Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' April 2009 - Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener and Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill

(Kawża T-170/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener (Shanghai, iċ-Ċina) u Shanghai Prime Machinery (Shanghai, iċ-Ċina) (rappreżentanti: K. Adamantopoulos u Y. Melin, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, safejn:

-    it-terminu ta' tlett xhur sabiex ikunu kkomunikati r-riżultati rigward kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq ma kienx irrispettat, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ);

-    huwa jiċħad mingħajr ġustifikazzjoni t-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi ttrattata bħala kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq bi ksur tal-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku;

-    huwa jiċħad mingħajr ġustifikazzjoni t-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi ttrattata bħala kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq bi ksur tat-tieni parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku;

-    ir-riżultati tiegħu huma bbażati fuq informazzjoni insuffiċjenti bi ksur tal-obbligu li jkunu eżaminati b'attenzjoni u b'imparzjalità l-aspetti kollha rilevanti ta' kull każ individwali kif iggarantit mis-sistema legali Komunitarja fi proċeduri amministrattivi;

-    iqiegħed l-oneru ta' prova fuq il-produtturi esportaturi li jfittxu li jiġu ttrattati bħala kumpannija li topera f'ekonomija tas-suq li huwa inkonsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, b'mod partikolari l-prinċipju ta' amministrazzjoni xierqa;

-    jikser l-Artikoli 1.1, u 1.2, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3.1, l-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8, l-Artikolu 10.1, l-Artikolu 11 u l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi jostakola s-sussidji peress li jiċħad li jittratta kumpannija bħala li topera f'ekonomija tas-suq;

-    jonqos milli jaġġusta differenza li kien muri li taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet, bi ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku;

-    jonqos milli jagħti raġunijiet sabiex ikompli jsostni li jiċħad li jittratta kumpannija bħala li topera f'ekonomija tas-suq bi ksur tal-Artikolu 253 KE;

-    ir-riżultati li wasal għalihom kienu bbażati fuq proċedura bi ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti, li ċaħdithom milli effettivament jikkontestaw riżultati essenzjali għall-kalkolu tad-dazji, u r-riżultat tal-investigazzjoni; u

tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

Rigward l-ewwel talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ġie miksur minħabba li d-deċiżjoni ta' trattament ta' kumpannija bħala li topera f'ekonomija tas-suq ("TES") ġiet ikkomunikata wara t-terminu ta' tlett xhur stabbilit f'dan l-Artikolu, u wara li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni essenzjali kollha sabiex tikkalkula l-marġini ta' dumping tar-rikorrenti.

Rigward it-tieni talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat huwa bi ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) minħabba li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal TES minkejja li r-rikorrenti kienu wrew li jieħdu d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom purament fuq ir-reazzjoni għas-sinjali li joħorġu mis-suq mingħajr ebda intervent mill-Istat. Skont ir-rikorrenti r-regolament ikkontestat naqas milli jidentifika kwalunkwe fatt li seta' jindika interferenza mill-Istat qabel, matul jew wara l-perijodu ta' investigazzjoni. Ir-rikorrenti barra minn hekk isostnu, rigward it-tielet talba tagħhom, li r-regolament ikkontestat huwa bi ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) minħabba li jiċħad it-talba tar-rikorrenti għal TES wara li r-rikorrenti kienu ssodisfaw l-oneru tal-prova tagħhom u wrew li l-ispejjeż ta' inputs maġġuri jirriflettu valuri tas-suq.

Rigward ir-raba' talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatti tal-każ ma ġewx eżaminati b'attenzjoni u imparzjalità. Iktar preċiżament, il-konklużjoni li l-prezzijiet fiċ-Ċina ta' materjali mhux maħduma kienu distorti minħabba sussidji, li intużaw bħala bażi għall-kunsiderazzjoni li r-rikorrenti ma xtrawx input skont il-valur tas-suq, kienet ibbażata fuq informazzjoni insuffiċjenti u li l-Kummissjoni ma evalwatx biżżejjed l-evidenza rigward is-settur tal-azzar fiċ-Ċina.

Rigward il-ħames talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipji ġenerali tal-liġi KE u b'mod partikolari, il-prinċipju ta' amministrazzjoni xierqa, stabbilit ukoll fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minħabba li ġie impost fuqhom oneru ta' prova mhux raġonevoli sabiex juru li jeżistu kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, kif meħtieġ taħt l-Artikolu 2(7)(b).

Rigward is-sitt talba tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat huwa bi ksur tar-regolament bażiku kontra s-sussidji minħabba li uża ċ-ċaħda ta' TES f'investigazzjoni ta' anti-dumping sabiex jikkompensa għal sussidji li setgħu jiġu indirizzati mir-Regolament bażiku kontra s-sussidji wara investigazzjoni xierqa.

Rigward it-tmien talba tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li ma hemm l-ebda bażi legali sabiex ikun miċħud aġġustament tal-valur normali ibbażat fuq l-argument li l-prezz ta' materjali mhux maħduma, kuntrarjament għar-raġunijiet mogħtija mill-istituzzjoni tal-UE sabiex tiċħad it-talba tagħhom għal aġġustament taħt l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

Rigward id-disa' talba, ir-rikorrenti jsostnu li fid-dokument definittiv li kien jipproponi l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi, il-Kummissjoni sempliċement irrepetiet fi kliem ieħor l-istess argument użat fid-dokument TES, mingħajr ma analizzat l-evidenza pprovvduta u mingħajr ma tat raġunijiet għaċ-ċaħda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat ma pprovda l-ebda raġuni sabiex tikkonferma ċ-ċaħda tal-evidenza provvduta mir-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, rigward l-aħħar talba, ir-rikorrenti jsostnu li d-dritttijiet ta' difiża tagħhom ġew miksura, minħabba li huma kienu ostakolati milli jaċċedu għal informazzjoni essenzjali rigward il-kalkolu ta' marġini ta' valur normali u ta' dumping.

____________