Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fis-27 ta’ Mejju 2021 – Quadrant Amroq Beverages SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

(Kawża C-332/21)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Quadrant Amroq Beverages SRL

Konvenut: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa dawk il-prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku biss li huma użati għall-produzzjoni ta’ ħwawar li huma min-naħa tagħhom użati fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % fil-volum, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jibbenefikaw mill-imsemmija eżenzjoni anki l-prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku li diġà ntużaw għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar li kienu jew li ser jintużaw għall-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % fil-volum?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-kuntest tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ladarba prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku maħsuba għall-bejgħ fi Stat Membru ieħor diġà tqiegħdu għall-konsum fl-ewwel Stat Membru, peress li huma kkunsidrati eżenti mid-dazji tas-sisa, minħabba li jintużaw għall-manifattura ta’ ħwawar użati fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il-1.2 % fil-volum, l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jittrattahom bl-istess mod fit-territorju tiegħu?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) u (2)(d) tad-Direttiva 92/83 u l-[prinċipji] ta’ effettività u ta’ [proporzjonalità] għandhom jiġu interpretati bħala li jippermettu lil Stat Membru jimponi kundizzjonijiet proċedurali, li jagħmlu l-applikazzjoni għall-eżenzjoni suġġetta għall-pussess tal-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat mill-utent u tal-kwalità ta’ magazzinier awtorizzat tal-bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, anki jekk l-Istat Membru li minnu jinxtraw dawn il-prodotti ma jeħtieġx li l-operatur ekonomiku li jqiegħdhom fis-suq ikollu l-istatus ta’ maħżen tat-taxxa?

Il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-kuntest tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tad-Direttiva, jipprekludu ċ-ċaħda tal-eżenzjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet sakemm il-persuna taxxabbli mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni li rċieva prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku u li bbaża ruħu fuq il-fatt li dawn il-prodotti ġew ikkunsidrati eżenti abbażi tal-interpretazzjoni uffiċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ oriġini, li kienet kostanti fuq perijodu twil ta’ żmien, trasposta f’liġi nazzjonali u applikata fil-prattika, iżda li sussegwentement irriżultat żbaljata, meta l-eżistenza ta’ frodi jew l-evitar tad-dazji tas-sisa hija eskluża wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206.