Language of document : ECLI:EU:T:2010:373

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2010 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PBSK u Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Rikors għal annullament – Adattament tat‑talbiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Kundizzjonijiet għall‑implementazzjoni ta’ miżuri tal‑Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi”

Fil‑Kawża T‑348/07,

Stichting Al‑Aqsa, stabbilita f’Heerlen (il‑Pajjizi l‑Baxxi), irrappreżentata minn J. Pauw, G. Pulles, A. M. van Eik u M. Uiterwaal, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u G‑J. Van Hegelsom u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, M. de Mol u Y. de Vries, bħala aġenti,

u minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel u S. Boelaert, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett oriġinali, essenzjalment, talba għall‑annullament tad‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2007/445/KE, tat‑28 ta’ Ġunju 2007, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu u li tirrevoka d‑Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU L 169, p. 58), sa fejn tikkonċerna lir‑rikorrenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, S. Papasavvas u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑25 ta’ Novembru 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑kuntest ġuridiku u l‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Għal espożizzjoni tal‑kuntest ġuridiku u tal‑fatti li wasslu għal din il‑kawża, isir riferiment għas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li mill‑1 ta’ Diċembru 2009 saret il‑Qorti Ġenerali) tal‑11 ta’ Lulju 2007, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill (T‑327/03, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Al‑Aqsa”), b’mod partikolari għall‑punti 16 sa 21, fejn huma deskritti l‑proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji li jikkonċernaw lir‑rikorrenti, Stichting Al‑Aqsa, fil‑Pajjiżi l‑Baxxi, li wasslu għas‑Sanctieregeling terrorisme 2003 (deċiżjoni ta’ sanzjonijiet fil‑qasam tat‑terroriżmu, iktar ’il quddiem is‑“Sanctieregeling”), adottata mill‑Ministri tal‑Affarijiet Barranin u tal‑Finanzi Olandiżi fit‑3 ta’ April 2003, għall‑memorandum uffiċjali tad‑Direttur tal‑Algemene Inlichtingen‑ en Veiligheidsdienst (Dipartiment ġenerali tal‑informazzjoni u tas‑sigurtà, iktar ’il quddiem l‑“AIVD”) lid‑Direttur Ġenerali tal‑Affarijiet Politiċi tal‑Ministru tal‑Affarijiet Barranin Olandiż tad‑9 ta’ April 2003 (iktar ’il quddiem il‑“memorandum tal‑AIVD”), għas‑sentenza interlokutorja tar‑Rechtbank te ‘s‑Gravenhage, sector civiel recht, voorzieningenrechter [Qorti distrettwali ta’ Den Haag (il‑Pajjiżi l‑Baxxi), taqsima tad‑dritt ċivili, imħallef għal miżuri provviżorji, iktar ’il quddiem l‑“imħallef għal miżuri provviżorji”] tat‑13 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem is‑“sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji”) u għas‑sentenza definittiva ta’ dan l‑istess imħallef tat‑3 ta’ Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem is‑“sentenza dwar miżuri provviżorji”).

2        Permezz tas‑sentenza Al‑Aqsa, il‑Qorti Ġenerali annullat id‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2006/379/KE, tad‑29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu, u li tħassar id‑Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 169), sa fejn kienet tikkonċerna lir‑rikorrenti, għar‑raġuni essenzjali li din id‑deċiżjoni ma kinitx immotivata b’mod adegwat.

3        Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ April 2007, il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea indika lir‑rikorrenti li, fil‑fehma tiegħu, il‑motivi invokati sabiex ġiet oriġinarjament inkluża fil‑lista li tinsab fl‑Anness tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas‑27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207, iktar ’il quddiem il‑“lista kontenzjuża”), kienu għadhom validi u li, għaldaqstant, huwa kellu l‑intenzjoni li jżommha f’din il‑lista. Ma’ din l‑ittra kienet annessa espożizzjoni tal‑motivi invokati mill‑Kunsill. Kien indikat ukoll lir‑rikorrenti li hija setgħet tissottometti osservazzjonijiet lill‑Kunsill dwar l‑intenzjoni tiegħu li jżommha fil‑lista kontenzjuża u dwar il‑motivi invokati minnu f’dan ir‑rigward, kif ukoll id‑dokumenti kollha insostenn ta’ dawn l‑osservazzjonijiet, f’terminu ta’ xahar.

4        Fl‑espożizzjoni tal‑motivi annessa mal‑ittra msemmija, il‑Kunsill osserva dan li ġej:

“[Ir‑rikorrenti] ġiet inkorporata fl‑1993 fil‑Pajjiżi l‑Baxxi bħala fondazzjoni taħt id‑dritt Olandiż. Hija ġabret fondi għal ċerti organizzazzjonijiet li jappartjenu lill‑moviment Palestinjan tal‑Hamas, li jinsab fil‑lista ta’ gruppi involuti f’atti terroristiċi fis‑sens tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 [Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill 2001/931/PESK [PBSK], tas‑27 ta’ Diċembru 2001, dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217)]. Diversi minn dawn l‑organizzazzjonijiet jagħmlu fondi disponibbli sabiex jitwettqu atti terroristiċi jew sabiex jiġi ffaċilitat it‑twettiq ta’ tali atti. Dawn l‑atti jaqgħu taħt l‑Artikolu 1(3)(k) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u huma mwettqa bl‑iskopijiet imsemmija fl‑Artikolu 1(3)(i) u (iii) tal‑pożizzjoni komuni msemmija.

Għalhekk, [ir‑rikorrenti] taqa’ taħt l‑Artikolu 2(3)(ii) tar‑Regolament [...] Nru 2580/2001.

Il‑Ministru tal‑Affarijiet Barranin u l‑Ministru tal‑Finanzi [Olandiżi] iddeċidew, permezz tad‑Deċiżjoni Ministerjali DJZ/BR/219‑03, tat‑3 ta’ April 2003 (imsejħa s‑Sanctieregeling Terrorisme), li ġiet ippubblikata fl‑iStaatscourant (ġurnal uffiċjali) Olandiż tas‑7 ta’ April 2003, li jiffriżaw l‑assi kollha li jappartjenu [lir‑rikorrenti]. Din id‑deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz tas‑sentenza bir‑referenza LJN AF9389, tat‑3 ta’ Ġunju 2003, adottata mill‑President tat‑taqsima tad‑dritt ċivili tal‑qorti distrettwali ta’ Den Haag. Din is‑sentenza tikkonkludi li [ir‑rikorrenti] għandha tiġi kkunsidrata li hija organizzazzjoni li tappoġġja lill‑Hamas u li tippermetti lil dan tal‑aħħar iwettaq jew jiffaċilita attivitajiet terroristiċi.

Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni fil‑konfront [tar‑rikorrenti] minn awtorità kompetenti, fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Il‑Kunsill huwa konvint li l‑motivi li ġġustifikaw l‑inklużjoni [tar‑rikorrenti] fil‑[lista kontenzjuża] għadhom validi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Huwa paċifiku li d‑deċiżjoni ministerjali u s‑sentenza invokati fl‑imsemmija espożizzjoni tal‑motivi huma s‑Sanctieregeling u s‑sentenza dwar miżuri provviżorji.

6        Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2007, ir‑rikorrenti ssottomettiet lill‑Kunsill l‑osservazzjonijiet tagħha. Hija kkritikat kemm il‑motivi fil‑mertu invokati minnu bħala li jiġġustifikaw iż‑żamma tagħha fil‑lista kontenzjuża u kemm il‑proċedura segwita minnu.

7        Fit‑28 ta’ Ġunju 2007, jiġifieri wara s‑seduta għat‑trattazzjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Al‑Aqsa, li nżammet fis‑16 ta’ Jannar 2007, iżda qabel ma ngħatat is‑sentenza msemmija, il‑Kunsill adotta d‑Deċiżjoni 2007/445/KE, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU L 169, p. 58, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id‑deċiżjoni, il‑Kunsill żamm l‑isem tar‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

8        Skont il‑premessa 5 tad‑deċiżjoni kkontestata:

“Il‑Kunsill wettaq reviżjoni kompleta tal‑lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r‑Regolament (KE) Nru 2580/2001, kif meħtieġ mill‑Artikolu 2(3) ta’ dak ir‑Regolament. F’dan ir‑rigward, huwa ħa kont ta’ osservazzjonijiet u dokumenti ppreżentati lill‑Kunsill minn ċerti persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati.”

9        Skont il‑premessa 6 tad‑deċiżjoni kkontestata:

“Wara din ir‑reviżjoni, il‑Kunsill ikkonkluda li l‑persuni, il‑gruppi u l‑entitajiet elenkati fl‑Anness għal din id‑Deċiżjoni kienu involuti f’atti terroristiċi fit‑tifsira ta’ l‑Artikolu 1(2) u (3) tal‑Pożizzjoni Komuni [2001/931], li ttieħdet deċiżjoni fir‑rigward tagħhom minn awtorità kompetenti fit‑tifsira ta’ l‑Artikolu 1(4) ta’ dik il‑Pożizzjoni Komuni, u li huma għandhom ikomplu jkunu soġġetti għall‑miżuri restrittivi speċifiċi previsti fir‑Regolament (KE) Nru 2580/2001.”

10      Id‑deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir‑rikorrenti permezz ta’ ittra tal‑Kunsill tad‑29 ta’ Ġunju 2007. L‑espożizzjoni tal‑motivi annessa ma’ din l‑ittra (iktar ’il quddiem l‑“espożizzjoni tal‑motivi”) hija identika għal dik annessa mal‑ittra tal‑Kunsill tat‑23 ta’ April 2007 (ara l‑punt 3 iktar ’il fuq).

 Il‑proċedura u żviluppi ġodda fil‑mori tal‑kawża

11      Permezz ta’ rikors li wasal fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Settembru 2007, ir‑rikorrenti ppreżentat din il‑kawża, li kellha bħala suġġett oriġinali tagħha, essenzjalment, talba għall‑annullament parzjali tad‑deċiżjoni kkontestata.

12      Fl‑20 ta’ Diċembru 2007, il‑Kunsill adotta d‑Deċiżjoni 2007/868/KE, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑deċiżjoni kkontestata (ĠU L 340, p. 100). Din id‑deċiżjoni żżomm l‑isem tar‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

13      Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Frar 2008, wara li sema’ lill‑partijiet, il‑President tas‑Seba’ Awla tal‑Qorti Ġenerali aċċetta l‑interventi tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u tal‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill.

14      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Ġunju 2008, ir‑rikorrenti ressqet talba sabiex titħalla tadatta t‑talbiet tagħha b’mod li r‑rikors tagħha jkun ikopri wkoll l‑annullament tad‑Deċiżjoni 2007/868, sa fejn din tikkonċernaha. Fl‑osservazzjonijiet tiegħu dwar din it‑talba, ippreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑10 u s‑17 ta’ Lulju 2008, il‑Kunsill indika li huwa seta’ jaqbel ma’ dan l‑adattament.

15      Fil‑15 ta’ Lulju 2008, il‑Kunsill adotta d‑Deċiżjoni 2008/583/KE, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑Deċiżjoni 2007/868 (ĠU L 188, p. 21). Din id‑deċiżjoni żżomm l‑isem tar‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

16      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Settembru 2008, ir‑rikorrenti ressqet talba sabiex titħalla tadatta t‑talbiet tagħha b’mod li r‑rikors tagħha jkun ikopri wkoll l‑annullament tad‑Deċiżjoni 2008/583, sa fejn din tikkonċernaha. Fl‑osservazzjonijiet tiegħu dwar din it‑talba, ippreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ottubru 2008, il‑Kunsill indika li huwa seta’ jaqbel ma’ dan l‑adattament. Fl‑osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati fir‑Reġistru fis‑6 u fl‑14 ta’ Ottubru 2008, rispettivament, ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u l‑Kummissjoni ma qajmux oġġezzjonijiet.

17      Fis‑26 ta’ Jannar 2009, il‑Kunsill adotta d‑Deċiżjoni 2009/62/KE, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑Deċiżjoni 2008/583 (ĠU L 23, p. 25). Din id‑deċiżjoni żżomm l‑isem tar‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

18      Fil‑15 ta’ Ġunju 2009, il‑Kunsill adotta r‑Regolament (KE) Nru 501/2009, li jimplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar id‑Deċiżjoni 2009/62 (ĠU L 151, p. 14). Dan ir‑regolament iżomm l‑isem tar‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

19      Fuq rapport tal‑Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali u, fil‑kuntest tal‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura previsti fl‑Artikolu 64 tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, għamlet żewġ mistoqsijiet bil‑miktub lill‑partijiet.

20      L‑ewwel nett, il‑Qorti Ġenerali kkonstatat li t‑talba għall‑adattament tat‑talbiet għall‑annullament fil‑konfront tad‑Deċiżjoni 2007/868 kienet tressqet wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ xahrejn mid‑data tal‑pubblikazzjoni jew tan‑notifika ta’ din id‑deċiżjoni, previst fil‑ħames paragrafu tal‑Artikolu 230 KE, b’tali mod li, fid‑data ta’ meta tressqet din it‑talba, ir‑rikorrenti kienet prekluża milli tressaq, permezz ta’ rikors, kawża għall‑annullament ta’ dan l‑att. Minkejja li l‑konvenut u l‑intervenjenti ma qajmu ebda kontestazzjoni f’dan ir‑rigward, il‑Qorti Ġenerali, wara li fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kwistjoni ta’ jekk rikors ġiex ippreżentat wara l‑iskadenza tat‑terminu tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku u tista’, anzi għandha, titqajjem ex officio mill‑qorti Komunitarja, stiednet lill‑partijiet sabiex jagħtu l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom dwar il‑kwistjoni jekk l‑imsemmi terminu ta’ xahrejn japplikax ukoll meta l-kawża għall‑annullament ta’ att Komunitarju ma tkunx tressqet permezz ta’ rikors, iżda permezz ta’ talba għall‑adattament tat‑talbiet għall‑annullament ta’ att preċedenti li jkun tħassar u ġie ssostitwit bl‑att inkwistjoni, adattament li bħala regola ġenerali huwa aċċettat mill‑qorti Komunitarja għall‑finijiet tal‑amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja u għall‑finijiet tal‑ekonomija tal‑ġudizzju.

21      It‑tieni nett, il‑Qorti Ġenerali stiednet lill‑partijiet prinċipali sabiex jieħdu pożizzjoni bil‑miktub espliċita dwar ċerti osservazzjonijiet magħmula mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi fin‑nota ta’ intervent tiegħu dwar il‑possibbiltà li r‑rikorrenti allegatament kellha sabiex, minn naħa, tappella mis‑sentenza dwar miżuri provviżorji u, min‑naħa l‑oħra, tippreżenta rikors quddiem l‑imħallef li jisma’ l‑mertu tal‑kawża.

22      Il‑partijiet wieġbu bil‑miktub għal dawn il‑mistoqsijiet fit‑termini mogħtija.

23      Fit‑tweġiba bil‑miktub tagħha għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali, ippreżentata fir‑Reġistru fit‑28 ta’ Ottubru 2009, ir‑rikorrenti talbet sabiex titħalla tadatta t‑talbiet tagħha b’mod li r‑rikors tagħha jkopri wkoll l‑annullament tad‑Deċiżjonijiet 2008/583 (identifikata, wara żball fil‑kitba, bħala d‑“Deċiżjoni 2008/538”) u 2009/62, kif ukoll tar‑Regolament Nru 501/2009, sa fejn dawn l‑atti jikkonċernawha. Il‑Qorti Ġenerali stiednet lill‑partijiet l‑oħra sabiex jippreżentaw oralment l‑osservazzjonijiet tagħha dwar din it‑talba matul is‑seduta.

24      It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis‑seduta tal‑25 ta’ Novembru 2009. Matul it‑trattazzjoni, ir‑rikorrenti ppreċiżat l‑atti li tagħhom hija kienet qiegħda titlob l‑annullament sa fejn jikkonċernawha. Il‑konvenut u l‑intervenjenti ddikjaraw li huma, bħala prinċipju, ma kinux qegħdin jopponu l‑adattament tat‑talbiet mitlub mir‑rikorrenti fit‑tweġiba bil‑miktub tagħha għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali, dikjarazzjoni li tniżżlet fil‑proċess verbal tas‑seduta.

25      Fit‑22 ta’ Diċembru 2009, il‑Kunsill adotta r‑Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009, li jimplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir‑Regolament Nru 501/2009 (ĠU L 346, p. 39). Dan ir‑regolament iżomm l‑isem tar‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

 It‑talbiet tal‑partijiet

26      Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d‑deċiżjoni kkontestata, id‑Deċiżjonijiet 2007/868, 2008/583 u 2009/62, kif ukoll ir‑Regolament Nru 501/2009, sa fejn dawn l‑atti jikkonċernawha;

–        tiddikjara li r‑Regolament Nru 2580/2001 ma huwiex applikabbli fil‑konfront tagħha;

–        tikkundanna lill‑Kunsill għall‑ispejjeż.

