Language of document : ECLI:EU:T:2008:417

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Ottubru 2008

Kawża T-23/05

Éric Gippini Fournier

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament – Rikors għal danni – Servizz pubbliku – Promozzjoni – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Atti preparatorji – Inammissibbiltà”

Suġġett: Minn naħa, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma tagħti lir-rikorrent l-ebda punt ta’ prijorità tad-Direttorat Ġenerali fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003, li tiċħad ir-rikors tiegħu quddiem il-Kumitat ta’ Promozzjoni intiż li jiġu attribwiti punti ta’ prijorità irrispettivament mit-titolu tagħhom u li tirrifjuta li tattribwilu punti ta’ prijorità għal xogħol fl-interess tal-istituzzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Konklużjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni b’att li jinkludi deċiżjoni li tistabbilixxi lista tal-uffiċjali promossi u deċiżjoni li tistabbilixxi l-punti mogħtija lill-uffiċjali – Deċiżjonijiet awtonomi li jistgħu jiġu kkontestati b’rikorsi separati jew b’rikors wieħed

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Suġġett – Determinazzjoni permezz tar-rikors promotur fil-kuntest stabbilit mill-ilment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Proċedura – Rikors promotur – Suġġett tal-kawża – Definizzjoni – Emenda fil-mori tal-kawża – Projbizzjoni – Deċiżjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża – Element ġdid

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 48(2); Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita b’regolament intern tal-Kummissjoni, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ merti akkumulati, irrappreżentati b’punti akkumulati sena wara sena u li fiha l-proċedura ta’ promozzjoni tiġi konkluża permezz ta’ att ta’ natura kumplessa fis-sens li jinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti tal-Awtorità tal-Ħatra, waħda li tistabbilixxi lista tal-uffiċjali promossi u l-oħra li tistabbilixxi n-numru totali tal-punti tal-uffiċjali, li fuqhom hija bbażata l-ewwel deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali tal-punti tikkostitwixxi att awtonomu li jista’ jkun is-suġġett, bħala tali, ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest tar-rimedji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Uffiċjal mhux promoss li ma jixtieqx jikkontesta n-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu fil-proċedura inkwistjoni, iżda biss ir-rifjut ta’ għoti ta’ ċertu numru ta’ punti, li ma jħallihx jilħaq il-kwota ta’ promozzjoni, jista’ jippreżenta lment u, jekk ikun il-każ, azzjoni ġudizzjarja kontra l-att ta’ attribuzzjoni tal-punti biss li jkollu, fil-konfront tiegħu, effetti ġuridiċi vinkolanti definitttivi.

Min-naħa l-oħra, l-atti preparatorji, preliminari u neċessarji għad-deċiżjoni finali ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors awtonomu, iżda l-legalità tagħhom tista’ dejjem tiġi kkontestata fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni definittiva.

Id-deċiżjonijiet dwar l-attribuzzjoni jew ir-rifjut ta’ għoti ta’ ċertu numru ta’ punti ta’ promozzjoni lill-uffiċjal ikkonċernat jikkostitwixxu atti preparatorji li jistgħu jiġu kkontestati biss fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni definittiva tal-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 60 sa 62, 64, 65 u 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punti 90 sa 92, 97 u 98

2.      Għalkemm l-ilment amministrattiv stabbilit fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti jikkostitwixxi rekwiżit indispensabbli għall-preżentata ta’ rikors kontra att li jikkawża preġudizzju lil persuna indikata mir-Regolamenti tal-Persunal, xorta waħda jibqa’ att distint mir-rikors stabbilit fl-Artikolu 91(2), u li jillimita l-iskop u s-suġġett tiegħu b’mod negattiv biss, billi jżomm ir-rikors milli jwessa’ l-motivi jew is-suġġett tal-ilment, mingħajr ma jirrestrinġih. Għaldaqstant, is-suġġett ta’ rikors jiġi ddefinit biss mir-rikors promotur, sa fejn dan jimxi fuq il-kuntest stabbilit mill-ilment. Minn dan isegwi li l-kontenut tal-ilment jista jiġi inkluż fir-rikors biss jekk jirreferi għalih b’mod mhux ekwivoku.

(ara l-punt 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Ottubru 1990, Hettrich et vs Il‑Kummissjoni, T‑134/89, Ġabra p. II‑565, punt 16

3.       Għalkemm l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża, din id-dispożizzjoni ma tistax, fl-ebda każ, tiġi interpretata li tawtorizza lir-rikorrent iressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza talbiet ġodda u jbiddel b’hekk is-suġġett tal-kawża.

F’dan ir-rigward, skont rekwiżit ta’ ekonomija tal-proċedura, meta l-att ikkontestat jiġi ssostitwit, fil-mori tal-kawża, b’att li jkollu l-istess suġġett, dan tal-aħħar jikkostitwixxi element ġdid li jippermetti lir-rikorrenti jbiddlu t-talbiet u l-motivi tagħhom.

Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, meta l-att inkwistjoni jissostitwixxi att preparatorju biss, bħal deċiżjoni fuq l-attribuzzjoni ta’ punti ta’ promozzjoni, u ma jemendax id-deċiżjoni li tistabbilixxi t-total ta’ punti ta’ promozzjoni attribwiti lir-rikorrent skont il-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni, li jkun l-uniku att li jista jiġi kkontestat f’din il-kawża u li ma jkun ġie kkontestat mir-rikorrent fit-talbiet inizjali tiegħu, dan tal-aħħar ma jwessax is-suġġett tal-kawża għall-att li kontra tiegħu r-rikors ma jkunx ġie indirizzat, u b’hekk jirrendi ammissibbli rikors li kieku kien ikun inammissibbli.

(ara l-punti 72 sa 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Lulju 2001, Banatrading vs Il-Kunsill, T‑3/99, Ġabra p. II‑2123, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata.