Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Settembru 2007 - La Banque Postale vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-345/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: La Banque Postale (rappreżentanti: S. Hautbourg u J.-E. Skovron, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha fuq il-bażi tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE;

tikkundanna Il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 2110 finali, ta' l-10 ta' Mejju 2007, li tiddikjara inkompatibbli ma' l-Artikolu 86(1) KE, flimkien ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju Franċiż li jirrizervaw għal tliet stabbilimenti ta' kreditu, ir-rikorrenti, il-Caisses d'Épargne et de Prévoyance u l-Crédit Mutuel, drittijiet speċjali għad-distribuzzjoni ta' kontijiet speċjali magħrufa bħala 'livret A' u 'livret bleu'.

In sostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka erba' motivi.

Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha li tinstemgħa waqt il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata safejn hija ma kinitx f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar iż-żewġ rapporti pprovduti lill-Kummissjoni mil-lanjanti u li, skond ir-rikorrenti, irriżultaw essenzjali għad-dimostrazzjoni tal-Kummissjoni.

Fit-tieni lok hija tallega li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta' dritt u ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-sistema ta' distribuzzjoni tal-'livret A' tikkostitwixxi restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta' stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta' dritt meta interpretat b'mod wiesa' ħafna l-kunċett ta' "restrizzjoni" fis-sens ta' l-Artikoli 43 u 49 KE kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom iż-żewġ prinċipji jistgħu jiġu invokati. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ikkonkludiet, b'mod żbaljat, li d-dritt speċjali jagħmel l-istabbiliment fis-suq bankarju fi Franza iktar diffiċli u iktar għoli.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta' dritt u ta' evalwazzjoni safejn il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema attwali tad-distribuzzjoni tal-'livret A' ma tistax tiġi ġġustifikata skond l-Artikolu 86(2) KE. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt u diversi żbalji ta' evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-servizz ta' interess ġenerali ta' aċċessibbiltà bankarja marbut mal-'livret A' u fl-analiżi tan-natura neċessarja u proporzjonata tad-dritt speċjali għat-twettiq tas-servizz ta' interess ġenerali ta' aċċessibbiltà bankarja u ta' dak ta' l-akkomodazzjoni soċjali.

Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja u insuffiċjenti.

____________