Language of document : ECLI:EU:C:2019:573

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Lulju 2019 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Miżuri intiżi sabiex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja – Direttiva 2014/61/UE – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C‑543/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Hottiaux, C. Cattabriga u L. Nicolae kif ukoll minn G. von Rintelen u R. Troosters, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, inizjalment irrappreżentat minn P. Cottin kif ukoll minn C. Pochet, J. Van Holm u L. Cornelis, sussegwentement minn P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vernet, S. Depré u M. Lambert de Rouvroit, avocats, kif ukoll minn A. Van Acker u minn N. Lollo, esperti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn S. Eisenberg, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, BL, u P. McGarry, SC,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn A. Gavela Llopis u A. Rubio González, sussegwentement minn A. Rubio González, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, C. David, A.‑L. Desjonquères u I. Cohen kif ukoll minn B. Fodda u D. Colas, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, inizjalment irrappreżentata minn G. Taluntytė u L. Bendoraitytė kif ukoll minn D. Kriaučiūnas, sussegwentement minn L. Bendoraitytė, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn Z. Wagner, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn G. Hesse u G. Eberhard kif ukoll minn C. Drexel, bħala aġenti,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn C.‑R.Canţăr kif ukoll minn R. I. Haţieganu u L. Liţu, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, C. Toader, F. Biltgen (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tikkonstata li, billi ma adottax, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU 2014, L 155, p. 1) jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li tikkundanna lil dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont inizjali ekwivalenti għal EUR 54 639.36, li finalment ġie mnaqqas għal EUR 6 071.04, pagabbli mill-għoti tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/61:

“1.      Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita u tinċentiva l-introduzzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja billi tippromovi l-użu konġunt ta’ infrastrutturi fiżiċi eżistenti u billi tippermetti installazzjoni aktar effiċjenti ta’ infrastrutturi fiżiċi ġodda sabiex tali netwerks ikunu jistgħu jinfirxu bi spiża aktar baxxa.

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi marbuta ma’ xogħlijiet ċivili u infrastruttura fiżika, bil-għan li tapprossimizza ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma.

3.      L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti b’din id-Direttiva bil-għan li jintlaħaq aħjar l-għan imsemmi fil-paragrafu 1.

[...]”

3        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)] japplikaw.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

7.      ‘infrastruttura fiżika fil-bini’ tfisser infrastruttura fiżika jew installazzjonijiet fiżiċi fil-post tal-utent aħħari, inkluż elementi b’sjieda konġunta, maħsuba biex tilqa’ netwerks ta’ aċċess bil-wajer u/jew mingħajru, meta dawn in-netwerks ta’ aċċess ikunu jifilħu jagħtu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u jqabbdu l-punt ta’ aċċess tal-bini mal-punt ta’ terminazzjoni tan-netwerk;

8.      ‘infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b’veloċità għolja’ tfisser infrastruttura fiżika fil-bini maħsuba biex tilqa’ elementi jew tippermetti t-twettiq ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja;

9.      ‘xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni’ tfisser xogħlijiet ta’ bini jew inġinerija ċivili fil-post fejn jinsab l-utent aħħari li jkunu jinkludu bidliet strutturali tal-infrastruttura fiżika kollha fil-bini jew parti sinifikanti minnha, u li jkunu jeħtieġu permess ta’ bini;

[...]

11.      ‘punt ta’ aċċess’ tfisser punt fiżiku, li jkun jinsab ġewwa jew barra l-bini, aċċessibbli għall-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, li permezz tiegħu tkun tista’ ssir disponibbli infrastruttura diġà installata fil-bini għal broadband b’veloċità għolja.”

4        L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/61 jipprovdi:

“Fuq it-talba speċifika bil-miktub ta’ impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika, l-Istati Membri għandhom jesiġuli l-operaturi tan-netwerk iwieġbu għal talbiet raġonevoli għal stħarriġ fuq il-post ta’ elementi speċifiċi tal-infrastruttura fiżika tagħhom. Tali talba għandha tispeċifika l-elementi tan-netwerk ikkonċernat bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. L-istħarriġ fuq il-post tal-elementi tan-netwerk speċifikat għandhom jingħataw fi żmien xahar mid-data tar-riċevuta tat-talba bil-miktub skont termini proporzjonati, mhux diskriminatorji u trasparenti, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet skont il-paragrafu 1.”

5        Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-binjiet kollha li jkunu għadhom kif inbnew fil-post tal-utent aħħari, inklużi l-elementi tagħhom taħt sjieda konġunta, li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għal permessi ta’ bini wara l-31 ta’ Diċembru 2016, ikunu mgħammra b’infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja, sal-punti ta’ terminazzjoni tan-netwerk. L-istess obbligu japplika meta jsir xogħol kbir ta’ rinnovazzjoni li għalih ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-permess ta’ bini wara l-31 ta’ Diċembru 2016.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-binjiet kollha li jkunu għadhom kif inbnew b’aktar minn abitazzjoni waħda, li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għal permessi ta’ bini wara l-31 ta’ Diċembru 2016, ikunu mgħammra b’punt ta’ aċċess. L-istess obbligu japplika meta jsiru xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni fejn jidħlu binijiet b’aktar minn abitazzjoni waħda, li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għal permess ta’ bini wara l-31 ta’ Diċembru 2016.

3.      Binjiet mgħammra f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom ikunu eliġibbli biex jirċievu t-tikketta volontarja ‘broadband diġà installat’ fl-Istati Membri li għażlu li jintroduċu din it-tikketta.