27      Fl‑osservazzjonijiet tagħha dwar in‑nota ta’ intervent tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, ir‑rikorrenti toffri, jekk tixtieq il‑Qorti Ġenerali, li tipprovdi provi dwar in‑natura u l‑karattru tal‑proċedura għal miżuri provviżorji fid‑dritt Olandiż, kif ukoll dwar il‑kompetenzi tal‑imħallef għal miżuri provviżorji, u dan fil‑forma tas‑smigħ ta’ esperti u/jew fil‑forma tal‑produzzjoni ta’ kotba dwar id‑dritt.

28      Il‑Kunsill jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors bħala infondat fl‑intier tiegħu;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

29      Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u l‑Kummissjoni jsostnu t‑talbiet tal‑Kunsill.

 Id‑dritt

1.     Fuq il‑konsegwenzi proċedurali tat‑tħassir tad‑deċiżjoni kkontestata u tas‑sostituzzjoni tagħha b’atti oħra fil‑mori tal‑kawża

30      Kif jirriżulta mill‑espożizzjoni preċedenti, id‑deċiżjoni kkontestata tħassret u ġiet issostitwita, wara l‑preżentata tar‑rikors, l‑ewwel bid‑Deċiżjoni 2007/868, u mbagħad bid‑Deċiżjoni 2008/583, bid‑Deċiżjoni 2009/62, bir‑Regolament Nru 501/2009 u, fl‑aħħar, bir‑Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1285/2009. Ir‑rikorrenti suċċessivament talbet sabiex titħalla tadatta t‑talbiet oriġinali tagħha b’mod li r‑rikors tagħha jkopri wkoll l‑annullament ta’ dawn it‑tliet deċiżjonijiet u tar‑Regolament Nru 501/2009, sa fejn dawn l‑atti jikkonċernawha. Għall‑kuntrarju, sad‑data ta’ meta qiegħda tingħata din is‑sentenza, hija ma talbitx sabiex titħalla tadatta t‑talbiet tagħha b’mod li r‑rikors tagħha jkopri wkoll l‑annullament tar‑Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1285/2009. Barra minn hekk, hija żammet it‑talbiet tagħha għall‑annullament tal‑atti preċedenti, li tħassru u ġew sostitwiti.

31      Dawn it‑talbiet għal adattament għandhom jintlaqgħu u għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti tista’ titlob l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, tad‑Deċiżjonijiet 2007/868, 2008/583 u 2009/62, kif ukoll tar‑Regolament Nru 501/2009, sa fejn dawn l‑atti jikkonċernawha, mingħajr ma hemm bżonn li ssir distinzjoni, f’din il‑kawża, skont jekk dawn it‑talbiet tressqux jew le fit‑terminu ta’ xahrejn mid‑data tal‑pubblikazzjoni jew tan‑notifika tal‑att li jirreferu għalih, terminu previst fil‑ħames paragrafu tal‑Artikolu 230 KE.

32      F’dan ir‑rigward, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan it‑terminu huwa, bħala prinċipju, applikabbli kemm meta r‑rikors għall‑annullament ta’ att jitressaq permezz ta’ rikors kif ukoll meta jitressaq, fil‑kuntest ta’ kawża pendenti u skont il‑ġurisprudenza li segwiet is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni (14/81, Ġabra p. 749, punt 8), permezz ta’ talba għall‑adattament tat‑talbiet għall‑annullament ta’ att preċedenti li jkun tħassar u ġie sostitwit bl‑att inkwistjoni.

33      Fil‑fatt, din is‑soluzzjoni hija ġustifikata mill‑fatt li r‑regoli dwar it‑termini għall‑preżentata ta’ rikors huma termini ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill‑qorti b’mod li tiġi żgurata ċ‑ċertezza legali u l‑ugwaljanza tal‑partijiet quddiem il‑liġi (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 101), filwaqt li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl‑amministrazzjoni tal‑ġustizzja (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il‑Kunsill, 152/85, Ġabra p. 223, punt 11).

34      Madankollu, b’eċċezzjoni għal dan il‑prinċipju, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra, l‑istess bħall‑Kunsill u l‑Kummissjoni, li dan it‑terminu ma japplikax, fil‑kuntest ta’ kawża pendenti, meta, minn naħa, l‑att inkwistjoni u l‑att imħassar u ssostitwit minnu jkollhom, fir‑rigward tal‑parti kkonċernata, l‑istess suġġett, ikunu essenzjalment fondati fuq l‑istess motivi u jkollhom kontenut sostanzjalment identiku, b’tali mod li jkunu differenti biss fir‑rigward tal‑kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis rispettiv tagħhom, u, min‑naħa l‑oħra, it‑talba għall‑adattament tat‑talbiet ma tkun ibbażata fuq ebda motiv, fatt jew prova ġdida għajr l‑adozzjoni stess tal‑att inkwistjoni li jħassar u jissostitwixxi dan l‑att preċedenti. Dan huwa preċiżament il‑każ f’din il‑kawża, kif irrikonoxxew il‑partijiet kollha fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub u orali tagħhom bħala tweġiba għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali.

35      F’każ bħal dan, fil‑fatt, peress li s‑suġġett u l‑kuntest tal‑kawża kif stabbiliti fir‑rikors promotur ma jkunux qegħdin jinbidlu b’mod ieħor għajr fir‑rigward tad‑dimensjoni temporali tal‑kawża, iċ‑ċertezza legali b’ebda mod ma tkun affettwata mill‑fatt li t‑talba għall‑adattament tat‑talbiet titressaq wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ xahrejn inkwistjoni.

36      Din l‑eċċezzjoni hija ġġustifikata wkoll fid‑dawl tal‑obbligi li jirriżultaw minn sentenza ta’ annullament għall‑istituzzjoni awtriċi tal‑att annullat fir‑rigward tal‑miżuri li l‑Artikolu 233 KE jobbligaha tieħu sabiex teżegwixxi din is‑sentenza.

37      F’dan ir‑rigward għandu jiġi mfakkar li, sabiex tikkonforma ruħha ma’ tali sentenza, l‑istituzzjoni hija marbuta tosserva mhux biss id‑dispożittiv tas‑sentenza iżda anki l‑motivi li jikkostitwixxu l‑bażi neċessarja għad‑dispożittiv, fis‑sens li dawn il‑motivi huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is‑sens preċiż ta’ dak li jkun ġie deċiż fid‑dispożittiv. Fil‑fatt, huma dawn il‑motivi li, minn naħa, jidentifikaw id‑dispożizzjoni preċiża kkunsidrata bħala illegali u, min‑naħa l‑oħra, jindikaw ir‑raġunijiet preċiżi tal‑illegalità kkonstatata fid‑dispożittiv u li l‑istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostiwixxi l‑att annullat (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27).

38      Madankollu, għalkemm il‑konstatazzjoni tal‑illegalità fil‑motivi tas‑sentenza ta’ annullament tobbliga, fl‑ewwel lok, lill‑istituzzjoni awtriċi tal‑att sabiex telimina din l‑illegalità fl‑att intiż li jissostitwixxi l‑att annullat, hija jista’ jkollha wkoll, sa fejn tikkonċerna dispożizzjoni b’kontenut partikolari f’qasam partikolari, konsegwenzi oħra għal din l‑istituzzjoni (sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

39      Meta jkun involut, bħalma huwa f’din il‑kawża, l‑annullament ta’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi li, skont l‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandha tkun is‑suġġett ta’ eżami mill‑ġdid wara intervalli regolari, l‑istituzzjoni attriċi ta’ din il‑miżura għandha, qabel kollox, l‑obbligu li tara li l‑eventwali miżuri sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi li jidħlu fis‑seħħ wara l‑annullament sabiex jirregolaw perijodi sussegwenti għal din is‑sentenza ma jkunux ivvizzjati bl‑istess difetti jew illegalitajiet (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, iktar ’il quddiem is‑“sentenza PMOI I”, punt 62; ara, b’analoġija, is‑sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

40      Madankollu, għandu jiġi ammess ukoll li, minħabba l‑effett retroattiv tas‑sentenzi ta’ annullament, il‑konstatazzjoni ta’ illegalità tmur lura għad‑data tad‑dħul fis‑seħħ tal‑att annullat (sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

41      F’din il‑kawża, dan jista’ jimplika li, fil‑każ li tiġi annullata d‑deċiżjoni kkontestata, il‑Kunsill ikollu wkoll l‑obbligu li jelimina mill‑miżuri suċċessivi kollha ta’ ffriżar ta’ fondi li ħassru u ssostitwew id‑deċiżjoni kkontestata, sal‑għoti tas‑sentenza ta’ annullament, id‑difetti jew l‑illegalitajiet li jkunu vvizzjaw din id‑deċiżjoni tal‑aħħar (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u s‑sentenza PMOI I, punt 64).

42      F’ċirkustanzi bħal dawk f’din il‑kawża, deskritti fil‑punt 34 iktar ’il fuq, kull konstatazzjoni tal‑illegalità tal‑iffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti magħmul permezz tad‑deċiżjoni kkontestata tista’, għalhekk, tapplika mhux biss għall‑perijodu li matulu din id‑deċiżjoni kienet fis‑seħħ iżda anki għall‑perijodi ta’ validità tal‑miżuri sussegwenti kollha ta’ ffriżar ta’ fondi li jkunu ġew ikkontestati fil‑mori tal‑kawża (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

43      Jekk jirrifjuta li jikkonforma ruħu mal‑obbligu ddefinit fil‑punt 41 iktar ’il fuq, il‑Kunsill ikun qiegħed jonqos milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 233 KE, nuqqas dan li jista’ jiġi ssanzjonat permezz tal‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 232 KE (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

44      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, u fl‑ispirtu tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 45 sa 48 tas‑sentenza PMOI I, ikun kuntrarju għal amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja u għar‑rekwiżit tal‑ekonomija tal‑ġudizzju jekk ir‑rikorrenti tkun obbligata, għaliex inkella tkun inammissibbli, tressaq it‑talba tagħha għall‑adattament tat‑talbiet tagħha, fil‑mori tal‑kawża, fit‑terminu ta’ xahrejn previst fil‑ħames paragrafu tal‑Artikolu 230 KE.

45      Fl‑aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil‑qasam ta’ rikorsi ppreżentati kontra miżuri suċċessivi ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fuq il‑bażi tar‑Regolament Nru 2580/2001, ir‑rikorrenti għandha interess li tikseb l‑annullament tal‑atti kollha kkontestata fil‑kuntest ta’ dan ir‑rikors, minkejja li dawn ikunu tħassru u ġew issostitwiti b’oħrajn fid‑data li fiha tingħata din is‑sentenza (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza PMOI I, punt 48, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

2.     Fuq it‑talbiet għal annullament

46      Peress li l‑espożizzjonijiet tal‑motivi invokati rispettivament mill‑Kunsill bħala ġustifikazzjoni għad‑deċiżjoni kkontestata, għad‑Deċiżjonijiet 2007/868, 2008/583 u 2009/62, kif ukoll għar‑Regolament Nru 501/2009 huma identiċi, il‑motivi invokati insostenn tat‑talbiet għall‑annullament ta’ dawn l‑atti huma identiċi wkoll. Fil‑kumplament ta’ din is‑sentenza, kull riferiment li jsir għad‑deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jitqies bħala li jkopri wkoll id‑Deċiżjonijiet 2007/868, 2008/583 u 2009/62, kif ukoll ir‑Regolament Nru 501/2009.

47      F’dan id‑dawl, ir‑rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ħames motivi. L‑ewwel motiv, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 1(1), (2) u (4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001. It‑tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità. It‑tielet wieħed huwa bbażat fuq ksur tal‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u ta’ rekwiżit sostanzjali. Ir‑raba’ wieħed huwa bbażat fuq ksur tad‑dritt fundamentali għat‑tgawdija paċifika tal‑proprjetà. Il‑ħames u l‑aħħar wieħed huwa bbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 253 KE.

48      Jaqbel li nibdew billi neżaminaw l‑ewwel motiv, segwit mit‑tielet wieħed.

 Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 1(1), (2) u (4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001

49      Dan il‑motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet ibbażati, rispettivament, fuq l‑argumenti li r‑rikorrenti ma hijiex persuna, grupp jew entità fis‑sens tad‑dispożizzjonijiet li qiegħed jiġi allegat ksur tagħhom, li ebda awtorità kompetenti ma ħadet deċiżjoni fil‑konfront tagħha, fis‑sens tal‑istess dispożizzjonijiet, li ma ġiex stabbilit li r‑rikorrenti kellha l‑intenzjoni tiffaċilita t‑twettiq ta’ atti terroristiċi u, fl‑aħħar nett, li r‑rikorrenti ma għadhiex tista’ titqies li tiffaċilita t‑twettiq ta’ tali atti.

 Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv

–       L‑argumenti tal‑partijiet

50      Ir‑rikorrenti ssostni li hija ma tissodisfax id‑definizzjoni ta’ “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi”, fis‑sens tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għalhekk, mill‑Artikolu 1(1) tal‑pożizzjoni komuni msemmija jirriżulta li la din il‑pożizzjoni komuni u lanqas, għaldaqstant, ir‑Regolament Nru 2580/2001, li jimplementaha, ma japplikaw għaliha.

51      Fil‑fatt, minn naħa, peress li r‑rikorrenti ma hijiex persuna fiżika, hija ma taqax taħt l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, fil‑fehma tar‑rikorrenti, ikopri biss tali persuni, bl‑esklużjoni tal‑persuni ġuridiċi. F’dan is‑sens hija tinvoka l‑fatt li t‑tieni inċiż ta’ din id‑dispożizzjoni jagħmel distinzjoni bejn il‑gruppi, l‑entitajiet u l‑persuni u l‑fatt li l‑lista kontenzjuża ssemmi biss persuni fiċiżi taħt it‑titolu “Persuni”, filwaqt li diversi persuni ġuridiċi jissemmew taħt it‑titolu “Gruppi u entitajiet”.

52      Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti ma taqax, b’mod evidenti, taħt it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑pożizzjoni komuni msemmija peress li, skont it‑termini stess tal‑espożizzjoni tal‑motivi, hija akkużata biss li ġabret fondi għal ċerti organizzazzjonijiet li jappartjenu lill‑Hamas, liema organizzazzjonijiet, min‑naħa tagħhom, għamlu dawn il‑fondi disponibbli sabiex ikunu jistgħu jitwettqu atti terroristiċi jew sabiex jiġi ffaċilitat it‑twettiq tagħhom.

53      Fir‑replika tagħha, ir‑rikorrent tippreċiża li din il‑parti hija bbażata fuq in‑nuqqas ta’ kompetenza tal‑Kunsill li jinkludi l‑persuni ġuridiċi fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 2(3)(ii) tar‑Regolament Nru 2580/2001. Meta għamel hekk, huwa fil‑fatt mar lil hinn mill‑qasam ta’ applikazzjoni tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931.

54      Il‑Kunsill, sostnut mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

55      L‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi:

“Għall‑fini ta’ din il‑Pożizzjoni Komuni, “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” għandha tfisser:

–        il‑persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it‑twettiq ta’ atti terroristiċi,

–        gruppi u entitajiet [li jappartjenu lil jew li huma] ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il‑persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il‑persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta [li tappartjeni lil] jew [li hija] ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il‑persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati.”

56      It‑teżi tar‑rikorrenti li t‑terminu “persuni” fl‑ewwel inċiż ta’ din id‑dispożizzjoni jkopri biss il‑persuni fiċiżi ma tistax tintlaqa’.

57      Fil‑fatt, it‑terminu “persuna”, fit‑tifsira tiegħu normalment aċċettata ġuridikament, li għaliha għandu jsir riferiment fin‑nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja espressa min‑naħa tal‑leġiżlatur, jindika ħaġa li għandha personalità ġuridika u għalhekk jindika kemm persuna fiżika u kemm persuna ġuridika.

58      Għalhekk, il‑“persuni” imsemmija fl‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 jistgħu jkunu kemm persuni fiżiċi u kemm persuni ġuridiċi, filwaqt li l‑“gruppi u entitajiet” imsemmija fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 jistgħu jkunu t‑tipi l‑oħra kollha ta’ organizzazzjonijiet soċjali li, għalkemm nieqsa minn personalità ġuridika, għandhom xorta waħda ċerta forma ta’ eżistenza ftit jew wisq strutturata.

59      Kif josserva ġustament il‑Kunsill, din l‑interpretazzjoni hija kkonfermata mill‑Artikolu 1(5) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jipprovdi li “[i]l‑Kunsill għandu jaħdem biex jassigura li l‑ismijiet ta’ persuni normali [fiżiċi] u legali, gruppi jew entitatjiet illistjati fl‑Anness, għandhom biżżejjed dettalji personali annessi biex jippermettu identifikazzjoni effettiva ta’ nies umani speċifiċi [individwi], persuni legali, entitajiet”.

60      Għalhekk, għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni, ir‑rikorrenti, bħala persuna ġuridika, taqa’ effettivament fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 1(2) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, għaldaqstant, anki f’dak tar‑Regolament Nru 2580/2001.

61      Il‑fatt, allegat mir‑rikorrenti, li l‑lista annessa mal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, l‑istess bħal‑lista kontenzjuża, issemmi biss persuni fiżiċi taħt it‑titolu “Persuni”, filwaqt li diversi persuni ġuridiċi, inkluża hija stess, jissemmew taħt it‑titolu “Gruppi u entitajiet”, huwa irrilevanti f’dan ir‑rigward. Dawn il‑listi, stabbiliti għall‑finijiet biss tal‑implementazzjoni, fil‑każijiet individwali elenkati minnhom, tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar‑Regolament Nru 2580/2001, ma għandhom effettivament ebda impatt fuq id‑definizzjoni tal‑“persuni, gruppi u entitajiet” li tinsab fl‑atti msemmija. Għalhekk, l‑istess jista’ jingħad għal żbalji eventwali fil‑klassifikazzjoni bejn “persuni” u “gruppi u entitajiet” li dawn il‑listi jistgħu jkunu vvizzjati bihom.

62      Għalhekk, l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv

–       L‑argumenti tal‑partijiet

63      Ir‑rikorrenti ssostni li, għall‑kuntrarju ta’ dak li huwa affermat fl‑espożizzjoni tal‑motivi, ebda awtorità kompetenti ma ħadet deċiżjoni fil‑konfront tagħha, fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għalhekk hija ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 2580/2001.

64      Fil‑fatt, la s‑Sanctieregeling u lanqas is‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma jaqgħu taħt xi waħda mill‑erba’ kategoriji ta’ deċiżjonijiet imsemmija f’din id‑dispożizzjoni, jiġifieri l‑bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, il‑bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni għal attentat li jitwettaq tali att, il‑bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni fir‑rigward tal‑parteċipazzjoni fi, jew l‑iffaċilitar ta’, tali att, jew kundanna fir‑rigward tal‑atti msemmija. B’mod partikolari, permezz tas‑sentenza tiegħu, l‑imħallef għal miżuri provviżorji sempliċement ċaħad it‑talbiet għal miżuri provviżorji tar‑rikorrenti, mingħajr ma ħa deċiżjoni fil‑konfront tagħha fis‑sens tad‑dispożizzjoni msemmija.

65      Sussidjarjament, ir‑rikorrenti ssostni li la l‑Ministri awturi tas‑Sanctieregeling u lanqas l‑imħallef għal miżuri provviżorji, president tat‑taqsima ċivili tal‑qorti distrettwali ta’ Den Haag, ma jistgħu jitqiesu li huma awtoritajiet kompetenti fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931.

66      Minn naħa, fil‑fatt, dawn l‑awtoritajiet ma għandhom ebda kompetenza fir‑rigward tal‑bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni għal attivitajiet terroristiċi peress li din il‑kompetenza, fil‑Pajjiżi l‑Baxxi, tappartjeni esklużivament lill‑Officier van justitie (Prosekutur tar‑Reġina).

67      Min‑naħa l‑oħra, dawn l‑awtoritajiet ma għandhom ebda kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar kundanni għal attivitajiet terroristiċi peress li din il‑kompetenza tappartjeni esklużivament lill‑iStrafrechter (imħallef tal‑qorti kriminali).

68      B’mod iktar sussidjarju, ir‑rikorrenti ssostni li, għall‑kuntrarju ta’ dak li huwa affermat fl‑espożizzjoni tal‑motivi, l‑imħallef għal miżuri provviżorji b’ebda mod ma “kkonferma” is‑Sanctieregeling. Dan l‑imħallef sempliċement ċaħad, fil‑kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, it‑talba tar‑rikorrenti intiża sabiex il‑Gvern Olandiż jiġi prekluż milli jiffriża l‑assi tagħha. Barra minn hekk, deċiżjoni ministerjali, skont id‑definizzjoni tagħha stess, għandha forza legali u qatt ma tista’ tiġi “kkonfermata” permezz ta’ att ta’ awtorità ġudizzjarja.

69      Fir‑replika tagħha, ir‑rikorrenti tosserva wkoll li jekk, kif jallega l‑Kunsill, l‑imħallef għal miżuri provviżorji huwa verament awtorità “ġudizzjarja” kompetenti, dan ikun ifisser li l‑ministri ma jistgħux ikunu awtorità “ekwivalenti” f’dan ir‑rigward, peress li tali awtoritajiet jeskludu reċiprokament lil xulxin skont it‑termini stess tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għalhekk it‑teżi tal‑Kunsill hija kontradittorja u inkomprensibbli.

70      Fl‑osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għan‑nota ta’ intervent tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, ir‑rikorrenti żżid li la n‑natura tal‑proċeduri għal miżuri provviżorji fid‑dritt Olandiż u lanqas in‑nuqqas ta’ natura kriminali tagħhom ma huma rilevanti għall‑finijiet tal‑eżami ta’ dan il‑motiv. Huma wkoll irrilevanti l‑osservazzjonijiet ta’ dan l‑intervenjent dwar il‑possibbiltà li jitressaq appell minn sentenza dwar miżuri provviżorji u dwar il‑fatt li hija ma fetħitx proċeduri dwar il‑mertu.

71      Sussidjarjament, sa fejn il‑Qorti Ġenerali tkun tixtieq tikseb provi fir‑rigward tan‑natura, tal‑kontenut u tal‑aspetti proċedurali tal‑proċedura għal miżuri provviżorji fid‑dritt Olandiż, ir‑rikorrenti toffri li tipprovdi dawn il‑provi fil‑forma tas‑smigħ ta’ esperti u/jew il‑produzzjoni ta’ kotba dwar id‑dritt.

72      Ir‑rikorrenti ssostni wkoll li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jafferma r‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, il‑lista ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija eżawrjenti. Din l‑interpretazzjoni hija kkonfermata kemm mill‑formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, b’mod partikolari fil‑verżjoni Ġermaniża tagħha, u kemm mil‑loġika. Fil‑fatt, fid‑dispożizzjoni inkwistjoni, it‑terminu “deċiżjoni”, li għandu kontenut indefinit u illimitat, jieħu sens biss permezz tal‑lista li ssegwih. Fi kwalunkwe każ, il‑lista inkwistjoni hija importanti u turi li dawn għandhom ikunu deċiżjonijiet ta’ tip partikolari, ekwivalenti għal jew li jixbhu mill‑qrib il‑bidu ta’ investigazzjoni, il‑bidu ta’ prosekuzzjoni jew inkella kundanna. F’din il‑kawża, is‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma tissodisfax, b’mod evidenti, dawn il‑kundizzjonijiet.

73      Il‑Kunsill, sostnut mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

74      Il‑Kunsill jenfasizza, b’mod partikolari, li d‑deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq is‑sentenza dwar miżuri provviżorji li, fil‑fehma tiegħu, tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, f’dan il‑każ awtorità ġudizzjarja, meħuda fil‑konfront tar‑rikorrenti, fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dan jirriżulta b’mod ċar mill‑espożizzjoni tal‑motivi, għalkemm il‑Kunsill iżid li huwa seta’ anki jikkunsidra s‑Sanctieregeling bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis‑sens tal‑istess dispożizzjoni.

75      Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi wkoll isostni li s‑sentenza dwar miżuri provviżorji tikkostitwixxi d‑deċiżjoni tal‑awtorità nazzjonali kompetenti li serviet ta’ bażi għad‑deċiżjoni tal‑Kunsill li jinkludi lir‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

76      Fis‑sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, iktar ’il quddiem is‑“sentenza OMPI”), PMOI I, tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑284/08, Ġabra p. II‑3487, iktar ’il quddiem is‑“sentenza PMOI II”), u tat‑30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il‑Kunsill (T‑341/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Sison II”), il‑Qorti Ġenerali ppreċiżat, u sussegwentament ikkonfermat, liema huma: (a) il‑kundizzjonijiet għall‑implementazzjoni tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001; (b) l‑oneru ta’ prova li għandu l‑Kunsill f’dan il‑kuntest u (c) il‑portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju f’dan ir‑rigward.

77      Kif il‑Qorti Ġenerali osservat fil‑punti 115 u 116 tas‑sentenza OMPI, fil‑punt 130 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 50 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 92 tas‑sentenza Sison II, il‑punti ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jikkundizzjonaw l‑applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal‑fondi ta’ persuna, grupp jew entità huma stabbiliti fl‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001. Skont din id‑dispożizzjoni, il‑Kunsill, li jiddeċiedi b’mod unanimu, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l‑lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika l‑imsemmi regolament, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 1(4) sa (6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il‑lista inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi stabbilita, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil‑proċess li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fil‑konfront tal‑persuni, tal‑gruppi u tal‑entitajiet ikkonċernati, kemm fil‑kuntest tal‑bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, jew l‑attentat li jitwettaq, jew il‑parteċipazzjoni fi, jew l‑iffaċilitar ta’ att bħal dan, ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli, kif ukoll fil‑kuntest tal‑kundanna għal atti bħal dawn. “Awtorità kompetenti” għandha tfisser awtorità ġudizzjarja jew, jekk l‑awtoritajiet ġudizzjarji ma humiex kompetenti fil‑qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il‑qasam. Barra minn hekk, l‑ismijiet tal‑persuni u tal‑entitajiet inklużi fil‑lista għandhom jiġu eżaminati mill‑ġdid b’intervalli regolari, għall‑inqas darba kull sitt xhur, sabiex jiġi żgurat li ż‑żamma tagħhom fil‑lista tibqa’ ġustifikata, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931.

78      Fil‑punt 117 tas‑sentenza OMPI, fil‑punt 131 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 51 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 93 tas‑sentenza Sison II, il‑Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn id‑dispożizzjonijiet li l‑proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont il‑leġiżlazzjoni rilevanti tiżvolġi fuq żewġ livelli, wieħed nazzjonali u l‑ieħor Komunitarju. Fl‑ewwel fażi, awtorità nazzjonali kompetenti, bħala prinċipju waħda li hija ġudizzjarja, għandha tieħu fil‑konfront tal‑parti kkonċernata deċiżjoni li tissodisfa d‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Jekk din tkun deċiżjoni ta’ bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni, din għandha tkun ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Fit‑tieni fażi, il‑Kunsill, li jiddeċiedi b’mod unanimu, għandu jiddeċiedi jekk jinkludix lill‑parti kkonċernata fil‑lista kontenzjuża, fuq il‑bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil‑proċess li juru li ttieħdet tali deċiżjoni. Sussegwentament, il‑Kunsill għandu jiżgura f’intervalli regolari, għall‑inqas darba kull sitt xhur, li ż‑żamma tal‑parti kkonċernata fil‑lista kontenzjuża tibqa’ ġustifikata. F’dan ir‑rigward, il‑verifika tal‑eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa l‑imsemmija definizzjoni tidher bħala prerekwiżit essenzjali għall‑adozzjoni, mill‑Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, filwaqt li l‑verifika tal‑azzjoni meħuda wara dik id‑deċiżjoni fuq il‑livell nazzjonali tidher indispensabbli fil‑kuntest tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi.

79      Fil‑punt 123 tas‑sentenza OMPI, fil‑punt 132 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 52 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 94 tas‑sentenza Sison II, il‑Qorti Ġenerali fakkret, barra minn hekk, li, skont l‑Artikolu 10 KE, ir‑relazzjonijiet bejn l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet Komunitarji huma rregolati bi dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑16 ta’ Ottubru 2003, L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑339/00, Ġabra p. I‑11757, punti 71 u 72, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Dan il‑prinċipju huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u japplika, b’mod partikolari, fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni mill‑pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali [qasam magħruf bħala “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ĠAI)] irregolata mit‑Titolu VI tat‑Trattat UE, fil‑verżjoni tiegħu qabel it‑Trattat ta’ Lisbona, li, barra minn hekk, hija kompletament ibbażata fuq il‑kooperazzjoni bejn l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 42).

80      Fil‑punt 124 tas‑sentenza OMPI, fil‑punt 133 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 53 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 95 tas‑sentenza Sison II, il‑Qorti Ġenerali qieset li, fil‑każ li japplikaw l‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il‑Kunsill u l‑Istati Membri, fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, dan il‑prinċipju jinvolvi, għall‑Kunsill, l‑obbligu li joqgħod, sa fejn possibbli, fuq l‑evalwazzjoni tal‑awtorità nazzjonali kompetenti, tal‑anqas fil‑każ li din tkun awtorità ġudizzjarja, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet [provi jew indizji serji u kredibbli]” li fuqhom id‑deċiżjoni tagħha tkun ibbażata.

81      Kif ġie deċiż fil‑punt 134 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 54 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 96 tas‑sentenza Sison II, minn dak li ntqal jirriżulta li għalkemm huwa l‑Kunsill li għandu l‑oneru jressaq il‑prova li l‑iffriżar tal‑fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwa jew għadu legalment ġustifikat, fid‑dawl tal‑leġiżlazzjoni rilevanti, is‑suġġett ta’ din il‑prova huwa relattivament limitat, fuq il‑livell tal‑proċedura Komunitarja tal‑iffriżar ta’ fondi. Fil‑każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, din il‑prova tirrigwarda essenzjalment l‑eżistenza ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil‑proċess li juru li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 ittieħdet fil‑konfront tal‑parti kkonċernata. Barra minn hekk, fil‑każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, wara eżami mill‑ġdid, l‑oneru tal‑prova essenzjalment jirrigwarda l‑kwistjoni jekk l‑iffriżar ta’ fondi jibqax ġustifikat fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi rilevanti kollha tal‑każ u, b’mod partikolari, fid‑dawl tal‑azzjoni meħuda wara l‑imsemmija deċiżjoni tal‑awtorità nazzjonali kompetenti.

82      Dwar l‑istħarriġ eżerċitat mill‑Qorti Ġenerali, din il‑Qorti rrikonoxxiet, fil‑punt 159 tas‑sentenza OMPI, fil‑punt 137 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 55 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 97 tas‑sentenza Sison II, li l‑Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir‑rigward tal‑elementi li jieħu inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tal‑adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal‑Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, skont pożizzjoni komuni adottata taħt il‑politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Din is‑setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il‑kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom dawn id‑deċiżjonijiet ikunu bbażati.

83      Madankollu, għalkemm il‑Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l‑Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il‑qasam, dan ma jfissirx li hija għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l‑interpretazzjoni, minn din l‑istituzzjoni, tal‑informazzjoni rilevanti (ara s‑sentenzi PMOI I, punt 138, PMOI II, punt 55, u Sison II, punt 98). Fil‑fatt, il‑qorti Komunitarja għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l‑eżattezza materjali tal‑provi invokati u l‑affidabbiltà u l‑koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il‑provi jikkostitwixxux l‑informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall‑evalwazzjoni tas‑sitwazzjoni u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il‑konklużjonijiet misluta minnhom. Madankollu, fil‑kuntest ta’ dan l‑istħarriġ, ma huwiex il‑kompitu tagħha li tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑opportunità tal‑miżuri magħmula mill‑Kunsill bl‑evalwazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan il‑każ għandu qabel kollox jiġi vverifikat, skont din il‑ġurisprudenza, jekk id‑deċiżjoni kkontestata tteħditx abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal‑proċess li juru li deċiżjoni li tissodisfa d‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 kienet ittieħdet fil‑konfront tar‑rikorrenti (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Sison II, punt 99).

85      F’dan ir‑rigward, l‑espożizzjonijiet tal‑motivi annessi, b’mod partikolari, mal‑ittri tal‑Kunsill tat‑23 ta’ April u tad‑29 ta’ Ġunju 2007 indirizzati lir‑rikorrenti, jirreferu, fil‑paragrafu 3 tagħhom, għal żewġ deċiżjonijiet li fir‑rigward tagħhom jista’ jiġi allegat, a priori, li ttieħdu minn awtoritajiet kompetenti fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, jiġifieri s‑Sanctieregeling u s‑sentenza dwar miżuri provviżorji.

