Language of document : ECLI:EU:T:2015:497

Kawża T‑115/13

Gert-Jan Dennekamp

vs

Il-Parlament Ewropew

“Aċċess għad-dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti marbuta mal-affiljazzjoni ta’ ċerti membri tal-Parlament fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u mal-integrità tal-individwu — Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 — Trasferiment tad-data ta’ natura personali — Kundizzjonijiet marbuta man-neċessità ta’ trasferiment tad-data u mar-riskju ta’ preġudizzju tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja — Suġġett tal-kawża — Pubblikazzjoni tal-ismijiet ta’ ċerti membri tal-Parlament wara l-preżentata ta’ kawża min-naħa tagħhom — Assenza ta’ skop ta’ rikors ippreżentat kontra l-Parlament minn terz u intiża għall-iżvelar tad-data li tikkonċerna lil dawk il-membri — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti — Obbligu ta’ eżami konkret u individwali għad-dokumenti koperti minn eċċezzjoni — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Portata — Obbligu ta’ evalwazzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħarsien ta’ data personali — Applikabbiltà integrali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 għal kull talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 8, u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea– Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti –Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001 — Artikulazzjoni bejn l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Kriterju ta’ neċessità għat-trasferiment tad-data previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, il-premessa 12 u l-Artikolu 2(a), 5(b), u 8(b), u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)( b), u 6(1))

5.      Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Motiv ibbażat fuq elementi rrilevati fil-mori tal-kawża — Assenza — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1))

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni — Regolament Nru 45/2001 — Talba, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li ssemmi l-ismijiet tal-membri tal-Parlament affiljati fi skema ta’ pensjoni addizzjonali — Data personali — Obbligu tal-persuni li tressaq it-talba li tistabbilixxi n-neċessità tat-trasferiment tal-imsemmija data — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li tibbilanċja l-interessi kompromessi mil-iżvelar ta’ din id-data

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001 Artikolu 8(b), u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Membri ta’ istituzzjoni affiljati fi skema ta’ pensjoni addizzjonali — Riskju ta’ kunflitt ta’ interessi f’każ ta’ votazzjoni fuq din l-iskema — Obbligu tal-istituzzjoni inkwistjoni li tittrasferixxi lil persuna li titlob id-dokumenti l-ismijiet tal-membri affiljati li pparteċipaw f’tali votazzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Aċċess għal dokumenti li jistgħu jirrilevaw kunflitt ta’ interessi — Kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2 u 4(1)(b))

9.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni — Regolament Nru 45/2001 — Talba, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li ssemmi l-ismijiet tal-membri tal-Parlament affiljati fi skema tal-pensjoni addizzjonali — Data personali — Grad ta’ protezzjoni inqas għoli għad-data ta’ personalitajiet pubbliċi

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 8(b), u Nru 1049/2001)

10.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001 — Talba, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li ssemmi l-ismijiet tal-membri tal-Parlament affiljati fi skema tal-pensjoni addizzjonali — Data personali — Grad ta’ protezzjoni inqas għoli għad-data ta’ personalitajiet pubbliċi — Supremazija tal-interessi maħsuba sabiex jiżguraw il-funzjonament korrett tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 8(b), u Nru 1049/2001)

11.    Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25-29)

2.      Ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu l-għan, kif tindika l-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Ċertament, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, fosthom dik ta’ rifjut fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dokument iwassal għal ħsara fir-rigward ta’ wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu, madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-aċċess għad-dokumenti l-iktar wiesa’ possibbli favur il-pubbliku, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod ristrett. Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet il-komunikazzjoni tiegħu, din għandha, fil-prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet rigward il-kwistjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokata minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

(ara l-punti 36-39, 133)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40-43, 49-51, 134)