4.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi previsti fil-paragrafu 1 u 2 għal kategoriji ta’ binijiet, b’mod partikolari djar b’abitazzjoni waħda, jew xogħol kbir ta’ rinnovazzjoni f’każijiet li fihom it-twettiq ta’ dawk l-obbligi jkun sproporzjonat, pereżempju fir-rigward tal-ispejjeż għal sidien individwali jew konġunti jew fir-rigward tat-tip ta’ bini, bħall-kategoriji speċifiċi ta’ monumenti, bini storiku, villeġġjaturi, bini militari jew bini ieħor użat għall-finijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu debitament motivati. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta’ eżenzjonijiet fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata bi kwalunkwe eżenzjoni ta’ dan it-tip.”

6        L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2016. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif isiru tali referenzi għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7        Billi ma rċeviet mir-Renju tal-Belġju ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61 sal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2016, fit-23 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru,ittra ta’ intimazzjoni.

8        Ir-risposta tar-Renju tal-Belġju, tal-11 ta’ Lulju 2016, kienet turi li, sa dik id-data, il-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu għadhom qegħdin jiġu ppreparati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, fit-30 ta’ Settembru 2016, bagħtet opinjoni motivata lill-imsemmi Stat Membru, li stednitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/61 f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha jirċeviha.

9        Wara li l-Kummissjoni tat estensjoni tat-terminu għar-risposta sat-28 ta’ Frar 2017, fuq talba tal-awtoritajiet Belġjani, ir-Renju tal-Belġju wieġeb għall-opinjoni motivata permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Frar u tat-28 ta’ Marzu 2017, li bihom informa lill-Kummissjoni li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 kienet pendenti. Ir-Renju tal-Belġju kien inkluda mal-imsemmija ittri abbozzi ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni kif ukoll il-verżjoni kkonsolidata tad-digriet tat-3 ta’ Lulju 2008 dwar il-bini ta’ toroq fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale.

10      Billi qieset li r-Renju tal-Belġju ma kienx ittraspona b’mod sħiħ id-Direttiva 2014/61 u lanqas ikkomunika l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni relatati, il-Kummissjoni ppreżentat il-kawża odjerna.

11      Permezz tal-ittri tal-10 u tal-25 ta’ Awwissu kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2017, ir-Renju tal-Belġju kkomunika lill-Kummissjoni diversi miżuri leġiżlattivi intiżi li jittrasponu d-Direttiva 2014/61 fil-livell federali u fir-reġjun Fjamming.

12      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni speċifikat li, minkejja li fil-Belġju sar progress kbir mil-lat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 sa mill-preżentata tal-kawża, xorta kienu għadhom meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex l-imsemmija direttiva tiġi trasposta b’mod sħiħ. Barra minn hekk, din il-ħtieġa ġiet irrikonoxxuta mill-awtoritajiet Belġjani stess. Konsegwentement, filwaqt li, f’dan l-istadju tal-proċedura, naqqset għal EUR 12 142.08 l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li hija kellha l-intenzjoni li r-Renju tal-Belġju jiġi ordnat iħallas, il-Kummissjoni żammet it-talbiet tagħha inalterati.

13      Waqt is-seduta, u fid-dawl tal-progress addizzjonali mwettaq mir-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 mill-preżentata tar-replika, il-Kummissjoni speċifikat li kien għad hemm lakuni unikament fil-livell tar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale u naqqset l-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum mitlub għal EUR 6 071.04. Għall-kuntrarju, din l-istituzzjoni żammet fermi t-talbiet l-oħra tagħha.

14      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2018 u tal-21 ta’ Novembru 2018, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija, minn naħa, kif ukoll ir-Rumanija, min-naħa l-oħra, tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

 Fuq ir-rikors

 Fuq in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu bbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

15      Skont il-Kummissjoni, billi ma adottax, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

16      Il-Kummissjoni tfakkar b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’qawwa vinkolanti indisputibbli u bl-ispeċifiċità, preċiżjoni u ċarezza meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, u li l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu sitwazzjonijiet interni jew diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Konsegwentement kull Stat Membru huwa obbligat jieħu l-passi neċessarji sabiex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni meħtieġa li tkun tirriżulta mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġi żgurat li t-traspożizzjoni tkun tista’ titwettaq fit-terminu stabbilit.

17      Fil-każ odjern, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61, l-Istati Membri kienu obbligati jadottaw il-miżuri nazzjonali rikjesti sabiex jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016 u li jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Issa, mid-diversi komunikazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju jirriżulta li, iktar minn sena u nofs wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mill-imsemmija direttiva, dan l-Istat Membru kien għadu ma adottax il-miżuri kollha meħtieġa għat-traspożizzjoni sħiħa ta’ din tal-aħħar. B’hekk, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-30 ta’ Settembru 2016, u anki fid-data li fiha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tippreżenta din il-kawża, jiġifieri fit-13 ta’ Lulju 2017, l-Artikoli 2 sa 11 tad-Direttiva 2014/61 kienu għadhom ma ġewx trasposti b’mod sħiħ fil-Belġju, billi l-Artikoli 5 u 6 biss kienu ġew trasposti u dan unikament għar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale.

18      Ċertament, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni indikat li kienet irċeviet notifika mir-Renju tal-Belġju ta’ ċertu numru ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni adottati wara l-preżentata tal-kawża. Madankollu, minn dawn in-notifiki kien jirriżulta li l-imsemmi Stat Membru qatt ma kien ipproċeda bit-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 4, tal-Artikolu 7(1) kif ukoll tal-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2014/61.

19      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li, f’dan l-istadju tal-proċedura, minkejja l-progress il-ġdid li twettaq, xorta waħda ma setgħetx tiġi kkonstatata traspożizzjoni sħiħa tal-Artikolu 2(7) sa (9) u (11), tal-Artikolu 4(5) kif ukoll tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61.