86      Huwa minnu li, fil‑punt 24 tar‑risposta tiegħu, il‑Kunsill afferma li huwa kien ibbaża d‑deċiżjoni kkontestata fuq is‑sentenza dwar miżuri provviżorji biss, filwaqt li sostna, fil‑punt 22 ta’ din ir‑risposta, li huwa seta’ anki jibbażaha fuq is‑Sanctieregeling. Din l‑affermazzjoni, li jaqbel magħha r‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, tidher ikkonfermata wkoll, kif osserva wkoll il‑Kunsill, mill‑fatt li l‑espożizzjonijiet tal‑motivi nnotifikati lir‑rikorrenti jirreferu biss, fil‑konklużjoni magħmula fil‑paragrafu 4 tagħhom, għal “deċiżjoni meħuda [fil‑konfront tar‑rikorrenti] minn awtorità kompetenti fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931”, fis‑singular.

87      B’dan premess, u għall‑kuntrarju ta’ dak li kien il‑każ tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji u tas‑Sanctieregeling inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Sison II, f’din il‑kawża ma huwiex possibbli li s‑sentenza għal miżuri provviżorji tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iżolat u mingħajr ma titqies ukoll, fl‑istess ħin, is‑Sanctieregeling, u dan peress li din tal‑aħħar hija preċiżament l‑oriġini tal‑kawża mressqa quddiem l‑imħallef għal miżuri provviżorji u peress li t‑talba għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tagħha kienet is‑suġġett stess tal‑kawża mressqa quddiem dan l‑imħallef (ara wkoll is‑sentenza Al‑Aqsa, punt 18). B’mod evidenti, huwa f’dan is‑sens li għandu jinftiehem ir‑riferiment espress u dettaljat għas‑Sanctieregeling, li jinstab ukoll fl‑espożizzjonijiet tal‑motivi.

88      Għalhekk, fir‑rigward, fl‑ewwel lok, tas‑Sanctieregeling, huwa minnu li din tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva u mhux ġudizzjarja. Madankollu, fih innifsu, dan il‑fatt ma huwiex determinanti. Kif josserva ġustament il‑Kunsill, fil‑fatt, il‑formulazzjoni stess tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 tipprevedi b’mod espliċitu li awtorità mhux ġudizzjarja tista’ wkoll titqies bħala awtorità kompetenti fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

89      Barra minn hekk, din l‑interpretazzjoni hija kkonfermata mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza PMOI I (ara l‑punt 6 tagħha), il‑Kunsill kien ibbaża ruħu fuq digriet tas‑Secretary of State for the Home Department (Ministru tal‑Intern tar‑Renju Unit) li kien intiż li jidentifika lir‑rikorrenti fil‑kawża msemmija bħala organizzazzjoni involuta fit‑terroriżmu, taħt it‑Terrorism Act 2000 (Att dwar it‑terroriżmu tal‑2000). Fil‑punt 144 tas‑sentenza PMOI I, il‑Qorti Ġenerali kkonstatat li dan id‑digriet kien fil‑fatt jidher, fid‑dawl tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, bħala deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li tissodisfa d‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931.

90      F’din il‑kawża huwa paċifiku (ara wkoll is‑sentenza Al‑Aqsa, punt 16) li s‑Sanctieregeling ġiet adottata, fit‑3 ta’ April 2003, mill‑Ministru tal‑Affarijiet Barranin Olandiż, bi qbil mal‑Ministru tal‑Finanzi, skont is‑Sanctiewet 1977 (Liġi dwar is‑sanzjonijiet tal‑1977), kif emendata fis‑16 ta’ Mejju 2002, li tagħti kompetenza lil dawn l‑awtoritajiet sabiex jiffriżaw il‑fondi ta’ persuni u ta’ entitajiet, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tar‑Riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti Nru 1373 (2001), tat‑28 ta’ Settembru 2001, li tistabbilixxi strateġiji għall‑ġlieda b’kull mezz kontra t‑terroriżmu u, b’mod partikolari, kontra l‑finanzjament tiegħu. Għaldaqstant, hawnhekk hija involuta deċiżjoni li tixbah ħafna, kemm fil‑mertu u kemm fil‑forma, lid‑deċiżjoni inkwistjoni fil‑kawża PMOI I.

91      Barra minn hekk, ma huwiex allegat li deċiżjoni bħas‑Sanctieregeling taqa’ fil‑kompetenza tal‑awtoritajiet ġudizzjarji, minn tal‑inqas fir‑rigward tal‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑legalità tagħha.

92      Fir‑rigward, fit‑tieni lok, tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji, din tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja, mogħtija fi tmiem proċedura li fil‑kuntest tagħha kienet inkwistjoni preċiżament il‑legalità prima facie tas‑Sanctieregeling, li tagħha r‑rikorrenti kienet qiegħda tipprova tikseb is‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni skont id‑dritt Olandiż.

93      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑argument tar‑rikorrenti li l‑imħallef għal miżuri provviżorji sempliċement ċaħad it‑talba tagħha għas‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tas‑Sanctieregeling, mingħajr ma ħa “deċiżjoni” fir‑rigward tagħha, fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jiġi miċħud bħala argument ibbażat fuq qari eċċessivament formalistiku tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji.

94      L‑istess jgħodd għall‑argument tar‑rikorrenti li l‑imħallef għal‑miżuri provviżorji ma “kkonfermax”, fil‑veru sens tal‑kelma, is‑Sanctieregeling.

95      B’dan premess, huwa minnu li, l‑istess bħas‑Sanctieregeling, is‑sentenza dwar miżuri provviżorji lanqas ma tikkostitwixxi, fil‑veru sens tal‑kelma, deċiżjoni ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew il‑prosekuzzjoni għall‑att terroristiku” u li hija lanqas ma tikkonċerna l‑“kundanna” tar‑rikorrenti, fis‑sens strett ta’ dan it‑terminu fid‑dritt kriminali.

96      Il‑Qorti Ġenerali tqis, madankollu, li, fid‑dawl tal‑kontenut, tal‑portata u tal‑kuntest tagħha, is‑sentenza dwar miżuri provviżorji, ikkunsidrata flimkien mas‑Sanctieregeling, tikkostitwixxi fil‑fatt “deċiżjoni” meħuda minn awtorità kompetenti, fis‑sens tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001.

97      F’dan ir‑rigward għandu jiġi mfakkar li, sabiex tiġi interpretata l‑portata ta’ dispożizzjoni tad‑dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it‑termini tagħha, kemm il‑kuntest tagħha u kif ukoll l‑għanijiet tagħha (ara s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04, Ġabra p. I‑10683, punt 34, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

98      Issa, għandu jiġi kkonstatat li d‑dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il‑kawża ma jitolbux li d‑“deċiżjoni” nazzjonali tkun tagħmel parti minn kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu, anki jekk dan ikun il‑każ fil‑parti l‑kbira tal‑każijiet. Dan huwa kkonfermat mit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, billi jipprevedi espressament il‑possibbiltà li l‑awtoritajiet ġudizzjarji “m’għandhomx kompetenza fil‑qasam konċernat” mis‑subparagrafu inkwistjoni, jimplika li tali deċiżjonijiet jistgħu jaqgħu f’qasam differenti minn dak tad‑dritt kriminali stricto sensu. Bl‑istess mod, it‑tieni sentenza tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 tipprevedi li l‑persuni, gruppi u entitajiet identifikati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti bħala relatati mat‑terroriżmu u li fil‑konfront tagħhom huwa ordna sanzjonijiet jistgħu jiġu inklużi fil‑lista. Issa, is‑sanzjonijiet deċiżi mill‑Kunsill tas‑Sigurtà ma għandhomx, neċessarjament, natura kriminali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 358, u s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑473/03, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Sison I”, punt 101).

99      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑argument tar‑rikorrenti li l‑investigazzjonijiet u l‑prosekuzzjonijiet kriminali, minn naħa, u l‑kundanni kriminali, min‑naħa l‑oħra, jaqgħu rispettivament fil‑kompetenza esklużiva tal‑Officier van justitie u tal‑iStrafrechter għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

100    Madankollu, fid‑dawl tal‑għanijiet tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il‑kawża, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tar‑Riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà Nru 1373 (2001), il‑proċedura nazzjonali inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il‑ġlieda kontra t‑terroriżmu f’sens wiesa’.

101    Fis‑sentenza Sison II (punt 111), il‑Qorti Ġenerali qieset li, fid‑dawl kemm tal‑kliem, tal‑kuntest u tal‑għanijiet tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dik il‑kawża (ara, b’mod partikolari, il‑premessa 1 tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931), kif ukoll tar‑rwol maġġuri tal‑awtoritajiet nazzjonali fil‑proċess tal‑iffriżar ta’ fondi previst mill‑Arikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, deċiżjoni ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni” għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill‑Kunsill b’mod validu, tittieħed fil‑kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi direttament u prinċipalment sabiex jimponu miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv kontra l‑parti kkonċernata bħala parti mill‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u minħabba l‑involviment tagħha fih. Il‑Qorti Ġenerali ppreċiżat li dan ir‑rekwiżit mhuwiex sodisfatt minn deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali li tiddeċiedi biss b’mod anċillari u inċidentali fuq l‑involviment possibbli tal‑parti kkonċernata f’attività bħal din, fil‑kuntest ta’ kontestazzjoni li tirrigwada, pereżempju, id‑drittijiet u l‑obbligi ta’ natura ċivili.

102    Issa, għall‑kuntrarju tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza Sison II, is‑sentenza dwar miżuri provviżorji invokata f’din il‑kawża mill‑Kunsill taqa’ b’mod dirett biżżejjed fil‑kuntest ta’ proċedura nazzjonali intiża prinċipalment għall‑impożizzjoni ta’ miżura ta’ sanzjoni ekonomika fuq il‑parti kkonċernata, jiġifieri l‑iffriżar tal‑fondi tagħha magħmul permezz tas‑Santieregeling stess, u dan minħabba l‑involviment tagħha f’attività terroristika (ara l‑punt 90 iktar ’il fuq).

103    F’dan id‑dawl, huwa b’mod ġust li r‑rikorrenti tafferma li la n‑natura tal‑proċeduri għal miżuri provviżorji fid‑dritt Olandiż u lanqas in‑nuqqas ta’ natura kriminali tagħhom ma huma rilevanti għall‑finijiet ta’ din l‑evalwazzjoni. Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa meħtieġ li tintlaqa’ l‑offerta ta’ provi magħmula mar‑rikorrenti dwar dawn il‑kwistjonijiet (ara l‑punti 27 u 71 iktar ’il fuq).

104    Għalhekk, is‑sentenza dwar miżuri provviżorji, ikkunsidrata flimkien mas‑Sanctieregeling, tidher, fid‑dawl tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li hija deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li tissodisfa d‑definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931.

105    Tali deċiżjoni setgħet għalhekk titqies, fiż‑żmien meta ttieħdet u flimkien mas‑Sanctieregeling, bħala li tissodisfa r‑rekwiżiti tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u setgħet għalhekk, bħala prinċipju, tiġġustifika fiha nfisha l‑adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti taħt l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001.

106    Fir‑rigward tal‑kwistjoni ta’ jekk din id‑deċiżjoni setgħetx isservi wkoll, b’mod validu, bħala l‑bażi tad‑deċiżjoni kkontestata, fid‑data tal‑adozzjoni tagħha, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi rilevanti kollha tal‑każ u, b’mod iktar partikolari, tal‑azzjonijiet meħuda b’konsegwenza tagħha taħt id‑dritt nazzjonali, din il‑kwistjoni taqa’ taħt l‑eżami tat‑tielet motiv, li ser isir iktar ’il quddiem f’din is‑sentenza.

107    B’din ir‑riżerva, it‑tieni parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel motiv

–       L‑argumenti tal‑partijiet

108    Ir‑rikorrenti ssostni li la l‑espożizzjoni tal‑motivi, la s‑sentenza dwar miżuri provviżorji, la s‑Santieregeling, u lanqas il‑memorandum tal‑AIVD ma juru l‑iċken forma ta’ intenzjoni, ta’ ħtija jew ta’ għarfien min‑naħa tagħha fir‑rigward tas‑sostenn ta’ attivitajiet terroristiċi. Issa, il‑prova ta’ dawn il‑punti, li fil‑fehma tagħha taqa’ fuq il‑Kunsill, hija determinanti għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar‑Regolament Nru 2580/2001, b’mod partikolari tal‑Artikolu 2(3)(ii) tiegħu, li jikkonċerna l‑persuni ġuridiċi li “jiffaċilitaw” it‑twettiq ta’ atti terroristiċi.

109    B’mod partikolari, l‑imħallef għal miżuri provviżorji sempliċement ikkonkluda li l‑fondi miġbura mir‑rikorrenti kienu bbenefikaw minnhom organizzazzjonijiet marbuta mal‑Hamas u li dawn, min‑naħa tagħhom, kienu qiegħdu dawn il‑fondi għad‑dispożizzjoni ta’ dan il‑moviment sabiex dan ikun jista’ jwettaq jew jiffaċilita atti terroristiċi (ara, b’mod partikolari, il‑punt 3.2 tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji). Għalhekk, l‑affermazzjoni magħmula fl‑espożizzjoni tal‑motivi, fis‑sens li l‑imħallef għal miżuri provviżorji kien ikkonkluda li r‑rikorrenti kellha titqies li hija organizzazzjoni li tappoġġja lill‑Hamas u li tippermetti lil dan tal‑aħħar iwettaq jew jiffaċilita atti terroristiċi, ma hijiex preċiża. Għall‑kuntrarju, it‑termini użati mill‑imħallef għal miżuri provviżorji jindikaw li dan b’ebda mod ma stabbilixxa li r‑rikorrenti kienet taf jew kien imissha kienet taf li l‑fondi li hija kienet tqiegħed għad‑dispożizzjoni ta’ organizzazzjonijiet oħra kienu ser jintużaw għal finijiet terroristiċi. Ir‑rikorrenti tikkontesta li hija kellha dan l‑għarfien.

110    Fir‑replika tagħha, ir‑rikorrenti żżid li l‑prova tal‑bona fide tagħha tirriżulta wkoll mill‑fatt li hija awtorizzat lill‑imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jieħu konoxxenza tal‑fajl kunfidenzjali tal‑AIVD.

111    Fir‑rigward tal‑evalwazzjonijiet li jinsabu fil‑memorandum tal‑AIVD, ir‑rikorrenti tispeċifika, bi tweġiba għan‑nota ta’ intervent tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, li l‑fatt li l‑imħallef għal miżuri provviżorji kkwota fit‑tul minn dan il‑memorandum fiż‑żewġ sentenzi tiegħu b’ebda mod ma jfisser li huwa kien approva t‑termini tiegħu kollha. Dan jgħodd, b’mod partikolari, fir‑rigward tal‑allegat rwol attiv tar‑rikorrenti u tad‑diretturi tagħha fil‑ġbir ta’ fondi favur il‑Hamas.

112    Fir‑rigward tal‑argument tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi li t‑terminu “għarfien” ma jimplikax biss il‑fatt li “tkun taf” iżda wkoll il‑fatt li “tkun meqjusa li taf”, ir‑rikorrenti ssostni li dan ma huwiex issostanzjat mit‑termini stess użati mil‑leġiżlatur fl‑Artikolu 1(3)(k) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li għal‑leġiżlatur kien ikun faċli li juża formulazzjoni oħra li kieku kellu din l‑intenzjoni.

113    Fi kwalunkwe każ, lanqas mis‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma jirriżulta li r‑rikorrenti “kien imissha kienet taf” li l‑fondi li hija kienet tittrasferixxi kienu jintużaw għal finijiet terroristiċi.

114    F’dan id‑dawl, ir‑rikorrenti żżid li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jafferma r‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, mis‑sentenza dwar miżuri provviżorji (b’mod partikolari mill‑punt 3.4 tagħha) b’ebda mod ma jirriżulta li l‑imħallef għal miżuri provviżorji kien konvint li r‑rikorrenti kienet taf jew kienet meqjusa li kienet taf dwar l‑użu finali tal‑fondi tagħha għal finijiet terroristiċi.

115    Ir‑rikorrenti tikkonkludi li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ppreżuma li hija kienet taf li wħud mill‑organizzazzjonijiet li kienu sarulhom donazzjonijiet kienu marbuta mal‑Hamas u li dawn l‑organizzazzjonijiet kienu min‑naħa tagħhom jużaw dawn il‑fondi sabiex iwettqu attentati terroristiċi.

116    Fi kwalunkwe każ, ir‑rikorrenti tenfasizza li l‑organizzazzjoni tal‑Hamas ma kinitx inkluża bħala tali fil‑lista kontenzjuża [permezz tal‑Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill 2003/651/PBSK, tat‑12 ta’ Settembru 2003, li taġġorna l‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il‑Pożizzjoni Komuni 2003/482/PBSK (ĠU L 229, p. 42)] qabel it‑12 ta’ Settembru 2003, jiġifieri wara s‑sentenza dwar miżuri provviżorji u saħansitra wara l‑miżura Komunitarja oriġinali tal‑iffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti. Qabel din id‑data, kienet biss il‑fergħa terroristika tal‑Hamas, identifikata fl‑atti rilevanti tal‑Kunsill bħala l‑“Hamas‑Izz al‑Din al‑Qassem” [ara, b’mod partikolari, il‑Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill 2003/482/PBSK, tas‑27 ta’ Ġunju 2003, li taġġorna l‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il‑Pożizzjoni Komuni 2003/402/PBSK (ĠU L 160, p. 100)], li kienet inkluża f’din il‑lista. Minn dan ir‑rikorrenti tiddeduċi li, sat‑12 ta’ Settembru 2003, ċittadin Ewropew medju, u għalhekk hija wkoll, seta’ jikkunsidra li d‑donazzjonijiet magħmula lill‑fergħa umanitarja tal‑Hamas ma kinux ser jintużaw għal finijiet terroristiċi.

117    Il‑Kunsill, sostnut mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u mill‑Kummissjoni, isostni li, skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli, f’dan il‑każ tressqet il‑prova li r‑rikorrenti kellha għarfien li l‑parteċipazzjoni tagħha fl‑attivitajiet tal‑Hamas kienet ser tikkontribwixxi għall‑attivitajiet kriminali ta’ dan il‑grupp.

118    Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi jżid li, b’“għarfien”, fis‑sens ta’ dawn l‑istess dispożizzjonijiet, wieħed ma għandux jifhem biss il‑fatt li “tkun taf” iżda wkoll il‑fatt li “għandha tkun taf” jew li “tkun meqjusa li taf”.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

119    Kif josserva ġustament il‑Kunsill, ir‑Regolament Nru 2580/2001 ma jipprevedix b’mod espliċitu, fih innifsu, l‑obbligu għal din l‑istituzzjoni li tipprova li l‑parti kkonċernata kellha l‑“intenzjoni” twettaq att ta’ terroriżmu, tipparteċipa fih jew tiffaċilita t‑twettiq tiegħu. Madankollu, il‑prova ta’ dan l‑element ta’ intenzjoni hija meħtieġa mill‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, li l‑Artikolu 1(3)(k) tagħha, invokat fil‑konfront tar‑rikorrenti fl‑espożizzjoni tal‑motivi, jipprovdi li l‑parteċipazzjoni fl‑attivitajiet ta’ grupp terroristiku għandha timplika l‑“[għarfien] li din il‑parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall‑attivitajiet kriminali tal‑grupp”. Għalhekk, din il‑prova hija mitluba wkoll taħt l‑Artikolu 1(4) tar‑Regolament Nru 2580/2001, fid‑dawl tal‑formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni.

120    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din il‑prova tressqitx debitament f’dan il‑każ.

121    Fil‑każ ineżami, mill‑espożizzjoni tal‑motivi tas‑Sanctieregeling jirriżulta li din ġiet adottata, fl‑istennija tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni Komunitarja fil‑konfront tar‑rikorrenti abbażi tar‑Regolament Nru 2580/2001, fuq il‑bażi ta’ indizji ta’ trasferimenti ta’ fondi magħmula mir‑rikorrenti lil organizzazzjonijiet li jappoġġjaw it‑terroriżmu fil‑Lvant Nofsani (ara wkoll is‑sentenza Al‑Aqsa, punt 17).

122    Ir‑rikorrenti ppreżentat rikors kontra r‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi quddiem l‑imħallef għal miżuri provviżorji sabiex tikseb, b’mod partikolari, is‑sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tal‑miżuri previsti mis‑Sanctieregeling.

123    Permezz tas‑sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji, l‑imħallef għal miżuri provviżorji kkonstata u ddeċieda, b’mod partikolari, dan li ġej:

“1. Il‑fatti

Fuq il‑bażi tad‑dokumenti fil‑proċess u tas‑seduta li nżammet fis‑6 ta’ Mejju 2003, [l‑imħallef għal miżuri provviżorji] jibbaża ruħu fuq il‑punti ta’ fatt segwenti:

[...]

1.9.      Fit‑3 ta’ April 2003, il‑Ministru tal‑Affarijiet Barranin adotta [is‑Sanctieregeling] [...]

1.10. L‑espożizzjoni tal‑motivi [tas‑Sanctieregeling] issemmi li jeżistu indizji li juru li ġew ittrasferiti fondi [mir‑rikorrenti] lil organizzazzjonijiet li jappoġġjaw it‑terroriżmu fil‑Lvant Nofsani.

1.11. Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ April 2003, il‑kap [tal‑AIVD] ikkomunika l‑fatti segwenti lid‑Direttur Ġenerali tal‑Affarijiet Politiċi tal‑Ministeru tal‑Affarijiet Barranin:

‘[...] Għall‑finijiet ta’ konferma tal‑komunikazzjonijiet magħmula preċedentement, nixtieq ninformak b’dan li ġej. Fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni tal‑funzjoni statutorja tagħha, l‑AIVD sar jaf, mingħand sorsi affidabbli iżda vulnerabbli, bil‑fatti segwenti:

L‑organizzazzjoni Al‑Aqsa, stabbilita fil‑Pajjiżi l‑Baxxi, inkorporata fl‑24 ta’ Awwissu 1983 [...] u li l‑uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Heerlen, ġabret fondi fil‑Pajjiżi l‑Baxxi favur organizzazzjonijiet marbuta mal‑Hamas fil‑Lvant Nofsani. Diversi minn dawn l‑organizzazzjonijiet iqiegħdu flus għad‑dispożizzjoni bil‑għan li jitwettqu jew jiġu ffaċilitati attivitajiet terroristiċi.

L‑AIVD wasal għall‑konklużjoni li ma għadux possibbli li ssir distinzjoni bejn l‑attivitajiet soċjali u terroristiċi tal‑Hamas. Il‑Hamas, li miegħu huma marbuta l‑organizzazzjonijiet imsemmija li jiġbru l‑fondi, għandu jitqies bħala entità organizzattiva li tiffaċilita kemm l‑attivitajiet umanitarji u kemm dawk terroristiċi, peress li dawn l‑attivitajiet jikkomplementaw lil xulxin.

Il‑fondazzjoni Al‑Aqsa għandha jew kellha kuntatti ma’ organizzazzjonijiet li jiġbru fondi favur il‑Hamas. Il‑fondazzjoni Al‑Aqsa għandha jew kellha konnessjonijiet ma’ Al‑Aqsa fil‑Ġermanja (projbita f’nofs is‑sena 2002), ma’ Al‑Aqsa fid‑Danimarka (assi ffriżati lejn l‑aħħar tas‑sena 2002), ma’ Al‑Aqsa fil‑Belġju kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet li jiġbru fondi favur il‑Hamas fir‑Renju Unit, fl‑Italja, fl‑Isvizzera, fl‑Isvezja u fi Franza.

Teżisti azzjoni kollettiva internazzjonali ta’ ġbir ta’ fondi min‑naħa ta’ organizzazzjonijiet li jiġbru fondi, inkluża Al‑Aqsa tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, favur il‑Hamas, bl‑isem Union of the Good (bl‑Għarbi ‘Ittilaf Al‑Khair’). Il‑Kap tal‑Union of the Good, li joqgħod fil‑Qatar, awtorizza, fil‑passat, attentati suwiċidi għal raġunijiet reliġjużi. Sal‑projbizzjoni (ta’ Al‑Aqsa) fil‑Ġermanja, il‑President ta’ Al‑Aqsa tal‑Ġermanja kien ukoll il‑president ta’ Al‑Aqsa fil‑Pajjiżi l‑Baxxi. Wara l‑projbizzjoni tal‑organizzazzjoni fil‑Ġermanja, membru tat‑tmexxija ta’ Al‑Aqsa fil‑Belġju li kien ukoll membru tat‑tmexxija Olandiża, sar president ta’ Al‑Aqsa fil‑Pajjiżi l‑Baxxi [...].’

Din il‑komunikazzjoni uffiċjali, ikkompletata b’informazzjoni indikata iktar ’il quddiem, tikkostitwixxi l‑bażi [tas‑Sanctieregeling].

1.12. Fuq talba [tar‑rikorrenti], fis‑17 ta’ April 2003 nżammet diskussjoni informattiva bejn it‑tmexxija u l‑konsulenti [tar‑rikorrenti] u r‑rappreżentanti tal‑Ministeru tal‑Affarijiet Barranin. Matul din il‑laqgħa, it‑tmexxija [tar‑rikorrenti] ipprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar l‑attivitajiet tagħha. Madankollu, din l‑informazzjoni ma wasslitx [lir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] sabiex jirtira jew jemenda l‑miżuri meħuda kontra [r‑rikorrenti]. It‑talbiet ulterjuri magħmula [mir‑rikorrenti] f’dan ir‑rigward ma ttieħdux inkunsiderazzjoni [mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi].

2.      It‑talba, il‑motivazzjoni tagħha u d‑difiża

[Ir‑rikorrenti] titlob, essenzjalment:

[...]

Għal dan il‑għan, [ir‑rikorrenti] tinvoka l‑punti segwenti:

L‑akkużi mressqa kontra [ir‑rikorrenti] ma humiex issostanzjati minn fatti stabbiliti. Il‑komunikazzjoni uffiċjali tal‑AIVD ma tikkostitwixxix bażi suffiċjenti għal dawn l‑akkużi. Barra minn hekk, preċedentement [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] indika li ma kienx hemm lok li jittieħdu miżuri kontra [ir‑rikorrenti]. [Ir‑rikorrenti] ma għandha ebda konnessjoni mal‑Hamas jew ma’ organizzazzjonijiet marbuta mal‑Hamas. Il‑fondi miġbura minnha jintużaw biss għal attivitajiet soċjali, u dan jiġi vverifikat b’mod intensiv mill‑awtoritajiet kkonċernati. Qabel adotta [is‑Sanctieregeling], [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] ma tax [lir‑rikorrenti] l‑opportunità tesprimi l‑pożizzjoni tagħha. [Ir‑rikorrenti] aġixxiet bi trasparenza sħiħa fir‑rigward [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] u ppermettietlu jivverifika l‑attivitajiet tagħha kollha. [Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi], b’mod żbaljat, ma kkunsidrax din l‑offerta [tar‑rikorrenti]. Għalhekk, [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] aġixxa b’mod illegali fil‑konfront [tar‑rikorrenti]. Il‑mod kif aġixxa [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] jippreġudika b’mod li ma jistax jiġi rrimedjat l‑interessi [tar‑rikorrenti]. [Ir‑rikorrenti], fil‑fatt, ma tistax tkompli tonora l‑obbligi ta’ ħlas tagħha (kera, gass, ilma, elettriku, pagi) u kellha twaqqaf proġetti li kienu għaddejjin.

Anki jekk jitqies li l‑mod kif aġixxa [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] kien legali, l‑aġir tiegħu huwa minkejja kollox illegali minħabba li [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] ma ħa ebda miżura sabiex itemm is‑sitwazzjoni inumana li fiha tinsab [ir‑rikorrenti] bħalissa.

Billi ta ċerta pubbliċità fil‑mezzi tax‑xandir lill‑akkużi magħmula kontra [ir‑rikorrenti], [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] ippreġudika r‑reputazzjoni u l‑unur tagħha. [Ir‑rikorrenti] għalhekk ġarrbet dannu li [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] huwa obbligat jikkumpensa.

[...]

3.      Evalwazzjoni tal‑kwistjoni

3.1.      Fid‑dawl tad‑dokumenti ppreżentati u tat‑trattazzjoni matul is‑seduta, għandu jiġi rrilevat li l‑intenzjoni [tar‑rikorrenti] hija b’mod partikolari li [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] jiġi pprojbit milli jkompli jeżegwixxi [is‑Sanctieregeling]. Għandu jiġi evalwat jekk l‑aġir [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] kienx illegali fil‑konfront [tar‑rikorrenti] meta dan adotta u applika [is‑Sanctieregeling].

[...]

3.4.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Hoge Raad [der Nederlanden (Qorti Suprema tal‑Pajjiżi l‑Baxxi)], il‑qorti tista’ tikkwalifika bħala illegali l‑adozzjoni u l‑implementazzjoni ta’ miżuri ġeneralment vinkolanti (liġijiet fis‑sens materjali) għar‑raġuni li dawn ikunu arbitrarji, fis‑sens li l‑korp ikkonċernat ma setax raġonevolment jadotta l‑miżura inkwistjoni fid‑dawl tal‑interessi li dan il‑korp ikkunsidra jew kien imissu kkunsidra fil‑mument meta tfasslet id‑deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni. Skont il‑Hoge Raad, fil‑kuntest ta’ dan l‑istħarriġ, il‑qorti għandha taġixxi bir‑riżerva neċessarja.

3.5.      L‑interess [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi], fil‑kuntest [tas‑Sanctieregeling], huwa l‑ġlieda kontra l‑attivitajiet terroristiċi b’mod ġenerali u t‑twaqqif tas‑sostenn finanzjarju lil dawn l‑attivitajiet b’mod partikolari. L‑interess [tar‑rikorrenti], għall‑kuntrarju, huwa li tkun tista’ tkompli l‑attivitajiet tagħha mingħajr tfixkil.

3.6.  [Is‑Sanctieregeling] hija bbażata fuq il‑komunkazzjoni uffiċjali tal‑AIVD imsemmija iktar ’il fuq. Il‑kontenut ta’ din il‑komunikazzjoni jikkonċerna prinċipalment il‑fatt li l‑fondi miġbura fil‑Pajjiżi l‑Baxxi [mir‑rikorrenti] jmorru għall‑benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet marbuta mal‑moviment Iżlamist (Palestinjan) tal‑Hamas u li diversi minn dawn l‑organizzazzjonijiet (marbuta mal‑Hamas) iqiegħdu fondi għad‑dispożizzjoni bil‑għan li jitwettqu jew jiġu ffaċilitati l‑attivitajiet terroristiċi tal‑Hamas.

3.7.      [Ir‑rikorrenti] sostniet b’mod enerġetiku li hija ma kinitx tqiegħed flus għad‑dispożizzjoni tal‑Hamas jew ta’ organizzazzjonijiet oħra marbuta ma’ dan il‑moviment. Il‑fondi miġbura minnha (fl‑2002, EUR 1 300 000) jingħataw, skont [ir‑rikorrenti], lil istituzzjonijiet stabbiliti f’Iżrael, fit‑territorji okkupati minn Iżrael u f’pajjiżi oħra (b’mod partikolari l‑Kanada u l‑Awstralja), istituzzjonijiet li għandhom biss għanijiet soċjali u li jwettqu biss attivitajiet soċjali. L‑użu tal‑fondi miġbura mbagħad isir b’osservanza tal‑liġijiet applikabbli f’dawn il‑pajjiżi/territorji okkupati u taħt il‑kontroll tal‑awtoritajiet ta’ dawn il‑pajjiżi/territorji.

3.8.      Il‑komunikazzjoni uffiċjali tal‑AIVD fiha biss dikjarazzjonijiet ġenerali. Dawn id‑dikjarazzjonijiet ma huma ssostanzjati b’ebda informazzjoni fattwali. Għaldaqstant, la l‑imħallef għal miżuri provviżorji u lanqas [ir‑rikorrenti] ma huma f’pożizzjoni li jevalwaw jekk il‑konklużjonijiet magħmula f’din il‑komunikazzjoni humiex issostanzjati bl‑informazzjoni tal‑investigazzjoni; fi kliem ieħor, il‑verità ta’ din il‑komunikazzjoni uffiċjali ma tistax tiġi determinata. Dan huwa iktar u iktar problematiku fid‑dawl tal‑fatt li [ir‑rikorrenti] ikkontestat il‑kontenut ta’ din il‑komunikazzjoni b’mod, sa fejn possibbli, motivat.

3.9.      Għalkemm jista’ jiġi rikonoxxut li l‑komunikazzjoni uffiċjali għandha ċerta loġika, [l‑imħallef għal miżuri provviżorji] iqis li, meta individwu jkollu l‑funzjonament tiegħu mfixkel b’mod sostanzjali fil‑prattika abbażi ta’ komunikazzjoni uffiċjali, [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] ma jistax sempliċement jirreferi għal din il‑komunikazzjoni meta din ma tkunx issostanzjata u meta [ir‑rikorrenti] tkun ikkontestat il‑kontenut tagħha b’mod motivat. Għandu jiġi miċħud ukoll l‑argument [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi], jiġifieri li s‑sempliċi riferiment għall‑komunikazzjoni uffiċjali huwa suffiċjenti fil‑kuntest tal‑istħarriġ tal‑leġiżlazzjoni mill‑imħallef għal miżuri provviżorji u fid‑dawl tan‑natura kunfidenzjali tas‑sorsi li jissostanzjaw din il‑komunikazzjoni.

3.10. Sussidjarjament, [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] issuġġerixxa li jagħti [lill‑imħallef għal miżuri provviżorji] biss il‑possibbiltà li jikkonsulta l‑informazzjoni inkwistjoni. [Ir‑rikorrenti] ma kkontestatx l‑allegazzjoni [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] li dan għandu interess iżomm kunfidenzjali l‑informazzjoni tal‑AIVD li fuqha hija bbażata l‑komunikazzjoni uffiċjali. [Ir‑rikorrenti] qablet li l‑imħallef għal miżuri provviżorji biss jikseb għarfien tal‑informazzjoni kunfidenzjali inkwistjoni.

3.11.  Il‑konsultazzjoni b’mod kunfidenzjali [mill‑imħallef għal miżuri provviżorji] tad‑dokumenti rilevanti tidher kuntrarja għal wieħed mill‑prinċipji fundamentali tad‑dritt ġudizzjarju, jiġifieri l‑prinċipju tal‑kontradittorju. Fil‑fatt, il‑motivazzjoni tad‑digriet (definittiv) ma hijiex ser tagħmel riferiment għall‑informazzjoni li [l‑imħallef għal miżuri provviżorji] ikkonsulta b’mod kunfidenzjali, b’tali mod li l‑imsemmija motivazzjoni mhux ser tkun tista’ tiġi mistħarrġa direttament. Madankollu, huwa aċċettabbli li, minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku, issir eċċezzjoni għall‑prinċipju msemmi. Dan huwa l‑każ hawnhekk. Għalhekk, huwa importanti wkoll li l‑partijiet ikunu aċċettaw li ssir eċċezzjoni għal dan il‑prinċipju u li dawn il‑proċeduri għandhom ċertu xebh mad‑dritt amministrattiv li fil‑kuntest tiegħu ma huwiex barra minn normali li l‑qorti tikseb għarfien b’mod kunfidenzjali (ara l‑Artikolu 8.29 tal‑Kodiċi tad‑Dritt Amministrattiv).

3.12. Għaldaqstant, [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] huwa obbligat jippermetti lill‑imħallef għal miżuri provviżorji, assistit mir‑Reġistratur tiegħu, jikkonsulta b’mod kunfidenzjali l‑fajl li fuqu hija bbażata l‑komunikazzjoni uffiċjali tal‑AIVD. L‑imħallef għal miżuri provviżorji jqis li din il‑konsultazzjoni kunfidenzjali għandha ssir f’qasir żmien. [...]

4.      Id‑deċiżjoni

L‑imħallef għal miżuri provviżorji jitlob [lir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] jinformah, f’terminu ta’ ġimgħa li jiddekorri [mill‑għada ta’ dan id‑digriet], dwar kif jista’ jikkonsulta b’mod kunfidenzjali, akkompanjat mir‑Reġistratur tiegħu, l‑elementi tal‑fajl li jissostanzjaw il‑komunikazzjoni uffiċjali tal‑AIVD.

[...]”

124    Il‑Gvern Olandiż onera din is‑sentenza interlokutorja u, fil‑21 ta’ Mejju 2003, l‑imħallef għal miżuri provviżorji kkonsulta l‑fajl tal‑AIVD fl‑uffiċji ta’ dan tal‑aħħar.

125    Permezz tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji, l‑imħallef għal miżuri provviżorji kkonstata u ddeċieda, b’mod partikolari, dan li ġej:

“[...]

2.      Il‑fatti, it‑talba, il‑motivazzjoni u d‑difiża

Fir‑rigward ta’ dawn il‑punti, isir riferiment [għas‑sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji].

3.      L‑evalwazzjoni tal‑kwistjoni

3.1.  Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet magħmula [fis‑sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji], ser tingħata risposta fl‑ewwel lok għall‑kwistjoni jekk [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] aġixxiex b’mod illegali fil‑konfront [tar‑rikorrenti] meta adotta u eżegwixxa [is‑Sanctieregeling] u jekk għalhekk hemmx lok li jiġi ordnat sabiex ma jkomplix jeżegwixxi [is‑Sanctieregeling].

3.2.      Fuq il‑bażi tal‑istruttorja mwettqa minnu, l‑imħallef għal miżuri provviżorji wasal għall‑konklużjoni li l‑konstatazzjonijiet tal‑AIVD huma suffiċjentement fondati sabiex jiġġustifikaw il‑konklużjoni (tal‑AIVD) li l‑fondi miġbura [mir‑rikorrenti] fil‑Pajjiżi l‑Baxxi kienu bbenefikaw minnhom organizzazzjonijiet marbuta mal‑moviment Iżlamist (Palestinjan) tal‑Hamas u jistgħu jiġġustifikaw anki l‑konklużjoni li diversi minn dawn l‑organizzazzjonijiet (marbuta mal‑Hamas) iqiegħdu fondi għad‑dispożizzjoni bil‑għan li jitwettqu jew jiġu ffaċilitati l‑attivitajiet terroristiċi tal‑Hamas.

3.3.      L‑imħallef għal miżuri provviżorji ma għandu għarfien ta’ ebda fatt li abbażi tiegħu jista’ jiġi konkluż li l‑AIVD eżegwixxa b’mod żbaljat il‑funzjoni mogħtija lilu mil‑liġi dwar is‑servizzi ta’ informazzjoni u ta’ sigurtà.

3.4.      [Ir‑rikorrenti] sostniet ukoll li, anki jekk jitqies li [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] ma aġixxiex b’mod illegali fil‑konfront tagħha meta adotta u eżegwixxa [is‑Sanctieregeling], in‑natura illegali tal‑atti [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] tinsab fi kwalunkwe każ fil‑fatt li dan eżegwixxa [is‑Sanctieregeling] mingħajr ma ppreveda arranġament sabiex tinġieb fi tmiemha s‑sitwazzjoni li bħalissa tinsab fiha [ir‑rikorrenti]. Dan l‑argument għandu jiġi miċħud. Huwa stabbilit li [ir‑rikorrenti] ġarrbet, u għadha ġġarrab, dannu b’konsegwenza tal‑aġir [tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi]. Madankollu, kien biss l‑aġir [tar‑rikorrenti] stess li ħoloq dan id‑dannu u, jekk ikun il‑każ, se jkompli joħloq iktar dannu. Id‑dannu diġà mġarrab u dak li għad irid jimmaterjalizza huwa imputabbli kollu kemm hu [lir‑rikorrenti].

3.5.      [Ir‑rikorrenti] indikat ukoll li [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] (irrappreżentat mill‑Ministru tal‑Affarijiet Interni) kien preċedentement, jiġifieri f’Ottubru 2002, indika, bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmula mill‑Membri tat‑Tieni Awla, li fil‑fehma tiegħu kien inutli li jittieħdu miżuri kontra [ir‑rikorrenti]. [Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi], madankollu, kien ippreżenta b’mod suffiċjentement plawżibbli – kif jirriżulta wkoll mit‑tweġibiet għall‑mistoqsijiet imsemmija mqajma mit‑Tieni Awla – li l‑investigazzjoni tal‑AIVD kienet f’dak il‑mument tinsab fi stadju li l‑adozzjoni ta’ miżuri fil‑konfront [tar‑rikorrenti] ma kinitx ġustifikata, iżda li, wara intensifikazzjoni tal‑investigazzjoni, l‑adozzjoni ta’ tali miżuri ma kinitx għadha eskluża.

3.6.      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, il‑kwistjoni deskritta fil‑punt 3.1. għandha tingħata risposta negattiva. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t‑talbiet [tar‑rikorrenti] intiżi sabiex [ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi] jiġi pprojbit milli jiffriża l‑assi kollha tagħha, sabiex jiġi pprojbit milli jwaqqaf t‑tranżazzjonijiet finanzjarji tagħha u favur tagħha kollha u sabiex jiġi pprojbit milli jipprekludi lil terzi milli jqiegħdu riżorsi direttament jew indirettament għad‑dispożizzjoni tagħha.

[...]

Id‑deċiżjoni

L‑imħallef għal miżuri provviżorji jiċħad it‑talbiet.

[...]”

126    Fid‑dawl tas‑sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji u tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji, ma huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk, kif isostni r‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, l‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑evalwazzjoni mill‑Kunsill tal‑element ta’ “[għarfien]” meħtieġ mill‑Artikolu 1(3)(k) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandux ikun limitat għal stħarriġ ta’ żball manifest.

127    Fil‑fatt, kien mingħajr ma wettaq l‑iċken żball ta’ evalwazzjoni li l‑Kunsill seta’ jikkunsidra, fid‑dawl taż‑żewġ sentenzi inkwistjoni, li r‑rikorrenti kellha għarfien, fis‑sens tad‑dispożizzjoni msemmija, li l‑attività tagħha ta’ ġbir u ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ fondi kienet tikkontribwixxi għall‑attivitajiet kriminali ta’ grupp terroristiku, f’dan il‑każ il‑Hamas jew, b’mod iktar preċiż, f’dak iż‑żmien, il‑fergħa armata tiegħu Hamas‑Izz al‑Din al‑Qassem.

128    Għall‑kuntrarju ta’ dak li ssostni r‑rikorrenti fuq il‑bażi ta’ qari eċċessivament formalistiku u litterali ta’ dawn iż‑żewġ sentenzi, il‑konstatazzjonijiet ta’ fatt u l‑evalwazzjonijiet magħmula mill‑imħallef għal miżuri provviżorji, abbażi tal‑memorandum tal‑AIVD u tal‑elementi tal‑fajl li jissostanzjawh, jindikaw li dan l‑imħallef kien manifestament konvint li r‑rikorrent kellha għarfien dwar l‑użu finali tal‑fondi tagħha għal finijiet terroristiċi. Il‑ftit eżempji ta’ tali konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet, invokati mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi b’riferiment għall‑punt 1.11 tas‑sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji, jindikaw dan b’mod impliċitu iżda ċert.

129    Barra minn hekk, it‑trattazzjoni quddiem l‑imħallef għal miżuri provviżorji kienet iffokat b’mod iktar fundamentali fuq ir‑relazzjonijiet allegati bejn ir‑rikorrenti u l‑Hamas milli fuq dan l‑element ta’ għarfien jew ta’ intenzjonalità. Kif osserva l‑imħallef għal miżuri provviżorji, ir‑rikorrenti kienet qiegħda fil‑fatt issostni, “b’mod enerġetiku”, f’dan l‑istadju tal‑proċeduri, li hija “ma kinitx tqiegħed flus għad‑dispożizzjoni tal‑Hamas jew ta’ organizzazzjonijiet oħra marbuta ma’ dan il‑moviment” u anki li hija “ma għandha ebda konnessjoni mal‑Hamas jew ma’ organizzazzjonijiet marbuta mal‑Hamas”. Dawn l‑allegazzjonijiet ġew irrifjutati b’mod ċar mill‑imħallef għal miżuri provviżorji wara li kkonsulta l‑fajl li jissostanzja l‑memorandum tal‑AIVD. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma kienx meħtieġ li dan l‑imħallef jispeċifika b’mod espress, fil‑punt 3.2 tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji, il‑portata tal‑“għarfien” tar‑rikorrenti dwar is‑sitwazzjoni.

130    Fi kwalunkwe każ, meta ddeċieda li d‑dannu diġà mġarrab mir‑rikorrenti, b’konsegwenza tas‑Sanctieregeling, u dak li għad jimmaterjalizza, kien “imputabbli kollu kemm hu” lir‑rikorrenti, l‑imħallef għal miżuri provviżorji neċessarjament ikkonkluda li kien hemm dan l‑element ta’ “għarfien” li huwa indispensabbli sabiex tiġi stabbilita r‑responsabbiltà tar‑rikorrenti fil‑kuntest tal‑ibbilanċjar tal‑interessi li huwa kellu jwettaq (ara, b’mod partikolari, il‑punt 3.5 tas‑sentenza interlokutorja dwar miżuri provviżorji).

131    Barra minn hekk, l‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti fl‑osservazzjonijiet tagħha dwar in‑nota ta’ intervent tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, ibbażati fuq allegata distinzjoni li kellha ssir, minn tal‑inqas għall‑perijodu qabel it‑12 ta’ Settembru 2003, bejn il‑fergħa umanitarja u l‑fergħa terroristika tal‑Hamas, huma irrilevanti fid‑dawl tal‑konklużjoni tal‑imħallef għal miżuri provviżorji li, minn naħa, il‑fondi miġbura mir‑rikorrenti fil‑Pajjiżi l‑Baxxi kienu bbenefikaw minnhom organizzazzjonijiet marbuta mal‑Hamas u, min‑naħa l‑oħra, li diversi minn dawn l‑organizzazzjonijiet kienu jqiegħdu fondi għad‑dispożizzjoni bil‑għan li jitwettqu jew jiġu ffaċilitati l‑attivitajiet terroristiċi tal‑Hamas.

132    Mill‑bqija, dawn l‑argumenti, li jipprovdu li r‑rikorrenti setgħet tikkunsidra, f’dak iż‑żmien, li d‑donazzjonijiet magħmula lill‑fergħa umanitarja tal‑Hamas ma kinux ser jintużaw għal finijiet terroristiċi, huma inkompatibbli mal‑argumenti mressqa minnha quddiem l‑imħallef għal miżuri provviżorji fejn hija nnegat kull konnessjoni mal‑Hamas jew ma’ organizzazzjonijiet marbuta mal‑Hamas.

133    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, it‑tielet parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv

–       L‑argumenti tal‑partijiet

134    Ir‑rikorrenti ssostni li s‑suġġett u l‑għan tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar‑Regolament Nru 2580/2001 huma l‑ġlieda kontra l‑finanzjament attwali u futur tat‑terroriżmu u mhux il‑ġlieda kontra l‑finanzjament passat tiegħu. Għalhekk, fil‑fehma tagħha, jekk l‑eżistenza ta’ riskju attwali jew futur li entità tiffinanzja t‑terroriżmu ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, dawn l‑atti ma jkunux applikabbli għaliha.

135    Issa, la l‑espożizzjoni tal‑motivi u lanqas is‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma juru l‑eżistenza tal‑inqas theddida attwali jew futura min‑naħa tar‑rikorrenti li abbażi tagħha jista’ jiġi konkluż li din setgħet tibqa’ tiġi kkunsidrata, fl‑2007, bħala li tiffaċilita attivitajiet terroristiċi. Barra minn hekk, minħabba ż‑żmien li għadda mit‑3 ta’ Ġunju 2003, id‑dispożizzjonijiet tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma jistgħux jibqgħu jintużaw bħala bażi għal tali konklużjoni.

136    B’mod partikolari, mill‑espożizzjoni tal‑motivi b’ebda mod ma jidher li l‑organizzazzjonijiet li lilhom ir‑rikorrenti ttrasferixxiet fondi qabel it‑3 ta’ Ġunju 2003, jekk jitqies li dawn effettivament iffaċilitaw attivitajiet terroristiċi f’dak iż‑żmien, għadhom jagħmlu dan attwalment. Jista’ jkun il‑każ anki li dawn l‑organizzazzjonijiet ma għadhomx jeżistu. Lanqas il‑Kunsill stess ma jista’ jivverifika dawn il‑punti peress li l‑identità tal‑organizzazzjonijiet ikkonċernati ma ġietx mikxufa u peress li ma kellux aċċess għall‑fajl tal‑AIVD li fuqu hija bbażata s‑sentenza dwar miżuri provviżorji.

137    Barra minn hekk, ma hemm xejn li jwassal lil dak li jkun sabiex jaħseb li jekk titneħħa l‑miżura ta’ ffriżar tal‑assi tagħha, ir‑rikorrenti ser terġa’ tappoġġja l‑istess organizzazzjonijiet. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti tiddikjara espressament li, jekk il‑Kunsill jgħaddilha lista tal‑organizzazzjonijiet li huma kkunsidrati bħala li jiffinanzjaw it‑terroriżmu, hija kienet ser tastjeni milli tipprovdilhom l‑iċken appoġġ finanzjarju.

