Language of document : ECLI:EU:T:2010:35

Kawża T-344/07

O2 (Germany) GmbH & Co. OHG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Homezone — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru distintiv — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Għan — Obbligu ta’ disponibbiltà — Portata tal-eżami

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(ċ))

1.      Billi jipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ sinjali jew indikazzjonijiet deskrittivi, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja jsegwi għan ta’ interess ġenerali, li jirrikjedi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r‑reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għandu jiġi eżaminat jekk, tal-anqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, is-sinjal inkwistjoni jindikax karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

(ara l-punti 20, 22)

2.      Sabiex trade mark ikkostitwita minn kelma jew minn neoloġiżmu li jirriżulta minn kombinazzjoni ta’ elementi tiġi kkunsidrata li hija deskrittiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi kkonstatat karattru deskrittiv eventwali mhux biss għal kull wieħed mill-elementi, iżda wkoll għall-kelma jew għan-neoloġiżmu stess.

Trade mark ikkostitwita minn neoloġiżmu jew minn kelma komposta minn elementi li kull wieħed minnhom jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiddeskrivi hija stess il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ħlief jekk tkun teżisti differenza perċettibbli bejn in-neoloġiżmu jew il-kelma u l-kombinazzjoni sempliċi tal-elementi li jikkomponuha. Dan ifisser li, minħabba l-karattru mhux komuni tal-kombinazzjoni f’relazzjoni mal-imsemmija prodotti jew servizzi, in-neoloġiżmu jew il-kelma joħloq impressjoni biżżejjed differenti minn dik li toħloq is-sempliċi kombinazzjoni tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-elementi li jikkomponuha, b’mod li tirbaħ il-kombinazzjoni tal-imsemmija elementi. F’dan ir-rigward, l‑analiżi tat-terminu inkwistjoni fid-dawl tar-regoli lessikali u grammatikali xierqa hija wkoll rilevanti.

(ara l-punti 26-27)

3.      Ma ġiex stabbilit li t-trade mark verbali Homezone li tfisser, skont waħda mit-tifsiriet possibbli tagħha, “żona ta’ residenza” jew “żona ta’ prossimità”, u li r‑reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassi 38 skont il-Ftehim ta’ Nice, tista’ tindika servizz ta’ telekomunikazzjonijiet li jaqa’ taħt din il-klassi jew waħda mill-karatteristiċi tagħha, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it‑trade mark Komunitarja, peress li dan is-sinjal jista’ jindika t-tariffa mnaqqsa tas-servizz ta’ telefonija mobbli għall-utent li jinsab f’żona li ddefinixxa hu stess, mingħajr ma jkun ippreċiża kif dan is-sinjal jinkludi riferiment għall-kunċett ta’ tariffa u għalhekk, minħabba dan il-fatt, seta’ jindika servizz ta’ telekomunikazzjoni kkaratterizzat minn mod speċifiku tal-iffissar tat-tariffa. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li din it-trade mark għandha wkoll karattru deskrittiv għas-servizzi l-oħra li jaqgħu taħt il-klassi 38, minħabba s-sempliċi fatt li dawn huma marbuta mas-servizz ta’ telefonija mobbli li jinkludi l-għażla tat-tariffa “homezone”.

Lanqas ma ġie stabbilit li t-trade mark verbali Homezone, li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-“apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni u r-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ stampi; tagħmir għal reġistrazzjoni manjetika, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni u l-kompjuters”, li jaqgħu taħt il‑klassi 9, tista’ tindika dawn il-prodotti jew waħda mill-karatteristiċi tagħhom. Fil-fatt, il-prova tad-dispożizzjoni ta’ dawn il-prodotti li jippermettu l‑funzjonament ta’ servizz ta’ telefonija mobbli kkaratterizzat minn tariffa bbażata fuq il-lokalizzazzjoni tal-benefiċjarju ta’ dan is-servizz ma hijiex ta’ natura li tidentifika l-eżistenza ta’ rabta diretta u konkreta li l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi bejn it-terminu “homezone” u l-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, din ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi l-karattru deskrittiv tas-sinjal Homezone, li t‑tifsira tiegħu hija, barra minn hekk, differenti minn kull kunċett ta’ tariffa, fir-rigward ta’ tali prodotti jew ta’ wħud mill-karatteristiċi tagħhom.

Għall-istess raġuni, ma ġiex stabbilit li t-trade mark verbali Homezone, li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għas-“servizzi ta’ inġinerija; programmazzjoni għall-kompjuters, servizzi ta’ programmatur, perizja teknika, pariri tekniċi u periti; kiri ta’ tagħmir għall-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-kompjuters; disinn u pjanifikazzjoni teknika ta’ installazzjonijiet ta’ telekomunikazzjoni” li jaqgħu taħt il-klassi 42, tista’ tindika dawn il-prodotti jew waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

Fl-aħħar, ma ġiex stabbilit li t-trade mark verbali Homezone, li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għas-“servizzi ta’ amministratur ta’ netwerk, ta’ broker tal-informazzjoni u ta’ fornitur ta’ aċċess, jiġifieri l-organizzazzjoni u l-kiri ta’ ħin ta’ aċċess għal databases; riċerki fil-qasam tat-teknika ta’ telekomunikazzjoni; aġġornament tas-software ta’ databases; reġistrazzjoni ta’ data f’databases; installazzjoni, manutenzjoni ta’ databases; kiri ta’ ħin ta’ aċċess għal ċentru li jservi d-databases” li jaqgħu taħt l-imsemmija klassi 42, tista’ tindika dawn is-servizzi jew waħda mill-karatteristiċi tagħhom. Fil-fatt, il-motiv li jipprovdi li dawn is-servizzi huma “neċessarji sabiex jiġbru u jipproċessaw il‑parametri tas-servizz (pereżempju, il-lokalizzazzjoni u l-portata taż-żona ta’ residenza determinata mill-utent) u d-data tal-utent neċessarja għall-kont tat-telefon”, minbarra l-fatt li ma jippermettix li jiġi determinat, għal kull waħda mill-kategoriji ta’ servizzi inkwistjoni, kif dawn is-servizzi huma neċessarji għall-ġbir u għall-ipproċessar tal-parametri tas-servizz ta’ telefonija mobbli u tad-data neċessarji għall-kont, mill-perspettiva tal-lokalizzazzjoni ġeografika u tal-portata taż-żona ta’ residenza tal-utent, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-karattru deskrittiv tas-sinjal Homezone fir-rigward ta’ tali servizzi jew ta’ wħud mill-karatteristiċi tagħhom. Minn dan il-motiv ma jirriżultax li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra s-sinjal Homezone bħala deskrittiv ta’ waħda mill-karatteristiċi ta’ dawn is-servizzi.

(ara l-punti 33, 37, 48-49, 53, 60,61, 66, 68)