20      Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li, sa mill-bidu tal-proċedura prekontenzjuża, u bil-għan li josserva l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ma ppruvax jaħbi l-fatt li ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali kienu għadhom iridu jiġu adottati biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/61. Madankollu, dan l-Istat Membru josserva li d-diversi awtoritajiet kompetenti fil-qasam, jiġifieri l-Istat Federali, ir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, ir-reġjun ta’ Walonreye, il-komunità Franċiża, ir-reġjun u l-komunità Fjamminga kif ukoll il-komunità li tħaddan il-lingwa Ġermaniża (il-Belġju), adottaw, kull waħda fil-qasam tal-kompetenza tagħha, dispożizzjonijiet intiżi li jittrasponu din id-direttiva jew, tal-inqas, adottaw il-miżuri meħtieġa għall-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, matul il-proċedura, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet ir-realtà ta’ dawn l-isforzi billi naqqset l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum mitlub.

21      Barra minn hekk, filwaqt li ma kkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li ċerti miżuri kienu għadhom iridu jiġu adottati, ir-Renju tal-Belġju esprima, fil-kontroreplika tiegħu, in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-Kummissjoni dwar id-dettall tal-miżuri li kienu għadhom ma ġewx adottati.

22      Fl-aħħar, matul is-seduta, u fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni żammet biss l-ilmenti tagħha inkonnessjoni mal-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61 unikament għar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, ir-Renju tal-Belġju rrikonoxxa li t-traspożizzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet kif ukoll il-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu għadhom ma sarux.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil suċċessiv (sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 23, u tal-21 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑498/17, EU:C:2019:243, punt 29).

24      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata tagħha lir-Renju tal-Belġju fit-30 ta’ Settembru 2016, b’tali mod li t-terminu ta’ xahrejn li kien stabbilit fiha kien jiskadi fit-30 ta’ Novembru 2016. Madankollu, huwa stabbilit li dan it-terminu, li ġie estiż mill-Kummissjoni fuq talba tal-awtoritajiet Belġjani, finalment skada fit-28 ta’ Frar 2017. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din id-data li jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza jew le ta’ nuqqas allegat ta’ Stat li jwettaq obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑177/03, EU:C:2004:784, punt 25).

25      Issa, minbarra li jirriżulta mir-risposta tar-Renju tal-Belġju tal-21 ta’ Frar 2017 li, f’din id-data, ma kinitx twettqet traspożizzjoni sħiħa fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva 2014/61, huwa stabbilit li din is-sitwazzjoni kienet għadha ma nbidlitx fit-28 ta’ Frar 2017, peress li fil-frattemp ma ġiet ikkomunikata l-ebda miżura addizzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva lill-Kummissjoni.

26      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi konkluż li fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif estiż mill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju ma kienx adotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 u lanqas ikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar.

27      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-30 ta’ Settembru 2016, kif estiż mill-Kummissjoni, ma kienx adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61 u, a fortiori, billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni tali miżuri ta’ traspożizzjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

 Fuq in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu bbażat fuq l-Artikolu 260(3) TFUE

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

28      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 260(3) TFUE ġie introdott bit-Trattat ta’ Lisbona bil-għan li jsaħħaħ id-dispożittiv ta’ sanzjoni preċedentement stabbilit bit-Trattat ta’ Maastricht. Fid-dawl tan-natura ġdida ta’ din id-dispożizzjoni u tal-ħtieġa li tiġi ppreżervata t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, din l-istituzzjoni adottat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1).

29      Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħajjar b’mod iktar qawwi lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

30      Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika kemm fil-każ ta’ assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva kif ukoll fil-każ ta’ komunikazzjoni parzjali ta’ dawn il-miżuri.

31      Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tqis li, peress li l-Artikolu 260(3) TFUE jsemmi n-nuqqas ta’ Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jikkomunika “miżuri li jittrasponu direttiva”, din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss f’każ ta’ assenza ta’ notifika tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, iżda hija intiża li tapplika fil-każ li Stat Membru ma jkunx adotta tali miżuri. Interpretazzjoni purament formalista ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha din tal-aħħar kienet intiża biss sabiex tiżgura n-notifika effettiva tal-miżuri nazzjonali, ma kinitx tiggarantixxi t-traspożizzjoni rilevanti tal-obbligi kollha naxxenti mid-direttiva inkwistjoni u xxejjen kull effett utli tal-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi fid-dritt nazzjonali.

32      Fil-każ odjern, qiegħed jiġi ssanzjonat speċifikament in-nuqqas ta’ adozzjoni u ta’ pubblikazzjoni, kif ukoll, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mir-Renju tal-Belġju, tal-liġijiet meħtieġa sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 fid-dritt nazzjonali.

33      B’risposta għall-argumenti invokati mir-Renju tal-Belġju sabiex tiġi kkontestata l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE fil-każ odjern, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari, li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 260(2) TFUE, l-Artikolu 260(3) TFUE ma jikkostitwixxix deroga mir-regola ġenerali u għaldaqstant ma għandux jiġi interpretat b’mod strett. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni speċifiku.

34      Mix-xogħlijiet preparatorji tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa kien jirriżulta li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u traspożizzjoni konformi ma’ direttiva. Fil-fatt, fid-dawl tan-nota ta’ trażmissjoni tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, tat-12 ta’ Mejju 2003 (CONV 734/03), huwa stabbilit li, għall-awturi tat-test, l-istħarriġ tal-konformità għandu jikkonċerna biss il-miżuri ta’ traspożizzjoni effettivament adottati mill-Istat Membru, billi, loġikament, tali stħarriġ tal-konformità ma jistax jikkonċerna miżuri li għadhom ma ġewx adottati u kkomunikati lill-Kummissjoni.

