Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 1 (ir-Repubblika Ċeka) fit-22 ta’ Marzu 2021 – České dráhy, a.s.

(Kawża C-222/21)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Obvodní soud pro Prahu 1

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: České dráhy, a.s.

Domandi preliminari

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fil-ħames parti taz-zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (iktar ’il quddiem l-“občanský soudní řád” jew l-“o. s. ř.”), tissodisfa r-rekwiżiti marbuta mal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju skont l-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea 1 ?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-fatt li deċiżjonijiet tal-korp regolatorju huma ssostitwiti b’deċiżjonijiet ta’ qrati ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, mogħtija fil-mertu dwar il-kwistjoni tal-livell tal-imposti għall-użu tal-infrastruttura, fi proċeduri li fihom jipparteċipaw kandidati [għall-għoti ta’ kapaċitajiet] u l-maniġer tal-infrastruttura u li jeskludu l-parteċipazzjoni tal-korp regolatorju huwa kompatibbli mal-Artikolu 56(6) tad-Direttiva 2012/34?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-rekwiżiti marbuta mal-istabbiliment ta’ korp regolatorju nazzjonali wieħed għas-settur ferrovjarju skont l-Artikolu 55(1), dawk marbuta mal-funzjonijiet tal-korp regolatorju skont l-Artikolu 56(2), (11) u (12), kif ukoll dawk marbuta mal-kooperazzjoni tal-korpi regolatorji skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2012/34 jippermettu li deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jiġu ssostitwiti, fil-mertu, b’deċiżjonijiet ta’ qrati ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, li ma humiex marbuta bil-fatti, kif ikkonstatati mill-korp regolatorju?

____________

1     ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67.