4.      Il-bilanċ bejn id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, li jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, għat-trasferiment tad-data ta’ natura personali minn dawn l-istess istituzzjonijiet, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata l-artikulazzjoni tar-regoli stabbiliti miż-żewġ regolamenti.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, meta talba għal aċċess għad-dokumenti jista’ twassal, jekk din tiġi milqugħa, għall-iżvelar tad-data ta’ natura personali, l-istituzzjoni mitluba għandha tapplika d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 45/2001, b’mod li r-regoli u l-prinċipji differenti sanċiti fir-Regolament Nru 1049/2001 ma jkollhomx l-effett li jillimitaw il-portata sħiħa tal-protezzjoni mogħtija lil din id-data. F’tali kuntest ġenerali, għalkemm huwa veru li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ma huwiex, skont l-Artikolu 6(1), tar-Regolament Nru 1049/2001, ikkundizzjonat mill-ġustifikazzjoni, mill-persuna li tressaq it-talba, ta’ interess fl-iżvelar tal-imsemmija dokumenti, l-Artikolu 4(1)(b), tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrikjedi, indirettament, mill-persuna li tressaq it-talba li din turi, permezz ta’ ġustifikazzjoni waħda jew iktar espressa u leġittima, in-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkluża fid-dokumenti li għalihom jintalab l-aċċess.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi essenzjali tal-iskema ta’ protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 45/2001 lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali tagħhom. Issa, dan ir-regolament huwa intiż, skont il-premessa 5 tiegħu, li jagħti lill-persuni li dan jiddefinixxi bħala kkonċernati drittijiet protetti legalment u li jiddefinixxi l-obbligi tal-persuni responsabbli mill-ipproċessar fi ħdan l-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni fil-qasam tal-ipproċessar tad-data. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-rigward tal-possibbiltà ta’ istituzzjoni jew organu tal-Unjoni li tittrasferixxi data ta’ natura personali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, mingħajr ma jiġu pperikolati d-drittijiet rikonoxxuti lill-dawn il-persuni mir-Regolament Nru 45/2001 bħala drittijiet fundamentali, skont il-premessa 12 tiegħu. Għalhekk, is-sodisfazzjon tal-kundizzjoni ta’ neċessità timplika li jintwera li t-trasferiment tad-data ta’ natura personali hija l-miżura l-iktar adegwata fost il-miżuri l-oħra prevedibbli sabiex jintlaħaq l-għan segwit mill-persuna li ressqet it-talba u li dan huwa proporzjonat ma’ dan l-għan, fatt li jobbliga lill-persuna li tressaq it-talba li tippreżenta ġustifikazzjonijiet espressi u leġittimi f’dan is-sens.

Tali interpretazzjoni ma twassalx sabiex tinħoloq eċċezzjoni ta’ “kategorija” għall-prinċipju ta’ aċċess għad-dokumenti favur data ta’ natura personali, iżda twassal sabiex jiġu kkonċiljati ż-żewġ drittijiet fundamentali li jkunu f’kunflitt meta talba għal aċċess għal dokumenti tkun tirrigwarda data ta’ natura personali, protetta mir-Regolament Nru 45/2001.

Għalhekk, l-interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni ta’ neċessità, prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, ma tfissirx li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni trasferiment ta’ data ta’ natura personali ta’ natura ġenerali, bħad-dritt tal-pubbliku għal informazzjoni.

Fit-tielet lok, peress li l-persuna li titlob l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali wriet in-neċessità tat-trasferiment ta’ dawn tal-aħħar u li l-istituzzjoni mitluba qieset li ma kienet teżisti l-ebda raġuni li tindika li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, id-data tista’ tiġi ttrasferita u, peress li ma tapplika l-ebda eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 minbarra dik marbuta mal-preġudizzju tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, id-dokument jew dokumenti li jinkludu d-data għandhom jiġu żvelati, u għaldaqstant, isiru aċċessibbli għall-pubbliku.

Isegwi li l-kriterju tan-neċessità previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, li l-kundizzjoni tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali timplika eżami mill-istituzzjoni jew l-organu ffaċċjat bin-neċessità fid-dawl tal-għan segwit mill-persuna li titlob l-aċċess għad-dokumenti, fatt li jirrestrinġi l-portata tar-regola tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ talba għal aċċess, li l-ġustifikazzjoni tan-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data, invokata mill-persuna li tressaq it-talba, tista’ tkun ta’ natura ġenerali u li r-Regolament Nru 1049/2001 ma għandux jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jimplikaw li l-iżvelar leġittimu qatt ma jista’ jsegwi l-għan ta’ żvelar sħiħ lill-pubbliku.


(ara l-punti 48, 51-54, 56, 59-61, 67, 68)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 80)

6.      Is-sempliċi invokazzjoni, mill-persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti ta’ istituzzjoni, tad-dritt għal informazzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni marbuta mal-kontroll tal-ispejjeż pubbliċi ma tippermettix li jiġi ddeterminat kif it-trasferiment tal-ismijiet tal-membri ta’ din l-istituzzjoni parteċipanti fi skema tal-pensjoni addizzjonali jikkostitwixxi l-miżura l-iktar adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-rikorrenti u lanqas kif din hija proporzjonata għal dan l-għan. Dan jgħodd ukoll għall-invokazzjoni ta’ dibattitu diġà eżistenti fuq tali skema, li ma jippermettix li tintwera n-neċessità tal-persuna li titlob l-aċċess li tikseb it-trasferiment tad-data inkwistjoni.

Madankollu, għaldaqstant fejn tintwera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, l-istituzzjoni jew l-organu tal-Unjoni li jirċievi talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu tali data għandu jibbilanċja l-interessi differenti tal-partijiet inkwistjoni u tivverifika jekk teżistix xi raġuni li tindika li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati kif jippreskrivi l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data.

(ara l-punti 83, 84, 116, 127)

7.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bil-għan li persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti miżmuma minn istituzzjoni li jikkonċernaw l-affiljazzjoni ta’ ċerti membri tagħha fi skema tal-pensjoni addizzjonali, tkun permessa li tilħaq l-għan tagħha li jiġu rrilevati l-kunflitti ta’ interessi potenzjali ta’ dawn il-membri, l-istituzzjoni inkwistjoni għandha tipproċedi bit-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li kienu wkoll membri tal-assemblea plenarja fil-mument tal-votazzjoni dwar din l-iskema u li effettivament ivvotaw, mingħajr ma tillimita ruħha għall-ismijiet ta’ dawk li pparteċipaw fl-iskrutinji organizzati skont il-proċedura ta’ votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet. Fil-fatt, tkun xi tkun il-proċedura ta’ votazzjoni użata waqt l-iskrutinji fir-rigward tal-iskema, il-membri kollha ta’ din l-istituzzjoni li effettivament ivvotaw u li kienu jipparteċipaw fl-iskema setgħu jiġu influwenzati mill-interess personali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-persuna li titlob l-aċċess tista’ sempliċement turi li dawn il-membri kienu jinsabu f’tali sitwazzjoni, minħabba l-karatteristika doppja tagħhom ta’ membri u ta’ parteċipanti fl-iskema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni kkonċernata twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkunsidra li ma ntwerietx in-neċessità tat-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema u li pparteċipaw fil-votazzjonijiet fuq din tal-aħħar.

(ara l-punti 103, 110, 113)

8.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi, li huwa s-suġġett tat-talba għal aċċess, ma jagħmilx riferiment biss għal sitwazzjoni li fiha l-aġent pubbliku għandu interess personali ta’ natura li tkun influwenzat effettivament l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu iżda wkoll dik li fiha l-interess identifikat jista’, f’għajnejn il-pubbliku, jidher li jinfluwixxi l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interessi potenzjali ma huwiex intiż biss sabiex jiġu rrilevati l-każijiet li fihom l-aġent pubbliku eżerċita l-funzjonijiet tiegħu bl-għan li jissodisfa l-interessi personali tiegħu, iżda wkoll sabiex jinforma lill-pubbliku dwar ir-riskji ta’ kunflitti tal-interessi imposti fuq l-aġenti pubbliċi, bil-għan li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, dawn tal-aħħar jaġixxu b’mod imparzjali, wara li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jkunu jinsabu fihom, jkunu ddikjaraw is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali li tirrigwardhom u addottaw jew ipproponew miżuri sabiex jirriżolvu jew jevitaw l-imsemmi kunflitt.

(ara l-punti 106, 109)

9.      Id-distinzjoni magħmula għall-personalitajiet pubbliċi bejn l-isfera pubblika u l-isfera privata hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ protezzjoni tad-data ta’ natura personali li għandhom dritt għalih taħt is-sistema tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, anki jekk dan tal-aħħar ma jipprovdi xejn f’dan is-sens. Fil-fatt, ikun totalment inopportun li talba għal trasferiment tad-data ta’ natura personali tiġi evalwata bl-istess mod irrispettivament mill-identità tal-persuna kkonċernata. Peress li personalità pubblika għażlet li tesponi lil terzi, b’mod partikolari lill-medja u, permezz ta’ dawn, lill-pubbliku ftit jew wisq kbir skont il-qasam ta’ azzjoni tagħha, għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-ambjent sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ preġudizzju fil-konfront tal-interessi tal-personalitajiet pubbliċi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 u sabiex jiġu bbilanċjati dawn l-interessi man-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali mitlub.

F’tali kuntest, għaldaqstant meta talba fformulata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tkun tikkonċerna l-aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw membri ta’ istituzzjoni parteċipanti fi iskema tal-pensjoni addizzjonali li għaliha huma kienu pparteċipaw fil-votazzjoni fi ħdan din l-istituzzjoni, sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ preġudizzju fil-konfront tal-interessi ta’ dawn il-membri, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rabta li għandha d-data personali inkwistjoni, jiġifieri l-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li vvotaw fuq din tal-aħħar, mal-mandat ta’ dawn tal-aħħar. Peress li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fl-iskema hija miftuħa għall-membri biss, id-data personali inkwistjoni tifforma parti mill-isfera pubblika ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni fl-iskema hija fakultattiva u tirriżulta minn adeżjoni volontarja jew dik li l-pensjoni addizzjonali tinġabar wara l-iskadenza tal-mandat ma humiex determinanti sabiex jinserixxu d-data ta’ natura personali inkwistjoni fl-isfera privata tal-membri. Isegwi li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fl-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, l-interessi leġittimi tal-membri parteċipanti fl-iskema, li huma marbuta mal-isfera pubblika ta’ dawn tal-aħħar, għandhom ikunu suġġetti għal livell ta’ protezzjoni inqas għoli minn dak li, skont il-loġika tar-Regolament Nru 45/2001, jibbenefikaw minnu l-interessi marbuta mal-isfera privata tagħhom.

(ara l-punti 119-121, 124)

10.    Fil-kuntest ta’ talba għal aċċess ta’ dokumenti tal-Parlament Ewropew li tirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ ċerti membri tagħha fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali, talba fformulata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, id-data ta’ natura personali tiġi ttrasferita biss jekk ma tkunx teżisti raġuni li abbażi tagħha dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati. F’dan ir-rigward, peress li l-interessi leġittimi tal-membri parteċipanti fl-iskema, li huma marbuta mal-isfera pubblika ta’ dawn tal-aħħar, huma suġġetti għal livell ta’ protezzjoni inqas għoli minn dak li, skont il-loġika tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, jibbenefikaw minnu l-interessi marbuta mal-isfera privata tagħhom, il-livell ridott ta’ protezzjoni tal-ismijiet ta’ dawn il-membri għandu l-effett li jagħti piż ikbar lill-interessi rrappreżentati mill-għan segwit mit-trasferiment.

Għalhekk, l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-membri, li huwa l-għan tat-trasferiment tad-data mitluba, jippermetti li jiġi żgurat kontroll aħjar tal-azzjoni tal-membri u tal-funzjonament ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tirrappreżenta l-popli tal-Istati Membri kif ukoll li tittejjeb it-trasparenza tal-azzjoni tagħha. Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza tal-interessi preżenti, intiżi li jiżguraw il-funzjonament korrett tal-Unjoni billi tiġi żviluppata l-aspettattiva li ċ-ċittadini jistgħu jkunu rrappreżentati fl-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu ppreġudikati l-interessi leġittimi tal-membri parteċipanti fl-iskema, permezz tat-trasferiment tad-data personali inkwistjoni. L-ibbilanċjar tal-interessi preżenti kellha wkoll twassal sabiex jiġi ammess li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema u li pparteċipaw fil-votazzjoni fuq din tal-aħħar, peress li l-Parlament ma setax legalment isostni li kienet teżisti preżunzjoni legalment vinkolanti favur l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati mid-data ta’ natura personali li għandha tiġi ttrasferita. Xejn fit-test tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ma jimmilita favur ir-rikonoxximent ta’ tali preżunzjoni, peress li l-evalwazzjoni ta’ talba għal trasferiment ta’ data ta’ natura personali tirrikjedi li jiġu bbilanċjati l-interessi preżenti, wara li l-persuna li tressaq it-talba tkun uriet l-eżistenza ta’ neċessità li tiġi ttrasferita l-imsemmija data.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi jikkunsidra li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li pparteċipaw fil-votazzjoni fuq din tal-aħħar kien jippreġudika l-interessi leġittimi ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 124-127, 130)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 136-141)