Language of document : ECLI:EU:T:2005:134

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

20 ta' April 2005 (*)

«Trademark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trademark verbali Komunitarja CALPICO – Trademark nazzjonali preċedenti CALYPSO – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Dritt li wieħed jinstema'»

Fil-kawża T-273/02,

Krüger GmbH & Co. KG, stabbilita f'Bergisch Gladbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. von Petersdorff-Campen, Avukat,

rikorrenti

vs

l-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li qiegħda tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prima Istanza, li hija

Calpis Co. Ltd, stabbilita f'Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn O. Jüngst u M. Schork, Avukati,

li għandha bħala għan rikors magħhmul kontra d-deċiżjoni ta' l-ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-25 ta' Ġunju 2002 (kawża R 484/2000-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Calpis Co. Ltd  u Krüger GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Mħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Settembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Diċembru 2002,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Diċembru 2002,

wara s-seduta tas-17 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1 ta' April 1996, The Calpis Food Industry Co. Ltd, li saret Calpis Co. Ltd (minn hawn 'il quddiem « l-intervenjenti »), ippreżentat applikazzjonitalba għal trademark Komunitarja lill-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1 ), kif emendat.

2       It-trademark li qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha hija t-trademark verbali CALPICO.

3       Ir-reġistrazzjoni qed tiġi mitluba għal prodotti fil-klassijiet 29, 30 u 32 taħt il-ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, għall-klassi 32, u li jikkorrispondi, għad-deskrizzjoni li jmiss: «ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħholiku; b'mod partikulari xorb għal użu fiżjoloġiku, xorb b'bażi ta' frott u meraq tal-frott, kif ukoll xorb b'bażi ta' meraq tal-frott, xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet ».

4       Fit-28 ta' Settembru 1998, l-applikazzjoni għat-trademark ġiet ppubblikata fil-Bulletin des marques communautaires Nru. 74/98.

5       Fil-11 ta' Novembru 1998, Krüger GmbH & Co. KG (minn hawn 'il quddiem ir-«rikorrenti») għamlet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark CALPICO minħabba r-riskju ta' konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru. 40/94, mat-trademark nazzjonali verbali preċedenti CALYPSO, irreġistrata fil-Ġermanja, li tagħha hija l-proprjetarja. Il-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trademark preċedenti jaqgħu fil-klassi 32 taħt il-ftehim ta' Nizza u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: «trab tal-frott u preparazzjonijiet mhux alkoħoliċi b'bażi ta' frott biex isiru xarbiet mhux alkoħoliċi (il-prodotti kollha wkoll fil-forma ta' prodotti istantanji)».

6       B'deċiżjoni tat-13 ta' Marzu 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, minħabba li ż-żewġ trademarks kunfliġġenti jippreżentaw biżżejjed differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali sabiex jeskludu kull riskju ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

7       Fil-5 ta' Mejju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat rikors lill-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

8       B'deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 2002 (minn hawn 'il quddiem id-«deċiżjoni kkontestata»), l-ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet r-rikors. Il-Bord ta' l-Appell qies, fis-sustanza, li, minkejja li l-prodotti kkonċernati huma parzjalment identiċi (preparazzjonijiet għax-xorb) u parzjalment estremament simili (prodotti oħra), id-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn it-trademarks kunfliġġenti ma jsostnux il-konklużjoni li hemm riskju ta' konfużjoni.

 Talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lil din il-Qorti sabiex:

–       tannulla d-deċizjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

10     L-UASI u l-intervenjent jitolbu lil din il-Qorti sabiex:

–       tiċħad r-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrent bl-ispejjeż.

 Fid-dritt

11     B'sostenn għar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt li wieħed jinstema', imsemmi fl-Artikolu 61(2), tar- Regolament Nru 40/94, moqri flimkien ma' l-ewwel sentenza tar-regola 20(2), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

 Dwar l-ewwel motiv, li jirrigwarda l-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

12     Ir-rikorrenti tqis, fl-ewwel lok, li billi pproċediet għal analiżi fl-istess ħin tax-xebh fuq il-livell viżiv, dak fonetiku u dak kunċettwali bejn it-trademarks kunfliġgġenti, il-Bord ta' l-Appell wettaq eżami kumulattiv, li huwa manifestament żbaljat tar-riskju ta' konfużjoni. Skond ir-rikorrent, sakemm, wieħed minn dan it-tip ta' xebh, per eżempju xebh viżiv, jiġi kkonstatat u sakemm dan hu ta' importanza deċisiva, l-eżami tax-xebh kunċcettwali bejn it-trademarks kunfliġġenti mhux mitlub, anki jekk jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' kull xebh fonetiku. Madankollu, bit-twettiq ta' eżami kumulattiv, il-Bord ta' l-Appell ma qiesx il-ġurisprudenza msemmija fid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra p. I‑6191), u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C-342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 27).

13     Ir-rikorrenti tafferma, fit-tieni lok, li l-Bord ta' l-Appell ma qiesx korrettament il-fatti u li ma setgħax jikkonkludi li hemm nuqqas ta' xebh bejn it-trademarks kunfliġġenti.

14     Hija ssostni qabel kollox, li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta qies li, minħabba fl-abbondanza ta' l-għażla fis-settur tal-meraq tal-frott u tax-xorb, il-livell ta' l-attenzjoni tal-konsumatur medju ma kellux ikun meqjus bħala baxx. Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta' għażla abbondanti fis-settur tal-meraq tal-frott u tax-xarbiet, iżda tqis li r-raġunament tal-Bord ta' l-Appell huwa kontradittorju. Jekk, kif qies dan ta' l-aħħar, f'dan il-każ, kienet kwistjoni ta' prodotti mixtrija malajr, il-livell ta' l-attenzjoni tal-konsumatur ma jistax ikun għoli. Barra minn dan, l-abbondanza ta' l-għażla tiffavorixxi r-riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks. Apparti minn dan, il-Bord ta' l-Appell inniffsu enfasizza li l-prezz tal-prodotti kien baxx. Fl-opinjoni tar-rikorrent, il-konsumatur medju jagħti anqas attenzjoni lil prodott bi prezz baxx milli lil prodott aktar għhali.

15     Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li jeżisti xebh viżiv bejn it-trademarks CALYPSO u CALPICO. It-tnejn huma magħmula minn seba' ittri u jinkludu l-ittra «p» f'nofs il-kelma. Barra minn dan, l-ittri komuni għaż-żewġ trademarks («cal» u «o») jinsabu fil-bidu u fit-tmiem tat-trademark. Ir-rikorrenti ssostni li huma dawn l-elementi tal-bidu u tat-tmiem li huma determinanti fl-impressjoni viżiva li jħallu. Il-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, li jeżistu differenzi viżivi bejn iż-żewġ serji ta' ittri «pic» u «yps», għalhekk mhijiex rilevanti, għaliex dawn jinsabu f'nofs il-kelma. Ir-rikorrenti temfasizza wkoll li t-trademarks ikkonċernati huma perċepiti l-ewwelnett viżwalment, u huma biss perċepiti fonetikament mill-konsumatur jekk dan jeżaminahom b'aktar attenzjoni. Issa, billi l-livell tiegħu ta' attenzjoni huwa baxx, is-sinjali huma l-iktar perċepiti biss b'mod viżiv. Għal din ir-raġuni jaqbel li tingħata importanza deċiżiva lix-xebh viżiva.

16     Skond ir-rikorrenti, ir-riskju ta' konfużjoni li ġej mix-xebh viżiv huwa rrifforzat mix-xebh fonetiku li jeżisti bejn it-trademarks. Dawn, fil-fatt, għandhom komuni s-serje ta' vokali «a-i-o», komuni peress l-ittra «y» tat-trademark CALYPSO hija ppronunzjata bħala «i». Is-serje ta' vokali hija hekk il-fattur determinanti fil-perċezzjoni fonetika tal-kliem ikkonċernati. Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li, billi t-trademark CALPICO hija meqjusa bħala kelma barranija fil-Ġermanja, il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jippronunzjawha bħallikieku kienet kelma Taljana jew Spanjola, jiġifieri « kalpitscho » jew « kalpizo ». Għalhekk, għall-konsumatur Ġermaniż, jeżisti dubju fuq il-pronunzja tat-trademark verbali CALPICO, li twassal lill-konsumatur li jippronunzjaha bl-istess mod bħat-trademark CALYPSO, li diġà sema' biha. L-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-ittra «c» ta' CALPICO hija dejjem ppronunzjata «k», għaliex fil-Ġermaniż l-ittra «c» hi dejjem ippronunzjata hekk meta hija mqiegħda quddiem «o», għalhekk mhijiex rilevanti, billi CALPICO mhijiex kelma Ġermaniża.

17     Ir-rikorrenti, tqis ukoll li n-nuqqas ta' xebh kunċettwali bejn iż-żewġ trademarks ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li ma hemm l-ebda riskju ta' konfużjoni. Safejn fil-Ġermaniż il-kelma «calypso» għandha bosta tifsiriet – hija tindika danza ritmika li toriġina mill-Antilles, ninfa tal-mitoloġija Griega jew qamar tal-pjaneta Saturnu – u l-kelma «calpico» m'għandha l-ebda tifsira, il-konsumatur jista', minħabba fix-xebh viżiv u fonetiku li jeżisti bejn iż-żewġ trademarks, jagħti lill-kelma «calpico» it-tifsira tal-kelma «calypso». Barra minn dan, il-Bord ta' l-Appell ma wriex għalfejn, fost it-tifsiriet differenti tal-kelma «calypso», il-konsumaturi jassoċjawha mal-Karajbi, man-Nofsinhar u ma' ritmi żegliegija.

18     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma qiesx l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trademarks u dak tal-prodotti fil-valutazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni. Fil-fatt, wara li sab xebh bejn il-prodotti, il-Bord ta' l-Appell kellu jikkonkludi li hemm eżistenza ta' riskju ta' konfużjoni, abbażi tax-xebh viżiv u fonetiku bejn it-trademarks.

19     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-prassi deċiżjonali ta' l-UASI, b'mod partikulari għad-deċiżjonijiet R 488/2000-4, tat-28 ta' Frar 2002, Robert Krups/Lidl Stiftung, R 622/1999-3, tat-3 ta' April 2001, Almirall Prodesfarma/Mundipharma, u R 251/2000-3, tat-12 ta' Frar 2001, Karlsberg Brauerei/Mystery Drinks.

20     L-UASI jirribatti, l-ewwelnett, li l-Bord ta' l-Appell ma affermax li, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta' riskju ta' konfużjoni, jeħtieġg li fl-istess waqt jeżisti xebh viżiv, xebh fonetiku u xebh kunċettwali.

21     It-tieninett, l-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell analizzat il-fatti korrettament u ikkonkludiet, ġustament, li ma jeżistix riskju ta' konfużjoni.

22     Qabel kollox, l-UASI jsostni li, anki fil-każ ta' xiri ta' prodotti ta' konsum wiesgħa, jeħtieġ li wieħed jibda mill-ipoteżi ta' livell ta' attenzjoni medju tal-konsumatur, u mhux ta' livell ta' attenzjoni dgħajjef. Ir-rikorrenti għandha għalhekk turi, f'din il-kawża, li dan mhuwiex il-każ għall-meraq tal-frott. Iżda, is-sempliċi affermazzjoni li l-prassi hija f'dan is-sens m'għandhiex tkun meqjusa bħala prova suffiċjenti. Fir-realtà, skond l-UASI, il-konsumatur Ġermaniż sensittiv ħafna għat-trademarks tal-meraq tal-frott. Is-suċċess kbir ta' ċerta trademarks fuq is-suq Ġermaniż kif ukoll il-kampanji pubbliċitarji spissi mxandra fuq ir-radju u t-televiżjoni jindikaw, skond l-UASI, li l-konsumatur, jagħti għallinqas, attenzjoni medja lit-trademark meta jagħżel tali xarba.

23     Imbagħad, l-UASI tqis li ż-żewġ trademarks jistgħu jiġu distinti b'mod ċar fuq il-livell kunċettwali, fonetiku u viżiv, fatt li jeskludi l-eżistenza ta' riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks.

24     L-intervenjenti tafferma, fl-ewwel lok, li ma tista' tara l-ebda approċċ kumulattiva fid-deċiżjoni kkontestata. Skond l-intervenjenti, ir-rikorrenti ħawwad iż-żewġ eżamijiet. L-ewwel eżami huwa dak tal-valutazzjoni tax-xebh bejn it-trademarks. Mis-sentenzi SABEL u Lloyd Schuhfabrik Meyer, ċitati aktar il fuq, jirriżulta li għandu jiġi eżaminat il-grad ta' xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali sabiex jiġi stabbilit ix-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti. It-tieni eżami huwa dak tal-valutazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni. Huwa biżżejjed li x-xebh ikun preżenti fil-każ ta' wieħed mit-tliet livelli sabiex ir-riskju ta' konfużjoni jiġi stabbilit. Skond l-intervenjenti, jekk, fl-istadju ta' l-eżami tax-xebh bejn it-trademarks, il-Bord ta' l-Appell jikkonkludi li s-sinjali huma distingwibbli wieħed mill-ieħor, hu m'għandux għalfejn jistaqsi ruħu jekk wieħed biss minn dawn it-tliet tipi ta' xebh jista' jwassal għal riskju ta' konfużjoni. Dan huwa, fl-opinjoni ta' l-intervenjenti, dak li għamel il-Bord ta' l-Appell f'din il-kawża.

25     Barra minn dan, l-intervenjent ċaħad l-argument tar-rikorrenti li jaqbel li x-xebh fonetiku jingħata anqas importanza mix-xebh viżiv bejn is-sinjali, minħabba li t-trademarks verbali huma prinċipalment ipperċepiti permezz tal-forma tagħhom bil-miktub. Fil-fatt, skond l-intervenjenti, il-perċezzjoni fonetika li jħallu t-trademarks hija fundamentali. Huma jinstemgħu fil-mezzi tax-xandir ferm qabel ma jinqraw.

26     Fit-tieni lok, l-intervenjenti jsostni li l-Bord ta' l-Appell għandu raġun li jikkonkludi m'hemm l-ebda riskju ta' konfużjoni.

27     F'dan ir-rigward, qabel kollox, hija tqis, li, f'dan il-każ, il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju mhuwiex wieħed baxx. Meta jenfasizza li l-konsumatur, għaliex imdorri li jkollu għażla vasta ta' meraq tal-frott, jagħti importanza lill-ippakkjar u lit-trademarks, il-Bord ta' l-Appell isegwi l-ġurisprudenza tal-Qorti li teżiġi li jitqies il-fatt li «l-livell ta' l-attenzjoni tal-konsumatur medju jista' jvarja skond il-kategoriji tal-prodotti jew servizzi kkonċernati» (deċiżjoni Lloyd Schuhfabrik Meyer, ċitata aktar 'il fuq, punt 26). Għaldaqstant jeħtieġ li l-attenzjoni tal-konsumatur tiġi vvalutata prodott prodott, anki jekk il-prodotti kkonċernati huma ta' użu kurrenti, flok li jiġi applikat il-prinċipju ta' livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju għall-prodotti kollha ta' konsum kurrenti, ikunu liema jkunu. Billi x-xarbiet ikkonċernati huma mmanifatturati minn bosta impriżi, il-konsumatur jeżaminahom b'mod relattivament attent. Il-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord ta' l-Appell f'dak li jirrigwarda l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur għhaldaqstant mhijiex «opposta» għal dik tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, billi din ta' l-aħħar ma tagħmilx għajr li tivvaluta l-fatti b'mod differenti minn ta' l-ewwel.

28     Imbagħad, f'dak li jirrigwarda l-paragun bejn is-sinjali, l-intervenjenti taqbel, fis-sustanza, mal-pożizzjoni espressa mill-UASI.

29     Fl-aħħarnett, safejn jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma qiesx fil-valutazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni, l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trademarks u dik tal-prodotti, l-intervenjenti jqis li dan huwa wkoll bla bażi.

 Valutazzjoni tal-Qorti

30     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 fuq l-oppożizzjoni tas-sid ta' trademark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trademark mitluba għandha tiġi miċħuda meta, minħhabba identiċità jew xebh mat-trademarks preċedenti u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trademarks, hemm riskju ta’ konfużjoni fost il-pubbliku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta.

31     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-riskju li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, jikkostitwixxi riskju ta' konfużjoni.

32     Skond din l-istess ġurisprudenza, ir-riskju ta' konfużjoni għandu jiġi vvalutat b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-trademarks u tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, u billi jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti fil-kawża, b'mod partikulari l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trademarks u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB/OHMI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċitata].

33     Jirriżulta ukoll mill-ġurisprudenza, li l-valutazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trademarks kunfliġġenti, ikun ibbażat fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikulari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen/OHMI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II‑4335, punti 47, u l-ġurisprudenza ċitata].

34     F'din il-kawża, it-tilwima tirrigwarda x-xebh bejn it-trademarks. Il-karattri parzjalment identiċi u parzjalment simili tal-prodotti koperti mit-trademarks kunfliġġenti mhumiex ikkontestati.

35     Billi t-trademark preċedenti hija reġistrata fil-Ġermanja, il-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur Ġermaniż medju.

36     Jaqbel li, qabel kollox jiġi enfasizzat, li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta' riskju ta' konfużjoni ma tistax tiġi kkunstatata mingħajr ma jinżamm eżami preliminari tax-xebh bejn it-trademarks fuq pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali. Fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti, li jista' jiġi kkonstatat riskju ta' konfużjoni meta x-xebh bejn it-trademarks ġie stabbilit fuq wieħed biss mit-tliet livelli msemmija, huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza Komunitarja, mfakkra hawn fuq fil-punt 33, li l-valutazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni, f'dak li għandu x'jaqsam max-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, billi huwa bbażat fuq l-impressjoni totali mogħtija minnhom li jitqiesu, b'mod partikulari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Huwa fil-kuntest ta' dan il-paragun globali li hemm lok, jekk ikun il-każ li jitwieżnu d-differenzi u l-elementi ta' xebh bejn dawn is-sinjali.

37     F'dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Bord ta' l-Appell kisirx l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, billi sab nuqqas ta' xebh verbali, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali kkonċernati li jippermetti li jiġi eskluż, fil-preżenza ta' prodotti identiċi jew simili ħafna, kull riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks kunfliġġenti.

38     F'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv bejn is-sinjali kkonċernati, il-Bord ta' l-Appell qies, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata li:

«Iż-żewġ trademarks fihom seba' ittri li minnhom l-ewwel tlieta (‘CAL’) u l-aħħar waħhda (‘O’) huma identiċi. L-istess ittra (‘P’) tidher fil-parti ċentrali taż-żewġg trademarks. Dan ma jwaqqafx liż-żewġ trademarks milli jagħtu impressjoni viżiva globali differenti. Fil-fatt, is-serje ta' ittri ‘PIC’ fit-trademark mitluba hija kjarament distingwibbli mis-serje ta' ittri ‘YPS’ tat-trademark kunfliġġenti.»