138    Fir‑replika tagħha, ir‑rikorrenti żżid li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Kunsill fir‑risposta tiegħu, il‑Qorti Ġenerali tista’ perfettament tistħarreġ, f’din il‑kawża, il‑fondatezza tad‑deċiżjoni kkontestata fir‑rigward ta’ dan il‑motiv. Filwaqt li tirreferi għall‑kriterji ta’ evalwazzjoni invokati f’dan ir‑rigward mill‑Kunsill, hija tenfasizza li hija ma għandhiex u qatt ma kellha preċedent fil‑qasam tal‑vjolenza terroristika, li l‑Kunsill ma jista’ raġonevolment iressaq ebda ipoteżi serja fir‑rigward tal‑intenzjonijiet futuri tagħha, fuq il‑bażi biss tad‑dokumenti li għandu għad‑dispożizzjoni tiegħu, u li kemm is‑Sanctieregeling, imħassra sa mill‑2003, u kemm is‑sentenza dwar miżuri provviżorji tilfu ħafna mir‑rilevanza tagħhom.

139    Fl‑osservazzjonijiet tagħha dwar in‑nota ta’ intervent tar‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, ir‑rikorrenti terġa’ ssostni li l‑evalwazzjoni tal‑Kunsill kienet manifestament żbaljata. Hija tenfasizza li lanqas il‑Kunsill stess ma għandu għarfien tal‑identità tal‑organizzazzjonijiet li hija kienet tappoġġja u li, b’mod iktar importanti, il‑Kunsill ma jafx liema, minn fost dawn l‑organizzazzjonijiet, kienu sussegwentement appoġġjaw it‑terroriżmu. Il‑Kunsill lanqas ma jaf jekk dawn l‑organizzazzjonijiet għadhomx eżistenti. Fid‑dawl ta’ dan il‑fatt, huwa impossibbli għall‑Kunsill li jafferma, billi jibbaża ruħu fuq id‑dokumenti magħrufa minnu, li r‑rikorrenti għadha tista’ titqies li tiffaċilita atti terroristiċi. Għalhekk huwa eżerċita l‑marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu b’mod manifestament żbaljat.

140    Il‑Kunsill, sostnut mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u mill‑Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

141    Id‑diversi argumenti mressqa mir‑rikorrenti fil‑kuntest tar‑raba’ parti tal‑ewwel motiv jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk imressqa mir‑rikorrenti fil‑kuntest tat‑tielet motiv tar‑rikors fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza PMOI I.

142    Meta ddeċidiet dwar dan it‑tielet motiv, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, fis‑sentenza PMOI I, li (a) ma hemm xejn, fid‑dispożizzjonijiet inkwistjoni tar‑Regolament Nru 2580/2001 u tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jipprekludi l‑impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fil‑konfront ta’ persuni jew entitajiet li fil‑passat wettqu atti ta’ terroriżmu, minkejja n‑nuqqas ta’ provi li fil‑preżent huma qegħdin iwettqu tali atti jew qegħdin jipparteċipaw fihom, jekk iċ‑ċirkustanzi jiġġustifkaw dan (punt 107); (b) ir‑realizzazzjoni tal‑għan ta’ dawn l‑atti, jiġifieri l‑ġlieda kontra t‑theddid għall‑paċi u għas‑sigurtà internazzjonali maħluq mill‑atti terroristiċi, li għandu importanza fundamentali għall‑komunità internazzjonali, titqiegħed fir‑riskju li tiġi ppreġudikata jekk il‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi previsti minn dawn l‑atti jkunu jistgħu jiġu applikati biss għal persuni, gruppi u entitajiet li qegħdin attwalment iwettqu atti ta’ terroriżmu jew li jkunu għamlu dan fil‑passat reċenti ħafna (punt 109); (c) il‑miżuri msemmija, li essenzjalment għandhom l‑għan li jipprekludu t‑twettiq ta’ atti bħal dawn jew ir‑repetizzjoni tagħhom, huma aktar ibbażati fuq l‑evalwazzjoni ta’ theddida attwali jew futura milli fuq l‑evalwazzjoni ta’ mġiba fil‑passat (punt 110), u (d) is‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l‑Kunsill, fir‑rigward tal‑elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tal‑adozzjoni jew taż‑żamma ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, testendi għall‑evalwazzjoni tat‑theddida li organizzazzjoni li fil‑passat tkun wettqet atti ta’ terroriżmu tista’ tkun għadha tirrappreżenta, minkejja s‑sospensjoni tal‑attivitajiet terroristiċi tagħha matul perijodu xi fit jew wisq twil, jekk mhux ukoll minkejja l‑waqfien apparenti tagħhom.

143    Fis‑sentenza Sison II (punt 66), il‑Qorti Ġenerali żiedet li, f’dawn iċ‑ċirkustanzi u fid‑dawl tal‑ġurisprudenza dwar l‑obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (ara, f’dan ir‑rigward, is‑sentenza PMOI I, punt 82), il‑Kunsill ma għandux ikun meħtieġ jindika, b’mod iktar speċifiku, kif l‑iffriżar tal‑fondi tal‑parti kkonċernata jikkontribwixxi, b’mod konkret, għall‑ġlieda kontra t‑terroriżmu jew li jipprovdi provi sabiex juri li l‑parti kkonċernata tista’ tuża l‑fondi tagħha sabiex twettaq jew tiffaċilita atti terroristiċi fil‑futur.

144    F’din il‑kawża, minn din il‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑fatt li l‑Kunsill irrefera esklużivament għal avvenimenti li seħħew qabel it‑3 ta’ Ġunju 2003, kif ikkonstatati mill‑imħallef għal miżuri provviżorji, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jindika ksur tal‑Artikolu 1(1), (2) u (4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza PMOI I, punt 113).

145    L‑istess jista’ jingħad għad‑“dikjarazzjoni espressa” tar‑rikorrenti li, jekk titneħħa il‑miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, hija ser tastjeni milli tipprovdi l‑iċken appoġġ finanzjarju lill‑organizzazzjonijiet li jiġu indikati lilha mill‑Kunsill bħala organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw it‑terroriżmu.

146    Fir‑rigward tal‑kwistjoni jekk, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi rilevanti l‑oħra kollha (b’mod partikolari iż‑żmien li għadda mid‑deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, x’sar sadanittant mill‑organizzazzjonijiet li lilhom ir‑rikorrenti kienet ittrasferixxiet fondi, il‑preċedenti tar‑rikorrenti fil‑qasam tat‑terroriżmu, l‑intenzjonijiet futuri tagħha, it‑tħassir tas‑Sanctieregeling u r‑rilevanza attwali tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji), il‑Kunsill marx lil hinn mil‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu, din il‑kwistjoni taqa’ pjuttost taħt l‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑osservanza tal‑obbligi tal‑Kunsill taħt l‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Peress li l‑ksur ta’ dan l‑obbligu huwa speċifikament allegat fil‑kuntest tat‑tielet motiv, huwa waqt l‑eżami ta’ dak il‑motiv li dan il‑ksur għandu, jekk ikun il‑każ, jiġi evalwat (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza PMOI I, punt 114).

147    B’din ir‑riżerva, ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata u, flimkien magħha l‑ewwel motiv fl‑intier tiegħu, bir‑riżerva magħmula fil‑punt 106 iktar ’il fuq.

 Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u ta’ rekwiżit sostanzjali

 L‑argumenti tal‑partijiet

148    Skont ir‑rikorrenti, li tirreferi għall‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, għall‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u għall‑prinċipji stabbiliti mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza OMPI, il‑Kunsill ma wettaq ebda eżami mill‑ġdid ta’ jekk iż‑żamma tagħha fil‑lista kontenzjuża kinitx opportuna. Għalhekk il‑Kunsill kiser rekwiżit sostanzjali.

149    F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti tenfasizza li l‑espożizzjoni tal‑motivi b’ebda mod ma tindika li l‑Kunsill effettivament għamel tali eżami mill‑ġdid ta’ jekk il‑motivi li kienu ġġustifikaw id‑deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi kinux għadhom eżistenti, u inqas u inqas dwar kif għamel tali eżami. Għall‑kuntrarju, kollox jindika pjuttost li l‑Kunsill ibbaża d‑deċiżjoni kkontestata fuq is‑sentenza dwar miżuri provviżorji u fuq is‑Sanctieregeling biss. Issa, dawn l‑atti ma humiex bażi legali konklużiva u indipendenti li tiġġustifika deċiżjoni sussegwenti li jinżamm l‑iffriżar ta’ fondi. Skont ir‑rikorrenti, il‑fatt li jitressqu l‑istess żewġ deċiżjonijiet nazzjonali fir‑rigward ta’ kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi ma jikkostitwixxix eżami mill‑ġdid serju u attwali tas‑sitwazzjoni, fis‑sens meħtieġ mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza OMPI.

150    Ir‑rikorrenti tosserva wkoll li hija ma għadx għandha mezz kif tressaq quddiem l‑istħarriġ ta’ qorti Olandiża l‑eżattezza jew l‑ineżattezza fattwali tal‑akkużi magħmula mill‑AIVD fl‑2003, u inqas u inqas l‑istatus attwali tal‑organizzazzjonijiet li lilhom ittrasferixxiet fondi.

151    Matul is‑seduta, ir‑rikorrenti, filwaqt li rreferiet, b’mod partikolari, għall‑punt 116 tas‑sentenza Sison II, reġgħet sostniet li s‑Sanctieregeling u s‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma wasslux, sal‑lum, għall‑bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni fil‑konfront tagħha fil‑Pajjiżi l‑Baxxi, filwaqt li s‑Sanctieregeling tħassret immedjatament wara l‑adozzjoni tal‑ewwel miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal‑fondi tagħha. Minn dan hija tiddeduċi, minn naħa, li ma ttieħdet ebda azzjoni wara d‑deċiżjoni nazzjonali li fuq il‑bażi tagħha l‑Kunsill kien inizjalment iddeċieda li jiffriża l‑fondi tagħha u, min‑naħa l‑oħra, li l‑Kunsill ma huwiex jieħu inkunsiderazzjoni b’mod adegwat dan il‑fatt meta jżomm din il‑miżura b’mod indefinit.

152    Il‑Kunsill jiċħad l‑allegazzjonijiet tar‑rikorrenti u jsostni li huwa wettaq eżami mill‑ġdid dettaljat dwar il‑mertu tal‑każ qabel ma ddeċieda li jżomm lir‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża, u dan sabiex jiżgura ruħu li din iż‑żamma kienet għadha ġustifikata.

153    Filwaqt li jfakkar li l‑kwistjoni ta’ jekk miżuri restrittivi meħuda fil‑konfront ta’ organizzazzjoni terroristika għandhomx jinżammu hija kwistjoni ta’ natura politika, li għandha tiġi deċiża biss mil‑leġiżlatur, il‑Kunsill iqis li, fir‑rigward tal‑mertu tal‑każ, huwa ħa inkunsiderazzjoni l‑kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha.

154    Anki fuq il‑livell proċedurali, il‑Kunsill isostni li huwa mexa b’attenzjoni kbira sabiex josserva l‑obbligi stabbiliti fis‑sentenzi OMPI u Sison I (punti 141 u 184), li jirrigwardaw id‑drittijiet tad‑difiża u d‑dritt għal smigħ. Huwa għalhekk wettaq dan l‑eżami mill‑ġdid filwaqt li kellu għarfien perfett tal‑osservazzjonijiet tar‑rikorrenti.

155    F’dan ir‑rigward, il‑Kunsill isostni, filwaqt li jirreferi għall‑premessa 5 tad‑deċiżjoni kkontestata u għall‑ittra tiegħu tad‑29 ta’ Ġunju 2007 li permezz tagħha d‑deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir‑rikorrenti, li huwa eżamina b’attenzjoni kbira l‑osservazzjonijiet sottomessi minnha fil‑25 ta’ Mejju 2007 qabel ma ddeċieda li jżommha fil‑lista kontenzjuża.

156    Fid‑dawl ta’ dan, il‑Kunsill iqis li, għalkemm skont is‑sentenzi OMPI u Sison I huwa l‑obbligu tiegħu li jqiegħed lill‑partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom u li joħodhom inkunsiderazzjoni, huwa ma huwiex obbligat, għall‑kuntrarju, li mbagħad iwieġeb għal dawn l‑osservazzjonijiet. Il‑fatt li l‑espożizzjoni tal‑motivi ma ġietx emendata meta mqabbla ma’ dik ikkomunikata fit‑23 ta’ April 2007 juri biss li ebda wieħed mill‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti fl‑osservazzjonijiet tagħha ma kien ikkonvinċa lill‑Kunsill u li ma kien hemm ebda punt ġdid x’jiġi miżjud.

157    Fl‑osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għall‑mistoqsijiet bil‑miktub tal‑Qorti Ġenerali, il‑Kunsill, ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u l‑Kummissjoni sostnew, barra minn hekk, li, skont il‑prinċipji stabbiliti mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza Sison II, il‑Kunsill seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l‑fatt li d‑deċiżjoni tal‑awtorità nazzjonali kompetenti li fuqha kien ibbaża d‑deċiżjoni tiegħu li jissuġġetta lir‑rikorrenti għal miżuri restrittivi ma kinitx ġiet ikkontestata minnha.

158    Matul is‑seduta, ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi enfasizza li t‑tħassir tas‑Sanctieregeling, wara l‑adozzjoni tal‑miżura Komunitarja inizjali ta’ ffrizar tal‑fondi tar‑rikorrenti, ma kienx jimplika li l‑awtoritajiet nazzjonali kienu ħadu pożizzjoni ġdida fil‑konfront ta’ din tal‑aħħar, iżda kien ir‑riżultat tax‑xewqa tal‑Gvern Olandiż li jevita li miżura nazzjonali tikkonfliġġi ma’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

159    Kif ġie indikat fil‑punti 106 u 146 iktar ’il fuq, huwa wkoll fil‑kuntest ta’ dan il‑motiv li għandhom jiġu eżaminati, minn naħa, il‑kwistjoni ta’ jekk is‑sentenza dwar miżuri provviżorji kinitx għadha tista’ tittieħed b’mod validu bħala l‑bażi tad‑deċiżjoni kkontestata, fid‑data tal‑adozzjoni tagħha, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha tal‑każ u, b’mod partikolari, għall‑azzjoni meħuda b’konsegwenza tas‑Sanctieregeling fid‑dritt nazzjonali, u, min‑naħa l‑oħra, il‑kwistjoni ta’ jekk, billi bbaża ruħu esklużivament fuq din is‑sentenza, il‑Kunsill marx lil hinn mil‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa wkoll f’dan il‑kuntest li tqum il‑kwistjoni ta’ jekk ir‑rikorrenti kellhiex u għadx għandha rimedji legali fid‑dritt nazzjonali kontra s‑sentenza dwar miżuri provviżorji kif ukoll il‑kwistjoni tal‑konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill‑fatt li hija naqset milli teżerċita dawn ir‑rimedji legali.

160    Qabel jiġu eżaminati dawn il‑kwistjonijiet, għandhom jiġu mfakkra l‑prinċipji li fuqhom hija bbażata l‑ġurisprudenza tal‑Qorti Ġenerali dwar il‑kawżi li jikkonċernaw miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati għall‑finijiet tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu, b’mod partikolari s‑sentenzi OMPI, PMOI I u PMOI II, u Sison I u Sison II (ara, f’dan ir‑rigward, il‑punti 78 sa 83 iktar ’il fuq).

161    Dawn il‑prinċipji jistabbilixxu, minn naħa, is‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu jiġi rikonoxxut il‑Kunsill fir‑rigward tal‑elementi li jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi taħt ir‑Regolament Nru 2580/2001. Din is‑setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il‑kunsiderazzjonijiet dwar l‑opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali deċiżjonijiet (ara l‑punti 82 u 83 iktar ’il fuq u l‑ġurisprudenza ċċitata) u tkopri l‑evalwazzjoni tat‑theddida li tista’ tkompli tirrappreżenta organizzazzjoni li tkun wettqet atti terroristiċi fil‑passat minkejja s‑sospensjoni tal‑attivitajiet terroristiċi tagħha għal żmien ftit jew wisq twil, jekk mhux ukoll il‑waqfien apparenti tagħhom (ara l‑punt 142 iktar ’il fuq u l‑ġurisprudenza ċċitata).

162    Min‑naħa l‑oħra, dawn il‑prinċipji jistabbilixxu l‑importanza prinċipali li għandha tingħata, fl‑eżerċizzju ta’ din is‑setgħa diskrezzjonali, lill‑elementi tal‑proċedura nazzjonali li fil‑kuntest tagħha tkun ittieħdet id‑deċiżjoni tal‑awtorità kompetenti msemmija fl‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 li sservi ta’ bażi għad‑deċiżjoni Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi.

