Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta' Frar 2013 minn Maria Concetta Cerafogli mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-43/10, Cerafogli vs BĊE

(Kawża T-114/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Maria Concetta Cerafogli (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata;

konsegwentement:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Novembru 2009 li tiċħad l-ilmenti tal-appellanti fir-rigward ta' diskriminazzjoni u ta' attentati għad-dinjità tagħha minħabba l-imġieba tad-direttorat tagħha u, jekk neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-24 ta' Marzu 2010 li tiċħad l-appell speċjali;

tilqa' t-talbiet tal-appellanti fformulati fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid amministrattiv u b'mod iktar partikolari:

twaqqaf kull forma ta' diskriminazzjoni u ta' fastidju psikoloġiku kontra l-appellanti kemm jekk b'atti verbali kif ukoll b'assenjazzjonijiet u arranġamenti ta' xogħol;

tordna l-irtirar bil-miktub, minn G, tad-dikjarazzjonijiet offensivi u li jheddu tiegħu;

f'kull każ, tordna l-kumpens għad-dannu morali u materjali subit evalwat ex aequo et bono għall-ammont ta' EUR 50.000 (dannu morali) u għall-ammont ta' EUR 15.000 (dannu materjali);

tordna lill-BĊE jipproduċi r-rapport sħiħ tal-investigazzjoni amministrattiva interna bl-annessi kollha tiegħu, inklużi l-minuti tas-seduti. Barra minn hekk, tordna lill-BĊE jipproduċi wkoll il-komunikazzjonijiet kollha bejn il-bord tal-investigazzjoni u/jew il-kap tal-investigazzjoni u l-Bord Eżekuttiv u/jew il-President tal-BĊE;

tordna l-konvokazzjoni tal-ex Kunsillier Soċjali tal-konvenut bħala xhud.

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż kollha kemm tal-appell kif ukoll tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħames aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, żnaturament tal-elementi tal-fajl, ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001  u ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. F'dan ir-rigward, l-appellanti tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-UE ('TSP') wettaq żball ta' liġi u kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha billi kkunsidra li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-obbligu tal-BĊE li josserva d-drittijiet tad-difiża. Tabilħaqq, id-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħha għal assistenza affettwat b'mod sinjifikattiv l-interessi tal-appellanti u, barra minn hekk, il-proċedura kienet "inbdiet" kontra l-appellanti fis-sens speċifikat mill-ġurisprudenza (Il-Kummissjoni vs Lisrestal). Peress li l-appellanti ma setgħetx tieħu konjizzjoni tal-fajl, hija wkoll ma setgħetx tiddefendi d-drittijiet tagħha fir-rigward tal-fajl f'kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-ġudikatura Ewropea, bir-riżultat li d-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv ukoll inkiser.

It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-imħallef. F'dan ir-rigward, l-appellanti talbet lit-TSP jordna lil BĊE jipproduċi, skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tat-TSP, il-fajl tal-investigazzjoni inklużi l-annessi għar-rapport tal-investigazzjoni u l-minuti tas-seduti. Is-sentenza appellata rrifjutat li tieħu dawn il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura bi ksur tad-drittijiet tal-appellanti għal rimedju ġudizzjarju effettiv u tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-imħallef.

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tal-mandat tal-bord u fuq ksur tad-dmir ta' assistenza, billi l-konstatazzjonijiet li jirriżultaw miż-żewġ eżamijiet mill-ġdid (jiġifieri l-investigazzjoni u l-evalwazzjoni tat-TSP) huma limitati ħafna billi jagħtu prova biss li kien hemm kollegi li rrapportaw dikjarazzjonijiet negattivi dwar l-appellanti u dwar xogħolha. Issa dan ma ssodisfax l-għan tat-talba tagħha għal assistenza - u għalhekk tal-mandat tal-bord - b'mod partikolari li jiġu evalwati l-konstatazzjonijiet dwar il-kummenti negattivi fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tinjora l-inġustizzja ta' din is-sitwazzjoni, b'mod partikolari li l-appellanti ma kinitx informata dwar l-opinjonijiet negattivi rrappurtati, b'hekk tqegħdet f'sitwazzjoni li fiha hija ma setgħet tagħmel xejn, fejn saret ħsara għar-reputazzjoni tagħha, u ma setgħetx tiddefendi lilha nfisha.

Ir-raba' aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(5) taċ-Ċirkulari Amministrattiva 1/2006 tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tal-21 ta' Marzu 2006 dwar investigazzjonijiet amministrattivi interni billi s-sentenza appellata kkunsidrat b'mod żbaljat li l-komunikazzjoni tar-rapport tal-investigazzjoni flimkien mal-fajl sħiħ jkunu biss fil-komunikazzjoni lill-persuna li qed tmexxi l-investigazzjoni.

Il-ħames aggravju bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-imħallef, billi d-definizzjoni tal-iżball manifest ta' evalwazzjoni mogħtija mis-sentenza appellata ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni appellata marret kontra l-istħarriġ tagħha tal-iżball manifest.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26 p. 102).