39     Din il-valutazzjoni ma tistax tiġi invalidata. B'mod ġenerali, f'dak li jirrigwarda sinjali verbali relattivament qosra, bħal dawk ikkonċernati f'din il-kawża, l-elementi ċentrali huma importanti daqs l-elementi tal-bidu u tat-tmiem tas-sinjali [ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera/UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48]. It-trademarks kunfliġġenti jippreżentaw effettivament differenzi fuq il-pjan viżiv, minħabba fis-serje ta' ittri «pic» fit-trademark Komunitarju mitluba u «yps» fit-trademark nazzjonali preċedenti, liema differenzi ma jippermettux li jiġi kkonstatat xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti.

40     F'dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku, l-Bord ta' l-Appell indika, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata li:

«Kuntrarjament għall-opponent, il-Bord ta' l-Appell ma jara l-ebda raġuni li tippermetti li jiġi affermat li fil-Ġermanja it-trademark mitluba hija ppronunzjata ‘KALPITZO’ jew ‘KALPISO’. Fil-Ġermaniż, meta l-ittra ‘C’ tippreċedi ‘O’, din hija dejjem ippronunzjata bħala ‘K’ bħal fil-kliem ‘Collage, ‘Computer, ‘Container’, ‘Coburg’ jew ‘Coca-Cola®’. Hija għalhekk konsonanti iebsa. Lingwistikament, it-trademark mitluba hija maqsuma fi tliet sillabi: CAL-PI-CO (ppronunzjati ‘KAL-PI-KO’), bl-aċċent ewlieni fuq l-ewwel sillaba. Waqt li, lingwistikament, it-trademark ta' l-opponent fiha wkoll tliet sillabi, jiġifieri CA-LY-PSO (ippronunzjati ‘KA-LU-PSO’), l-aċċent ewlieni huwa fuq it-tieni sillaba. Bħala konklużjoni, iż-żewġ trademarks kunfliġġenti huma nettament differenti, fuq il-livell fonetiku.»

41     Din il-valutazzjoni ma tistax ħlief tkun approvata. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti fihom żewġ sillabi nettament differenti fuq il-livell fonetiku, li l-aċċent ewlieni fiż-żewġ sinjali ma jaqax fuq l-istess sillaba u li l-ittra «y» fil-Ġermaniż mhijiex ippronunzjata fl-istess mod li hija ppronunzjata l-ittra «i». Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-konsumatur Ġermaniż jippronunzja s-sinjali verbali CALPICO bħala «kalpitscho» jew «kalpizo», hekk kif huwa ppronunzjat bit-Taljan jew bl-Ispanjol, hemm lok li jiġi nnutat li, anki kieku l-pubbliku rilevanti kellu għarfien suffiċjenti tal-lingwi Taljana u Spanjola, CALPICO mhijiex ippronunzjata « kalpitscho » jew « kalpizo » la fit-Taljan u lanqas fl-Ispanjol. Barra minn dan, anki jekk tassumi li, kif issostni r-rikorrenti, li l-konsumatur Ġermaniż, billi jagħraf it-trademark CALPICO bħala kelma barranija, jadotta pronunzja fantasjuża u inċerta li tikkorisspondi għal dik li jassumu li hi korretta fit-Taljan jew fl-Ispanjol, dan il-konsumatur mhuwiex madankollu ser ikun inċitat sabiex jippronunzja dan it-terminu f'mod analogu għas-sinjal verbali CALYPSO, il-pronunzja ta' liema hija stabbilita fil-lingwa Ġermaniża. Din id-differenza tikkontribwixxi sabiex jiġi eskluż kull xebh fonetiku bejn iż-żewġ trademarks.

42     F'dak li jirrigwarda l-paragun kunċettwali magħmul mill-Bord ta' l-Appell, dan ta' l-aħħar innota, li fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma «calpico» hi «kelma purament immaġginattiva, nieqsa minn kull kontenut semantiku», filwaqt li l-kelma «calypso» tevoka «il-Karajbi, in-Nofsinhar u r-ritmi żegliegija» jew in-nimfa tal-mitoloġija Griega li għandha Ulissi sab kenn wara n-nawfraġju. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Bord ikkonkluda li s-sinjali kunfliġġenti m'għandhom «l-ebda xebh kunċettwali».

43     F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jinnota li, għall-pubbliku rilevanti il-kelma «calypso» effettivament għandha ta' l-inqas iż-żewġ tifsiriet evokati mill-Bord ta' l-Appell, filwaqt li m'hemmx diskussjoni li l-kelma «calpico» m'għandha l-ebda. Mil-lat kunċettwali, il-pubbliku rilevanti jista' għhaldaqstant jiddistingwi kjarament iż-żewġ sinjali kunfliġġenti hi x'inhi t-tifsira preċiża minn fost iż-żewġ tifsiriet imqajjma mill-Bord ta' l-Appell li tiġi mogħtija lill-kelma «calypso». Barra minn dan, anki kieku, kif issostni r-rikorrenti, il-pubbliku rilevanti jassoċja l-kelma «calypso» ma' waħda mis-satelliti tal-pjaneta Saturnu, din iċ-ċirkostanza ma tagħti lok għal ebda xebh kunċettwali mal-kelma « calpico ».

44     Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda, li hemm nuqqas ta' xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti.

45     F'dawn iċ-ċirkostanzi, minkejja l-fatt li l-prodotti koperti mit-trademarks kunfliġgġenti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili ħafna, id-differenza viżiva u d-differenzi fonetiċi u kunċettwali ċari bejn it-trademarks kunfliġġenti jippermettu li jkun eskluż, mill-pubbliku rilevanti, kull riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks.

46     L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti m'għandhom ebda effett fuq din il-konklużjoni.

47     F'dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impressjoni globali tat-trademarks kunfliġġenti hija ddominata mill-impressjoni viżiva, huwa biżżejjed li jiġi nnutat li, anki kieku kienet fundata, din ma tipprovax li hemm riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks kunfliġġenti, fin-nuqqas ta' xebh viżiv bejn it-trademarks.

48     F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent dwar il-prassi deċiżjonali preċcedenti ta' l-UASI, dan ukoll għandu jiġi miċħud, peress li sustanza ġgurisprudenza stabbilita l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tkun ivvalutata biss fuq abbażi tar-Regolament Nru 40/94 u mhux fuq abbażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti bħal din [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2002, Sykes Enterprises/UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T-130/01, Ġabra p. II‑5179, punt 31, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro/UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 61].

49     Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell f'Karlsberg Brauerei/Mystery Drinks, ċitata aktar 'il fuq fil-punt 19 speċifikament diskussa mir-rikorrenti u l-intervenjenti, u li kienet s-suġġett ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Jannar 2003, Mystery Drinks/UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T-99/01, Ġabra p. II‑43], ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta' sitwazzjoni paragunabbli ma' din il-kawża, billi, f'din il-kawża, is-sinjali kunfliġġenti għandhom differenzi fonetiċi ċari, filwaqt li fil-kawża li tat lok għas-sentenza MYSTERY, is-sinjali kkonċernati ġew iġġudikati bħala fonetikament simili.

50     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell qieset għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks kunfliġġenti, il-livell ta' attenzjoni mhux negliġgibbli tal-pubbliku rilevanti, bil-kuntrarju ta' l-analiżi mwettqa mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, liema analiżi kienet qieset li l-pubbliku rilevanti kien jixtri l-prodotti koperti mit-trademarks kunfliġġenti b'ċerta traskuraġni.

51     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-oppożizzjoni minħabba n-nuqqas ta' riskju ta' konfużjoni, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni indikat li:

«Minkejja l-fatt li dan il-kawża tinvolvi prodotti identiċi, id-differenzi bejn is-sinjali pparagunati jidhru biżżejjed sabiex [it-trademarks] jiġu distinti b'ċertezza suffiċjenti. Huwa veru li, f'din il-kawża jaqbel li jkunu applikati kriterji stretti f'dak li jirrigwarda d-differenza li għandha teżisti bejn it-trademarks, b'mod partikulari għax il-prodotti pparagunati huma oġġetti ta' konsum wiesgħa li, kif turi l-esperjenza, huma mixtrija b'ċertu traskuraġni u mingħajr ma tingħata attenzjoni partikulari lill-ismijiet tal-prodotti.»

52     F'dak li jirrigwarda l-Bord ta' l-Appell, għandu jitfakkar li, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkuntestata, dan ippreċiża:

«Il-prodotti koperti minn kull waħda mit-trademarks huma prodotti tal-ħajja ta' kuljum li l-konsumatur ġeneralment jixtri meta jmur fis-supermarkits u fil-ħwienet tax-xorb. Il-prezz ta' dawn il-prodotti huwa tali li jistgħu jiġu definiti bħala prodotti ta' prezz baxx. Iżda, minħabba fl-għażla vasta fis-settur tal-meraq tal-frott u tax-xarbiet, l-attenzjoni tal-klijent medju ma tistax titqies bħala negliġibbli. Fil-fatt, billi hu mdorri jiltaqa' ma' għażla vasta ta' meraq tal-frott u ta' prodotti ta' l-istess tip, bħat-trabijiet ippreżentati f'ippakkjar simili, il-konsumatur fil-mument tax-xiri, jagħti attenzjoni lill-ippakkjar ta' kull wieħed minnhom jew jeżamina t-trademarks aktar mill-qrib.»