35      Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-kunċett ta’ “traspożizzjoni sħiħa”, minn naħa, u l-kunċett ta’ “traspożizzjoni korretta”, min-naħa l-oħra. Il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ lakuni fit-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali bl-ebda mod ma tfisser li l-Kummissjoni wettqet stħarriġ dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti ma’ din id-direttiva. Dan ikun iktar u ikar minnu meta, bħal fil-każ ineżami, l-Istat Membru li jkun naqas, jammetti huwa stess li t-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt nazzjonali kienet għadha parzjalment defiċjenti. Barra minn hekk, din id-differenza hija murija perfettament mill-konsegwenzi naxxenti mis-sentenza ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas. Fil-fatt, f’każ ta’ konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu preklużi milli japplikaw il-miżura nazzjonali inkwistjoni anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali jkun għadu ma silitx il-konsegwenzi tas-sentenza inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni tal-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali eżistenti ma tistax tirriżulta minn sentenza li tidentifika lakuna fit-traspożizzjoni, peress li tali sentenza sempliċement tikkonstata l-assenza, fid-dritt nazzjonali, tal-miżuri meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni.

36      Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE li jħajjar b’mod iktar qawwi lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti u li b’hekk jiżgura l-effikaċja reali, limitazzjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każijiet biss ta’ assenza totali ta’ traspożizzjoni tkun tinvolvi riskju ikrah. Fil-fatt, sabiex tiġi evitata din l-applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jitħajru jibdew jittrasponu d-dispożizzjonijiet marġinali ta’ direttiva, u b’hekk jaġixxu bi ksur tal-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ theddida ta’ sanzjoni finanzjarja, it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet essenzjali tad-direttiva tkun f’riskju li titpoġġa fit-tieni livell.

37      Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE li hija żviluppat hija kkorroborata mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonċerna n-nuqqas tal-Istat Membru “mill-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu” direttiva. Għaldaqstant, tali kliem ma jinkludix restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet bħal dawk invokati mir-Renju tal-Belġju.

38      Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li s-sanzjonijiet previsti mit-Trattat FUE jmorru kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità billi, fl-assenza tal-imsemmija sanzjonijiet, ma jkunx jista’ jiġi żgurat l-obbligu li tiġi trasposta direttiva fid-dritt nazzjonali.

39      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika biss, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni u għal dik issuġġerita mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441), fl-ipoteżi li Stat Membru ma jkun ikkomunika l-ebda miżura maħsuba sabiex tiġi trasposta direttiva partikolari. Issa, fil-każ ineżami, ir-Renju tal-Belġju, skont il-Kummissjoni, ikkomunika ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni, b’tali mod li jevita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni, b’mod partikolari, li interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 260(3) TFUE, bħal dik żviluppata mill-Kummissjoni, tista’ twassal għal problemi ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, kieku din id-dispożizzjoni kellha tikkonċerna kemm il-każ ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni u l-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni, jista’ jkun diffiċli li jiġi ddeterminat jekk dan jaqax fil-kuntest ta’ proċedura prevista mill-imsemmija dispożizzjoni jew fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istess proċedura, jaf ikun diffiċli li jiġi ddeterminat liema dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu trasposti mingħajr ma tiġi skattata l-proċedura tal-Artikolu 260(3) TFUE, u liema dispożizzjonijiet mhux trasposti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

41      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE żviluppata mill-Kummissjoni tista’ tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE. Fil-fatt, minn naħa, in-nuqqasijiet li jikkonċernaw it-traspożizzjoni tad-direttivi ma jikkostitwixxux neċessarjament l-istanzi ta’ ksur l-iktar ta’ ħsara għall-interessi pubbliċi u privati protetti mir-regoli tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi ssanzjonat kull nuqqas ta’ traspożizzjoni, ikunu qed jiġu assimilati, fir-rigward tal-gravità tagħhom, żewġ tipi ta’ ksur differenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza (nuqqas fuq nuqqas) u n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi (l-ewwel nuqqas), fatt li jkun sproporzjonat.

42      Skont ir-Renju tal-Belġju, ma hemmx riskju ta’ evażjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE peress li l-Kummissjoni tista’ tibda proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jew l-Artikolu 260(2) TFUE.

43      Dan l-Istat Membru jżid li l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 260(3) TFUE li għandha tiġi kkonfermata hija bbażata fuq interpretazzjoni teleoloġika bbażata fuq ix-xogħlijiet preparatorji marbuta ma’ din id-dispożizzjoni u hija kkorroborata mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, li jsemmi espressament il-każ li fih Stat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li “jinnotifika miżuri li jittrasponu” direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva. Għaldaqstant, huwa biss il-ksur tal-obbligu “li jinnotifika” miżuri ta’ traspożizzjoni li jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ din id-dispożizzjoni u mhux il-ksur tal-obbligu ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni kien jikkonċerna biss il-komunikazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u mhux il-komunikazzjoni tal-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, peress li l-awturi tat-Trattat FUE ma għamlux riferiment għal “il-miżuri” ta’ traspożizzjoni, iżda għal “miżuri” ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, dan il-qari huwa kkorroborat mill-verżjonijiet tal-lingwi Ġermaniża, Ingliża u Olandiża tal-Artikolu 260(3) TFUE.

