Language of document : ECLI:EU:T:2015:678

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

23 ta’ Settembru 2015

Kawża T‑114/13 P

Maria Concetta Cerafogli

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell – Persunal tal-BĊE – Ilment imressaq għal diskriminazzjoni u fastidju psikoloġiku – Deċiżjoni tal-BĊE li jagħlaq l-investigazzjoni amministrattiva miftuħa wara l-ilment – Rifjut ta’ aċċess għal provi matul il-proċedura amministrattiva – Ċaħda ta’ talba sabiex tiġi ordnata l-produzzjoni tal-provi matul il-proċedura ġudizzjarja – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ liġi”

Suġġett:      Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2012, Cerafogli vs BĊE (F‑43/10, ĠabraSP, EU:F:2012:184), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2012, Cerafogli vs BĊE (F‑43/10), hija annullata. Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi – Portata

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ kontradittorju – Portata

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Drittijiet u obbligi – Investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku – Dritt tal-lanjant li jinstema’ u ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni – Limiti

4.      Proċedura ġudizzjarja – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti – Talba intiża għal informazzjoni inkluża f’rapport ta’ investigazzjoni redatt wara lment minħabba diskriminazzjoni u fastidju psikoloġiku – Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tibbilanċja l-interess tar-rikorrent li jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu għal azzjoni ġudizzjarja effettiva u l-inkonvenjenzi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar ta’ elementi ta’ dan ir-rapport – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 47)

5.      Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tar-rifjut tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji – Portata

(Artikolu 256(2) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32 sa 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra, EU:C:2008:746, punt 36; tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C-383/13 PPU, Ġabra, EU:C:2013:533, punt 32, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou, C‑276/12, Ġabra, EU:C:2013:678, punt 38

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742, punt 50

3.      Is-sitwazzjoni ta’ lanjant, fil-kuntest ta’ lment minħabba fastidju psikoloġiku, ma jistax jiġi assimilat ma’ dak tal-persuna li tkun is-suġġett tal-ilment u d-drittijiet proċedurali li għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-persuna akkużata b’fastidju huma distinti minn dawk, iktar limitati, disponibbli, fl-ambitu tal-proċedura amministrattiva, għal-lanjant li jqis li kien il-vittma ta’ fastidju.

(ara l-punt 40)

4.      Id-dritt għall-benefiċċju ta’ azzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-lanjant li l-ilment dwar fastidju psikoloġiku tiegħu jkun ġie miċħud ikun jista’ jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea l-att li jikkawżalu preġudizzju fl-elementi kollha tiegħu, inkluż, jekk ikun meħtieġ, billi jsostni li r-rapport ta’ investigazzjoni ma jirriflettix b’mod korrett ix-xhieda li fuqha din iċ-ċaħda kienet ibbażata. Dan id-dritt jista’ jimplika li r-rikorrenti, sabiex isostni b’mod effettiv l-argumenti tiegħu, jitqiegħed f’pożizzjoni li jistħarreġ huwa stess l-adegwatezza tar-rapport tal-investigazzjoni u l-proċessi verbali tax-xhieda li fuqhom ir-rapport huwa bbażat jew, tal-inqas, li jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jieħu konjizzjoni ta’ dawn il-provi fil-kundizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità li l-Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu jipprevedi. Huwa għalhekk il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, konformement mal-Artikolu 47(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, jibbilanċja l-interess tar-rikorrent li jkollu l-provi neċessarji sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, minn naħa, mal-inkonvenjenzi li l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkawża, min-naħa l-oħra.

(ara l-punt 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni, C-135/11 P, Ġabra, EU:C:2012:376, punt 73

5.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, bħala prinċipju, setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwa l-utilità ta’ ordni għall-produzzjoni tal-elementi neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwim imressaq quddiemu. Il-valur probatorju jew in-nuqqas tiegħu tad-dokumenti tal-proċedura jaqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tiegħu tal-fatti, li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fl-ambitu tal-appell, ħlief f’każijiet ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati lill-qorti tal-ewwel istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet li jkunu saru minn din tal-aħħar tirriżulta mid-dokumenti ppreżentati fil-proċess.

Madankollu, meta rikorrent ma jkunx, b’mod korrett, tqiegħed f’pożizzjoni li jaċċedi, matul il-proċedura amministrattiva, għal provi determinanti għall-eżitu ta’ din il-proċedura, ma jistax jiġi meħtieġ minnu li huwa jistabbilixxi suffiċjentement l-iżbalji ta’ fatt li l-konstatazzjoni tagħhom tiddependi fuq l-eżami tal-provi li għalihom ma ngħatax aċċess. Mill-banda l-oħra, jekk ir-rikorrent jipprovdi bidu ta’ prova insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jitlob il-produzzjoni tal-provi neċessarji sabiex jevalwa l-fondatezza ta’ din l-argumentazzjoni.

(ara l-punti 44 u 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra, EU:C:2009:456, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata