Language of document : ECLI:EU:F:2013:185

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Novembru 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Kuntratt għal żmien indeterminat — Rexissjoni — Pożizzjoni okkupata li teħtieġ approvazzjoni tas-sigurtà — Approvazzjoni rrifjutata mill-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà — Deċiżjoni mibdula mill-korp tal-appell — Konklużjonijiet tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà u tal-korp tal-appell ma jorbtux lill-ASTK”

Fil-Kawża F‑122/12,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Bruno Arguelles Arias, ex membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti f’Awans (il-Belġju), irrappreżentat minn J. Lecuyer, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u A. Bisch, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ Ottubru 2012, B. Arguelles Arias talab, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Jannar 2012, ikkomunikata fis-16 ta’ Jannar 2012, li tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tiegħu b’effett mill-31 ta’ Mejju 2012, kif ukoll il-kumpens għad-danni materjali u morali allegatament subiti, stmati rispettivament u provviżorjament fl-ammonti ta’ EUR 160 181.85 u EUR 25 000.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg, “persunal bil-kuntratt”; ifisser persunal mhux assenjat għal posizzjoni inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata u mqabbdin biex jaqdu d-dmirijiet full-time jew part-time:

a)      f’istituzzjoni li twettaq kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattiv ta’ appoġġ,

[…]”

3        Skont l-Artikolu 119 tiegħu, l-Artikoli 47 sa 50a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dwar il-modalitajiet ta’ reklutaġġ tal-membri tal-persunal temporanju, japplikaw, b’analoġija, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

4        L-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistabbilixxi dan li ġej:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf:

[…]

(ċ)      meta l-kuntratt huwa għal perjodu indefinit:

(i)      fl-aħħar tal-perjodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt; it-tul tal-perjodu tan-notifika ma jkunx anqas minn xahar għal kull sena kompluta ta’ servizz, suġġett għal minimu ta’ tlett xhur u massimu ta’ għaxar xhur. […]

[…]”

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, abbażi tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tal-Artikolu 79(2) u l-Artikolu 85(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, adotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ u tas-servizz tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“DĠI”), li japplikaw għall-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

6        Skont l-Artikolu 5 tad-DĠI, dwar l-approvazzjoni tas-sigurtà:

“1.      Meta s-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] iqis li n-natura tad-dmirijiet fdati lill-membru tal-persunal bil-kuntratt jeħtieġu prekawzjonijiet partikolari fil-qasam tas-sigurtà, hija meħtieġa approvazzjoni tas-sigurtà, skont id-deċiżjoni li tadotta r-Regolament tas-sigurtà tal-Kunsill […].

2.      L-ASTK tista’ tirrexxindi l-kuntratt:

a)      f’każ fejn il-membru tal-persunal jirrifjuta li jissuġġetta ruħu għall-investigazzjonijiet tas-sigurtà;

b)      f’każ fejn l-approvazzjoni tas-sigurtà ma tingħatax lill-membru tal-persunal wara l-investigazzjonijiet;

ċ)      f’każ fejn l-approvazzjoni tas-sigurtà tiġi rtirata lill-membru tal-persunal.

3.      Fil-każijiet previsti taħt il-paragrafi (2)(b) u (ċ), l-ASTK għandha l-ewwel tivverifika jekk huwiex possibbli li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ikun ittrasferit għal impjieg ieħor li għalih l-approvazzjoni tas-sigurtà ma hijiex meħtieġa, wara li tiġi kkunsidrata r-raġuni tan-nuqqas ta’ approvazzjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 8 tad-DĠI dwar il-gruppi ta’ funzjonijiet jipprovdi:

“Il-membri tal-persunal bil-kuntratt [imsemmija fl-Artikolu] 3a [tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg] huma rreklutati mis-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] sabiex jeżerċitaw funzjonijiet f’impjieg mhux inkluż fil-lista tal-pożizzjonijiet sabiex iwettqu funzjonijiet manwali jew ta’ appoġġ amministrattiv fil-grupp ta’ funzjonijiet I” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8        Fil-31 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/292/UE, dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata tal-UE (ĠU L 141, p. 17), li stabbilixxiet sistema komprensiva ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata li tkopri lill-Kunsill, lis-Segretarjat Ġenerali tiegħu (iktar ’il quddiem is-“Segretarjat Ġenerali”) u lill-Istati Membri.

9        L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2011/292 huwa fformulat kif ġej:

“‘Informazzjoni klassifikata tal-U[njoni Ewropea (UE)]’ […] tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul minn klassifikazzjoni ta’ sigurtà tal-U[njoni], li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea jew għal Stat Membru wieħed jew aktar.”

10      Mill-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2011/292 jirriżulta li l-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni għandha tkun ikklassifikata f’wieħed minn dawn il-livelli: “[top secret UE]”, “[secret UE]”, “[confidential UE]”, “[restricted UE]”.

11      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/292 dwar is-sigurtà tal-persunal jipprovdi:

“1.      Is-sigurtà tal-persunal hija l-applikazzjoni ta’ miżuri biex jiġi żgurat li l-aċċess għal [informazzjoni klassifikata tal-Unjoni] jingħata biss lil individwi li jkunu:

–        […]

–        ingħataw approvazzjoni ta’ sigurtà sal-livell rilevanti, fejn xieraq; u

–        […]

2.      Il-proċeduri għal approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal għandhom jitfasslu biex jiddeterminaw jekk individwu jistax ikun awtorizzat aċċess għal [informazzjoni klassifikata tal-Unjoni], b’kont meħud tal-lealtà, il-fiduċja u l-affidabbiltà tiegħu.

[…]”

12      L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2011/292 dwar l-organizzazzjoni ta’ sigurtà fil-Kunsill jipprovdi dan li ġej:

“[…]

2.      Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun l-Awtorità ta’ sigurtà tas-[Segretarjat Ġenerali]. F’dik il-kompetenza, is-Segretarju Ġenerali għandu:

[…]

c)      jawtorizza [approvazzjonijiet ta’ sigurtà tal-persunal] tal-U[njoni] lill-uffiċjali u ħaddiema oħrajn tas-[Segretarjat Ġenerali] f’konformità mal-Artikolu 7(3) qabel ma jkunu jistgħu jingħataw aċċess għal informazzjoni klassifikata [confidential UE] jew ogħla;

[…]”

13      L-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

14      It-Titolu II tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292, intitolat “A[wtorizzazzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni]” jipprovdi:

“3.      Individwu għandu jkun awtorizzat biss aċċess għal informazzjoni klassifiakta [confidential UE] jew ogħla wara li:

[…]

b)      ikun ingħata [approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal] għal-livell rilevanti jew ikun debitament awtorizzat b’mod ieħor skont il-funzjonijeit tiegħu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali; […]

[…]

4.      Kull Stat Membru u s-[Segretarjat Ġenerali] għandhom jidentifikaw il-pożizzjonijiet fl-istrutturi tagħhom li jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata [confidential UE] jew ogħla u għaldaqstant jeħtieġu [approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal] sal-livell rilevanti”.

15      It-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292, intitolat “R[ekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal]”, jipprovdi dan li ġej:

“5. Wara li jkunu rċevew talba debitament awtorizzata, l-[awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà] jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li jitwettqu investigazzjonijiet ta’ sigurtà fuq iċ-ċittadini tagħhom li jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata [confidential UE] jew ogħla. L-istandards ta’ investigazzjoni għandhom ikunu skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.

[…]

Proċeduri ta’ [approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal] fis-[Segretarjat Ġenerali]

17.      Għal uffiċjali u impjegati oħra fis-[Segretarjat Ġenerali], l-Awtorità ta’ sigurtà tas-[Segretarjat Ġenerali] għandha tibgħat il-kwestjonarju ta’ sigurtà tal-persunal komplut lill-[awtorità nazzjonali ta’ sigurtà] tal-Istat Membru li tiegħu l-individwu huwa ċittadin, li jitlob li investigazzjoni ta’ sigurtà titwettaq għal-livell ta’ [informazzjoni klassifikata tal-Unjoni] li għaliha l-individwu ser jeħtieġ aċċess.

18.      Fejn is-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] isir jaf b’informazzjoni rilevanti għal investigazzjoni ta’ sigurtà rigward individwu li applika għal [approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal] tal-U[njoni], is-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill], filwaqt li jaġixxi skont ir-regoli u r-regolamenti rilevanti, għandu jinnotifika lill-[awtorità nazzjonali ta’ sigurtà] rilevanti b’dan.

19.      Wara t-tlestija tal-investigazzjoni ta’ sigurtà, l-[awtorità nazzjonali ta’ sigurtà] rilevanti għandha tinnotifika lill-Awtorità ta’ sigurtà tas-[Segretarjat Ġenerali] bl-eżitu ta’ tali investigazzjoni, bl-użu ta’ format standard għall-korrispondenza imposta mill-Kumitat ta’ Sigurtà.

a)      Fejn l-investigazzjoni ta’ sigurtà tirriżulta f’assikurazzjoni li mhuwa magħruf xejn avvers li jrawwem dubju dwar il-lealtà, il-fiduċja u l-affidabbiltà tal-individwu, l-Awtorità ta’ Ħatra […] tas-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] tista’ tagħti [approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal] tal-U[njoni] lill-individwu kkonċernat u tawtorizza aċċess għal [informazzjoni klassifikata tal-Unjoni] sal-livell rilevanti sa data speċifikata;

b)      Fejn l-investigazzjoni ta’ sigurtà ma tirriżultax f’tali assikurazzjoni, l-[Awtorità ta’ Ħatra] tas-[Segretarjat Ġenerali] għandha tinnotifika lill-individwu kkonċernat, li jista’ jitlob li jinstema’ mill-[Awtorità ta’ Ħatra]. L-Awtorità ta’ Ħatra tista’ titlob lill-[awtorità nazzjonali ta’ sigurtà] kompetenti għal kwalunkwe kjarifika ulterjuri li tista’ tipprovdi skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħha. Jekk l-eżitu jiġi kkonfermat, m’għandhiex tingħata [approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal] tal-U[njoni].

20.      L-investigazzjoni ta’ sigurtà flimkien mar-riżultati miksuba għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, inklużi dawk li jikkonċernaw appelli. Id-deċiżjonijiet tal-[Awtorità tal-Ħatra] tas-[Segretarjat Ġenerali] għandhom ikunu soġġetti għal appelli skont ir-Regolamenti tal-Persunal […] u l-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] […].

[…]”

16      Il-liġi Belġjana dwar il-klassifikazzjoni u l-approvazzjonijiet, ċertifikazzjoni u avviżi ta’ sigurtà, tal-11 ta’ Diċembru 1998 (Moniteur belge tas-7 ta’ Mejju 1999, p. 15752), kif emendata permezz tal-Liġi tat-3 ta’ Mejju 2005 (Moniteur Belge tas-27 ta’ Mejju 2005, p. 24993, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà”), tipprovdi:

“[…]

Artikolu 12. Din il-liġi tapplika fejn, fl-interess tad-difiża tal-integrità tat-territorju nazzjonali, tal-pjanijiet ta’ difiża militari, tat-twettiq ta’ missjonijiet tal-forzi armati, tas-sigurtà interna tal-Istat, inkluż fil-qasam tal-enerġija nukleari, u tas-sostenibbiltà tal-ordinament demokratiku u kostituzzjonali, tas-sigurtà esterna tal-Istat u tar-relazzjonijiet internazzjonali, tal-potenzjal xjentifiku u ekonomiku tal-pajjiż jew kull interess fundamentali ieħor tal-Istat, tas-sigurtà taċ-ċittadini Belġjani barra mill-pajjiż, jew tal-funzjonament tal-korpi deċiżjonali tal-Istat, jew fl-applikazzjoni tat-trattati li jorbtu lill-Belġju, l-awtorità kompetenti sabiex tirregola l-aċċess għal impjieg, funzjoni jew grad, għal informazzjoni, dokumenti jew data, għal materjal jew suġġetti kklassifikati, għal postijiet, bini jew siti jew sabiex torganizza l-għoti jew l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew ta’ kuntratt pubbliku, timponi l-pussess ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà.

[…]

Artikolu 22. Wara l-investigazzjoni ta’ sigurtà, l-awtorità ta’ sigurtà tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni motivata, fit-terminu stabbilit mir-Re, dwar l-għoti tal-approvazzjoni ta’ sigurtà meħtieġa, abbażi tar-rapport tal-investigazzjoni li jiġi ppreżentat lilha mid-dipartiment tal-intelliġenza jew ta’ sigurtà li jkun wettqu.

Jekk hija tħoss li jkun utli fl-analiżi tar-rapport tal-investigazzjoni, l-awtorità ta’ sigurtà tista’ titlob lil dan id-dipartiment jibgħatilha kopja sħiha tal-fajl tal-investigazzjoni. Hija tista’ titlob ukoll minn dan id-dipartiment il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni addizzjonali li hija tqis utli fl-analiżi tar-rapport tal-investigazzjoni.

Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata bl-intervent tal-uffiċjal ta’ sigurtà lill-persuna, fiżika jew morali, li għaliha ntalbet l-approvazzjoni, fit-terminu stabbilit mir-Re.

[…]”

17      Il-Liġi tal-11 ta’ Diċembru 1998, dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell fil-qasam tal-approvazzjonijiet, ċertifikazzjoni u avviżi ta’ sigurtà (Moniteur belge tas-7 ta’ Mejju 1999, p. 15758), kif emendata mil-Liġi tat-3 ta’ Mejju 2005 (Moniteur belge tas-27 ta’ Mejju 2005, p. 24989, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell”), tistabbilixxi:

“[…]

Artikolu 4.

[1].      Fejn b’konformità mal-Artikolu 22 tal-Liġi [dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà], l-għoti tal-approvazzjoni ta’ sigurtà mitluba tiġi rrifjutata, […] il-persuna li għaliha ntalbet l-approvazzjoni tista’, fit-30 ġurnata sussegwenti […] għan-notifika tad-deċiżjoni […], tippreżenta appell […] quddiem il-korp tal-appell.

[…]

Artikolu 6. […]

L-appellant jinstema’ mill-korp tal-appell, fuq talba ta’ dan il-korp jew fuq talba tiegħu stess. Huwa jista’ jkun assistit minn avukat.

[…]

Artikolu 9. […]

Id-deċiżjonijiet tal-korp tal-appell għandhom ikunu motivati. Huma għandhom ikunu nnotifikati, permezz ta’ ittra rreġistrata, lill-appellant, lill-awtorità ta’ sigurtà u lid-dipartiment tal-intelliġenza u ta’ sigurtà, skont il-każ, li tkun jew wettqet l-investigazzjoni ta’ sigurtà, jew ikkompilat il-fajl tal-verifika ta’ sigurtà. Man-notifika tagħhom huma għandhom isiru eżekuttivi.

[…]

Ma jistax isir appell mid-deċiżjonijiet tal-korp tal-appell.

[…]

Artikolu 11. Fejn l-appell isegwi deċiżjoni ta’ rifjut tal-għoti […] ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà, il-korp tal-appell jista’, jekk huwa jqis, wara s-smigħ tal-appellant jew tal-avukat tiegħu, li l-aggravji invokati insostenn tad-deċiżjoni appellata ma humiex fondati u adegwati, jitlob l-awtorità tagħti ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà.

[…]

Artikolu 12. […]

[6]      Id-deċiżjonijiet tal-korp tal-appell isiru eżekuttivi ipso juri man-notifika tagħhom u ma jista’ jsir ebda appell minnhom.

[7]      Il-proċedura quddiem il-korp tal-appell ma għandhiex effett sospensiv.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Ir-rikorrent kien irreklutat mill-Kunsill bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-grupp tal-funzjonijiet I, grad 1, skala 1, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u t-30 ta’ Settembru 2010. Huwa kien assenjat fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni”, mad-Direttorat “Konferenzi, organizzazzjoni, infrastrutturi”, fi ħdan l-unità “Konferenzi”, fid-dipartiment “Messaġġieri”, tas-Segretarjat Ġenerali, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal responsabbli mill-funzjonijiet manwali u/jew ta’ appoġġ amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

19      L-Artikolu 7 tal-kuntratt tar-reklutaġġ tar-rikorrent kien jipprovdi li “[l]-membru tal-persunal li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’settur tal-attività li jeżiġi grad għoli ta’ kunfidenzjalità, għandu jkun suġġett għal investigazzjoni ta’ sigurtà[,] skont id-Deċiżjoni [tal-Kunsill 2001/64/KE,] tad-19 ta’ Marzu 2001[, li tadotta r-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 263]”.

20      Jirriżulta b’mod partikolari mill-Komunikazzjoni lill-Persunal Nru 58/09 tas-Segretarjat Ġenerali, tal-11 ta’ Marzu 2009, li annullat u ssostitwiet il-Komunikazzjonijiet lill-Persunal Nri 14/09 u 91/05, li l-persunal kollu tal-Kunsill assenjat lid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, Direttorat “Konferenzi, organizzazzjoni, infrastrutturi”, jista’ jkollhom bżonn jaċċedu għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni u li l-livell minimu tal-approvazzjoni ta’ sigurtà li huma għandu jkollhom huwa dak ta’ “[secret UE]” għal ċertu staff klerikali involuti fil-laqgħat jew ta’ “[confidential UE]” għall-oħrajn kollha.

21      Il-Kunsill u r-rikorrent ikkonkludew ftehim ta’ estensjoni tal-kuntratt tar-reklutaġġ tiegħu għal perijodu ġdid ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2013. Il-proċedura tat-talba għall-approvazzjoni ta’ sigurtà ġiet mibdija. Ir-rikorrent irritorna l-formola rispettiva fit-8 ta’ Diċembru 2010 u t-talba kienet ivvalidata l-għada.

22      Fis-16 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent ġie assenjat lid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, Direttorat “Protokoll, [k]onferenzi”, unità “Operazzjonijiet/[t]ekniċi”, dipartiment “Reception tas-swali”. Wara l-adozzjoni mill-Kunsill, fis-16 ta’ Ġunju 2011, tad-DĠI, il-kuntratt ta’ reklutaġġ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tar-rikorrent kien imġedded, fl-1 ta’ Ottubru 2011, għal żmien indeterminat, permezz tal-addendum Nru 1 tal-ftehim ta’ estensjoni tal-imsemmi kuntratt.