44      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Rumanija, li ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju, ukoll isostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika biss meta Stat Membru jkun baqa’ totalment inattiv fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali u b’hekk naqas, fit-terminu stabbilit, li jadotta miżuri sabiex jittrasponi din id-direttiva u jikkomunikahom lill-Kummissjoni. Madankollu, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Taljana u l-Ungerija jammettu li, meta jkun manifest li l-atti ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet essenzjali ta’ din tal-aħħar jew f’każ ta’ abbuż ta’ liġi, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE. Għall-kuntrarju, fl-ebda każ, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jkopri l-ipoteżi li fiha Stat Membru kkomunika lill-Kummissjoni miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda li fiha din tal-aħħar tallega traspożizzjoni skorretta jew traspożizzjoni parzjali tad-direttiva inkwistjoni.

45      Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża odjerna jsostnu, b’mod partikolari, li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE tirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, hija bbażata fuq l-oriġini ta’ din tal-aħħar u hija konformi mal-għan tagħha, peress li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tapplika biss fil-każijiet l-iktar gravi u manifesti ta’ ksur tal-obbligu ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, din hija kkorroborata mill-istruttura interna tal-Artikolu 260 TFUE u hija l-unika waħda li ma tpoġġix lill-Istati Membri f’sitwazzjoni estremament diffiċli, peress li, jekk jiġi segwit l-approċċ żviluppat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri qatt ma jkunu jistgħu jkunu ċerti li din l-istituzzjoni ma jkollhiex il-ħsieb li timponi fuqhom multa.

46      Ma’ dan kollu jiżdied il-fatt li l-interpretazzjoni esposta fil-punt 44 tas-sentenza odjerna tippermetti li jiġi żgurat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE jiġi osservat b’mod sħiħ u li din hija l-unika waħda li hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, hija għandha l-effett li, fil-każ li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jkun ittraspona direttiva u kkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni jkollha tiddeżisti fit-talba tagħha għall-kundanna tal-imsemmi Stat Membru għall-ħlas ta’ multa. Barra minn hekk, din tinvolvi biss riskju marġinali li l-Istati Membri jitħajru jevitaw din id-dispożizzjoni billi jikkomunikaw miżuri ta’ traspożizzjoni li ma jikkorrispondux mar-realtà.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE fuq il-bażi li l-Istat Membru naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jikkomunika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, din tista’, meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas dan l-Istat Membru kkonċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkustanzi. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li hemm nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

48      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, jeħtieġ li jiġi ddefinit f’liema ċirkustanzi Stat Membru jista’ jitqies bħala li naqas milli jwettaq l-“obbligi [tiegħu] li jinnotifika miżuri li jittrasponu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

49      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-Artikolu 260(3) TFUE, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-portata tan-nuqqas ta’ twettiq tal-“obbligi li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva” li huma l-qalba ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement fuq dan is-suġġett, fil-kuntest tal-proċeduri marbuta mal-Artikolu 258 TUE, li l-komunikazzjoni li għandhom iwettqu l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, hija intiża sabiex tiffaċilita t-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17 TFUE, f’li tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet skont dan tal-aħħar. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-kontenut tar-regoli nazzjonali li jittrasponu direttiva. B’hekk, din il-komunikazzjoni, li tista’ tkun akkumpanjata minn tabella ta’ korrispondenza, għandha tindika mingħajr ambigwità liema huma l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li bihom l-Istat Membru jqis li ssodisfa l-obbligi differenti imposti fuqu minn din id-direttiva. Issa, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru applikax realment u kompletament id-direttiva. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu, kemm jekk minħabba nuqqas totali ta’ informazzjoni kif ukoll jekk minħabba informazzjoni mhux biżżejjed ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE, intiża għall-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑456/03, EU:C:2005:388, punt 27, u tas-27 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑311/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:702, punti 30 sa 32).

52      Sussegwentement, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE, hemm lok li jitfakkar li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi ħafna mal-abbozz tal-Artikolu 228(3) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li jinsab fil-paġna 15 tan-nota ta’ trażmissjoni tal-Praesidium għall-Konvenzjoni, tat-12 ta’ Mejju 2003 (CONV 734/03), abbozz li t-termini tiegħu jaqblu mat-test propost miċ-Ċirku ta’ Diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rapport finali tal-25 ta’ Marzu 2003 (CONV 636/03, paġni 10 u 11). Minn dan ir-rapport finali jirriżulta li l-għan segwit mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li jħajjar lill-Istati Membri jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, għandu tendenza jippersisti, iżda wkoll li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqasijiet inkonnessjoni mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva, filwaqt li huwa speċifikat li, qabel l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmu, peress li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja fuq l-Istati Membri li ma kinux ikkonformaw ruħhom fit-termini stabbiliti ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma osservawx l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni setgħet issir biss wara diversi snin wara din l-aħħar imsemmija sentenza.

53      Issa, dan l-għan jiġi kompromess jekk, kif isostnu r-Renju tal-Belġju u l-Istati Membri l-oħra li intervjenew f’din il-kawża, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li titlob l-impożizzjoni fuq Stat Membru ta’ sanzjoni pekunjarja abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE unikament meta l-imsemmi Stat Membru jkun naqas milli jikkomunika kull miżura ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva.

54      Fil-fatt, tali interpretazzjoni tinvolvi r-riskju li Stat Membru jikkomunika lill-Kummissjoni, jew miżuri li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ numru insinjifikattiv ta’ dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni, jew miżuri li manifestament ma jkollhomx l-għan li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, u b’hekk tippermetti lill-Istati Membri li jipprekludu lill-Kummissjoni milli tapplika l-Artikolu 260(3) TFUE.

55      Madankollu, lanqas ma tista’ tiġi kkonfermata l-interpretazzjoni li huma biss l-Istati Membri li jittrasponu korrettement, mill-perspettiva tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva u li jinformaw b’dan kollu lil din l-istituzzjoni li jistgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 260(3) TFUE.

56      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni ma hijiex konċiljabbli mal-oriġini tal-Artikolu 260(3) TFUE. B’hekk, jirriżulta mir-rapport finali previst fil-punt 52 ta’ din is-sentenza li l-membri taċ-Ċirku ta’ Diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja għamlu distinzjoni bejn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni u ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni minn każijiet ta’ traspożizzjoni skorretta, u qiesu li d-dispożizzjoni proposta ma kellhiex tapplika għat-tieni tip ta’ każijiet, peress li sanzjoni pekunjarja setgħet tiġi imposta biss fl-aħħar imsemmi każ fi tmiem ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE.

57      Din l-interpretazzjoni ma hijiex konċiljabbli lanqas mal-kuntest li jaqa’ fih l-Artikolu 260(3) TFUE, li taħtu taqa’ l-proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu previst fl-Artikolu 258 TFUE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-proċedura prevista f’din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni f’każ partikolari, inkonnessjoni mal-miżuri li jippermettu li tiġi żgurata traspożizzjoni korretta tad-direttiva kkonċernata, mingħajr madankollu ma jkunu esposti għar-riskju li tiġi imposta fuqhom sanzjoni pekunjarja, peress li tali sanzjoni, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, tista’ tiġi imposta biss jekk l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx adotta l-miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni tal-ewwel sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tiġi adottata interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE li, minn naħa, tippermetti kemm li jiġu ggarantiti l-prerogattivi miżmuma mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-pożizzjoni proċedurali li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri abbażi tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 258 TFUE u tal-Artikolu 260(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, tpoġġi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tikkonsisti f’li tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura waħda, jekk l-Istat Membru kkonċernat issodisfax l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-komunikazzjoni u, fejn xieraq, li tevalwa l-gravità tan-nuqqas hekk ikkonstatat u li timponi sanzjoni pekunjarja li tidhrilha li hija l-iktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tal-każ.

59      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jikkonċernaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba ssir din il-komunikazzjoni, fejn xieraq akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat ta’ sanzjoni pekunjarja prevista f’din id-dispożizzjoni, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat, billi ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni.

 Fuq l-eżistenza tan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu fil-jum tal-analiżi tal-fatti

60      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, fil-prinċipju, hija biss iġġustifikata jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-ineżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti jipperdura sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 31; tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑119/04, EU:C:2006:489, punt 33; u tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 70).

61      Din il-ġurisprudenza, marbuta mal-Artikolu 260(2) TFUE, għandha tiġi applikata b’analoġija għall-Artikolu 260(3) TFUE, peress li l-pagamenti ta’ penalità abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet isegwu l-istess għan, jiġifieri li jħeġġu Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura x’aktarx jibqa’ jippersisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 81).

62      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas attribwit mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE, jiġifieri l-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61 u, a fortiori ta’ komunikazzjoni min-naħa ta’ dan l-Istat Membru ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni relatati, kif ikkonstatat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ipperdurax sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

63      Kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 tas-sentenza odjerna, il-Kummissjoni, fil-pendenzi tal-proċedura, adattat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li riedet li jiġu imposti fuq ir-Renju tal-Belġju, bil-ħsieb li tieħu kont taċ-ċirkustanza li n-nuqqas attribwit lil dan l-Istat Membru kien issa limitat għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni, inkonnessjoni biss mar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, tal-Artikolu 2(7) sa (9) u (11), tal-Artikolu 4(5) kif ukoll tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61, kif ukoll għall-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jittrasponu dawn id-dispożizzjonijiet fl-imsemmi reġjun.

64      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 2(7) sa (9) u (11) ta’ din id-direttiva, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu d-definizzjonijiet tal-kunċetti “infrastruttura fiżika fil-bini”, ta’ “infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b’veloċità għolja”, ta’ “xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni” u ta’ “punt ta’ aċċess”, u li mit-tabella ta’ konkordanza annessa mar-risposta tar-Renju tal-Belġju li, fl-istadju tal-preżentata ta’ dan l-att, it-traspożizzjoni ta’ dawn id-definizzjonijiet kienet suġġetta biss, għar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, għal “abbozz ta’ digriet li jemenda r-regolament reġjonali tal-urbaniżmu”. Fl-assenza ta’ kull komunikazzjoni suċċessiva li toriġina minn dan l-Istat Membru li tikkonċerna l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-digriet abbozzat, hemm lok li jiġi konkluż li l-imsemmi Stat Membru għadu ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jiżgura t-traspożizzjoni, fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, tal-Artikolu 2(7) sa (9) u (11) tal-imsemmija direttiva.

65      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/61, li jipprevedi li, b’risposta għat-talba speċifika bil-miktub ifformulata minn impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata tipprovdi netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operaturi tan-netwerk li jilqgħu t-talbiet raġonevoli għal investigazzjoni fuq il-post fuq elementi speċifiċi tal-infrastrutturi fiżiċi tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li t-tabella ta’ korrispondenza annessa mar-risposta tar-Renju tal-Belġju ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar miżura ta’ traspożizzjoni diġà adottata fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Peress li r-Renju tal-Belġju, wara l-preżentata tar-risposta, ma pproduċa l-ebda element addizzjonali inkonnessjoni mal-imsemmija dispożizzjoni, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/61 għadha ma ġietx trasposta għar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale.