53     Billi l-prodotti koperti mit-trademarks kunfliġġenti huma prodotti ta' konsum wiesgħa, kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta' l-Appell qiesu li l-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku rilevanti mhuwiex wieħed elevat. Huwa veru, li l-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata hu differenti mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni f'dak li jirrigwarda l-valutazzjoni tal-grad eżatt ta' attenzjoni li l-pubbliku rilevanti jagħti lit-trademarks kunfliġġenti, minħabba l-influwenza li l-għażla vasta fis-settur tal-meraq tal-frott u x-xarbiet jista' jkollha fuq tali attenzjoni. Madankollu, filwaqt li l-Bord ta' l-Appell qies li l-għażla vasta ta' l-offerta fis-settur tal-meraq tal-frott u tax-xorb tista' twassal lill-pubbliku rilevanti li jagħti attenzjoni partikulari lit-trademarks kunfliġġenti, hu ma qiesx li tali attenzjoni kienet elevata.

54     F'kull każ, id-differenza ta' valutazzjoni bejn id-deċiżjonijiet taż-żewġ dipartimenti ta' l-UASI m'għandhiex konsegwenzi rigward in-nuqqas ta' xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u n-nuqqas ta' riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks, deċiż minn dawn id-dipartimenti. Fil-fatt, jekk jitqiesu d-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn it-trademarks kunfliġġenti, mfakkra fil-punti 38 sa 43 hawn fuq, il-konsumatur medju Ġermaniż mhuwiex ser jattribwixxi l-istess oriġini kummerċjali lill-prodotti koperti mit-trademarks kunfliġġenti, anki jekk ma jagħti ebda attenzjoni partikulari lil dawn it-trademarks.

55     F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Bord ta' l-Appell qies korrettament li ma jeżistix riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks kunfliġġenti, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

56     Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Dwar it-tieni motiv li jirrigwarda l-ksur tad-dritt li wieħed jinstema' skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien ma' l-ewwel sentenza tar-Regola 20(2), tar-Regolament Nru 2868/95 u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

 Argumenti tal-partijiet

57     Ir-rikorrenti tqis li, skond il-Bord ta' l-Appell, il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju mhuwiex wieħed dgħajjef minħabba fil-varjetà u l-offerta vasta fis-settur tal-meraq tal-frott u tax-xarbiet. Madankollu, il-Bord ma stidinx lir-rikorrenti sabiex tissottomettilu l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-valutazzjoni li hu għamel fuq il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju, fatt li jikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha li tinstema', skond l-Artikolu 61(2), tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien ma' l-ewwel sentenza tar-Regola 20(2), tar-Regolament Nru 2868/95 u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

58     L-UASI jenfasizza li kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll ir-rikorrenti diġà esprimew rwieħhom fuq il-kwistjoni tal-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur qabel ma' din ġiet eżaminata mill-Bord ta' l-Appell. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk setgħat twarrab l-argumenti li l-partijiet ressqu mingħajr ma jkun hemm bżonn li dawn jiġu avżati qabel. L-UASI għalhekk isostni li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt li wieħed jinstema' huwa infondat.

59     L-intervenjenti tqis li r-rikorrenti qed tirreferi għat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, li tirrikjedi li l-UASI jindika lill-partijiet jekk huwa ser jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq motivi ta' fatt jew ta' dritt li huma ma tawx l-opinjoni tagħhom fuqhom. Skond l-intervenjenti, il-kwistjoni tal-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur tidħol fil-valutazzjoni tal-fatti. Jekk il-Bord ta' l-Appell u d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni jivvalutaw il-fatti b'mod kemmxejn differenti, dan ma jfissirx li l-fatti mhumiex ġodda. Skond l-intervenjenti, dawn il-fatti ġew esposti b'mod eżawrjenti kemm fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-intervenjenti huwa ta' l-opinjoni li valutazzjoni ġdida ta' fatti diġà magħrufa ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt li wieħed jinstema'. Barra minn dan, l-intervenjenti jsostni li r-rikorrenti kienet taf li l-valutazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni saret abbażi ta' l-attenzjoni tal-konsumatur. Ir-rikorrenti għalhekk kellha l-possibiltà li tiżviluppa dan l-argument, iżda hija m'għamlitx dan.

 Valutazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza

60     Skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 40/94, «[w]aqt l-eżaminazzjoni ta’ l-appell, il-Bord ta’ l-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skond il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord ta’ l-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess». Barra minn dan, l-ewwel sentenza frażi tar-Regola 20(2), tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li, fejn l-att ta' oppożizzjoni ma jinkludix informazzjoni dettaljata fuq il-fatti, provi u osservazzjonijiet, kif imsemmija fir-Regola 16(1) u (2) ta' dan ir-Regolament, l-UASI għandha tistieden lill-opponent biex tipprovdilu tali informazzjoni fit-terminu li hija tistabbilixxi.

