mod konformi mat-tieni subparagrafu. […]

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 2, l-awtorità applikanti tista b’mod konformi mal-liġi, mar-regolamenti u mal-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hija tinstab, titlob lill-awtorità mitluba sabiex tirkupra pretensjoni kkontestata, kemm-il darba l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba jippermettu tali azzjoni. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni huwa sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tkun responsabbli għar-rimborz ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.

3. Fejn huma l-miżuri ta’ infurzar meħuda fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab li qed ikunu kkontestati l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompeteneti ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġijiet u r- regolamenti tiegħu.”

B.      Id-dritt Taljan

18.      L-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru tad-dazji tas-sisa hija rregolata fl-Italja, b’mod partikolari, bid-decreto legislativo n. 69, recante “Attuazione della direttiva 2001/44/CE relativa all’assistenza reciproca in materia di recupero di crediti connessi al sistema di finanziamento del FEOGA, nonché ai prelievi agricoli, ai dazi doganali, all’IVA ed a talune accise” (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 69 dwar l-“Implimentazzjoni tad-[Direttiva 2001/44] dwar l-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru tad-djun li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sistema tal-finanzjament tal-[Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG)], kif ukoll ta’ imposti agrikoli u ta’ dazji doganali, u dwar [it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] u ċerti dazji tas-sisa”), tad‑9 ta’ April 2003 (4) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003”).

19.      L-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003, intitolat “Assistenza għall-irkupru tad-djun”, jipprevedi:

“1.      Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi għandu, abbażi ta’ titoli eżekuttivi rċevuti, jipproċedi għall-irkupru tad-djun imsemmija fl-Artikolu 1 li huma mnissla fl-Istat Membru li hija tinsab fih, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-irkupru tad-djun simili mnissla fit-territorju nazzjonali; dawn it-titoli, li huma infurzabbli direttament u immedjatament, huma assimilati għar-rwoli msemmija fid-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 602 tad‑29 ta’ Settembru 1973.

2.      L-awtorità applikanti tista’ tagħmel talba għall-irkupru biss:

a)      jekk id-dejn jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu ma humiex ikkontestati fl-Istat Membru fejn hija tinsab, ħlief fil-każ ta’ rieda espressa li tipproċedi fi kwalunkwe każ għall-irkupru fil-każ ta’ kontestazzjoni;

b)      meta hija nediet, fl-Istat Membru fejn hija tinsab, il-proċeduri ta’ rkupru u l-miżuri meħuda ma jwasslux għall-ħlas sħiħ tad-dejn.

3.      Din it-talba għandha tinkludi:

a)      l-isem, id-denominazzjoni jew raġuni soċjali, l-indirizz jew fejn tinsab u kwalunkwe informazzjoni utli oħra għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi jew debituri terzi li għandhom assi;

b)      l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni utli oħra dwar l-identifikazzjoni tal-awtorità applikanti;

c)      it-titolu eżekuttiv li bis-saħħa tiegħu jintalab l-irkupru, maħruġ fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti;

d)      in-natura u l-ammont tad-dejn, billi tiġi ppreċiżata s-somma dovuta bħala prinċipal, l-imgħax, eventwali pentalitajiet, multi u spejjeż, u l-ammont għandu jkun indikat fil-munita tal-Istati Membri li fihom jinstabu ż-żewġ awtoritajiet;

e)      id-data tan-notifikazzjoni tat-titolu eżekuttiv lid-destinatarju mill-awtorità applikanti jew mill-awtorità mitluba;

f)      l-indikazzjoni tad-data li minnha, u tal-perijodu li matulu, huwa possibbli, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru applikanti, li jsir l-irkupru;

g)      id-dikjarazzjoni li d-dejn u t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu ma humiex ikkontestati fl-Istat applikanti jew ir-rieda espressa, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li fi kwalunkwe każ jiġi rkuprat id-dejn. F’kull każ, it-talba għandha tinkludi d-dikjarazzjoni li l-proċedura ta’ rkupru nfetħet fl-Istat Membru rikorrenti u li din ma hijiex ser twassal għall-ħlas sħiħ tad-dejn;

h)      kull informazzjoni utli oħra.

4.      L-awtorità applikanti għandha tindirizza lill-awtorità mitluba, hekk kif ikollha xi għarfien tagħha, bl-informazzjoni utli kollha relatata mal-materja li mmotivat it-talba għall-irkupru.

5.      Flimkien mat-talba għall-irkupru ta’ dejn għandu jkun hemm l-oriġinal jew kopja ċċertifikata konformi tat-titolu eżekuttiv maħruġ fl-Istat Membru l-ieħor u dokumenti oħrajn meqjusa neċessarji għall-finijiet tal-irkupru tad-dejn. Flimkien mat-talba, it-titolu eżekuttiv u d-dokumenti eventwali l-oħrajn għandu jkun hemm traduzzjoni fil-lingwa Taljana.

6.      Jistgħu jingħataw dewmien jew ħlasijiet parzjali lid-debitur, wara konsultazzjoni mal-awtorità applikanti, għall-ħlas tas-somom dovuti, fil-limiti u fil-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ. L-interessi moratorji japplikaw bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ u jieħdu effett mid-data meta jiġi rċevut it-titolu eżekuttiv għall-irkupru. Is-somom eventwalment miġbura bħala imgħax għad-dewmien jew ħlasijiet parzjali mogħtija jew għal dewmien fil-ħlas jingħataw lill-awtorità applikanti.

7.      Il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi għandu jirkupra d-djun mid-debitur u għandu jżomm l-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura ta’ rkupru li japplikaw għad-djun analogi fl-ordinament ġuridiku intern.

8. Id-dispożizzjonijiet tad-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 602 tad‑29 ta’ Settembru 1973, kif emendat, u tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 46 tas‑26 ta’ Frar 1999, kif emendat, japplikaw, mutatis mutandis, għall-irkupru tad-djun koperti minn dan id-digriet.

9.      Fejn l-irkupru tad-djun joħloq diffikultà partikolari, kemm jekk l-ammont tal-ispejjeż huwa għoli ħafna jew it-tranżazzjoni taqa’ taħt il-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet kriminali, l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba jistgħu jiftiehmu, każ b’każ, il-modalitajiet għar-rimbors speċifiċi.

10.      Il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi għandu jinforma lill-awtorità applikanti bil-passi meħuda fuq it-talba għall-irkupru tad-djun.”

20.      L-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003, intitolat “Kontestazzjoni tad-dejn”, jipprovdi:

“1.      Il-persuna kkonċernata li tixtieq tikkontesta d-dejn jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu, maħruġ fl-Istat Membru applikant, għandha tadixxi l-korp kompetenti ta’ dan l-Istat, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan l-Istat; f’dan il-każ, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, li jkun irċieva notifika tar-rikors mill-awtorità applikanti jew mill-persuna kkonċernata, għandu jissospendi, ħlief fil-każ ta’ talba kuntrarja fformulata mill-awtorità applikanti nfisha, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni sad-deċiżjoni ta’ dan il-korp. Meta l-proċedura ta’ rkupru tad-dejn ikkontestat madankollu tkun ġiet imnedija wara t-talba tal-awtorità applikanti u d-deċizjoni fuq il-kontestazzjoni tkun favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tirrestitwixxi l-ammont irkuprat, kif ukoll kull somma dovuta oħra, skont il-leġiżlazzjoni Taljana. Jekk qorti tagħti deċiżjoni fuq il-kontestazzjoni b’mod favorevoli għall-awtorità applikanti u tippermetti l-irkupru tad-dejn f’dan l-istess Stat, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni titkompla abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

2.      Il-persuna kkonċernata li tkun biħsiebha tikkontesta l-atti tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni għandha tadixxi lill-korp kompetenti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali.

3.      L-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lejn l-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba għall-ispejjeż kollha sostnuti u għat-telf kollu magħmul bħala riżultat ta’ azzjonijiet li jinstab li huma infondati fid-dawl tar-realtà tad-dejn jew tal-validità tat-titolu maħruġ mill-awtorità applikanti.”

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21.      Matul is-snin 1995 u 1996, Silcompa kienet tbigħ alkoħol etiliku b’sospensjoni tad-dazji tas-sisa, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 92/12, b’destinazzjoni l-Greċja. Mill-proċess tal-qorti tar-rinviju u ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“proċess nazzjonali”) jirriżulta li dan il-bejgħ isir permezz ta’ intermedjarju, persuna fiżika, lil diversi kumpanniji Griegi.

22.      F’Jannar 2000, wara kontroll imwettaq mill-Ufficio Tecnico di Finanza di Reggio Emilia (l-Uffiċċju Tekniku tal-Finanzi ta’ Reggio Emilia, l-Italja), ġie stabbilit li d-dokumenti amministrattivi mehmuża (iktar ’il quddiem id-“DAM”) tal-lottijiet ta’ alkoħol mibgħuta minn Silcompa qatt ma kienu waslu fid-dwana Griega għall-attestazzjonijiet normali u li t-timbri tal-uffiċju tad-dwana ta’ Kórinthos li jinsabu fuq id-DAM, misjuba minn Silcompa, kienu foloz. Għalhekk l-Aġenzija ħarġet, f’Jannar 2000, tliet avviżi ta’ ħlas (5), għall-irkupru tad-dazji tas-sisa mhux imħallsa għal ammont totali ta’ EUR 6 296 495.47. Silcompa ppreżentat rikors kontra dawn l-avviżi ta’ ħlas quddiem it-Tribunale di Bologna (il-Qorti Distrettwali ta’ Bologna, l-Italja), li s-sentenzi (6) tagħha favorevoli għal Silcompa kienu s-suġġett ta’ rikorsi mill-Aġenzija quddiem il-Corte d’Appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja).

23.      Mill-proċess nazzjonali jsegwi li, f’April 2001, l-awtorità doganali Griega indirizzat lil Silcompa talba għal informazzjoni sabiex tikseb xi kjarifiki dwar it-tranżazzjonijiet bejn Silcompa, l-intermedjarju u l-kumpanniji Griegi. Silcompa wieġbet għal din it-talba u ma rċeviet ebda komunikazzjoni oħra min-naħa tal-awtoritajiet Griegi.

24.      Fi Frar 2004, l-awtorità doganali Griega kkomunikat lill-Aġenzija li xi kunsinni magħmula minn Silcompa lil impriża Griega kienu tqiesu bħala irregolari. Għalhekk, fis‑27 ta’ Marzu 2004, l-uffiċċju tekniku tal-finanzi ta’ Reggio Emilia ħareġ l-avviż ta’ aġġustament Nru 6/2004 (7), li kien ikopri kemm id-djun fiskali Taljani li joħorġu mill-avviżi ta’ ħlas maħruġa f’Jannar 2000, imsemmija fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll l-aġġustament fiskali addizzjonali ta’ EUR 473 410.66, dovut wara din il-komunikazzjoni tal-amministrazzjoni Griega. Silcompa kkontestat l-avviż ta’ aġġustament Nru 6/2004 quddiem il-Commissione tributaria Provinciale di Reggio Emilia (il-Kummissjoni Fiskali Distrettwali ta’ Reggio Emilia, l-Italja). Din il-proċedura wasslet għall-konklużjoni, f’Settembru 2017, ta’ ftehim ta’ tranżazzjoni bejn l-Aġenzija u Silcompa, fejn din tal-aħħar kellha tħallas is-somma totali ta’ EUR 1 554 181.23 bħala d-dejn mitlub mill-awtoritajiet Taljani (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ tranżazzjoni”) (8).

25.      F’Jannar 2005, l-uffiċċju tad-dwana ta’ Ateni ħareġ, dwar l-istess tranżazzjonijiet ta’ kunsinni intrakomunitarji, xi “avviżi ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa”, dwar ir-rilaxx illegali fis-suq, fit-territorju Grieg, tal-alkoħol etiliku mibgħut minn Silcompa lil kumpanniji fittizji. Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata, skont l-affermazzjonijiet tal-partijiet quddiem il-qorti tar-rinviju (9), fuq investigazzjonijiet kriminali preċedenti li taw lok għal sentenza fl-ewwel istanza ta’ qorti Griega (10) li kienet ikkonfermat il-wasla tal-prodotti inkwistjoni minn operaturi Griegi u r-rilaxx frawdolenti fis-suq ta’ dawn il-prodotti.

26.      Fil‑31 ta’ Jannar 2005, l-amministrazzjoni fiskali Griega ppreżentat, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/308, talba għal assistenza lir-Repubblika Taljana għall-irkupru tad-djun mit-Teżor pubbliku tagħha, għal ammont totali ta’ EUR 10 280 291.66 (iktar ’il quddiem id-“djun mitluba mill-awtoritajiet Griegi”).

27.      Fit‑13 ta’ Settembru 2005, l-Aġenzija nnotifikat lil Silcompa, skont l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003, b’żewġ avviżi ta’ ħlas (11) li permezz tagħhom hija talbet il-ħlas bi ftehim tas-somom mitluba (12) bħala djun mitluba mill-awtoritajiet Griegi. Silcompa ppreżentat rikors kontra dawn iż-żewġ avviżi ta’ ħlas quddiem il-Commissione tributaria Provinciale di Roma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Ruma, l-Italja), li ċaħditu bħala inammissibbli (13). Adita bl-appell ippreżentat minn Silcompa, il-Commissione tributaria regionale di Roma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Ruma, l-Italja), permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ April 2010 (14), laqgħet ir-rikors minħabba l-assenza ta’ notifika tal-passi preliminari neċessarji mill-awtoritajiet Griegi u tal-motivazzjoni insuffiċjenti tal-imsemmija avviżi ta’ ħlas.

28.      Għalhekk, l-Aġenzija appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi qajmet tliet aggravji, li huma biss it-tieni (15) u t-tielet (16) li, skont il-qorti tar-rinviju, huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

29.      Min-naħa l-oħra, Silcompa tinvoka, fir-risposta tagħha, in-nullità tat-talbiet tad-dazji tas-sisa li għandhom bħala suġġett il-fatti diġà kkritikati mill-Aġenzija, l-identiċità tal-fatti kkritikati u, għalhekk, id-duplikazzjoni tad-dejn fiskali.

30.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, kemm l-amministrazzjoni fiskali Taljana kif ukoll l-amministrazzjoni fiskali Griega jqisu, b’konstatazzjonijiet distinti u awtonomi, li l-post fejn seħħ il-ksur huwa l-Istat Membru rispettiv tagħhom. Id-djun mitluba mill-awtoritajiet Griegi donnhom huma bbażati fuq sentenza kriminali, filwaqt li d-djun mitluba mill-awtoritajiet Taljani huma bbażati fuq il-fatt ikkonstatat li d-DAM huma foloz. Issa, it-talbiet għad-dazji tas-sisa huma “alternattivi”, peress li l-post tal-ksur, bħalma joħroġ mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, jista’ biss ikun wieħed u l-obbligu fiskali jista’ jkun wieħed biss ukoll.

31.      F’dan il-kuntest, Silcompa tista’ tkun obbligata tħallas l-istess ammonti darbtejn, bħala dazji tas-sisa u bħala sanzjonijiet, li jimponi, b’mod partikolari fid-dawl tal-ammonti kunsiderevoli, piż finanzjarju kbir kif ukoll duplikazzjoni tal-ispejjeż ġudizzjarji.

32.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dazju tas-sisa inizjalment miġbur (minn Stat ieħor) jiġu rrimborsat jekk il-post tal-ksur jiġi ddeterminat sussegwentement, skont l-istess dispożizzjoni tali konstatazzjoni għandha ssir “qabel ma jiskadi perjodu ta’ tlett snin mid-data li fha kien tħejja d-dokument mehmuż”, terminu li f’dan il-każ ilu li skada.

33.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk, anki fil-kuntest tal-proċedura dwar l-atti ta’ eżekuzzjoni tal-irkupru, prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, li timplimenta t-talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-eżistenza tal-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, bħall-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità, tistax tkun is-suġġett ta’ eżami, għall-inqas f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fejn l-istess talba hija ppreżentata kemm mill-istanzi tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru applikant”) u dawk tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru mitlub”), peress li l-proċeduri relatati ma’ dawn it-talbiet huma pendenti f’dan l-Istat tal-aħħar.

34.      Skont il-qorti tar-rinviju, din hija verifika li donnha ma tirrigwardax id-dejn jew it-titolu barrani li huwa s-suġġett tar-rikors, u lanqas li tikkontestahom, bħalma huwa previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/308, iżda li, min-naħa l-oħra, tirrigwarda l-kundizzjoni u l-fondatezza tal-legalità tat-talbiet għal assistenza u, konsegwentement, tal-atti ta’ eżekuzzjoni kollha. B’mod partikolari, il-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk hijiex rilevanti, għall-finijiet tal-irkupru fil-kuntest tas-sistema ta’ kollaborazzjoni, l-evalwazzjoni mill-Istat Membru mitlub tad-dritt tiegħu għad-dejn innifsu u jekk tali parametru jistax jiġi evalwat quddiem il-qrati.

35.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [76/308], fir-rigward tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill [92/12], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-proċeduri mibdija kontra l-atti ta’ eżekuzzjoni tal-irkupru, il-kundizzjoni tal-post (ta’ tqegħid effettiv għall-konsum) fejn l-irregolarità jew il-ksur effettivament twettqu jista’ jkun suġġett għal eżami, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, bħal fil-każ inkwistjoni, l-istess talba, ibbażata eżattament fuq l-istess tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni, hija indirizzata indipedentement lill-persuna taxxabbli mill-Istat rikjedenti u mill-Istat rikjest, u li kemm il-proċeduri dwar it-talba interna kif ukoll dawk dwar it-tranżazzjoni ta’ ġbir mill-Istat l-ieħor huma pendenti fl-istess ħin quddiem l-Istat rikjest, peress li din il-konstatazzjoni għandha l-valur ta’ rifjut tat-talba għall-għajnuna u, għaldaqstant, tal-atti ta’ eżekuzzjoni kollha?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      Saru sottomissjonijiet bil-miktub mill-Gvern Taljan, Spanjol u dak Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

37.      Fit‑22 ta’ Ottubru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju dwar il-kuntest fattwali u legali tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

38.      Fit-tweġiba tagħha tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Diċembru 2019, il-qorti tar-rinviju wieġbet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Minħabba l-kriżi sanitarja relatata mal-virus Covid-19, is-seduta għat-trattazzjoni prevista għas‑26 ta’ Marzu 2020 ġiet annullata u, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2020, ġiet issostitwita b’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub ikkomunikati lill-partijiet. Il-Gvern Taljan, Spanjol u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni, wieġbu għall-mistoqsijiet fit-terminu mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

A.      Il-portata tad-domanda preliminari

40.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha u li, minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li tkun saritilha (17).

41.      F’dan il-każ, żewġ proċeduri dwar l-irkupru ta’ żewġ djun fiskali dwar l-istess tranżazzjonijiet suġġetti għad-dazju tas-sisa u mitluba kemm mill-awtoritajiet amministrattivi Taljani kif ukoll dawk Griegi huma pendenti quddiem il-qrati Taljani. Minn naħa, id-dejn mitlub mill-awtoritajiet Taljani għandu bħala oriġini l-konstatazzjoni magħmula mill-aġenzija tad-dwana, f’Jannar 2000, skont liema l-prodotti mibgħuta lejn il-Greċja qatt ma waslu fid-dwana Griega u li t-timbri ta’ din id-dwana Griega fuq id-DAM relatati magħhom kienu foloz. Min-naħa l-oħra, id-djun mitluba mill-awtoritajiet Griegi ġew ibbażati fuq il-konstatazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, tar-rilaxx effettiv fis-suq, probabbilment irregolari, fit-territorju Grieg tal-prodotti inkwistjoni, konstatazzjoni li abbażi tagħha l-imsemmija awtoritajiet indirizzaw, f’Jannar 2005, talbiet għal irkupru tad-djun mal-Aġenzija, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti li jittrasponu d-Direttiva 76/308.

42.      Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, jiġifieri dawk dwar il-post fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolarità, jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-qorti tal-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità mitluba, li hija adita b’rikors indirizzat kontra miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-irkupru ta’ dejn skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, fl-ipoteżi li din l-eżekuzzjoni twassal, mal-kumpannija kkonċernata, għal impożizzjoni doppja tad-dazji tas-sisa tal-istess prodotti (18).

43.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mit-tweġiba għall-mistoqsijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2019 (19), isegwi li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-att li huwa l-bażi tal-proċedura ta’ rkupru fl-Italja skont id-Direttiva 76/308 u fuq in-neċessità li tiġi evalwata d-duplikazzjoni tad-dejn li jirrigwarda d-dazju tas-sisa.

44.      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li qorti tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba tivverifika jekk l-eżekuzzjoni tat-talbiet ta’ rkupru dwar djun relatati mad-dazji tas-sisa li din l-awtorità hija adita bihom, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12, tasal li tintaxxa kumpannija darbtejn għall-istess tranżazzjonijiet u għall-istess prodotti, peress li l-imsemmija awtorità nfisha qabel kienet għamlet l-irkupru ta’ dejn għal dawn tal-aħħar, dejn li huwa s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja f’dan l-Istat.

45.      L-element ċentrali tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jinsab fl-eventwali tassazzjoni doppja tal-istess dazji tas-sisa mill-Istat Membru ta’ konsenja u mill-Istat Membru destinatarju tal-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, l-analiżi għandha tiġi mibdija bir-regoli inklużi fid-Direttiva 92/12 u għandhom jitfakkru, b’mod partikolari, ċerti regoli dwar l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa fis-sens ta’ din id-direttiva (Titolu B). Filwaqt li d-Direttiva 92/12 tipprevedi, b’xi mod, regoli sostantivi dwar is-setgħa ta’ impożizzjoni tad-dazji tas-sisa, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, skont regoli proċedurali, huwa rregolat, b’mod partikolari, bid-Direttiva 76/308 (Titolu C).

B.      Fuq l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa skont id-Direttiva 92/12

46.      Sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (20), id-Direttiva 92/12 hija intiża li tarmonizza r-regoli sostantivi dwar iż-żamma, iċ-ċaqliq u l-immonitorjar tal-prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa, u dan, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa tkun identika fl-Istati Membri kollha. Din l-armonizzazzjoni tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi mwarrba t-tassazzjoni doppja fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri (21). Huwa f’dan l-għan li jaqgħu wkoll l-Artikoli 6 u 20 ta’ din id-direttiva li tipprevedi regoli ġenerali u speċifiċi dwar l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa. Issa, dan l-għan huwa kompromess jekk l-awtoritajiet Griegi u Taljani għandhom, f’dan il-każ, kompetenza sussegwenti sabiex jiġbru d-dazju tas-sisa fuq l-istess tranżazzjoni.

1.      Rimarki ġenerali dwar l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa

47.      Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, il-fatt taxxabbli fis-sens tagħha huwa kkostitwit bil-produzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jew mal-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju. Min-naħa l-oħra, peress li dan huwa taxxi fuq il-konsum, l-eżiġibbiltà tagħhom jkollha tkun kemm jista’ jkun viċin tal-konsumatur finali (22). Għal dan l-għan, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi li l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti li huma suġġetti għalih, bħall-alkoħol, tirriżulta, b’mod partikolari, mir-rilaxx tagħhom fis-suq (23).

48.      Bħala regola ġenerali, jgħaddi xi żmien bejn meta jseħħ il-fatt taxxabbli u l-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa. Huwa preċiżament matul dan iż-żmien li l-arranġament ta’ sospensjoni ddefinit fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 92/12, bħala sistema fiskali applikabbli, b’mod partikolari, għall-produzzjoni tal-prodotti f’sospensjoni ta’ dazji tas-sisa, tiġi applikabbli (24). Din is-sistema, li għaliha kienu suġġetti l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twassal għall-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa biss mal-mument tal-ħruġ tal-prodotti minn din l-iskema u mar-rilaxx tagħhom fis-suq. Għalhekk, id-dazju tas-sisa relatat mal-prodotti li jaqgħu taħt din l-iskema għadu ma huwiex eżiġibbli, minkejja li l-fatt taxxabbli jkun diġà seħħ (25).

49.      Regola ġenerali toħroġ mill-Artikoli 4(b) u 11(2) tad-Direttiva 92/12, skont liema l-produzzjoni, il-bidla u ż-żamma ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u mpoġġija f’arranġament ta’ sospensjoni jistgħu jseħħu biss f’maħżen tat-taxxa debitament awtorizzat mill-Istat Membru li jinsabu fit-territorju tiegħu. Skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa f’arranġament ta’ sospensjoni jista’ jsir biss bejn imħażen tat-taxxa, u l-magazzinier awtorizzat ikollu rwol ċentrali fil-kuntest tal-proċedura ta’ moviment ta’ dawn il-prodotti (26).

50.      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12, meħuda fit-totalità tagħhom, jipprevedu arranġament uniformi tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mill-Istati Membri, ibbażat fuq il-prinċipju skont liema d-dazji tas-sisa huma eżiġibbli darba biss. L-osservanza tar-regoli dwar iż-żamma, il-moviment u l-immonitorjar tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa hija kundizzjoni indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 92/12. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, fil-prattika, dawn ir-regoli jiġu miksura, għal liema raġuni l-leġiżlatur ippreveda r-regoli speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 92/12.

2.      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12

51.      Skont id-duttrina, il-każijiet l-iktar suxxettibbli għall-frodi huma dawk li jinvolvu li l-ksur jew l-irregolarità jseħħu matul moviment ta’ prodotti suġġetti għall-arranġament ta’ sospensjoni(27). Peress li l-ksur jew l-irregolarità jistgħu jseħħu f’kull Stat li fih hemm moviment ta’ prodotti, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12 huwa intiż li jevita l-kunflitti ta’ kompetenza bejn Stati Membri li biħsiebhom jintaxxaw il-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur jew tal-irregolarità (28). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tiddetermina l-Istat Membru li huwa biss jista’ jiġbor dazji tas-sisa fil-każ ta’ ksur jew ta’ irregolarità mwettqa matul il-moviment, bħal ħruġ irregolari minn arranġament ta’ sospensjoni (29).

52.      B’mod iktar partikolari, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12 ikopru t-tnejn li huma s-sitwazzjoni li fiha jkun twettaq ksur jew irregolarità matul il-moviment. Il-paragrafu 1 jikkonċerna b’mod partikolari l-ipoteżi li fiha l-post tal-imsemmi ksur jew irregolarità huwa magħruf, filwaqt li l-paragrafu 2 huwa dwar dik li fiha ksur jew irregolarità ġew ikkonstatati mingħajr ma jkun possibbli li jiġi stabbilit il-post fejn seħħew. F’dan il-każ, il-ksur jitqies li sar fl-Istat Membru fejn ġie kkonstatat (30).

53.      L-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 92/12 jippreċiża, min-naħa tiegħu, li meta l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni u ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit il-post tal-ksur jew tal-irregolarità, dan il-ksur jew din l-irregolarità jitqiesu li twettqu fl-Istat Membru ta’ tluq, li għalhekk għandu kompetenza sabiex jipproċedi għall-irkupru tad-dazji tas-sisa (31). Għalhekk, din id-dispożizzjoni tirregola s-sitwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ wasla fid-destinazzjoni tal-prodotti inkwistjoni. F’dan il-każ, huwa l-Istat ta’ tluq li huwa ddikjarat li għandu kompetenza.

54.      Filwaqt li l-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi Artikolu 20 jinkludu l-preżunjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi mekkaniżmu msejjaħ “korrettiv” fil-każ li, sussegwentement, il-preżunzjoni taqa’ minħabba ċirkustanzi fattwali li jippermettu li tiġi stabbilita l-kompetenza ta’ Stat Membru ieħor differenti minn dak li kien indikat b’applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni. Fil-fatt, dan il-paragrafu 4 jistipula li, jekk, qabel jiskadi perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha kien tħejja d-DAM, jiġi aċċertat l-Istat Membru fejn effettivament kien seħħ ir-reat jew l-irregolarità (32), huwa dan l-Istat Membru li għandu jipproċedi għall-irkupru tad-dazju tas-sisa dovut.

55.      Diversi konklużjonijiet jistgħu jiġu misluta mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 92/12, meħuda flimkien. Fl-ewwel lok, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli mhux biss mar-rilaxx fis-suq ta’ prodotti iżda wkoll mal-ħruġ tagħhom, inkluż irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni. Bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali Colomer, “meta l-attivitajiet li jagħtu lok għal dazju tas-sisa (l-importazzjoni u l-manifattura) iseħħu barra l-arranġament ta’ sospensjoni jew meta l-ħruġ minn dan l-arranġament iseħħ f’mument differenti minn dak tar-rilaxx fis-suq, il-leġiżlatur [tal-Unjoni] jassimila dawn is-sitwazzjonijiet ma’ rilaxx fis-suq u, konsegwentement, fil-fatt ma’ fatturi li jattivaw l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, sabiex jiġi evitat li l-merkanzija suġġetta għad-dazji tas-sisa ma tevitax din it-tassazzjoni” (33).

56.      Fit-tieni lok, peress li r-rilaxx fis-suq tal-prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa jista’ jsir darba biss, il-post tal-ksur jew tal-irregolarità mwettqa matul moviment jista’ jkun wieħed biss. Din il-konklużjonijiet hija kkorroborata mill-assimilazzjoni tal-ksur jew tal-irregolarità mwettqa matul il-moviment ta’ prodotti ma’ rilaxx tagħhom fis-suq u l-eżistenza ta’ mekkaniżmu msejjaħ “korrettiv” fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12. Għalhekk, filwaqt li fil-prattika, jista’ jkun hemm diversi istanzi ta’ ksur jew irregolaritajiet suċċessivi f’diversi Stati Membri, matul moviment tal-istess prodott suġġett għal dazju tas-sisa (l-ipoteżi ta’ pluralità ta’ ksur jew ta’ irregolaritajiet), huwa biss l-ewwel wieħed minnhom, jiġifieri dak li kellu bħala konsegwenza li joħroġ il-prodotti f’moviment mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, li għandu valur ġuridiku fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, sa fejn tali ksur jew tali irregolarità kellhom bħala effett li probabbilment iwasslu għar-rilaxx fis-suq tal-prodotti.

3.      Fuq il-mekkaniżmu msejjaħ “korrettiv” li jinsab fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12

57.      L-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi mekkaniżmu msejjaħ “korrettiv”, skont liema jekk, qabel ma jiskadi perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha kien tħejja d-DAM (34), jiġi aċċertat l-Istat Membru fejn effettivament ikun seħħ ir-reat jew l-irregolarità, dan l-Istat għandu jipproċedi għall-irkupru tad-dazju tas-sisa fir-rata fis-seħħ fid-data ta’ konsenja tal-merkanzija. F’dan il-każ, malli tiġi pprovduta l-prova ta’ dan l-irkupru, id-dazju tas-sisa oriġinalment miġbur għandu jiġi rrimborsat. Sa fejn l-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva 92/12 jinkludi l-preżunjonijiet eżaminati iktar ’il fuq, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jinkludi mekkaniżmu li jkopri l-każ li fih is-sitwazzjoni reali tkun differenti minn dik preżunta. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-imsemmi mekkaniżmu huwa applikabbli biss għal tliet snin minn meta tħejja d-DAM.

58.      Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri t-twettiq tal-ksur jew tal-irregolarità fi Stat Membru differenti minn dak li fih tħallas id-dazju tas-sisa u t-terminu ta’ tliet snin minn meta tħejja d-DAM. Għalhekk, mill-istruttura tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12 isegwi li l-osservanza ta’ dan it-terminu għandha tiġi eżaminata biss jekk l-Istat Membru fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità jiġi ddeterminat u huwa differenti mill-Istat Membru inizjalment iddeterminat.