66      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61, li ċerti dispożizzjonijiet tagħha, sa fejn huma fakultattivi, ma jirrikjedux, skont ir-Renju tal-Belġju, traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, mit-tabella ta’ korrispondenza msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li ma huwiex ikkontestat li t-traspożizzjoni tagħhom kienet obbligatorja fi kwalunkwe każ ma kinux għadhom ġew trasposti fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Għalkemm din it-tabella ta’ korrispondenza tirreferi għal “abbozz ta’ digriet li jemenda r-regolament reġjonali tal-urbaniżmu”, ir-Renju tal-Belġju sussegwentement ma pprovda l-ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-digriet abbozzat. Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li r-Renju tal-Belġju għadu ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni, fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61.

67      Fl-aħħar, kif tfakkar fil-punt 22 tas-sentenza odjerna, waqt is-seduta tat-trattazzjonijiet, ir-Renju tal-Belġju ma kkontestax l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni u rrikonoxxa li kienu għadhom iridu jiġu adottati miżuri sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/61 fid-dritt Belġjan u li dawn il-miżuri kellhom jiġu kkomunikati fl-iqsar żmien possibbli.

68      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li, billi baqa’ ma adottax, fil-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponi fid-dritt intern tiegħu, inkonnessjoni mar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, l-Artikolu 2(7) sa (9) u (11), l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61, u billi lanqas, a fortiori, ma kkomunika lill-Kummissjoni tali miżuri ta’ traspożizzjoni, ir-Renju tal-Belġju ppersista parzjalment fin-nuqqas tiegħu. Minn dan isegwi li l-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli għall-każ ineżami.

 Fuq l-impożizzjoni ta’ multa fil-każ odjern

–       L-argumenti tal-partijiet

69      Fir-rigward tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja, il-Kummissjoni qieset, konformement mal-pożizzjoni riflessa fil-punt 23 tal-komunikazzjoni prevista fil-punt 28 tas-sentenza odjerna, li l-modalitajiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità previsti fl-Artikolu 260(3) TFUE għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE.

70      Fil-każ odjern, il-Kummissjoni pproponiet, waqt is-seduta, li tapplika koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 fuq skala ta’ 1 sa 20. Fir-rigward tat-tul tal-ksur, hija qieset li koeffiċjent ta’ 1.8 fuq skala ta’ 1 sa 3 huwa adatt. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, mill-kliem stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016 u jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Għaldaqstant kien minn din l-aħħar imsemmija data li Stat Membru seta’ jitqies bħala li naqas mill-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, u mhux mill-1 ta’ Lulju 2016, li jikkorrispondi mal-punt tat-tluq tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati.

71      Billi applikat għal dawn il-koeffiċjenti l-fattur “ n ” fir-rigward tar-Renju tal-Belġju, jiġifieri 4.96, u ammont bażiku uniformi ta’ EUR 680, il-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 6 071.04 għal kull jum ta’ dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61, dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza li ser tingħata.

72      Ir-Renju tal-Belġju jitlob, fil-każ li jiġu imposti fuqu pagamenti ta’ penalità, li l-ammont tagħhom ikun inferjuri għal dak mitlub mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru kkontesta l-ammont tal-koeffiċjent ta’ gravità u dak tal-koeffiċjent tat-tul tal-ksur peress li dawn ma humiex proporzjonati għan-nuqqas eventwalment ikkonstatat.

73      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-koeffiċjent ta’ gravità, ir-Renju tal-Belġju rrileva, b’mod partikolari, li l-konsegwenzi tal-assenza ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/61 u l-iffrankar li seta’ jsir b’każ ta’ traspożizzjoni sħiħa ma ġewx eżaminati b’mod konkret. F’dan ir-rigward, kienu diġà jeżistu fl-ordinament ġuridiku Belġjan diversi liġijiet li jippermettu, u anki jimponu, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili, kif ukoll il-kondiviżjoni u l-aċċess għall-informazzjoni fuq l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti, fuq xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili previsti u fuq proċeduri tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet neċessarji, b’tali mod li l-għanijiet tal-imsemmija direttiva huma diġà ssodisfatti sewwa fl-ordinament ġuridiku Belġjan. B’hekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ traspożizzjoni għandu biss effetti limitati fuq l-interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari, liema kriterji jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi mwettqa fil-livell tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 fid-dritt Belġjan wara l-preżentata tar-rikors odjern.

74      Fir-rigward tal-koeffiċjent tat-tul tal-ksur, ir-Renju tal-Belġju rrileva li, għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponu lil din tal-aħħar sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016, minn dan l-istess Artikolu 13 jirriżulta wkoll li kien biss mill-1 ta’ Lulju 2016 li dawn l-Istati Membri kienu obbligati japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, kien jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni din id-data bħala l-punt tat-tluq sabiex jiġi evalwat it-tul tal-ksur u jitnaqqas il-koeffiċjent tat-tul tal-ksur inkwistjoni għal 1.3.

75      Fir-rigward tal-modalitajiet tal-pagamenti tal-penalità, ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-verifika tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 u tal-osservanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssir fuq bażi semestrali wara l-għoti ta’ din is-sentenza u li, konsegwentement, il-pagamenti ta’ penalità ssir ukoll fuq bażi semestrali u mhux ta’ kuljum. Tali soluzzjoni tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni u li jiġi mħeġġeġ l-isforz tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kif ukoll, fejn applikabbli, li jiġi mħaffef l-effett tal-pagamenti tal-penalità fuq il-finanzi pubbliċi.

76      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura kumplessa tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 fid-dritt Belġjan, minħabba l-pluralità ta’ awtoritajiet kompetenti fil-qasam, ir-Renju tal-Belġju jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħtih terminu ta’ sitt xhur mid-data tas-sentenza li sejra tingħata sabiex ikun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-imsemmija direttiva.

