Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Jannar 2009 - CNOP u CCG vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-23/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Conseil National de l'Ordre des Pharmaciens (CNOP) (Pariġi, Franza), Conseil Central de la Section G de l'Ordre National des Pharmaciens (CCG) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: Y.-R. Guillou, H. Speyart u T. Verstraeten, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6494, tad-29 ta' Ottubru 2008, li permezz tagħha, il-Kummissjoni ordnat, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/20031, lir-rikorrenti sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fi u/jew l-eventwali implementazzjoni ta' akkordji jew prattiċi miftiehma li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u/jew 82 KE.

Dan l-aġir immanifesta ruħu taħt il-forma ta' deċiżjonijiet li għandhom bħala għan li ma jħallux lill-ispiżjara u/jew persuni ġuridiċi jaċċedu għas-suq tas-servizzi ta' analiżi tal-bijoloġija medika, li jillimitaw l-attività tagħhom f'dan is-suq jew li jeskluduhom minnu, b'mod partikolari billi spiżjara u/jew persuni ġuridiċi li jixtiequ jipprovdu s-servizzi ta' analiżi tal-bijoloġija medika ma jiġux inklużi fit-tabella tat-Taqsima G u billi l-inklużjoni tagħhom fit-tabella ma tiġix aġġornata.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi:

ksur tal-prinċipju li d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom ikunu indirizzati lil entitajiet li għandhom personalità ġuridika, peress li l-Ordre National des Pharmaciens hija wkoll destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma għandha tali personalità;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma identifikatx b'mod ċar l-entità li tista' tikkostitwixxi impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u ma indikatx ir-raġunijiet li jiġġustifikaw klassifikazzjoni bħala din;

ksur tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn la r-rikorrenti u lanqas l-Ordre National des Pharmaciens i) m'huma impriżi, peress li huma ma jeżerċitaw l-ebda attività ekonomika, jew ii) ma jistgħu jkunu kklassifikati bħala assoċjazzjonijiet ta' impriżi peress li huma jiġbru flimkien grupp ta' membri li mhux kollha jeżerċitaw attività ekonomika u li ma jissodisawx l-indikazzjonijiet għall-identifikazzjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta' assoċjazzjonijiet professjonali responsabbli minn missjonijiet pubbliċi.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).