23      Permezz ta’ ittra datata 17 ta’ Novembru 2011, il-President tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà tal-Belġju (iktar ’il quddiem l-“ANS”) informa lill-uffiċjal ta’ sigurtà tal-Kunsill li, wara analiżi tal-fajl tar-rikorrent, it-talba għall-approvazzjoni ta’ sigurtà fil-livell “secret” kienet ġiet irrifjutata.

24      Fil-5 ta’ Diċembru 2011, l-uffiċjal ta’ sigurtà tal-Kunsill sejjaħ lir-rikorrent għall-intervista u kkomunikalu uffiċjalment id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-approvazzjoni ta’ sigurtà. Mid-dokumenti pprovduti mill-Kunsill fl-anness tar-risposta tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li fl-istess jum ir-rikorrent iffirma kopja tal-ittra datata 17 ta’ Novembru 2011 tal-President tal-ANS “li ħa konoxxenza tagħha”.

25      Fil-5 ta’ Diċembru 2011 ukoll, il-kap tal-unità tar-rikorrent, informat bid-deċiżjoni tal-ANS, iltaqa’ miegħu. Fuq talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-imsemmi kap ippreċiża waqt is-seduta li l-għan prinċipali tal-laqgħa kien li jinforma lir-rikorrent li huwa kien ser jiġi ttrasferit mid-dipartiment “Reception tas-swali” għad-dipartiment “Messaġġieri fil-bini Justus Lipsius”, dipartiment li għalih l-approvazzjoni ta’ sigurtà meħtieġa kienet ta’ livell inferjuri. Il-kap tal-unità tar-rikorrent żied li din il-miżura kienet adottata b’effett immedjat skont id-dmir ta’ prekawzjoni li huwa impost fuq is-Segretarjat Ġenerali.

26      Fit-8 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-korp tal-appell Belġjan fil-qasam tal-approvazzjonijiet, ċertifikazzjoni u avviżi ta’ sigurtà (iktar ’il quddiem il-“korp tal-appell”).

27      B’applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-DĠI, li jimponu fuq l-ASTK li tivverifika, qabel ma tirrexxindi l-kuntratt, jekk huwiex possibbli li l-persuna kkonċernata tiġi ttrasferita f’impjieg ieħor li għalih l-approvazzjoni ta’ sigurtà ma hijiex meħtieġa, filwaqt li tiġi kkunsidrata r-raġuni tan-nuqqas ta’ approvazzjoni, l-unità “Konsulenti tad-direttorat” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” ippreparat nota fil-11 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem in-“nota tal-11 ta’ Jannar 2012”). F’din in-nota, kien konluż li kien impossibbli li l-persuna kkonċernata tiġi ttrasferita fuq kwalunkwe impjieg ieħor fid-dawl tal-profil tagħha, tal-proċedura ta’ selezzjoni li biha hija kienet irreklutata, jiġifieri s-selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-pożizzjoni ta’ messaġġier, tal-fatti allegati mill-ANS, kif ukoll tal-obbligu tal-Kunsill li jieħu prekawzjonijiet partikolari fil-qasam tas-sigurtà.

28      Il-kap tal-unità “Drittijiet individwali” sejjaħ lir-rikorrent għal laqgħa fis-16 ta’ Jannar 2012 u tah f’idejh nota datata 12 ta’ Jannar 2012 li permezz tagħha informah bid-deċiżjoni tal-ASTK li tirrexxindi l-kuntratt tiegħu b’effett mill-31 ta’ Mejju 2012, wara preavviż ta’ erba’ xhur li jibdew mill-1 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-DĠI, dispożizzjonijiet li jipprovdu l-possibbiltà li l-ASTK tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal fil-każ fejn, wara l-investigazzjonijiet, l-approvazzjoni ta’ sigurtà ma tingħatalux. Permezz ta’ din l-istess deċiżjoni, ir-rikorrent kien mistieden jieħu l-leave tiegħu qabel ma jibda t-terminu tal-preavviż u kien eżentat mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu sa mis-16 ta’ Jannar 2012.

29      It-talba tar-rikorrent tas-17 ta’ Jannar 2012, intiża, minn naħa, sabiex is-sitwazzjoni tiegħu tiġi ppreżervata sa tmiem il-proċedura tal-appell li huwa kien beda u, min-naħa l-oħra, sabiex it-tkeċċija tiegħu ma tkunx implementata peress li l-korp tal-appell kien għadu ma tax id-deċiżjoni tiegħu, kienet miċħuda mill-Kunsill permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2012. Dan ir-rifjut kien fondat b’mod partikolari, fl-ewwel lok, fuq il-fatt li r-rikorrent ma setax jibqa’ fil-pożizzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu approvazzjoni ta’ sigurtà; fit-tieni lok, fuq iċ-ċirkustanza li l-proċedura quddiem il-korp tal-appell ma kellhiex effett sospensiv; fit-tielet lok fuq il-fatti li mmotivaw id-deċiżjoni tal-ANS u fir-raba’ lok, fuq l-obbligu li għandu s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li jiżgura l-lealtà, l-affidabbiltà u s-serjetà tal-persunal kollu awtorizzat li jaċċedi għall-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni.

30      Fit-8 ta’ Marzu 2012, il-korp tal-appell biddel id-deċiżjoni tal-ANS u ordna lil din tal-aħħar tagħti approvazzjoni ta’ sigurtà tal-livell “secret” lir-rikorrent. Id-deċiżjoni tal-imsemmi korp kienet ifformulata kif ġej:

“[…] Fir-rikors tiegħu u fis-seduta […] [ir-rikorrent] ikkontesta l-fatti li ġġustifikaw id-deċiżjoni bl-eċċezzjoni tal-kundanni mit-[t]ribunal tal-pulizija għal każijiet tas-sewqan. Huwa ddikjara li qatt ma kien ikkundannat għall-fatti msemmija fil-fajl u li għandu fedina penali netta ħlief fil-qasam tas-sewqan. Huwa ppreżenta f’dan ir-rigward kopji tal-proċess verbali tad-diversi fajls ġudizzjarji imsemmija fid-deċiżjoni. Fil-fajl li jirrigwarda l-fatti l-iktar gravi […] il-[p]ulizija federali stess ikkonkludiet fis-sommarju li l-fatti ddenunċjati fir-rigward [tar-rikorrent] ma ġewx stabbiliti u li huwa kellu biss rwol periferali. Fir-rigward tal-proċess verbali l-oħra ċċitati, huwa ddikjara li qatt ma kien ipproċessat quddiem it-[t]ribunal korrezzjonali billi rrefera għall-fedina penali tiegħu.

[…]

[Ir-rikorrent] ma ċaħadx li għandu xi djun, iżda f’ammonti żgħar. […]

Il-[k]orp tal-appell jista’ jikkonstata biss li l-persuna kkonċernata hija magħrufa għal fatti antiki mill-pulizija, li qatt ma kienet ipproċessata għal dawn il-fatti, u li ma jeżistux djun sinjifikattivi li jistgħu jikkostitwixxu, għall-persuna kkonċernata, riskju ta’ kompromess.

[…]”

31      B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2012, l-appellant ressaq ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata.

32      Fl-24 ta’ Mejju 2012, ġiet organizzata laqgħa fil-Kunsill għall-analiżi tal-ilment tar-rikorrent u x’għandu jsir, li għaliha assistew dan tal-aħħar u l-avukat tiegħu. Mill-ittra tal-Kunsill datata 11 ta’ Ġunju 2012 u indirizzata lill-avukat tar-rikorrent, jirriżulta li kien ġie maqbul, wara l-imsemmija laqgħa, li dan tal-aħħar kellu jippreżenta lill-Kunsill kopja tad-dokumenti ppreżentati quddiem il-korp tal-appell li jistgħu juru li r-rikorrent ma kellu ebda parteċipazzjoni, lanqas indiretta, fil-fatti imsemmija fid-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ANS li tingħatalu l-approvazzjoni ta’ sigurtà u fid-deċiżjoni tal-korp tal-appell li annullat l-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut.

33      Fit-12 ta’ Ġunju 2012, l-avukat tar-rikorrent irrisponda għall-ittra tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 2012 b’mod partikolari b’dan li ġej:

“Għall-kuntrarju ta’ dak li jiena ħsibt, jiena ma għadnix f’pożizzjoni li nibgħatilkom kopja tad-dokumenti ppreżentati quddiem il-[k]orp tal-appell fir-rigward tal-approvazzjoni. Dawn id-dokumenti huma kunfidenzjali u ma jistgħux jiġu sottomessi għall-analiżi tal-Kunsill. Huma jaqgħu fil-ħajja privata tal-klijent tiegħi u l-Kunsill […] ma għandux is-setgħa li janalizzahom”.

34      Il-Kunsill ċaħad l-ilment tar-rikorrent permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2012. Prinċiparjament, ir-rifjut kien fondat fuq il-fatt li l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent teħtieġ aċċess għall-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, raġuni li għaliha huwa ma jistax jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mingħajr ma jkollu approvazzjoni ta’ sigurtà; fuq id-dmir ta’ prekawzjoni li għandu s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li għandu jiżgura l-lealtà, l-affidabbiltà u s-serjetà tal-persuni kollha awtorizzati li jaċċedu għall-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, kif ukoll fuq il-fatti li mmotivaw id-deċiżjoni tal-ANS tas-17 ta’ Novembru 2011. Sussidjarjament, id-deċiżjoni tal-Kunsill tfakkar li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell ma tistax tistabbilixxi mill-ġdid ir-rabta ta’ fiduċja speċifika li ntilfet bejn ir-rikorrent u l-istituzzjoni tiegħu, għax kemm rwol periferali għall-fatti ta’ tali gravità kif ukoll l-eżistenza ta’ djun huma biżżejjed sabiex ipoġġu fid-dubju l-lealtà, l-affidabbiltà u l-assenza ta’ vulnerabbiltà meħtieġa minn naħa tar-rikorrent fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ moralità meħtieġa sabiex jeżerċita dawn il-funzjonijiet fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali.

 It-talbiet tal-partijiet

35      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, jannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni;

–        jikkundanna lill-Kunsill jikkumpensa d-dannu materjali tiegħu stmat b’mod provviżorju fis-somma ta’ EUR 160 181.85;

–        jikkundanna lill-Kunsill jikkumpensa d-dannu morali tiegħu stmat b’mod provviżorju fis-somma EUR 25 000;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36      Il-Kunsill jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Dwar l-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li r-rikors ta’ persuna skont ir-Regolamenti tal-Persunal, kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal‑Ħatra jew kontra n-nuqqas ta’ din l-awtorità li tieħu miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal ikun ammissibbli biss jekk, għall-inqas b’mod parzjali, il-persuna kkonċernata kellha diġà lment quddiem l-Awtorità tal‑Ħatra li jkun ġie miċħud b’mod espliċitu jew impliċitu. Skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, din il-ġurisprudenza tapplika wkoll, b’analoġija, għal appell ippreżentat mill-membru tal-persunal kontra deċiżjoni tal-ASTK jew kontra n-nuqqas ta’ din l-awtorità li tieħu miżura imposta mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

38      L-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma għalhekk parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss prerekwiżit sabiex il-kwistjoni titressaq quddiem qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors anki jekk formalment jindirizza ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih isir l-ilment jitressaq quddiem il-qorti, ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment għandha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu jsir dan l-ilment. Ġie deċiż diversi drabi li deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ ilment setgħet, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, ma tkunx tali li tikkonferma l-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d‑deċiżjoni inizjali. F’dawn iż-żewġ każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jiġifieri li tiġi kkunsidrata bħala att li jikkawża preġudizzju u tissostwixxi lil din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemain et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09, punt 32).

39      Peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-persuna kkonċernata għandha tippreżenta ilment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta u tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li r-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk huwa dirett biss kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment, kif ukoll kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jew kontra dawk iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, sa fejn l-ilment u r-rikors jitressqu fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punti 7 u 8). Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta l-qorti tikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jekk ikun il-każ minħabba li hija impliċita, tkun purament tikkonferma d‑deċiżjoni li kontra tagħha sar l-ilment u li, għalhekk, l-annullament tagħha ma għandux effett distint fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata b’mod differenti minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha (sentenza Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

40      F’dan il-każ, il-kuntratt għal żmien indeterminat tar-rikorrent kien rexiss f’Jannar 2012, b’effett mill-31 ta’ Mejju ta’ wara, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni magħmula mill-ANS u li r-riżultati tagħha kienu magħrufa f’Novembru 2011. Id-deċiżjoni tal-korp tal-appell li permezz tagħha d-deċiżjoni tal-ANS ġiet mibdula hija datata 8 ta’ Marzu 2012 u l-ilment tar-rikorrent, li permezz tiegħu kkontesta d-deċiżjoni kkontestata, huwa datat 30 ta’ Marzu 2012. Mill-punt 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’Mejju 2012, il-Kunsill organizza laqgħa fil-preżenza tar-rikorrent u li fil-11 ta’ Ġunju ta’ wara, il-Kunsill talab lill-avukat tar-rikorrent li jippreżentalu kopja tad-dokumenti addizzjonali, li dan tal-aħħar irrifjuta li jippreżenta.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment tal-20 ta’ Lulju 2012, tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, fir-rigward ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, f’dan il-każ id-deċiżjoni tal-korp tal-appell tat-8 ta’ Marzu 2012 u r-rifjut tar-rikorrent li jipprovdi d-dokumenti mitluba mill-Kunsill. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li għandu jeħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

42      Ir-rikorrent iqajjem ħames motivi insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-Deċiżjoni 2011/292 u tad-DĠI, kif ukoll tal-Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà u tal-Liġi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell u tal-miżuri ta’ implementazzjoni rjali tagħhom. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju. It-tielet motiv jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża, min-nuqqas ta’ osservanza tal-kontradittorju u tad-dritt tas-smigħ minn qabel. Ir-raba’ motiv jirrigwarda l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata tat-tkeċċija u n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tal-ASTK li tanalizza l-eventwali assenjazzjoni mill-ġdid jew iż-żamma fil-funzjonijiet inizjali. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina l-motivi f’din l-ordni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/292 u tal-Anness I tagħha, b’mod partikolari l-punt 20 tad-DĠI, kif ukoll il-Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà, tal-Liġi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell u tal-miżuri ta’ implementazzjoni rjali tagħhom.

43      Ir-rikorrent qasam dan il-motiv f’żewġ partijiet: l-ewwel parti tirrigwarda l-assenza ta’ bażi legali tat-tkeċċija, li hija illeċita. It-tieni parti tirrigwarda l-eċċess ta’ poter imwettaq mill-Kunsill billi ssostitwixxa l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-ANS u tal-korp tal-appell.

–       L-argumenti tal-partijiet dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv

44      Ir-rikorrent jikkunsidra li t-tkeċċija tiegħu hija kuntrarja għall-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/292 u l-Anness I tagħha, b’mod partikolari l-punt 20, għal-Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà, għal-Ligi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell u għall-miżuri ta’ implementazzjoni rjali tagħhom, kif ukoll għad-DĠI.

45      Huwa jsostni li peress illi l-leġiżlatur ipprovda għall-appell fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-approvazzjonijiet ta’ sigurtà, ftit huwa importanti li l-introduzzjoni tal-appell ma għandhiex effett sospensiv. F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni tal-ANS setgħet tiġi mibdula fl-appell, il-Kunsill ma setax jeżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jistenna t-tmiem tal-proċedura. Peress li f’dan il-każ, ir-rikorrent kiseb l-approvazzjoni ta’ sigurtà tiegħu, ir-rexissjoni tal-kuntratt tiegħu ma għandhiex bażi legali u għalhekk hija illeċita.

46      Ir-rikorrent iżid li l-Artikolu 5(2) tad-DĠI jippermetti lill-istituzzjoni li tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal li l-approvazzjoni ta’ sigurtà tiegħu tiġi rrifjutata, iżda ma jinkludix obbligu f’dan is-sens, għall-kuntrarju ta’ dak li jrid jgħid il-Kunsill.

47      Il-Kunsill jitlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

48      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar, preliminarjament, li skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u l-argumenti ta’ liġi u ta’ fatt invokati.

49      Fil-fatt, sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex motiv jew ilment ikunu ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom ir-rikorrent jibbaża jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra (sentenza tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku, tal-10 ta’ Novembru 2011, Merhzaoui vs Il‑Kunsill, F‑18/09, punti 42 u 43).

50      Madankollu, jekk huwa minnu, li fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent ilmenta li l-Kunsill kiser, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/292, il-Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà, il-Liġi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell u l-miżuri ta’ implementazzjoni rjali tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-oġġezzjonijiet huma sempliċiment iddikjarati u ma humiex sostnuti minn ebda argument, għall-kuntrarju tar-regola prevista fl-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

51      Sa fejn ir-rikorrent ma jindikax b’liema mod id-dispożizzjonijiet tal-punt 20 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292 kienu miksura f’dan il-każ, l-ilment relattiv għall-allegat ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet ukoll għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-uniku għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni applikabbli, minn naħa, għall-investigazzjonijiet ta’ sigurtà mwettqa mill-Istati Membri, inkluż għar-rikorsi ppreżentati kontra r-riżultati, jiġifieri l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, għar-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra, jew tal-ASTK, tas-Segretarjat Ġenerali, f’dak il-każ ir-Regolamenti tal-Persunal.

52      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, jibqa’ għalhekk li jiġi eżaminat jekk, kif isostni r-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, kinitx adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-DĠI, li jipprovdu biss il-possibbiltà u mhux l-obbligu li l-ASTK tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal fil-każ fejn l-approvazzjoni ta’ sigurtà ma tingħatalux wara l-investigazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, hijiex nieqsa minn bażi legali, peress li l-korp tal-appell ordna lill-ANS tagħti lir-rikorrent l-approvazzjoni ta’ sigurtà fil-livell “secret”.

53      Jirriżulta, qabel xejn, mill-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/292 li s-sigurtà tal-persunal hija l-applikazzjoni ta’ miżuri biex jiġi żgurat li l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni jingħata biss lill-individwi li għandhom bżonn il-konoxxenza tagħha, li ngħataw approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni sal-livell rilevanti fejn meħtieġ u li ġew informati dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom.

54      Sussegwentement, skont l-Artikolu 15(2)(c) tad-Deċiżjoni 2011/292, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill huwa l-awtorità ta’ sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali u, f’din il-kwalità, jawtorizza l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni lill-uffiċjali u impjegati oħrajn skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni, qabel ma jkunu jistgħu jingħataw aċċess għal informazzjoni kklassifikata “confidential UE” jew ogħla.

55      Fl-aħħar nett, l-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni li tagħti aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni hija ddefinita fl-Appendiċi A tad-Deċiżjoni 2011/292 bħala “awtorizzazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra tas-[Segretarjat Ġenerali] li tittieħed f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni wara t-tmiem ta’ investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u li tiċċertifika li individwu jista’, dment li l-ħtieġa ta’ għarfien tiegħu tkun ġiet determinata, jingħata aċċess għal [informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni] sa livell speċifikat […] sa data speċifikata; l-individwu deskritt b’dan il-mod huwa kkunsidrat li huwa ‘awtorizzat b’sigurtà’”.

56      Jirriżulta għalhekk mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li huwa s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill biss li għandu s-setgħa li jiddeċiedi dwar l-għoti jew ir-rifjut ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni lill-membri tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali.

57      Huwa minnu li, b’applikazzjoni tal-punt 5 tat-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292, huma l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli biex jiżguraw li jitwettqu investigazzjonijiet ta’ sigurtà fuq iċ-ċittadini tagħhom, peress li l-imsemmija awtoritajiet jinsabu f’pożizzjoni aħjar mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill sabiex jaċċedu għall-informazzjoni fl-Istati Membri differenti.

58      Xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-punt 19(a) tat-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292, meta l-investigazzjoni ta’ sigurtà tirriżulta f’li jiġi żgurat li ma hemmx informazzjoni sfavorevoli li tista’ tqajjem dubju dwar il-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tal-persuna kkonċernata, l-Awtorità ta’ Ħatra, jew l-ASTK fir-rigward ta’ impjegati oħra, tas-Segretarjat Ġenerali, tista’ tagħti approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata u tawtorizzah jaċċedi għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni sal-livell rilevanti sa data speċifikata.

59      Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni imsemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra, jew l-ASTK fir-rigward ta’ impjegati oħra, tas-Segretarjat Ġenerali ma hijiex marbuta bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, anki jekk ikunu konklużjonijiet ta’ korp tal-appell, u li, anki fejn ir-riżultat huwa favorevoli għall-persuna kkonċernata, hija ma hijiex obbligata tagħtih approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni u tirriżerva l-fakultà li tirrifjutaha.

60      Peress li l-għan tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà, li huwa, kif iddefinit fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2011/292, li jiġi ddeterminat jekk individwu, fid-dawl tal-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, jistax ikun awtorizzat aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, l-ASTK tista’, fil-każ ta’ informazzjoni sfavorevoli dwar ir-rikorrent li tirriżulta mill-investigazzjoni mwettqa mill-ANS u kkomunikata lill-Kunsill permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2011, ikollha dubji b’mod partikolari dwar l-assenza ta’ riskju ta’ vulnerabbiltà tar-rikorrent u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħatalu l-approvazzjoni ta’ sigurtà li għandu bżonn.

61      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, fis-Segretarjat Ġenerali, ir-rikorrent kien jokkupa impjieg li għalih hija meħtieġa approvazzjoni ta’ sigurtà. Wara li ġie eżaminat, skont l-Artikolu 5(3) tad-DĠI, jekk huwiex possibbli li r-rikorrent jiġi ttrasferit f’impjieg ieħor li għalih mhux meħtieġa approvazzjoni ta’ sigurtà u ġie deċiż, l-ewwel permezz tan-nota tal-11 ta’ Jannar 2012, li l-kontenut tagħha jinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li tali trasferiment huwa impossibbli, l-ASTK setgħet, mingħajr ma tikser l-Artikolu 5(2)(b) tad-DĠI, tiddeċiedi li tirrexxindi l-kuntratt tar-rikorrent, fi tmiem it-terminu ta’ preavviż ta’ erba’ xhur, b’konformità mal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

62      Din il-konstatazzjoni ma hijiex affettwata mill-argument tar-rikorrent li l-korp tal-appell ordna lill-ANS tagħti lir-rikorrent l-approvazzjoni ta’ sigurtà sal-livell “secret”, ċirkustanza li tista’ tneħħi l-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tiegħu.

63      Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-punt 20 tat-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292 jirriżulta li l-investigazzjoni ta’ sigurtà u r-riżultati tagħha josservaw il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, inklużi dawk li jikkonċernaw appelli. Fid-dritt Belġjan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell jipprovdi li dan tal-aħħar jista’, jekk huwa jqis, wara li jisma’ lir-rikorrent jew lill-avukat tiegħu, li l-motivi invokati insostenn tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-approvazzjoni ta’ sigurtà ma humiex fondati u adegwati, jirrikjedi li l-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà tagħti ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà.

64      F’dan il-każ, l-għoti tal-approvazzjoni ta’ sigurtà sal-livell “secret” lir-rikorrent mill-ANS wara d-deċiżjoni tal-korp tal-appell kien deċiż b’applikazzjoni tal-Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà u hija valida għall-aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, fir-rigward tal-persunal tal-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni 2011/292.

65      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 56 u 59 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni kklassifikati tal-Unjoni għall-persunal tas-Segretarjat Ġenerali, hija biss l-Awtorità tal-Ħatra, jew l-ASTK fir-rigward ta’ impjegati oħra, li fit-tmiem ta’ investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-għoti jew ir-rifjut ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni, mingħajr ma tkun marbuta bil-konklużjonijiet tal-imsemmija investigazzjoni, f’dan il-każ bil-konklużjonijiet tal-korp tal-appell.

66      Konsegwentement hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

–       Argumenti tar-rikorrent dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv

67      Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill jipprova jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-ANS u għal dik tal-korp tal-appell billi juża l-kunċett tar-“rabta ta’ fiduċja”. Billi għamel dan, huwa kkommetta eċċess ta’ poter. Fil-fatt, il-korp tal-appell irrikonoxxa l-iżbalji mwettqa mill-ANS fis-sens li r-rikorrent ma kienx debitur ta’ xi dejn u li, bil-preżentazzjoni tal-fedina penali tiegħu, dan tal-aħħar wera li l-konklużjonijiet tal-ANS kienu ineżatti. Il-Kunsill kellu josserva d-deċiżjoni li permezz tagħha r-rikorrent ingħata l-approvazzjoni ta’ sigurtà.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

68      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà tfittex li tiddetermina jekk individwu, fid-dawl tal-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, jistax ikun awtorizzat li jaċċedi għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni; u min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ kriterji ta’ investigazzjoni, li jinsabu fil-punt 8 tat-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292, ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, mal-kriterji elenkati fl-imsemmi punt 8(a) sa (k), jiżdiedu skont il-punti 9 u 10 rispettivament, il-passat finanzjarju u mediku tal-persuna kkonċernata u l-personalità, il-kondotta u s-sitwazzjoni maritali, tal-koabitant jew ta’ membru mill-qrib tal-familja, li jistgħu wkoll ikunu kriterji li jiġu kkunsidrati.

69      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kellu biss il-konklużjonijiet tal-ANS u li, fid-dawl ta’ informazzjoni sfavorevoli dwar ir-rikorrent li rriżultat mill-investigazzjoni ta’ sigurtà, l-assenza ta’ riskju ta’ vulnerabbiltà ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari, ma ġietx stabbilita. Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, l-ASTK setgħet, f’Jannar 2012, tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni u tiddeċiedi li tirrexxindi l-kuntratt tiegħu.

70      Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell tat-8 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill, fil-kuntest tal-ilment tar-rikorrent, eżamina mill-ġdid il-possibbiltà li tingħatalu l-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni u, għal dan il-għan, organizza b’mod partikolari l-laqgħa tal-24 ta’ Mejju 2012, fil-preżenza tar-rikorrent assistit mill-avukat tiegħu, u talab lil dan tal-aħħar kopja tad-dokumenti ppreżentati quddiem il-korp tal-appell, dokumenti li l-ewwel huwa aċċetta li jippreżenta u mbagħad irrifjuta li jikkomunikahom minħabba l-fatt li huma kunfidenzjali u jirrigwardaw il-ħajja privata tal-klijent tiegħu.

71      Issa, għalkemm huwa minnu li l-korp tal-appell biddel id-deċiżjoni tal-ANS b’mod favorevoli għar-rikorrent, xorta jibqa’ l-fatt li l-konstatazzjoni finali li wasal għaliha l-korp fuq imsemmi, jiġifieri li “l-persuna kkonċernata hija magħrufa għall-fatti antiki mill-pulizija, li qatt ma kienet ipproċessata għal dawn il-fatti, u li ma jeżistux djun sinjifikattivi li jistgħu jikkostitwixxu, għall-persuna kkonċernata, riskju ta’ kompromess”, għandha titpoġġa f’bilanċ ma’ konstatazzjonijiet oħra inqas pożittivi li jirriżultaw mill-istess deċiżjoni li jipprovdu li “[ir-rikorrent] ma ċaħadx li għandu xi djun” jew “[f]il-fajl li jirrigwarda l-fatti l-iktar gravi […] il-[p]ulizija federali stess ikkonkludiet fis-sommarju li l-fatti ddenunċjati fir-rigward [tar-rikorrent] ma ġewx stabbiliti u li huwa kellu biss rwol periferali”.

72      Matul is-seduta, irriżulta li l-konklużjoni li r-rikorrent kellu “rwol periferali” fir-rigward tal-fatti l-iktar gravi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-ANS kienet interpretata mill-Kunsill fis-sens li r-rikorrent kien assoċjat ma’ dawn il-fatti l-iktar gravi, anki jekk b’mod marġinali, jiġifieri li huwa kien jiffrekwenta persuni suspettużi, ċirkustanzi li waħedhom jiġġustifikaw, fid-dawl tad-dmir ta’ prekawzjoni li għandu l-Kunsill, ir-rifjut li jingħata approvazzjoni ta’ sigurtà. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent iddikjara li l-imsemmija konklużjoni tindika li huwa kien sempliċement msejjaħ bħala xhud mill-pulizija federali fi proċess mibdi fir-rigward ta’ terzi persuni u li mill-proċess verbali ta’ dawn is-seduti ma jirriżulta xejn li huwa b’xi mod kkontribwixxa għall-fatti li taw lok għall-proċeduri.

73      Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent, li ma tirriżultax mill-fajl, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn naħa, talab lill-Kunsill jekk huwiex dispost li jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-proċess verbali tas-seduti ċċitata iktar ’il fuq, ippreżentati quddiem il-korp tal-appell, li r-rikorrent għandu jibgħat lill-Kunsill, peress li dan tal-aħħar ma għandux aċċess ieħor għalihom. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lir-rikorrent jekk fil-preżent huwiex lest li jipprovdi dawn il-proċess verbali lill-Kunsill, dak li huwa rrifjuta li jagħmel f’Mejju 2012. Il-Kunsill irrisponda fl-affermattiv, filwaqt li r-rikorrent reġa’ rrifjuta u indika li ma kienx għadu interessat fil-possibbiltà li jerġa’ jingħata l-pożizzjoni antika tiegħu fil-Kunsill, peress li r-rikors tiegħu huwa intiż biss li jikseb kumpens għad-dannu materjali u morali tiegħu.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-dokumenti li hija kellha u tal-attitudni tar-rikorrent, l-ebda persuna ma setgħet tipprovdi lill-Kunsill id-dokumenti ppreżentati quddiem il-korp tal-appell, u l-ASTK tas-Segretarjat Ġenerali aġixxiet fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha u ma ssostitwixxitx ruħha għall-korp tal-appell billi rrifjutat li tibdel id-deċiżjoni kkontestata permezz tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

75      Minn dan jirriżulta illi t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju

–       L-argumenti tal-partijiet

76      Ir-rikorrent jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata u ma tirreferi għal ebda dokument li jippermetti li tinftiehem ir-raġuni tat-tkeċċija tiegħu. B’hekk, il-Kunsill ma osservax l-obbligu li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu li huwa impost fuqu mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

77      Il-Kunsill jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

78      Għal dak li jirrigwarda l-obbligu li jimmotiva d-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta li jinkludi, b’mod partikolari, “l-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha” (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax ikun hemm deroga għalih ħlief minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi (sentenza Tzirani vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni għandha skont l-Artikolu 296 TFUE turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att (sentenza Tzirani vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      L-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkostitwixxi preġudizzju kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk eventwalment huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il‑Kunsill, T‑562/10, punt 32).

82      Għandu jiġi ppreċiżat li ebda raġuni imperattiva ma tippermetti li jiġu esklużi l-membri tal-persunal bil-kuntratt minn protezzjoni kontra t-tkeċċija mhux iġġustifikata, b’mod partikolari meta huma marbuta b’kuntratt għal perijodu indeterminat jew meta, ikunu marbuta b’kuntratt għal terminu determinat u jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tiegħu. Madankollu, sabiex tkun żgurata protezzjoni suffiċjenti f’dan is-sens, huwa importanti li jkun possibbli, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jiżguraw li l-interessi leġittimi tagħhom ikunu ġew osservati jew miksura kif ukoll li jevalwaw l-opportunità li jersqu quddiem il-qorti u min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha, li jwassal għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni fuq l-awtorità kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-24 ta’ April 2008, Longinidis vs Cedefop, F‑74/06, punt 49).

83      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l‑portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet. Sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni huwa importanti li din titpoġġa fil-kuntest li fih ġie adottat l-att ikkontestat (sentenza Longinidis vs Cedefop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fil-preżenza ta’ miżura ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal irreklutat taħt kuntratt għal perijodu indeterminat, huwa partikolarment importanti li l-motivi li huma l-bażi ta’ tali miżura jkunu, bħala regola ġenerali, imsemmija b’mod ċar bil-miktub, preferibbilment fit-test innifsu tad-deċiżjoni kkonċernata. Fil-fatt huwa biss dan l-att, li l-legalità tiegħu hija evalwata fid-data li fiha jkun sar, li jikkonkretizza d-deċiżjoni tal-istituzzjoni. Madankollu, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet tat-tkeċċija jista’ jkun ikkunsidrat ukoll bħala ssodisfatt jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet debitament informata, waqt laqgħat mas-superjuri tagħha, dwar dawn ir-raġunijiet u jekk id-deċiżjoni tal-ASTK seħħet ftit wara li saru dawn il-laqgħat. L-ASTK tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, tkompli din il-motivazzjoni fl-istadju tar-risposta għall-ilment magħmul mill-persuna kkonċernata (sentenza Longinidis vs Cedefop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

85      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-DĠI, dispożizzjonijiet li jipprovdu l-possibbiltà li l-ASTK tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal f’każ li l-approvazzjoni ta’ sigurtà ma tingħatalux wara investigazzjoni; fit-tieni lok, li r-rikorrent kien jaf bir-riżultat sfavorevoli tal-investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-ANS dwaru, għax fit-8 ta’ Diċembru 2011 huwa kkontesta l-konklużjonijiet quddiem il-korp tal-appell; u fit-tielet lok, minn naħa, li fil-5 ta’ Diċembru 2011 ir-rikorrent kellu laqgħat l-ewwel mal-uffiċjal ta’ sigurtà tal-Kunsill fil-preżenza tal-kap tal-unità tiegħu, li informah li huwa kien ser jiġi assenjat f’pożizzjoni li teħtieġ approvazzjoni ta’ sigurtà inferjuri u min-naħa l-oħra, li fis-16 ta’ Jannar 2012 huwa kellu laqgħa mal-kap tal-unità tad-“Drittijiet individwali”, li matulha dan tal-aħħar informah dwar id-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt tiegħu. Ir-rikorrent ma setax għalhekk ma jifhimx ir-raġunijiet li wasslu lill-ASTK tas-Segretarjat Ġenerali tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

86      Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-kontenut tal-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012 li r-rikorrent indirizza lill-Kunsill, li fiha huwa joġġezzjona li l-istituzzjoni ma stennitx it-tmiem tal-proċedura quddiem il-korp tal-appell qabel ma pproċediet bir-rexissjoni tal-kuntratt. Il-Kunsill irrisponda għal din l-ittra permezz tal-ittra tas-26 ta’ Jannar 2012, li fiha huwa rrifjuta l-argumenti tar-rikorrent.

87      Fl-aħħar nett, ir-risposta għall-ilment, li fiha d-deċiżjoni kkontestata kienet eżaminata mill-ġdid mhux biss fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-ANS, iżda wkoll fid-dawl tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell, ippermettiet lir-rikorrent li jevalwa l-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni u l-opportunità li jippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv huma infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kontradittorju u tad-dritt ta’ smigħ minn qabel

–       L-argumenti tal-partijiet

89      Ir-rikorrent isostni li d-dritt ta’ smigħ tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta kien miksur, għax huwa ma nstemax qabel it-12 ta’ Jannar 2012, id-data tad-deċiżjoni kkontestata.

90      Il-Kunsill jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrent instema’ diversi drabi mis-superjuri tiegħu qabel ma ġiet innotifikata lilu d-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt tiegħu. Il-Kunsill jirreferi għal-laqgħat tar-rikorrent tal-5 ta’ Diċembru 2011 mal-uffiċjal ta’ sigurtà tal-Kunsill u mal-kap tal-unità tiegħu kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2012 mal-kap tal-unità tad-“Drittijiet individwali”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

91      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża hija, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jirriżultaw f’att li jikkawża preġudizzju lil dik il-persuna, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jkun iggarantit anki fl-assenza ta’ kwalunkwe regoli li jirregolaw il-proċeduri inkwistjoni. Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jimponi li l-persuna kkonċernata titpoġġa f’pożizzjoni li twassal b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ elementi li jistgħu jitressqu kontriha fl-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza, tat-8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il‑Kummissjoni, T‑277/03, punt 64).

92      F’dan il-każ, il-Kunsill, ma pprovax, permezz, pereżempju, ta’ ittra ta’ konvokazzjoni tas-superjuri tar-rikorrent, li dan tal-aħħar instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

93      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent daħħal fil-fajl l-ittra tal-ANS tas-17 ta’ Novembru 2011 indirizzata lill-uffiċjal ta’ sigurtà tal-Kunsill, li tikkostitwixxi indizju li huwa kien informat fil-ħin bid-deċiżjoni tal-ANS u li għalhekk huwa kien f’pożizzjoni li jargumenta b’mod utli l-perspettiva tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

94      Fil-fatt, minn naħa, f’din l-ittra, id-destinatarju huwa mitlub jinforma lill-persuna kkonċernata, l-ewwel nett, bid-deċiżjoni tal-ANS, it-tieni nett, bil-possibbiltà li din tal-aħħar tippreżenta rikors sabiex tikkontestaha u, it-tielet nett, li jibgħat lill-ANS kopja tal-ittra ffirmata u datata. Issa, mhux ikkontestat li din il-komunikazzjoni seħħet għax il-Kunsill daħħal fil-fajl, b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kopja tal-ittra ċċitata iktar ’il fuq, iffirmata mir-rikorrent fil-5 ta’ Diċembru 2011, bil-kliem miktuba bl-idejn “sabiex jieħu konoxxenza” u li r-rikorrent ippreżenta fit-8 ta’ Diċembru 2011 ir-rikors tiegħu quddiem il-korp tal-appell.

95      Min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tal-punt 19(b) tat-Titolu III tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/292, ir-rikorrent seta’ talab li jinstema’ mill-ASTK. Il-Kunsill jiddikjara fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li din l-informazzjoni ngħatat lilu mill-uffiċjali ta’ sigurtà meta, fil-5 ta’ Diċembru 2011, ikkomunikalu l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-ANS, kif ġie kkonfermat mill-imsemmi uffiċjal stess waqt is-seduta, meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fir-risposta bil-miktub tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrent iddikjara li ma kellux ħin jieħu dan l-approċċ qabel ma ġie tterminat il-kuntratt tiegħu, u fis-seduta, huwa indika li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-ANS, huwa xtaq li jikkonċentra fuq l-appell quddiem il-korp tal-appell, billi ħaseb li, jekk id-deċiżjoni tal-ANS tinbidel, il-Kunsill kien ser ikun obbligat ibiddel id-deċiżjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt tiegħu.

96      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mill-ASTK fid-dawl tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell, jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent kinux osservati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

97      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, kienet ġiet organizzata laqgħa mill-Kunsill fil-preżenza tar-rikorrent, assistit mill-avukat tiegħu, sabiex jiġi eżaminat l-ilment u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ dan u, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent seta’ jipprovdi lill-Kunsill il-proċessi verbali tad-diversi proċessi ġudizzjarji ċċitati fid-deċiżjoni tal-ANS kif ukoll il-proċess verbali sommarju tal-pulizija federali li huwa kien ippreżenta quddiem il-korp tal-appell, li setgħu juru li, kif iddikjara fis-seduta, li huwa nstema’ biss bħala xhud u għalhekk ma kienx implikat personalment fil-fatti l-iktar gravi imsemmija fil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mwettqa mill-ANS. Madankollu, mhux ikkontestat li r-rikorrent wara li l-ewwel kien aċċetta li jikkomunika dawn id-dokumenti lill-Kunsill, sussegwentement, irrifjuta li jagħmel dan.

98      Tali aġir tar-rikorrent waqt l-eżami, mill-Kunsill, tal-ilment tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2012, li permezz tiegħu huwa talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-riformulazzjoni mill-korp tal-appell, fit-8 ta’ Marzu 2012, tad-deċiżjoni tal-ANS, jidher inkompatibbli mal-osservanza tad-dmir fundamentali ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjoni li timpjegah, dmir impost fuq l-uffiċjali kollha bis-saħħa tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Dan id-dmir ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni mhux impost biss fit-twettiq tal-funzjonijiet speċifiċi fdati lill-membru tal-persunal, iżda huwa intiż ukoll għall-isfera ta’ relazzjonijiet eżistenti bejn dan tal-aħħar u l-istituzzjoni li jaqa’ fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza, tas-26 ta’ Novembru 1991, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑146/89, punt 72).

99      Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, anki jekk il-Kunsill ma organizzax laqgħa bejn l-ASTK u r-rikorrent intiża esklużivament sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar rigward ir-rexissjoni tal-kuntratt tiegħu u qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni u l-komunikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll il-proċedura segwita mill-Kunsill sabiex tirrispondi għall-ilment, li waqt l-eżami tiegħu d-deċiżjoni kkontestata ġiet evalwata mill-ġdid mill-ASTK fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, poġġew lir-rikorrent f’pożizzjoni li jressaq b’mod utli l-perspettiva tiegħu dwar l-elementi li dwarhom kien qed jinżamm responsabbli.

100    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

101    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent sostna li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi keċċih mingħajr ma kkunsidra l-eventwalità ta’ riformulazzjoni tad-deċiżjoni tal-ANS. Il-Kunsill kellu jippreżerva s-sitwazzjoni tar-rikorrent sat-tmiem tal-appell quddiem il-korp tal-appell. Barra minn hekk, il-Kunsill wettaq żball manifest gravi ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li t-tkeċċija kienet obbligatorja filwaqt li, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-DĠI din kienet biss possibbiltà li huwa għandu.

102    Il-Kunsill jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

103    Mill-Artikolu 47(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 119 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jirriżulta li r-rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti, sakemm jingħata l-preavviż previst minn dan il-kuntratt u skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jistħarreġ il-fondatezza ta’ tali evalwazzjoni biss jekk tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Lulju 1997, B vs Il‑Parlament, T‑123/95, punt 70).

104    Fil-kuntest tal-motivi mressqa mir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jivverifika jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest meta evalwa l-elementi li kellu bżonn sabiex jieħu d-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-kuntest, bħal dak ta’ din il-kawża, ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-amministrazzjoni, li jiġi stabbilit li din wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni tippreżumi li l-provi, li għandhom jitressqu mir-rikorrent, huma suffiċjenti biex ineħħu l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-19 ta’ Frar, BB vs Il‑Kummissjoni, F‑17/11, punt 60).

105    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, fejn l-ASTK għandu marġni ta’ diskrezzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ppreċiża li żball huwa manifest meta jkun faċilment perċipibbli jew jista’ jidher b’mod evidenti (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il‑Kunsill, F‑104/09, punt 35). Huwa fid-dawl ta’ din id-definizzjoni li għandha tkun eżaminata jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata bi żball manifest.

106    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, fl-ewwel lok, li fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mwettqa mill-ANS, ir-rikorrent ma setax jibqa’ jokkupa l-pożizzjoni tiegħu. Fit-tieni lok, jirriżulta min-nota tal-11 ta’ Jannar 2012, li l-kontenut tagħha jinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li kien impossibbli li r-rikorrent jiġi ttrasferit għal impjieg ieħor. Fit-tielet lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(7) tal-Liġi dwar il-ħolqien ta’ korp tal-appell jirriżulta li l-proċedura quddiem il-korp tal-appell ma għandhiex effett sospensiv. Fir-raba’ lok, sa fejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ma huwiex marbut bid-deċiżjoni tal-korp tal-appell, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà u ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċieda li jeżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jistenna t-tmiem tal-proċedura tal-appell.

107    Hemm lok li jiżdied li d-dikjarazzjoni tar-rikorrent li l-Kunsill wettaq żball manifest gravi ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li t-tkeċċija kienet obbligatorja, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-DĠI, hija bbażata fuq qari ħażin ta’ partijiet mill-fajl. Fil-fatt, minn naħa, qabel ma ddeċidiet li tirrexxindi l-kuntratt tar-rikorrent, l-ASTK eżaminat jekk huwa jistax jiġi ttrasferit għal impjieg ieħor li għalih ma kinitx meħtieġa approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-korp tal-appell, l-ASTK sejħet lir-rikorrent għal laqgħa f’Mejju 2012, li fiha huwa kien assistit mill-avukat tiegħu, u tagħtu l-opportunità li jistabbilixxi li l-informazzjoni sfavorevoli kontra tiegħu li ħarġet matul l-investigazzjoni mwettqa mill-ANS ma kellha ebda bażi.

108    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tat-tkeċċija u tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tal-ASTK li teżamina l-eventwali assenjazzjoni mill-ġdid jew iż-żamma tal-funzjonijiet inizjali

–       L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrent sostna li l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu jirreferi għal profil tajjeb ħafna, għax huwa kien wieħed mill-aħjar staff klerikali involuti fil-laqgħat, it-tlettax-il kriterju ta’ evalwazzjoni kienu kollha mmarkati “tajjeb” jew “tajjeb ħafna”, l-istess bħat-tagħrif lingwistiku tiegħu.

110    Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell, li ordna lill-ANS tagħti lir-rikorrent l-approvazzjoni ta’ sigurtà, il-Kunsill kellu jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata għax ir-rikorrent ippreżenta l-garanziji kollha sabiex iżomm il-pożizzjoni tiegħu, jew tal-inqas sabiex jiġi assenjat mill-ġdid fil-funzjonijiet antiki tiegħu ta’ messaġġier, peress li din il-pożizzjoni ma teħtieġx approvazzjoni u lanqas timponi li tiġi segwita proċedura ta’ sigurtà.