4.      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq għall-każ ineżami

59.      Qabelxejn, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-eżami ta’ kompetenza tal-awtoritajiet Taljani u Griegi huwa kkomplikat bil-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi biss ftit punti fuq is-sitwazzjoni fattwali u legali inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ punti speċifiċi, ma huwiex possibbli li tkun magħrufa l-problema konkreta ta’ interpretazzjoni li tista’ titqajjem fil-konfront tad-Direttiva 92/12. Għalhekk, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki fattwali neċessarji u li tapplikahom għat-tilwima li hija adita biha, xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar il-punti utli għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha (35).

60.      Għandu jitfakkar li, minn naħa, fil-kawża dwar id-djun mitluba mill-awtoritajiet Taljani u msemmija fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-Aġenzija qieset li l-ksur jew l-irregolarità kienu kkostitwiti bin-nuqqas ta’ clearance tal-arranġament ta’ sospensjoni, peress li d-DAM li Silcompa kienet irċeviet, dwar il-konsenji ta’ prodotti kkonċernati, kienu ġew iffalsifikati billi twaħħal timbru falz tad-dwana Griega. Għalhekk, din l-awtorità qieset li l-iffalsifikar tad-DAM kien ekwivalenti għal ksur jew irregolarità mwettqa fl-Italja u, konsegwentement, għal ħruġ irregolari mill-arranġament ta’ sospensjoni li kien jagħmel id-dazji tas-sisa eżiġibbli fl-Italja (36). F’Jannar 2000, l-Aġenzija, konsegwentement, ipproċediet għan-notifika tal-avviżi ta’ ħlas relatati magħhom. Min-naħa l-oħra, fil-kawżi dwar id-djun mitluba mill-awtoritajiet Griegi u li jikkostitwixxu l-bażi tal-avviż ta’ ħlas ikkontestat fil-kawża prinċipali (imsemmija fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet), wieħed jista’ jissoponi li l-awtoritajiet Griegi, probabbilment, stabbilixxew il-kompetenza tagħhom skont l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 92/12, peress li l-prodotti ġew irrilaxxati fis-suq, b’mod irregolari, fil-Greċja, liema punt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (37).

61.      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li, peress li l-awtoritajiet Taljani kkonstataw li l-prodotti inkwistjoni ikkonsenjati minn Silcompa taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa ma kinux waslu fid-destinazzjoni tagħhom, fil-Greċja, u li d-DAM relatati magħhom kienu ġew iffalsifikati, dawn il-prodotti ħarġu minn dan l-arranġament minħabba ksur jew irregolarità mwettqa matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa, fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12. Għalhekk jidher li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Aġenzija kienet fondata li tipproċedi għall-irkupru tad-dejn fiskali billi tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti. Bħalma diġà ġie espost qabel, l-istruttura tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12 hija bbażata, fit-totalità tagħha, fuq l-idea li ksur jew irregolarità mwettqa matul moviment ta’ prodotti suġġetti għall-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji tas-sisa huma ekwivalenti għal rilaxx tagħhom fis-suq li jista’ jseħħ darba biss għall-istess prodotti. Minkejja din ir-regola, l-Aġenzija, matul is-sena 2005, aċċettat it-talba għal assistenza ppreżentata mill-awtoritajiet Griegi għall-irkupru tad-djun tad-dazju tas-sisa maħruġa mill-awtoritajiet Griegi fil-konfront tal-istess kumpannija u dwar l-istess prodotti inkwistjoni.

62.      Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element konkret sabiex tevalwa l-eventwali twettiq tal-ksur jew tal-irregolarità fi Stat Membru differenti mill-Italja. Ir-rilaxx illegali fis-suq, fit-territorju Grieg, tal-alkoħol etiliku mibgħut minn Silcompa, li wassal għal proċeduri kriminali fil-Greċja, għandu ċertament jitqies bħala l-ksur jew l-irregolarità tal-prodotti inkwistjoni, iżda dan huwa biss, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u tal-istruttura tad-Direttiva 92/12, konsegwenza tal-ksur jew tal-irregolarità li twettqu sussegwentement fl-Italja.

63.      F’dawn il-kundizzjonijiet, jiena tal-opinjoni li, fid-dawl ta’ din id-determinazzjoni li hija l-kompitu tal-imsemmija awtoritajiet jew qrati, l-analiżi tat-tieni kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 92/12, jiġifieri l-kwistjoni dwar f’liema mument jibda’ jiddekorri l-imsemmi perijodu ta’ tliet snin għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ “korrettiv” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ma għandhiex rilevanza fil-qafas tat-talba għal deċiżjoni preliminari odjerna. Fil-fatt, bħalma diġà semmejt, l-eżami ta’ dan il-perijodu għandu jsir biss jekk jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolarità u huwa differenti mill-Istat Membru inizjalment iddeterminat, li ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

64.      F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk u kif il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-Istat Membru mitlub, tista’ tistħarreġ il-preżenza ta’ eventwali duplikazzjoni tad-djun dwar id-dazji tas-sisa minn żewġ awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri differenti.

C.      Fuq id-Direttiva 76/308 dwar l-assistenza reċiproka

1.      Fuq il-kuntest ġuridiku tal-analiżi

65.      Minkejja li l-ħolqien ta’ suq intern ippermetta lill-impriżi li japprofittaw bis-sħiħ miż-żona ekonomika offruta fi ħdanu, l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali, li għalihom għadhom jeżistu l-fruntieri, ingħataw, mis-snin 70, ċertu numru ta’ strumenti legali ta’ assistenza sabiex jiżguraw effikaċja aħjar fil-qasam fiskali (38). Id-Direttiva 76/308 hija intiża għalhekk li timplimenta l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, billi tiffaċilita l-irkupru tad-djun bejn Stati Membri (39). L-implimentazzjoni tas-sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita b’din id-direttiva tiddependi mill-eżistenza ta’ tali fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (40).

66.      L-imsemmija direttiva tipprevedi, minn naħa, tliet forom separati u partikolari ta’ assistenza reċiproka li l-awtorità mitluba għandha tagħti fuq talba mill-awtorità applikanti, jiġifieri t-talba għal informazzjoni (41), it-talba għan-notifika tad-destinatarju tad-dokumenti dwar dejn mill-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti (42) u t-talba għall-irkupru tad-djun li huma s-suġġett ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu (43). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 76/308 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-determinazzjoni ta’ kompetenza bejn l-Istat Membru applikant u l-Istat Membru mitlub għat-talba kkonċernata. Il-kawża prinċipali tirrigwarda t-talba għal assistenza dwar l-irkupru, peress li l-awtoritajiet Griegi adixxew lill-Aġenzija b’tali talba.

a)      It-tqassim tal-kompetenzi previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308

67.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308 jipprevedi tqassim tal-kompetenzi bejn l-istanzi tal-Istat Membru applikant u dawk tal-Istat Membru mitlub sabiex jisimgħu kontestazzjonijiet dwar id-dejn, it-titolu eżekuttiv jew miżuri ta’ eżekuzzjoni. Fir-rigward ta’ tali kontestazzjonijiet, l-għażla tal-istanza kompetenti tal-Istat Membru li parti għandha tindirizza tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ilment jirrigwardax, minn naħa, id-dejn jew it-titolu li jimmotiva l-eżekuzzjoni tiegħu jew, min-naħa l-oħra, miżuri ta’ rkupru. Bħalma osserva l-Avukat Ġenerali Bobek, id-Direttiva 2010/24, li tissuċċedi d-Direttiva 76/308, tipprevedi, bħala regola ġenerali, l-applikazzjoni tal-lex auctoritatis, skont liema l-atti mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru (u għalhekk il-validità ta’ dawn l-atti) huma rregolati bid-dritt ta’ dan l-Istat Membru (44). Minn dan isegwi li l-istanza kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha teżamina biss il-legalità tal-atti mwettqa u tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru fid-dawl tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tal-aħħar (45).

68.      Għalhekk, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/308, meta d-dejn jew it-titolu li jimmotiva l-eżekuzzjoni tiegħu huma kkontestati matul il-proċedura ta’ rkupru, l-azzjoni tinġieb quddiem l-istanza kompetenti tal-Istat Membru applikant. Jekk, min-naħa l-oħra, huma l-miżuri ta’ rkupru meħuda fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba li huma kkontestati, l-azzjoni għandha tinġieb, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, quddiem l-istanza kompetenti ta’ dan l-Istat Membru (46).

69.      Sabiex jiġi żgurat b’mod sħiħ lill-persuna kkonċernata, matul il-proċedura ta’ rkupru, id-dritt tiegħu ta’ kontestazzjoni tad-dejn jew tat-titolu li jimmotiva l-eżekuzzjoni tiegħu, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 76/308 jipprevedi li, fl-istennija tad-deċiżjoni tal-istanza kompetenti tal-Istat Membru applikant, l-awtorità mitluba għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni minn meta tiġi informata li hemm pendenti kawża dwar il-kontestazzjoni tad-dejn jew tat-titolu li jimmotiva l-eżekuzzjoni tiegħu.

70.      Bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqassim tal-kompetenzi deskritt f’dawn il-konklużjonijiet huwa l-korollarju tal-fatt li d-dejn u t-titolu eżekuttiv huma stabbiliti abbażi tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti, filwaqt li, għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba, din tal-aħħar għandha tapplika, skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 76/308, id-dispożizzjonijiet li d-dritt nazzjonali tagħha jipprevedi għal atti korrispondenti (47). Barra minn hekk, mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jsegwi li t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tad-dejn huwa direttament irrikonoxxut u ttrattat unikament bħala strument li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ dejn tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba, li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, l-espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Minn dan it-tqassim ta’ kompetenza jsegwi li, bħala prinċipju, l-awtorità mitluba ma tistax tikkontesta l-validità u n-natura eżekutorja tal-att jew tad-deċiżjoni li hija mitluba l-assistenza għaliha għall-irkupru mill-awtorità applikanti. Madankollu, il-ġurisprudenza attenwat xi ftit dan il-prinċipju.

b)      Fuq il-possibbiltà, għall-awtoritajiet nazzjonali, li jirrifjutaw li jagħtu l-assistenza reċiproka

71.      Peress li jsegwi, minn naħa, mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 76/308, li t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tad-dejn huwa magħruf direttament u ttrattat awtomatikament bħala strument li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ dejn tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità mitluba, isegwi, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva li l-awtorità mitluba “għandha” tagħmel dan l-irkupru, u l-imsemmija direttiva tipprevedi eżekuzzjoni awtomatika mill-awtorità mitluba tal-imsemmi rkupru. Barra minn hekk, ma teżisti ebda dispożizzjoni speċifika li tippermetti r-rifjut ta’ talba għall-irkupru (48). Fl-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bażi li tippermetti lill-awtoritajiet u lill-istanzi nazzjonali jirrifjutaw, b’mod eċċezzjonali, li jagħtu l-assistenza dwar l-irkupru fl-ipoteżi li din tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat.

72.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha Kyrian (49), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma jistax jiġi eskluż li, b’mod eċċeżjonali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jkunu awtorizzati jistħarrġu jekk l-eżekuzzjoni tal-imsemmi titolu hijiex tali li tippreġudika, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat Membru u, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw li jagħtu kompletament jew parzjalment l-assistenza jew jissuġġettaw tali assistenza għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet” (50). Skont hi, “huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu jkun eżegwit minn dan l-Istat Membru jekk din l-eżekuzzjoni hija ta’ natura li tiippreġudika l-ordni pubbliku tiegħu” (51). Fil-kuntest ta’ sentenza sussegwenti, is-sentenza Donnellan (52), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet ħadet dan il-prinċipju billi awtorizzat tali rifjut, meta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar l-assistenza reċiproka kienet twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali minħabba nuqqas ta’ notifika tal-persuna kkonċernata, jiġifieri l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (53). Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-ġurisprudenza klassika tagħha dwar il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (54) f’kuntest li fih l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju kienet twassal għal eventwali ksur ta’ drittijiet fundamentali.

73.      Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk jeżistux motivi ta’ rifjut ta’ talba għal assistenza meta huwa stabbilit li hemm duplikazzjoni ta’ dejn fiskali dwar id-dazji tas-sisa (55). Meta l-Istat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, tali duplikazzjoni tista’ tikkostitwixxi motiv ta’ oppożizzjoni għal talba għal assistenza ta’ rkupru fiskali? F’dan ir-rigward, qabel tiġi eżaminata l-ipoteżi ta’ eventwali ksur tal-ordni pubbliku jew tad-drittijiet fundamentali, jiena nqis li għandu jiġi mfittex jekk it-tweġiba għal din il-kwistjoni tistax issegwi mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju.

2.      Fuq l-obbligu tal-istanzi tal-Istat Membru applikant li jivverifikaw il-kompetenza tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat

74.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għad-domanda preliminari tista’ tkun biss fin-negattiv.

75.      Fil-fatt, bħalma diġà ġie espost fil-punti 47 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-istruttura tad-Direttiva 92/12 isegwi li r-rilaxx fis-suq ta’ prodott suġġett għal dazju tas-sisa jista’ jsir darba biss, peress li d-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli mar-rilaxx fis-suq ta’ prodott, kemm jekk ikun regolari kif ukoll irregolari. Għall-finijiet ta’ tali eżiġibbiltà, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, huwa assimilat għal rilaxx fis-suq ta’ prodotti l-ħruġ tagħhom mill-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji tas-sisa minħabba t-twettiq ta’ ksur jew ta’ irregolarità matul il-moviment tagħhom. Madankollu, bħalma ġie indikat fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa meqjus bħala rilevanti, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-ewwel ksur jew irregolarità biss, li għandhom bħala konsegwenza l-ħruġ tal-prodotti f’moviment mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa. Dan ingħad, madankollu wieħed ma jistax jeskludi, fil-prattika, l-eżistenza ta’ tilwim dwar id-determinazzjoni tal-post ta’ tali ksur jew ta’ tali irregolarità.

76.      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-qorti tal-Istat mitlub tistax tivverifika, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżami tal-legalità tal-atti ta’ eżekuzzjoni tal-irkupru, id-determinazzjoni tal-post fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità, għandu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/308, imsemmija fil-punti 67 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġi deċiż jekk tali determinazzjoni tirrigwardax id-dejn, it-titolu eżekuttiv jew miżuri ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 92/12, b’mod partikolari, mill-Artikoli 6 u 20 tagħha, li, bħalma diġà indikajt, għandhom l-għan li jiddeterminaw il-kompetenzi tal-Istati Membri sabiex jiġbru dazji tas-sisa fuq il-prodotti koperti minn din id-direttiva.

77.      B’mod iktar partikolari, mill-Artikoli 6 u 20 tad-Direttiva 92/12 isegwi li l-kompetenza ta’ Stat Membru sabiex jiġbor dazji tas-sisa fuq prodotti, bħall-alkoħol, tirrelata jew mal-post tar-rilaxx tagħhom fis-suq, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jew mal-post fejn il-prodotti matul it-trasport tagħhom ħarġu mill-arranġament ta’ sospensjoni ta’ dazji tas-sisa, konformement mal-Artikolu 20(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva, jew fil-post fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolaritá u li huwa ddeterminat wara, skont l-Artikolu 20(4) tal-istess direttiva. Fid-dawl tal-ekwivalenza tal-motivi ta’ eżiġibbiltà li jinsabu fl-imsemmija Artikoli 6 u 20 deskritti iktar ’il fuq, l-unika konklużjoni li tista’ tinsilet minnhom, fil-fehma tiegħi, hija li l-kwistjoni dwar il-post tar-rilaxx fis-suq tal-prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa jew ta’ fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità jikkostitwixxi, qabelxejn, kwistjoni sostantiva dwar l-eżistenza nfisha tad-dejn fiskali (56). Sa fejn id-Direttiva 92/12 tissuġġetta, għal Stat Membru, il-ġbir tad-dazju tas-sisa għal avveniment partikolari li jseħħ fit-territorju tiegħu, jidhirli li huwa evidenti li kontestazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-post ta’ ksur jew ta’ irregolarità, konformement mal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, għandha wkoll titqies bħala kwistjoni li tirrigwarda d-dejn jew it-titolu eżekuttiv, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308. Għalhekk, l-eżami ta’ din il-kwistjoni ma jistax, fid-dawl tal-loġika ta’ din id-direttiva, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru mitlub.