77      L-Istati Membri li intervjenew insostenn tar-Renju tal-Belġju essenzjalment isostnu li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi b’mod ċar il-livell ta’ gravità tal-ksur, b’tali mod li tiġi ggarantita l-proporzjonalità tas-sanzjoni. Fil-każ odjern, il-livell ta’ gravità magħżul mill-Kummissjoni huwa nettament għoli wisq. Jeħtieġ li jinstab mezz sabiex l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità jitnaqqas paripassu mal-eżekuzzjoni progressiva tas-sentenza li sejra tingħata. Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 260(3) TFUE kif ukoll mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 260(2) u (3) TFUE jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jipprovdi għal terminu raġonevoli bejn l-għoti tas-sentenza li timponi sanzjoni pekunjarja u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu tal-ħlas relatat magħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Kif tfakkar fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bħala prinċipju, tkun iġġustifikata biss dment li nuqqas jipperdura sal-ġurnata tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

80      F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 68 tas-sentenza odjerna, fid-data tal-eżami tal-fatti, il-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 fid-dritt Belġjan kienu għadhom ma ġewx adottati b’mod sħiħ u lanqas ikkomunikati lill-Kummissjoni.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundanna tar-Renju tal-Belġju għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità, l-unika ħaġa li talbet il-Kummissjoni f’dan il-każ, tikkostitwixxi mezz finanzjarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligi imposti fuqu skont l-imsemmija direttiva u t-Trattati.

82      Għall-kuntrarju, peress li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, il-miżuri kkomunikati mir-Renju tal-Belġju jixhdu evoluzzjoni lejn traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/61 fid-dritt Belġjan sa mill-preżentata tar-rikors, ma huwiex eskluż li, fil-jum tal-għoti tas-sentenza fil-kawża odjerna, it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva tkun tlestiet totalment. B’hekk, il-pagamenti ta’ penalità jiġu imposti biss sakemm in-nuqqas ikun ippersista sad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

83      Jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 90, u tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 118), u, min-naħa l-oħra, ma jeċċedux, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, l-ammont indikat mill-Kummissjoni.

84      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura repressiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-effetti ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta.

86      Għalkemm huwa minnu li r-Renju tal-Belġju wettaq, mill-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, progress fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 u fil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li xi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kienu għadhom, sal-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma ġewx trasposti fid-dritt nazzjonali għal parti mit-territorju tar-Renju tal-Belġju.

87      Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak meta l-Kummissjoni tressaq il-każ quddiemha (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fil-każ odjern, kif jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza odjerna, in-nuqqas attribwit kien għadu ma ntemmx fil-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li dan in-nuqqas ipperdura mill-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif estiż mill-Kummissjoni sat-28 ta’ Frar 2017. Issa, dan it-tul tal-ksur ta’ kważi sentejn u nofs huwa kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61, l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016.

89      Fid-dawl ta’ dak li ntqal u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta favur il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din tal-aħħar ma tistax, fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità imposti minnha, teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità f’ammont ta’ EUR 5 000 kuljum hija adatta sabiex tiżgura l-osservanza, mir-Renju tal-Belġju, tal-obbligi imposti fuqu skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61.

90      Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju dwar it-tnaqqis gradwali tal-pagamenti ta’ penalità, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, jeħtieġ jiġi kkonstatat li l-għan tal-pagamenti ta’ penalità mitluba huwa li jintemm in-nuqqas li jikkonsisti, għar-Renju tal-Belġju, li ttraspona d-Direttiva 2014/61 biss parzjalment u li ma kkomunikax il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata l-imsemmija traspożizzjoni fid-dritt Belġjan. Issa, l-għoti ta’ tnaqqis gradwali ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità skont l-adozzjoni u l-komunikazzjoni gradwali ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni jkun ta’ natura li jikkomprometti l-effikaċja ta’ din tal-aħħar.

91      Fir-rigward tal-modalitajiet tal-ħlas tal-pagamenti ta’ penalità, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li għandha tiddetermina d-data li fiha l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ.

92      Fil-każ odjern, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis opportun, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tiskatta l-punt tat-tluq tal-pagamenti ta’ penalità mid-data tal-għoti tas-sentenza odjerna, bla ħsara biss għar-riżerva espressa fil-punt 82 ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, peress li l-konstatazzjoni tat-tmiem tan-nuqqas ma tirrikjedi l-ebda evalwazzjoni fattwali kumplessa min-naħa tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li jiġi previst ħlas tal-pagamenti ta’ penalità fuq bażi semestrali.

93      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li r-Renju tal-Belġju jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, mid-data tas-sentenza odjerna u sa meta dan l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ikkonstatat, pagament ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 5 000.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

95      Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Rumanija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-30 ta’ Settembru 2016, kif estiż mill-Kummissjoni Ewropea, ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja, u, a fortiori, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

2)      Billi baqa’ ma adottax, fil-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponi fid-dritt intern tiegħu, inkonnessjoni mar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, l-Artikolu 2(7) sa (9) u (11), l-Artikolu 4(5) kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61, u billi lanqas, a fortiori, ma kkomunika lill-Kummissjoni tali miżuri ta’ traspożizzjoni, ir-Renju tal-Belġju ppersista parzjalment fin-nuqqas tiegħu.

3)      F’każ li n-nuqqas ikkonstatat fil-punt 2 ikun għadu jippersisti fid-data tal-għoti tas-sentenza odjerna, ir-Renju tal-Belġju jkun ikkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, minn dik id-data u sat-tmiem ta’ dan in-nuqqas, pagament ta’ penalità ta’ EUR 5 000 kuljum.

4)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

5)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Rumanija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.