Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Zucchetti Rubinetteria vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-396/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Zucchetti Rubinetteria SpA (Gozzano, l-Italja) (rappreżentanti: M. Condinanzi, avukat, P. Ziotti, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.
sussidjarjament, tikkanċella jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta.
b'mod iktar sussidjarju, tnaqqas il-multa billi tilqa' t-talba li tiġi applikata l-attenwanti li tinsab fil-punt 29 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.
Fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni fil-proċedimenti preżenti hija l-istess tal-Kawża T-368/10, rubinetteria Cisal vs Il-Kummissjoni.
Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk imressqa f'din il-kawża. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti kkunsidrati fid-deċiżjoni jappartjenu għal tliet swieq differenti u Zucchetti hija preżenti biss fis-suq tal-viti tal-ilma, u li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tipproċedix b'identifikazzjoni minn qabel tas-suq rilevanti. Id-Deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata mill-aspett tal-analiżi tal-estensjoni ġeografika tas-suq kif ukoll mill-aspett tal-effetti li l-ftehim kien jipproduċi fuq il-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq.
Ir-rikorrenti żżid li r-rikostruzzjoni tal-ftehim u/jew tal-prattiki miftehma li wasslu sabiex il-Kummissjoni tattribwixxi lir-rikorrenti ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE minħabba s-sempliċi aġir kollużiv fl-Italja, hija vvizzjata u nieqsa minn motivazzjoni u tonqos milli turi li r-rikorrenti kienet taf dwar l-imġieba illegali min-naħa tal-impriżi l-oħra li allegatament ipparteċipaw fil-kartell.
____________