Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fis-27 ta’ Ottubru 2023 – Proċeduri kriminali kontra P.B.

(Kawża C-646/23, Lita 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojskowy Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-proċeduri prinċipali

P.B., Prokuratura Rejonowa w Lublinie

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) b’rabta mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali 1 (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 13 kif ukoll l-Artikolu 10 tal-ustawa z dnia 28 lipca 2023 r. o zmianie ustawy – Kodeks cywilny oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi tat-28 ta’ Lulju 2023 li Temenda l-Kodiċi Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħra), li jipprevedu l-irtirar ipso jure ta’ mħallef li jkun qed jisma’ appell f’kawża li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, f’sitwazzjoni fejn: (I) tali dispożizzjoni ġiet ifformulata b’tali mod li tapplika biss għal wieħed minn fost l-imħallfin attivi kollha, (II) tali dispożizzjoni ma tinkludix lil prosekuturi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni analoga minkejja li fis-sitwazzjoni legali attwali, il-prosekuturi u l-imħallfin li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ mħallef li jkun qed jisma’ appell ġew ittrattati bl-istess mod, (III) il-liġi li fiha ġiet ifformulata din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax is-sistema tal-qrati iżda tirrigwarda suġġett għalkollox differenti u l-motivazzjoni tagħha b’ebda mod ma tispjega r-raġunijiet għall-introduzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’ebda mod ma tindika li permezz tal-introduzzjoni tagħha jiġi ssodisfatt interess pubbliku importanti, u lanqas ma tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn l-introduzzjoni tagħha hija proporzjonali mal-għanijiet tagħha, kif ukoll (IV) la din id-dispożizzjoni u ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt nazzjonali ma tipprevedi l-possibbiltà li qorti jew kwalunkwe tip ta’ organu ieħor tisma’ appell jew kwalunkwe rimedju legali ieħor ta’ mħallef li fir-rigward tiegħu tapplika din id-dispożizzjoni bil-għan li tiġi vverifikata l-validità tal-irtirar tiegħu jew il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ livell superjuri jew mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt internazzjonali?

Il-fatt li l-imħallef ikkonċernat mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali msemmija kien preċedentement, fid-dawl tal-attivitajiet tiegħu intiżi għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-qrati u tal-indipendenza tal-imħallfin, issuġġettat għal repressjoni min-naħa tal-eżekuttiv, li pprova jġiegħlu jirtira fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li kienu applikabbli preċedentement, filwaqt li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali ġiet adottata minħabba li dan l-aġir falla, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata fl-ewwel domanda? Għal din ir-risposta huwa rilevanti l-fatt li fil-fehma tal-qorti tar-rinviju din id-dispożizzjoni ma sservi ebda interess pubbliku rilevanti iżda hija ta’ natura repressiva?

It-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TFUE, l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007 fil-Kawża C-432/05, Unibet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti, li fil-kulleġġ ġudikanti tagħha huwa sedenti mħallef, li għalih isir riferiment fl-ewwel u fit-tieni domanda, għandha l-jedd li tissospendi ex officio l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi l-irtirar tiegħu, li għaliha jsir riferiment fl-ewwel domanda, u li tkompli bl-għoti ta’ deċiżjoni f’din il-kawża u f’kawżi oħra sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn din tqis li huwa neċessarju li l-kawża pendenti quddiem din il-qorti tiġi deċiża konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli?

Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji msemmija fit-tielet domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni domanda, tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar tal-imħallef, li għalih isir riferiment fid-domanda preċedenti, ma tistax tiġi applikata u l-imħallef ma jirtirax sakemm ma jkunx hemm bażi legali oħra għall-irtirar tiegħu?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2016, L 65, p. 1.