111    Il-Kunsill jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizzi Pubbliku

112    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimplikaw b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; u b’hekk hija għandha tikkunsidra mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal kkonċernat. Fid-dawl preċiżament tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu madankollu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kompetenti baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod żbaljat (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il‑Kummissjoni, F‑63/11, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑368/12 P).

113    Fir-rigward li jiġi deċiż jekk hemmx lok li r-rikorrent jitkeċċa, l-ASTK kellha teżamina mhux biss l-interess evidenti tar-rikorrent li jkompli r-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu mal-istituzzjoni, iżda wkoll l-interess tas-servizz, iddefinit mill-ħtieġa tal-Kunsill, li huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, li jiżgura l-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tal-persunal li huwa jimpjega.

114    Fir-rigward tal-ħtieġa li l-interessi f’din il-kawża jiġu bbilanċjati, jirriżulta min-nota tal-11 ta’ Jannar 2012, li l-kontenut tagħha jinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-DĠI, is-Segretarjat Ġenerali eżamina tajjeb il-possibbiltà li r-rikorrent jiġi ttrasferit għal impjieg ieħor. Madankollu, ir-rikorrent ma kienx ittrasferit minħabba l-profil tiegħu, il-proċedura ta’ selezzjoni li biha huwa ġie rreklutat, l-informazzjoni sfavorevoli li tikkonċernah li rriżultat mill-investigazzjoni ta’ sigurtà tal-ANS u l-obbligu tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li jieħu prekawzjonijiet partikolari fil-qasam tas-sigurtà.

115    F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tan-nota tal-11 ta’ Jannar 2012 li jagħmel ir-rikorrent, li fid-dawl tal-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, il-profil tiegħu kien adegwat sabiex jinżamm fil-funzjonijiet ta’ staff klerikali involut fil-laqgħat jew, tal-inqas fil-funzjonijiet antiki tiegħu ta’ messaġġier, ma tistax tkun aċċettata.

116    Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jinżamm fl-impjieg tiegħu jew li jiġi assenjat mill-ġdid fil-funzjonijiet antiki tiegħu, jirriżulta mill-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2011/292, flimkien mal-Komunikazzjoni lill-Persunal Nru 58/09, li l-kontenut tagħha għall-finijiet tal-kawża jinsab fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li minħabba l-attribuzzjonijiet tagħhom, l-istaff klerikali kollu involut fil-laqgħat tas-Segretarjat Ġenerali jista’ jkollhom bżonn jaċċedu għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni sal-livell “[confidential UE]” jew “[secret UE]” u għandhom, konsegwentement, ikunu suġġetti għal approvazzjoni ta’ sigurtà. Peress li ma kellux approvazzjoni ta’ sigurtà, ir-rikorrent ma setax jeżerċita l-funzjonijiet li għalihom huwa ġie rreklutat fl-2007, li kienu tal-istess natura bħal dawk li huwa kien jeżerċita qabel ir-rexissjoni tal-kuntratt tiegħu, għas-sodisfazzjoni tas-superjuri tiegħu, kif jirriżulta mill-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

117    Għal dik li hija l-possibbiltà li r-rikorrent jiġi ttrasferit għal impjieg ieħor, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK kellha tikkunsidra r-rekwiżiti tal-impjieg eventwali fir-rigward tal-kwalifiki u l-potenzjal tar-rikorrent. Peress li kien ġie rreklutat wara proċedura ta’ selezzjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għall-pożizzjoni ta’ messaġġier sabiex iwettaq funzjonijiet manwali u/jew ta’ appoġġ amministrattiv, li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet I, ir-rikorrent seta’ jiġi ttrasferit biss għal impjieg li għandu l-istess karatteristiċi, li skont l-Artikolu 8 tad-DĠI kellu jkun wieħed mill-impjiegi mhux previst fil-lista ta’ pożizzjonijiet. Issa, mill-Komunikazzjoni lill-Persunal Nru 58/09 jirriżulta li, sabiex jiġu eżerċitati l-funzjonijiet ta’ impjiegi li għandhom l-istess karatteristiċi, il-persunal għandu jkun suġġett ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà sal-livell tal-inqas ugwali għal “[confidential UE]”.

118    L-argument tar-rikorrent li, minkejja l-fatt li ma għandux l-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni, huwa seta’, bħal kollegi oħrajn, jokkupa pożizzjoni ta’ messaġġier ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt, huwa minnu li, waqt is-seduta, il-Kunsill indika li fost il-120 persuna assenjati mad-dipartiment ta’ messaġġieri, li 88 minnhom għandhom impjieg ta’ staff klerikali involut fil-laqgħat, 3 ma għandhomx approvazzjoni ta’ sigurtà, xorta jibqa’ l-fatt li, wara l-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta mill-kap tal-unità tar-rikorrent, dawn it-tliet persuni, li jibbenefikaw mid-deroga mogħtija mis-Segretarjat Ġenerali, xorta taw prova ta’ integrità, jinsabu qrib l-età tal-irtirar, huma assenjati għal setturi mhux sensittivi u huma esklużi mill-mobbiltà. Il-Kunsill żied li, fi kwalunkwe każ, fid-dipartiment inkwistjoni, ma hemm ebda membru tal-persunal bil-kuntratt li ma għandux approvazzjoni ta’ sigurtà.

119    Għal dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet li waslu lill-ASTK tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatti li mmotivaw id-deċiżjoni tal-ANS jistgħu b’mod leġittimu, fir-rigward tad-dmir ta’ prekawzjoni li għandu l-Kunsill, jiġġustifikaw il-preokkupazzjoni tal-ASTK dwar l-eventwalità ta’ riskju ta’ vulnerabbiltà minn naħa tar-rikorrent.

120    L-interpretazzjoni magħmula mir-rikorrent li l-informazzjoni sfavorevoli li tikkonċernah, li rriżultat fit-tmiem tal-investigazzjoni mwettqa mill-ANS, kienet invalidata mill-korp tal-appell ma għandhiex tiġi milqugħa.

121    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li ladarba l-Kunsill ma setax ikollu kopja tal-proċessi verbali tas-seduti ppreżentati quddiem il-korp tal-appell, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell tat-8 ta’ Marzu 2012 ma setgħetx tneħħi l-inċertezzi li l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni tal-ANS qajmet fil-Kunsill dwar il-possibbiltà ta’ vulnerabbiltà tar-rikorrent.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk il-korp tal-appell ordna lill-ANS jagħti lir-rikorrent l-approvazzjoni ta’ sigurtà sal-livell “secret”, l-ASTK setgħet, mingħajr ma tikser l-obbligi tagħha fil-konfront tar-rikorrent, tiddeċiedi, minn naħa, li dan ma setax ikun awtorizzat li jkollu aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, peress li ma kienx hemm impjieg li għalih seta’ jiġi ttrasferit, li tirrexxindi l-kuntratt tiegħu u fl-aħħar nett, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-korp tal-appell, li tiċħad l-ilment ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata.

123    Hemm lok għalhekk li jiġi miċħud ukoll il-ħames motiv u, konsegwentement, l-ewwel kap ta’ talbiet kollu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

 Fuq it-tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet, intiżi għall-kumpens tad-dannu materjali u morali

 L-argumenti tal-partijiet

124    Ir-rikorrent iqis li d-dannu materjali li kkawżatlu d-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kkumpensat bi ħlas minn naħa tal-Kunsill tas-somma ta’ EUR 160 181.85, bl-interessi, mingħajr preġudizzju għal żieda jew tnaqqis matul il-proċedura.

125    Għal dak li jirrigwarda d-danni morali, huwa jikkunsidra li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss mhux biżżejjed bħala kumpens u jitlob li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallas is-somma ta’ EUR 25 000 stabbilita ex aequo et bono, mingħajr preġudizzju għal żieda jew tnaqqis matul il-proċedura.

126    Il-Kunsill jitlob li dawn it-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

127    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-dannu li jallega r-rikorrent joriġina mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni suġġetta għal talba għall-annullament, ir-rifjut ta’ din it-talba għall-annullament iwassal, bħala prinċipju, għar-rifjut tat-talba għad-danni, peress li dawn huma marbuta mill-qrib (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta’ Settembru 2011, Heath vs BĊE, F‑121/10, punt 129).

128    Min-naħa l-oħra, meta d-dannu ma joriġinax mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew fejn it-talba għall-annullament ma tiġix miċħuda, sabiex l-amministrazzjoni tinstab responsabbli jeħtieġ li r-rikorrent juri l-eżistenza ta’ irregolarità, ta’ dannu reali u ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat. Peress li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għal kumpens (sentenza BB vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-danni materjali u morali li jippretendi r-rikorrent għandhom l-oriġini tagħhom fl-aġir deċiżjonali tal-Kunsill, li rrexxinda l-kuntratt għal żmien indeterminat tiegħu. Madankollu, ladarba t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ġiet miċħuda u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkonstatax irregolarità fl-aġir deċiżjonali tal-ASTK, it-talba għad-danni tar-rikorrent għandha tiġi miċħuda.

130    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

131    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu (2) tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

132    Mir-raġunijiet ddikjarati f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent tilef ir-rikors tiegħu. Barra minn hekk, il-Kunsill, fit-talbiet tiegħu, espressament talab li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      B. Arguelles Arias għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Rofes i Pujol

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Novembru 2013.

W. Hakenberg

 

      M. I. Rofes i Pujol

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.