163    B’hekk, il‑Qorti Ġenerali osservat diversi drabi li, fil‑każ fejn japplikaw l‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il‑Kunsill u l‑Istati Membri, fil‑kuntest tal‑ġlieda komuni kontra t‑terroriżmu, il‑prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jimplika, għall‑Kunsill, l‑obbligu li joqgħod, sa fejn ikun possibbli, fuq l‑evalwazzjoni tal‑awtorità nazzjonali kompetenti, minn tal‑inqas jekk din tkun awtorità ġudizzjarja, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet [provi jew indizji serji u kredibbli]” li fuqhom tkun ibbażata d‑deċiżjoni tagħha (ara l‑punt 80 iktar ’il fuq u l‑ġurisprudenza ċċitata).

164    Madankollu, il‑Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li, meta, wara eżami mill‑ġdid, il‑Kunsill ikollu l‑intenzjoni jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi taħt ir‑Regolament Nru 2580/2001, fuq il‑bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjoni” għal att terroristiku, huwa ma jistax jinjora l‑iżviluppi ulterjuri ta’ dawn l‑investigazzjonijiet jew ta’ din il‑prosekuzzjoni (ara s‑sentenza Sison II, punt 116, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

165    B’hekk, mis‑sentenza PMOI I (punt 146) jirriżulta li, sa fejn id‑deċiżjoni tal‑awtorità nazzjonali kompetenti li fuqha tkun ibbażata d‑deċiżjoni Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi tkun tista’ tiġi suġġetta, f’kull mument, għal rikors ġudizzjarju fid‑dritt intern, ippreżentat jew direttament kontriha jew indirettament kontra kull deċiżjoni sussegwenti tal‑istess awtorità nazzjonali li tirrifjuta li tirtiraha jew tħassarha, huwa raġonevoli għall‑Kunsill li jqis bħala ta’ importanza prinċipali, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tiegħu, il‑fatt li din id‑deċiżjoni nazzjonali għadha fis‑seħħ. Għalhekk, f’din l‑istess sentenza (punt 147), il‑Qorti Ġenerali kkunsidrat, fir‑rigward tal‑ibbilanċjar tal‑provi kontra u favur, li l‑Kunsill jaġixxi b’mod raġonevoli u prudenti meta, f’sitwazzjoni fejn id‑deċiżjoni tal‑awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti li fuqha tkun ibbażata d‑deċiżjoni Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi tkun tista’ tiġi suġġetta għal rikors ġudizzjarju fid‑dritt intern, din l‑istituzzjoni tirrifjuta bħala prinċipju milli tieħu pożizzjoni dwar il‑fondatezza tal‑argumenti sostanzjali mressqa mill‑parti kkonċernata insostenn ta’ tali rikors qabel ma tkun taf l‑eżitu tiegħu. Li kieku ma kienx hekk, fil‑fatt, l‑evalwazzjoni magħmula mill‑Kunsill, bħala istituzzjoni politika jew amministrattiva, tirriskja li tkun f’kunflitt, fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi, mal‑evalwazzjoni magħmula mill‑qorti nazzjonali kompetenti.

166    Bl‑istess mod, fis‑sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il‑Kunsill (T‑37/07 u T‑323/07, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punti 51 u 52), il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li l‑Kunsill jaġixxi inkonformità mal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mar‑Regolament Nru 2580/2001 meta jibbaża d‑deċiżjoni tiegħu ta’ ffriżar ta’ fondi fuq kundanna kriminali mogħtija minn qorti nazzjonali tal‑ewwel istanza mingħajr ma jistenna l‑eżitu tal‑appell imressaq mill‑parti kkonċernata kontra din il‑kundanna.

167    Madankollu, fis‑sentenza El Morabit vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53), il‑Qorti Ġenerali żiedet, inkonformità mal‑ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, li, għalkemm is‑sempliċi preżentata ta’ appell fil‑konfront ta’ kundanna fl‑ewwel istanza ma taffettwax id‑dritt tal‑Kunsill li, abbażi tar‑Regolament Nru 2580/2001 u tal‑Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, jinkludi persuna jew entità kkundannata fil‑lista kontenzjuża, il‑Kunsill huwa obbligat jivverifika, wara l‑konklużjoni tal‑proċedura ta’ appell, l‑eżistenza ta’ motivi li jiġġustifikaw iż‑żamma tal‑iffriżar tal‑fondi tal‑parti kkonċernata. Fil‑kawża inkwistjoni, il‑Qorti Ġenerali osservat (punt 54) li l‑Kunsill kien silet il‑konsegwenza diretta tal‑liberazzjoni mill‑akkuża tal‑parti kkonċernata fl‑appell billi neħħieha mil‑lista kontenzjuża. Skont il‑Qorti Ġenerali, il‑Kunsill kien għalhekk adotta interpretazzjoni razzjonali tal‑poteri tiegħu billi kkonforma ruħu mal‑iżvilupp tad‑deċiżjoni fis‑sistema ġudizzjarja Olandiża.

168    Fis‑sentenza Sison II (punt 116), il‑Qorti Ġenerali wkoll ikkunsidrat l‑eventwalità li investigazzjoni mill‑pulizija jew mill‑prosekutur tingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ġudizzjarja minħabba li ma jkunx possibbli li jinġabru provi suffiċjenti jew li istruttorja ġudizzjarja twassal għal deċiżjoni li ma jkunx hemm lok li jitkomplew il‑proċeduri għall‑istess raġunijiet, jew inkella li deċiżjoni li tinbeda prosekuzzjoni twassal għall‑abbandun tagħha jew għal liberazzjoni mill‑akkużi. Il‑Qorti Ġenerali enfasizzat li jkun inammissibbli li l‑Kunsill ma jiħux inkunsiderazzjoni tali fatturi, li jagħmlu parti mill‑informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s‑sitwazzjoni (ara l‑punt 83 iktar ’il fuq). Deċiżjoni differenti tkun tfisser li l‑Kunsill u l‑Istati Membri jkunu qegħdin jingħataw is‑setgħa eċċessiva li jiffriżaw b’mod indefinit il‑fondi ta’ persuna b’mod li ma jaqax taħt stħarriġ ġudizzjarju u irrispettivament mill‑eżitu tal‑proċeduri ġudizzjarji li jkunu eventwalment inbdew.

169    L‑istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw meta miżura amministrattiva nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi jew ta’ identifikazzjoni ta’ organizzazzjoni bħala terrorista tkun irtirata mill‑awtur tagħha jew annullata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, kif kien il‑każ fil‑kawża li wasslet għas‑sentenza PMOI I.

170    Issa, fil‑kawża ineżami, huwa paċifiku li s‑Sanctieregeling tħassret fit‑3 ta’ Awwissu 2003, jiġifieri kważi immedjatament wara d‑dħul fis‑seħħ, fit‑28 ta’ Ġunju 2003, tal‑miżura Komunitarja inizjali ta’ ffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti.

171    F’dan ir‑rigward huwa minnu li d‑deċiżjoni kkontestata ssostni li ma hijiex ibbażata fuq is‑Sanctieregeling innifisha iżda fuq is‑sentenza dwar miżuri provviżorji biss (ara l‑punt 86 iktar ’il fuq). Madankollu, għar‑raġunijiet esposti fil‑punt 87 iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli, fil‑kawża ineżami, li s‑sentenza dwar miżuri provviżorji tittieħed inkunsiderazzjoni waħedha u mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni fl‑istess ħin is‑Sanctieregeling.

172    Għalhekk, għandu jiġi rikonoxxut li, mit‑tħassir tas‑Sanctieregeling fis‑sistema legali Olandiża, is‑sentenza dwar miżuri provviżorji, li, kif għadu kemm ġie mfakkar, tifforma, flimkien mas‑Sanctieregeling, unità li ma tistax tiġi sseparata, ma tistax tibqa’ sservi b’mod validu bħala bażi għal miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti.

173    Permezz ta’ dik is‑sentenza, fil‑fatt, l‑imħallef għal miżuri provviżorji kien sempliċement irrifjuta li jissospendi, b’mod provviżorju, l‑effetti tas‑Sanctieregeling. Issa, minħabba t‑tħassir tagħha, din waqfet definittivament milli jkollha effetti legali. Dan jgħodd neċessarjament ukoll, bħala konsegwenza, għall‑effetti legali tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji sa fejn din tagħmel biss evalwazzjoni provviżorja, bla ħsara għad‑deċiżjoni fuq il‑mertu fi tmiem il‑proċess.

174    F’dan id‑dawl, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra wkoll li s‑sentenza dwar miżuri provviżorji ma jistax ikollha, għall‑finijiet biss tal‑implementazzjoni tar‑Regolament Nru 2580/2001, effetti legali separabbli minn dawk tas‑Sanctieregeling, effetti li, f’dan il‑każ, jibqgħu fis‑seħħ minkejja t‑tħassir tagħha fid‑dritt Olandiż. Barra minn hekk, ma jkunx kompatibbli mas‑sistema ġenerali ta’ dan ir‑regolament, ikkaratterizzata mill‑importanza prinċipali li għandha tingħata lill‑elementi tal‑proċedura nazzjonali fl‑evalwazzjoni tal‑Kunsill, li s‑Sanctieregeling, li ma għadx għandha effett fis‑sistema legali Olandiża, jibqa’ jkollha effett indirettament u indefinittivament, permezz tas‑sentenza dwar miżuri provviżorji, fis‑sistema legali Komunitarja.

175    Dan jgħodd iktar u iktar fid‑dawl tal‑fatt li s‑sentenza dwar miżuri provviżorji, mogħtija wara rikors tar‑rikorrenti, tikkostitwixxi avveniment sekondarju meta mqabbla mas‑Sanctieregeling. Fil‑fatt, mill‑espożizzjoni tal‑motivi ta’ din tal‑aħħar jirriżulta li hija kienet ġiet adottata “fl‑istennija tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni Komunitarja” u li hija kellha titħassar “malli tidħol fis‑seħħ tali deċiżjoni” (ara wkoll is‑sentenza Al‑Aqsa, punt 17). Skont l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi matul is‑seduta, dan it‑tħassir kien biss ir‑riżultat tax‑xewqa tal‑Gvern Olandiż li jevita li miżura nazzjonali tikkonfliġġi ma’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti. Minn dan isegwi li s‑Sanctieregeling tħassret, fi kwalunkwe każ, immedjatament wara l‑adozzjoni tal‑miżura Komunitarja inizjali ta’ ffriżar tal‑fondi tar‑rikorrenti, irrispettivament minn jekk din tal‑aħħar kinitx bdiet jew le proċedura dwar miżuri provviżorji jew dwar il‑mertu.

176    Dan il‑mekkaniżmu wkoll imur kontra s‑sistema ġenerali tar‑Regolament Nru 2580/2001, li tissuġġetta l‑adozzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi jew għall‑bidu u t‑tkomplija attiva ta’ proċedura nazzjonali intiża direttament u prinċipalment għall‑impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv fil‑konfront tal‑parti kkonċernata, għall‑finijiet tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u minħabba l‑involviment tagħha fit‑terroriżmu (ara s‑sentenza Sison II, punt 111), jew għall‑għoti u għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tikkundanna lill‑parti kkonċernata għal tali fatti.

177    Issa, fil‑każ ineżami, id‑deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, meħuda inizjalment fil‑livell nazzjonali, hija ġustifikata “fl‑istennija tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni Komunitarja”, u min‑naħa tagħha l‑miżura Komunitarja hija ġustifikata mill‑adozzjoni tad‑deċiżjoni nazzjonali, li ġiet immedjatament imħassra. Tali mekkaniżmu jsofri minn difett ta’ loġika ċirkulari.

178    Il‑Kunsill mhux talli ma setax jibqa’ jibbaża ruħu fuq is‑sentenza dwar miżuri provviżorji iżda kien imissu silet il‑konsegwenza loġika tat‑tħassir tal‑miżura nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi billi jikkonstata li ma kienx għad hemm “livell ta’ bażi” fid‑dritt nazzjonali li jiġġustifika, b’mod suffiċjenti għall‑finijiet tal‑liġi, iż‑żamma tal‑miżura Komunitarja ekwivalenti, u dan irrispettivament mill‑eventwali rimedji ġudizzjarji eżerċitati kontra l‑miżura nazzjonali mħassra.

179    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑fatt li l‑imħallef għal miżuri provviżorji ċaħad ir‑rikors ippreżentat mir‑rikorrenti kontra s‑Sanctieregeling u l‑fatt li l‑parti kkonċernata la appellat mis‑sentenza dwar miżuri provviżorji u lanqas ma ppreżentat rikors fuq il‑mertu jidhru li huma irrilevanti għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni tal‑legalità tad‑deċiżjoni kkontestata.

180    Fiċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża, ikkaratterizzati fuq kollox mit‑tħassir tas‑Sanctieregeling, għandu, għall‑kuntrarju, jiġi rikonoxxut li l‑Kunsill mar lil hinn mil‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu meta żamm indefinittivament lir‑rikorrenti fil‑lista kontenzjuża, meta sar l‑eżami mill‑ġdid perijodiku tas‑sitwazzjoni tagħha taħt l‑Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u taħt l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, għas‑sempliċi raġuni li d‑deċiżjoni tal‑imħallef għal miżuri provviżorji ma kinitx ġiet ikkontestata, fis‑sistema legali Olandiża, permezz tal‑istanza ġudizzjarja ta’ appell dwar miżuri provviżorji jew permezz tal‑istanza ġudizzjarja dwar il‑mertu, meta fil‑frattemp id‑deċiżjoni amministrattiva li s‑sospensjoni tal‑effetti tagħha kienet intalbet lil dan l‑imħallef kienet ġiet imħassra mill‑awtur tagħha.

181    Dan jgħodd iktar u iktar fid‑dawl tal‑fatt li, kif sostniet ir‑rikorrenti fis‑seduta mingħajr ma ġiet kontradetta mill‑partijiet l‑oħra, minn wara t‑tħassir tas‑Sanctieregeling u barra mill‑kamp ta’ implementazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata fid‑dritt nazzjonali, l‑awtoritajiet Olandiżi kompetenti, amministrattivi jew ġudizzjarji, ma reġgħu eżerċitaw ebda azzjoni intiża għall‑impożizzjoni ta’ sanzjoni penali jew ekonomika fuq ir‑rikorrenti fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u minħabba l‑involviment tagħha fit‑terroriżmu.

182    Minn dan isegwi li t‑tielet motiv huwa fondat.

183    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, hemm lok li tiġi annullata d‑deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l‑motivi u l‑argumenti l‑oħra tar‑rikorrenti.

184    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it‑talba intiża li jiġi ddikjarat illegali, taħt l‑Artikolu 241 KE, ir‑Regolament Nru 2580/2001 (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Al‑Aqsa, punti 66 u 67; ara wkoll is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑91/05, Ġabra p. I‑3651, punt 111).

 Fuq l‑ispejjeż

185    Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l‑Artikolu 87(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha jekk il‑partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit‑talbiet tagħhom, jew minħabba raġunijiet eċċezzjonali. Fiċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża, fejn il‑Kunsill tilef fir‑rigward tat‑talba għal anullament, li tikkostitwixxi s‑suġġett essenzjali tal‑kawża, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l‑ispejjeż tiegħu, l‑ispejjeż kollha tar‑rikorrenti, skont it‑talbiet ta’ din tal‑aħħar.

186    Skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli msemmija, l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet li intervjenew fil‑kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2007/445/KE, tat‑28 ta’ Ġunju 2007, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu u li tirrevoka d‑Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE, id‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2007/868/KE, tal‑20 ta’ Diċembru 2007, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑Deċiżjoni 2007/445, id‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2008/583/KE, tal‑15 ta’ Lulju 2008, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑Deċiżjoni 2007/868, id‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2009/62/KE, tas‑26 ta’ Jannar 2009, li timplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d‑Deċiżjoni 2008/583 u r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 501/2009, tal-15 ta’ Ġunju 2009, li jimplimenta l‑Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar id‑Deċiżjoni 2009/62, huma annullati sa fejn dawn l‑atti jikkonċernaw lil Stichting Al‑Aqsa.

2)      Il‑kumplament tar‑rikors huwa miċħud.

3)      Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l‑ispejjeż tiegħu, l‑ispejjeż ta’ Stichting Al‑Aqsa.

4)      Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi u l‑Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom.

[Firem]


* Lingwa tal‑kawża: l‑Olandiż