78.      Issa, is-sitwazzjoni deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, jiġifieri dik li fiha kumpannija tiġi imposta b’mod doppju d-dazji tas-sisa għal konsenja ta’ prodotti, ma jidhirlix li hija konformi mal-istruttura tad-Direttiva 92/12 meħuda fit-totalità tagħha. Minkejja li mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma joħorġux punti li jiġġustifikaw, f’dan il-każ, li l-Istat Membru mitlub ikun jista’ jirrifjuta li jeżegwixxi t-talba għal assistenza li huwa adit biha billi jinvoka ksur tal-ordni pubbliku tiegħu jew tad-drittijiet fundamentali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma għandhiex madankollu, minn naħa, twarrab l-informazzjoni disponibbli dwar miżura analoga imposta fuq l-istess impriża f’dan l-Istat Membru, jiġifieri Stat Membru differenti minn dak li ppreżenta t-talba relatata ma’ tranżazzjoni li tirrigwarda l-istess prodotti u, min-naħa l-oħra, teżegwixxi din it-talba għal assistenza mingħajr attenzjoni u b’mod mekkaniku.

79.      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, kif ikkonkretizzat bid-Direttiva 76/308, jimplika neċessarjament li l-Istati Membri kollha josservaw, bid-diliġenza meħtieġa kollha, ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Sa fejn, bħalma jsegwi mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, Silcompa ppreżentat rikors dwar id-dejn fiskali dwar id-dazji tas-sisa imposti mill-awtoritajiet Griegi u relatati mal-istess tranżazzjonijiet u mal-istess prodotti bħal dawk li diġà kienu s-suġġett ta’ tassazzjoni fl-Italja, huwa l-kompitu tal-qorti Griega adita b’dan ir-rikors li tivverifika jekk l-awtoritajiet tagħha kellhomx kompetenza sabiex jiġbru d-dazju tas-sisa fuq il-prodotti inkwistjoni, sa fejn, fid-dawl tal-informazzjoni attwalment disponibbli, huma ħarġu mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, fis-sens tal-Artikoli 3 u 20(1) tad-Direttiva 92/12, minħabba ksur jew irregolarità mwettqa fl-Italja. Minn dan isegwi li, fl-istennija tal-verifiki kif deskritti mill-qorti tal-Istat Membru applikant, il-qorti tal-Istat Membru mitlub għandha, konformement mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 76/308, tissospendi l-proċeduri quddiemha dwar l-eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza.

V.      Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) tkun kif ġej:

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal‑15 ta’ Ġunju 2001, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 u 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE tal‑14 ta’ Diċembru 1992, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet dwar il-post fejn effettivament twettaq il-ksur jew l-irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-qorti tal-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità mitluba, li hija adita b’rikors ippreżentat kontra miżuri ta’ eżekuzzjoni għall-irkupru ta’ dejn skont dan l-Artikolu 12(3). Madankollu, peress li l-impożizzjoni doppja ta’ dazju tas-sisa minn diversi Stati Membri tal-istess prodotti ma tosservax l-istruttura tad-Direttiva 92/12, huwa l-kompitu tal-qorti tal-Istat Membru adita b’rikors dwar id-dejn fiskali dwar id-dazji tas-sisa relatati mal-istess tranżazzjonijiet u mal-istess prodotti bħal dawk li diġà ġew intaxxati fi Stat Membru ieħor li tivverifika jekk l-awtoritajiet applikanti kellhomx kompetenza sabiex jiġbru dan id-dazju tas-sisa.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Id-Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta’ imposti agrikoli u dazji doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal‑15 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/308”). Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas‑26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU 2008, L 150, p. 28) kienet ikkodifikat id-Direttiva 76/308 u l-atti emendatorji korrispondenti. Id-direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1) ħassret id-Direttiva 2008/55 mill‑1 ta’ Jannar 2012. Madankollu, fid-dawl ta’ meta saret it-talba għal assistenza inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari odjern qiegħed jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/308.


3      Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, u rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE tal‑14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 235) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/12”). Id-Direttiva 92/12 tħassret mill‑1 ta’ April 2010 bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009, L 9, p. 12). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari odjern qiegħed jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12.


4      GURI Nru 87 tal‑14 ta’ April 2003.


5      Avviżi ta’ ħlas Nri 5/2000, 15/2000 u 18/2000.


6      Sentenzi mogħtija fit‑12 ta’ April u fit‑8 ta’ Settembru 2010.


7      Punti 8 sa 10 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan.


8      Silcompa ppreżentat talba sabiex it-tilwima tiġi deċiża b’mod issimplifikat skont l-Artikolu 5bis tad-decreto legge n. 193/2016 (id-Digriet-Liġi Nru 193/2016). Il-Gvern Taljan jindika, fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li Silcompa ħallset b’mod sħiħ l-ammont indikat fil-ftehim ta’ tranżazzjoni.


9      Ara n-nota tal-appell prodotta mill-Aġenzija li tinsab fil-proċess tal-qorti tar-rinviju u ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, paġna 8.


10      Skont din it-talba fl-appell, din hija s-sentenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni Nru 98424/2001.


11      L-avviż ta’ ħlas RP 05/14, għal ammont ta’ EUR 10 280 291.66 u l-avviż ta’ ħlas RP 05/12, għal ammont ta’ EUR 64 218.25, it-tnejn li huma tal‑1 ta’ Settembru 2005. Id-dati ta’ dawn l-avviżi ta’ ħlas jinsabu fil-proċess nazzjonali sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja.


12      Skont il-Gvern Taljan, dawn l-avviżi kienu jindikaw il-ħlasijiet magħmula mid-dwana ta’ Pireás u mid-dwana ta’ Ateni.


13      Sentenza Nru 501/41/07 tat‑3 ta’ Diċembru 2007.


14      Sentenza Nru 45/37/10.


15      Fil-kawża prinċipali, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-Aġenzija tikkritika lill-kummissjoni fiskali provinċjali ta’ Ruma li kisret l-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308 u l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 69/2003. F’dan ir-rigward, l-Aġenzija targumenta, essenzjalment, li fil-qasam ta’ assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri, l-ilmenti dwar id-dejn u dwar it-titolu eżekuttiv – b’mod partikolari l-allegata assenza ta’ notifika tal-passi preliminari mill-awtorità Griega – għandhom jiġu invokati quddiem l-awtorità nazzjonali tad-dejn, jiġifieri l-awtorità kompetenti Griega.


16      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-Aġenzija tinvoka l-ksur tal-Artikolu 3 tal-legge n. 212 del 2000 (il-Liġi Nru 212/2000), sa fejn il-kummissjoni fiskali provinċjali ta’ Ruma) qieset bħala insuffiċjenti l-motivazzjoni tal-avviżi ta’ ħlas li ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni tal-proċeduri paralleli mnedija fl-Italja dwar l-irkupru tad-dazji tas-sisa fuq l-istess tranżazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-kontestazzjoni kontra l-proċedura ta’ eżekuzzjoni mnedija fil-kuntest tal-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam ta’ rkupru tad-dazji tas-sisa, tistax tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eventwali “duplikazzjoni tad-dejn fiskali” minħabba l-użu fl-istess waqt, kemm mill-Istat Membru applikant kif ukoll mill-Istat Membru mitlub, ta’ talba bbażata fuq l-istess fatti.


17      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Dyson, C‑632/16 (EU:C:2018:599, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Bħall-Kummissjoni, għandu jiġu nnutat li l-proċeduri amministrattivi dwar l-avviżi ta’ ħlas li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu bħala “paralleli” (punt 13 tat-talba għal deċiżjoni preliminari), peress li dawn l-avviżi ġew innotifikati ħames snin wara l-avviżi ta’ ħlas indirizzati lil Silcompa matul is-sena 2000, bħala djun Taljani. Barra minn hekk, bla ħsara għall-formalitajiet li għandhom jiġu segwiti konformement mad-dritt Taljan, il-kawża dwar id-djun Taljani donnha hija magħluqa, peress li Silcompa ħallset id-djun b’mod sħiħ skont il-ftehim ta’ tranżazzjoni (ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


19      Ara, b’mod partikolari, il-punt 5.


20      Ara, b’mod partikolari, ir-raba’ premessa tad-Direttiva 92/12; ara wkoll is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C‑296/95, EU:C:1998:152, punt 22; tal‑5 ta’ April 2001, Van de Water, C‑325/99, EU:C:2001:201, punt 39, kif ukoll tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑240/01, EU:C:2004:251, punt 36.


21      Sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Scandic Distilleries (C‑663/11, EU:C:2013:347, punti 22 u 23), tat‑3 ta’ Lulju 2014, Gross (C‑165/13, EU:C:2014:2042, punt 17) u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Prankl (C‑175/14, EU:C:2015:142, punt 20). Barra minn hekk, ir-rieda li titneħħa t-tassazzjoni doppja toħroġ issegwi mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/12, li jawtorizza lill-individwi, f’ċerti kundizzjonijiet, li jittrasportaw mingħajr dazju merkanzija fi Stat Membru ieħor, kif ukoll mill-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi rimbors tal-Istat Membru ta’ tluq fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 10 tal-imsemmija direttiva.


22      F’dak li jirrigwarda l-prinċipji li jiffurmaw il-bażi tad-Direttiva 92/12, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Van de Water (C‑325/99, EU:C:2000:614). Ara wkoll, għad-duttrina, Berlin, D., Politique fiscale, Commentaire J. Mégret, Vol. I, Éditions de l’Université de Bruxelles, 2012.


23      Għandha ssir distinzjoni, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, bejn ir-rilaxx fis-suq ta’ prodotti u l-konsum ta’ dawn il-prodotti.


24      Sentenza tal‑5 ta’ April 2001, Van de Water (C‑325/99, EU:C:2001:201, punt 31).


25      Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani (C‑395/00, EU:C:2002:751, punt 42), tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik (C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 78) u tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa (C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 22).


26      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia (C‑81/15, EU:C:2016:398, punti 31 u 32), f’dak li jirrigwarda l-iskema ta’ responsabbiltà stabbilita bid-Direttiva 92/12 għar-riskji kollha inerenti fil-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u mpoġġija taħt tali skema. Dan il-magazzinier huwa, konsegwentement, innominat bħala li huwa obbligat li jħallas id-dazji tas-sisa meta, matul il-moviment ta’ dawn il-prodotti, ikun twettaq ksur jew irregolarità li jwasslu għall-eżiġibbiltà tagħhom.


27      Ara, f’dan ir-rigward, Berlin, D., Jurisclasseur Europe Traité, ktejjeb Nru 1650, “Fiscalité indirecte”, 1 ta’ Jannar 2016, punt 56.


28      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Cipriani (C‑395/00, EU:C:2002:209, punt 74).


29      Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani (C‑395/00, EU:C:2002:751, punt 43) u tat‑13 ta’ Diċembru 2007, BATIG (C‑374/06, EU:C:2007:788, punt 44).


30      Din l-interpretazzjoni hija kkonfortata bix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2008/118, li jispjega l-loġika tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12. Ara l-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (KUMM/2008/0078 finali).


31      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani (C‑395/00, EU:C:2002:751, punt 47).


32      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod stabbilit li l-individwi għandhom id-dritt li jiksbu r-rimbors tat-taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji. Dan id-dritt huwa l-konsegwenza u l-komplement tad-drittijiet mogħtija lill-individwi minnhom kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat, bħala prinċipju, li jirrimborsa t-tassazzjoni miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C‑147/01, EU:C:2003:533, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Van de Water (C‑325/99, EU:C:2000:614, punt 38).


34      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/12 jipprevedi li d-DAM jinkludi erba’ kopji, jiġifieri kopja li għandu jżomm il-konsenjatur, kopja għad-destinatarju, kopja li għandha tintbagħat lill-konsenjatur għal clearance u kopja intiża għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Konsegwentement, id-DAM huwa mħejji fil-mument tal-konsenja tal-prodotti.


35      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Chateignier (C-346/05, EU:C:2006:711, punt 22).


36      Il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippreċiżax, madankollu, liema dispożizzjoni tad-Direttiva 92/12 ġiet applikata sabiex jitqies li d-dazju tas-sisa kien sar eżiġibbli fl-Italja. Peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 92/12 ipoġġi r-responsabbiltà fuq il-magazzinier awtorizzat għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fil-każ ta’ ksur jew ta’ irregolarità mwettqa matul il-moviment tal-prodotti taħt l-arranġament ta’ sospensjoni, wieħed jista’ jippreżupponi li din id-dispożizzjoni ġiet applikata f’dan il-każ.


37      Huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari bilkemm hija preċiża fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12 li ġew applikati mill-awtoritajiet Griegi. Għalhekk, dan il-punt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


38      Berlin, D., “Synthèse - Droit fiscal de l’Union européenne”, JurisClassuer Europe Traité, 1 ta’ Mejju 2019, punt 49.


39      Ara, Michel, V., “Juridiction compétente pour le contrôle des mesures de recouvrement, Revue Europe, Nru 3, Marzu 2010, Kummentarju Nru 109, kif ukoll Maîtrot de la Motte, A., “Droit fiscal de l’Union européenne”, Bruylant, 2016, punti 479 et seq.


40      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punti 40 u 41).


41      Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/308. F’dak li jirrigwarda l-iskambju ta’ informazzjoni, ara Fernández Marín, F., “The Right of Defence and the exchange of tax information ruled by EU law”, Studi Tributari Europei, Vol. 8, p. II, 5‑95, Novembru.


42      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/308.


43      Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/308.


44      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Metirato (C‑695/17, EU:C:2018:944, punt 40).


45      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Metirato (C‑695/17, EU:C:2018:944, punt 43).


46      Ara, ukoll, l-għaxar premessa tad-Direttiva 76/308 skont liema l-azzjoni ta’ kontestazzjoni għandha tinġieb mill-persuna kkonċernata quddiem l-istanza kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti, u l-awtorità mitluba għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni li hija tkun nhiediet sakemm tingħata d-deċiżjoni ta’ din l-istanza kompetenti.


47      Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 40) u tal‑14 ta’ Marzu 2019, Metirato (C‑695/17, EU:C:2019:209, punt 34).


48      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 76/308 jipprevedi motivi ta’ oppożizzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija dwar it-talba għal informazzjoni li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża.


49      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11).


50      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 42); ikkonfermata bis-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 47). Korsiv miżjud minni.


51      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11, punt 43); ikkonfermata bis-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 48). Korsiv miżjud minni.


52      Sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282).


53      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2010/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtorità ta’ Stat Membru tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ talba għall-irkupru dwar dejn relatat ma’ sanzjoni pekunjarja imposta fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li d-deċiżjoni li timponi din is-sanzjoni ma ġietx debitament innotifikata lill-persuna kkonċernata qabel it-talba għall-irkupru ġiet ippreżentata lill-imsemmija awtorità skont din id-direttiva (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282).


54      Ara, f’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198) kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


55      Kuntrarjament għas-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Kyrian (C‑233/08, EU:C:2010:11) u tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282), din il-kawża ma tirrigwardax il-modalitajiet ta’ notifika, li donnu, fil-fehma tiegħu, jeskludi l-applikazzjoni tal-ordni pubbliku fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.


56      Ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-dikotomija bejn l-eżistenza tad-dejn fiskali u l-irkupru tiegħu fil-qasam ta’ dazji doganali, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Transport Maatschappij Traffic (C‑247/04, EU:C:2005:628, punti 26 et seq.).