61     F'dak li jirrigwarda l-allegazjoni tar-rikorrenti dwar il-ksur ta' dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet mill-Bord ta' l-Appell, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, min-naħa, ir-rikorrenti ma wrietx li ma kinitx mistiedna tippreżenta osservazzjonijiet fuq «notifika» mill-Bord ta' l-Appell jew fuq «komunikazzjoni» mill-intervenjenti, fis-sens ta' l-Artikolu 61(2), tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa 'l oħra, ma jirriżulta minn l-ebda dokument tal-proċess li l-att ta' oppożizzjoni ma kienx jinkludi informazzjoni partikulari fis-sens ta' l-ewwel sentenza tar-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95. L-ilment tar-rikorrenti rigward il-ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandu għalhekk jiġi miċħud.

62     F'dak li jirrigwarda l-allegat ksur ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, hemm lok li jiġi ppreċciżat li l-Qorti tal-Prim'Istanza eskludiet l-applikazzjoni tad-dritt ta' «proċess» ekwu lill-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI, billi l-proċedura quddiem il-Bordijiet ta' l-Appell mhijiex ta' natura ġudizzjarja iżda ta' natura amministrattiva [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Procter & Gamble/UASI (Forma ta' sapuna), T-63/01, Ġabra p. II‑5255, punti 22 u 23].

63     Madankollu, hekk kif l-intervenjenti tqis korrettament, permezz tat-tieni motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tad-dritt li wieħed jinstema', ir-rikorrenti fil-fatt tirreferi għall-allegat nuqqas tal-Bord ta' l-Appell li tikkunsidra t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73, tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li «[id-deċiżjonijiet] ta’ l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom» u, liema, fil-qafas tar-Regolament Nru 40/94, tikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

64     F'din il-kawża, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti qiegħda tilmenta li l-Bord ta' l-Appell naqas li jikkunsidra d-dritt tagħha li tinstema' f'dak li dan ta' l-aħħar ma stediniex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-attenzjoni «mhux negliġibbli» tal-pubbliku rilevanti li l-Bord kellu l-intenzjoni li jqis fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħha l-oħra, mhuwiex ikkontestat ir-rikorrenti mhijiex tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ma stednitiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eżistenza ta' offerta vasta fis-settur tal-meraq tal-frott u tax-xarbiet, fatt li ukoll mhuwiex ikkontestat u li fuqu l-Bord ta' l-Appell ibbaża l-kontestazzjoni tiegħu tal-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku rilevanti.

65     Hemm lok li jiġi kkunsidrat li anki jekk id-dritt li wieħed jinstema', kif stipulat mit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, ikopri l-elementi kollha ta' fatt jew ta' dritt kif ukoll l-elementi ta' prova li jikkostitwixxu l-bażi ta' l-att li bih ittieħdet id-deċiżjoni, madankollu huwa ma japplikax għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech Stahlwerke/il-Kummissjoni, T-129/95, T‑2/96 u T-97/96, Ġabra p. II-17, punt 231, u tat-3 ta' Diċembru 2003, Audi/UASI (TDI), T-16/02, li għadha ma ġietx ippublukata fil-Ġabra, punti 71 u 75].

66     Konsegwentament, billi l-evalwazzjoni fattwali kkonċernata tagħmel parti fil-pożizzjoni finali tal-Bord ta' l-Appell, dan ta' l-aħħar mhuwiex obbligat li jisma' ir-rikorrent dwarha.

67     Għandu jiġi miżjud li, kif jidher mill-eżami ta' l-ewwel motiv, id-differenza ta' valutazzjoni bejn iż-żewġ dipartimenti ta' l-UASI fuq il-grad eżatt ta' attenzjoni tal-pubbliku rilevanti m'għandu l-ebda konsegwenza f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' xebh bejn is-sinjali kkonċernati u ta' riskju ta' konfużjoni bejn it-trademarks kunfliġġenti kif stabbilit minn dawn id-dipartimenti.

68     Minn dan isegwi li, anki kieku l-Bord ta' l-Appell kien ħati ta' ksur tad-dritt tar-rikorrent li jinstema', tali ksur ma setax jkollu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

69     Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud, hekk kif għandu jiġi wkoll miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Dwar l-ispejjeż

70     Taħt l-Artikolu 87(2), tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

71     Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, konformement mat-talba ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti f'dan is-sens.

Għhal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Tiċħad ir-rikors.

2)      Tordna r-rikorrent ibati l-ispejjez.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta' April 2005.

Reġistratur

 

Il-President

H. Jung

 

H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.