Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 5 – Dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Rata reġjonali tat-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali li tiżdied mar-rata nazzjonali – Rati ddifferenzjati tad-dazji tas-sisa fit-territorju ta’ Stat Membru skont ir-reġjun li fih il-prodott huwa kkonsmat”

Fil-Kawża C‑743/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

DISA Suministros y Trading SLU (DISA)

vs

Agencia Estatal de Administración Tributaria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DISA Suministros y Trading SLU (DISA), minn J. García Muñoz, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u M. Morales Puerta, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 09, Vol. 1, p. 405), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/74/KE tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 16) u bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/96”), b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DISA Suministros y Trading SLU u l-Agencia Estatal de Administración Tributaria (l-Aġenzija tal-Istat tal-Amministrazzjoni Fiskali, Spanja) dwar talbiet għar-rimbors tat-taxxi sostnuti minn DISA minħabba rata tat-taxxa addizzjonali adottata minn komunità awtonoma, applikabbli għad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/96

3        Il-premessi 2 sa 5, 9, 11, 15 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jistipulaw:

“(2)      L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)      Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)      Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)      L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

[...]

(9)      Stati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità neċessarja biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki xierqa skond iċ-cirkostanzi nazzjonali tagħhom.

[...]

(11)      Arranġamenti fiskali magħmula b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas fi ħdan il-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku huma suġġett għal kull Stat Membru li jiddeċiedi. [...]

[...]

(15)      Il-possibilità li wieħed japplika rati nazzjonali differenti ta’ tassazzjoni [rati ta’ taxxa nazzjonali ddifferenzjati] fuq l-istess oġġett għandha tingħata f’ċerti ċirkostanzi jew kondizzjonijiet permanenti, iżda il-livelli mimimi [minimi] ta’ tassazzjoni tal-Komunità u s-suq intern u r-regolamenti tal-kompetizzjoni għandhom jiġu rispettati.

[...]

(24)      Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:

[...]

(b)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

[...]”.

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi:

“Referenzi għad-Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, u rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)] għal ‘żjut minerali’ u ‘taxxa [dazji] tas-sisa’, jekk kemm-il darba tapplika għal żjut minerali, għandha tiġi interpretata li tkopri il-prodotti ta’ enerġija kollha, elettriku u taxxi indiretti nazzjonali li hemm riferenza għalihom rispettivament f’L-Artikoli 2 u 4(2) ta’ din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“Jekk kemm-il darba dawn jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tasazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva u li huma kompatibbli mal-liġi tal-Kummunità, rati differenti ta’ tassazzjoni [rati ta’ taxxa differenzjati] jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri, taħt kontoll [kontroll] fiskali, fil-każijiet li ġejjin:

–        meta r-rati [ddifferenzjati] ivarjaw direttament mal-kwalità tal-prodott;

–        meta r-rati [ddifferenzjati] ivarjaw minħabba l-livelli ta’ konsum kwantitattiv għall-elettriku u prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu;

–        għall-użu kif imsemmi hawn: trasport lokali pubbliku għall-passiġġieri (li jinkludi t-takxis), ġbir ta’ skart, forzi armati u amministrazzjoni pubblika, persuni b’diżabilità, ambulanzi;

–        bejn użu għan-negozju u dak li mhuwiex, għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku li hemm riferenza għalihom f’L-Artikoli 9 u 10.”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Stati Membri għandhom ikunu liberi li jpoġġu fis-seħħ l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva, jew:

(a)      direttament,

(b)      u permezz ta’ rata li tvarja,

ukoll

(ċ)      permezz ta’ rifużjoni kollha jew parti ta’ l-ammont ta’ tassazzjoni.”

9        L-Artikolu 7(2) u l-Artikoli 15 sa 18b tal-imsemmija direttiva jipprevedu, b’mod partikolari, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu rati differenzjati, eżenzjonijiet totali jew parzjali, tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni jew perijodi tranżitorji sabiex dawn l-Istati jkunu jistgħu jilħqu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti mill-istess direttiva.

10      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 jistipula:

“Bħala deroga mid-disposizzjonijit tad-Direttiva preżenti, l-Istati Membri speċifikati fl-Anness II huma awtorizzati li jissoktaw japplikaw ir-riduzzjonijiet fil-livelli tat-tassazzjoni jew l-eże[n]zjonijiet iddikjarati f’dan l-Anness.

Mingġajr [mingħajr] preġudizzju għal eżami minn qabel mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni [Ewropea], din l-awtorizzazzjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2006 jew fid-data prevista fl-Anness II.”

11      L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 7 u 8 tiegħu:

“7.      Ir-Repubblika tal-Portugal tista’ tapplika livelli ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku kkonsmati fir-Reġjuni Awtonomi ta’ l-Azores u l-Madeira inqas mill-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżel f’din id-Direttiva biex b’hekk tikkumpensa għall-ispejjeż ta’ trasport magħmula bħala riżultat tan-natura insulari u dispersa ta’ dawn ir-reġjuni.

[...]

8.      Ir-Repubblika Ellenika tista’ tapplika livelli ta’ tassazzjoni sa EUR 22 kull 1 000 l-inqas mir-rati minimi mniżżla f'din id-Direttiva fuq nafta użata bħala propellant u fuq il-petrol kkonsmat fid-dipartimenti ta' Lesbos, Chios, Samos, id-Dodecanese u Cyclades u fuq dawn il-gżejjer fl-Eġew kif ġej: Thasos, Sporades ta’ Fuq, Samothrace u Skiros.

[...]”.

12      L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Flimkien ma dawn id-disposizzjonijiet msemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

Stat Membru li jixtieq jintroduċi din il-miżura għandu jinforma il-Kummissjoni u għandu ukoll jipprovdi lil Kummissjoni bl-informazzjoni kollha relevanti u neċessarja.

Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba, u tieħu in konsiderazzjoni, inter alia, l-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern, il-ħtieġa li tassigura kompetizzjoni ġusta u politiki tal-Komunità dwar saħħa, ambjent, enerġija u trasport.

[...]

3.      Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li l-eżenzjonijiet jew tnaqqis provduti fil-paragrafu 1 mhumiex iktar sostenibbli, partikolarment f’termini ta’ kompetizzjoni ġusta jew tfixkil fl-operat tas-suq intern, jew f’termini tal-politika tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa, protezzjoni ta’ l-ambjent, enerġija u trasport, hija għandha tissotometti proposti xierqa lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni unanima fuq dawn il-proposti.”

13      L-Anness II tal-istess direttiva, intitolat “Rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni u eżenzjonijiet minn tassazzjoni ta’ dan it-tip riferuti fl-Artikolu 18(1)”, jipprovdi, fit-tielet inċiż tal-punt 6 tiegħu, u fl-għaxar, fit-tnax, fit-tlettax u fil-ħmistax-il inċiż tal-punt 8 tiegħu:

“6. FRANZA:

[...]

–        għall-konsum fuq il-gżira ta’ Korsika, kemm-il darba ir-rati mnaqqsa f’kull ħin jirrispettaw ir-rati minimi tad-dazju fuq żjut minerali kif provdut fil-liġi Komunitarja;

–        [...]

8. ITALJA:

[...]

–        f’ċertu żoni li huma partikolarment żvantaġġati ġeografikament, għar-rati mnaqqsa fuq it-taxxa tas-Sisa fuq karburant għall-użu domestiku u LPG użat biex isaħħan u mqassam minn networks f’dawn iż-żoni, kemm-il darba ir-rati huma skond l-obligi stabbiliti minn din id-Direttiva, u b’mod partikolari ir-rati minimi tat-taxxa tas-Sisa;

–        [...]

–        għat-tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-Sisa fuq petrol ikkonsmat fit-territorju ta’ Friuli-Venezia Giulia, kemm-il darba ir-rati huma skond l-obligi stabbiliti minn din id-Direttiva, u b’mod partikolari ir-rati minimi tat-taxxa tas-Sisa;

–        għall-tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-Sisa fuq żjut minerali kkonsmati mir-reġjuni ta’ Udine u Trieste, kemm-il darba r-rati huma skond l-obligi stabbiliti minn din id-Direttiva;

–        [...]

–        għall-tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-Sisa fuq żejt għall-magni, għall-produzzjoni ta’ stim, u għal nafta, użati ġo fran għall-tnixxif u ‘attivazzjoni’ ta’ filtri molekulari f’Reggio Calabria, kemm-il darba r-rati huma skond l-obligi stabbiliti minn din id-Direttiva;

[...]”.

 Id-Direttiva 2008/118/KE

14      L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

(a)      prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96[...];

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud [VAT] f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.”

 Id-dritt Spanjol

15      L-Artikolu 50 ter tal-Ley 38/1992 de Impuestos Especiales (il-Liġi 38/1992 dwar id-Dazji tas-Sisa), tat-28 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”), intitolat “rata ta’ taxxa tal-komunità awtonoma”, jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali:

“1.      Il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu rata reġjonali tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, għall-finijiet tat-tassazzjoni addizzjonali ta’ prodotti li għalihom japplikaw ir-rati tat-taxxa msemmija fil-punti [...], u li huma kkonsmati fit-territorji rispettivi tagħhom. L-applikazzjoni tat-taxxa reġjonali għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u skont il-limiti u l-kundizzjonijiet previsti mir-regolamenti ta’ finanzjament tal-komunitajiet awtonomi.

2.      Ir-rata ta’ tassazzjoni reġjonali li għandha tiġi applikata hija dik li tikkorrispondi mal-komunità awtonoma li fit-territorju tagħha jkun hemm il-konsum finali tal-prodotti ntaxxati. [...]”.

16      L-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa kien fis-seħħ mill-2013 sa 2018. Dan tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019 permezz tal-Ley 6/2018 de Presupuestos Generales del Estado para 2018 (il-Liġi 6/2018 dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat għall-2018) tat-3 ta’ Lulju 2018, li l-espożizzjoni tal-motivi tagħha tindika b’mod partikolari:

“Fil-qasam tad-dazji tas-Sisa, ir-rata reġjonali tat-taxxa fuq iż-żjut minerali hija integrata fir-rata speċjali tal-Istat sabiex tiġi żgurata l-unità tas-suq fil-qasam tal-kombustibbli u tal-karburanti, mingħajr ma din il-miżura tippreġudika r-riżorsi tal-komunitajiet awtonomi, u dan fil-kuntest ġuridiku komunitarju.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Diversi operaturi ekonomiċi suġġetti għad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali ppreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ awtolikwidazzjoni relatati mal-perijodi ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2015 u għaddew l-ammont tiegħu fuq DISA, li l-attività tagħha tikkonsisti fix-xiri, il-bejgħ, l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti taż-żejt.

18      Matul dan il-perijodu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tippermetti, hekk kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, addizzjonalment għat-taxxa nazzjonali, li r-rata tagħha kienet uniformi fit-territorju nazzjonali kollu, taxxa reġjonali addizzjonali, li r-rata tagħha kienet iffissata minn kull komunità awtonoma għaż-żjut minerali kkonsmati fit-territorju tagħha (iktar ’il quddiem ir-“rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali”). Kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, din ir-rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali tħassret mill-1 ta’ Jannar 2019. Wara t-tħassir tagħha, ir-Renju ta’ Spanja stabbilixxa sistema oħra li tipprevedi rata uniformi fit-territorju nazzjonali kollu.

19      Peress li kienet ħallset id-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, DISA talbet lill-amministrazzjoni fiskali Spanjola sabiex tirrettifika d-dikjarazzjonijiet ta’ awto-likwidazzjoni tal-operaturi inkwistjoni u talbet ir-rimbors tal-ammonti li jikkorrispondu għall-applikazzjoni tar-rata reġjonali tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali.

20      Insostenn tat-talbiet tagħha, DISA sostniet li din ir-rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali li l-komunitajiet awtonomi setgħu jistabbilixxu b’applikazzjoni tal-Artikolu 50 ter tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2013, kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu kienet tikser ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, minħabba li ma kinitx tikkorrispondi mad-derogi previsti f’din id-dispożizzjoni sabiex jiġu applikati rati ta’ taxxa ddifferenzjati u li tmur kontra l-għan ta’ tassazzjoni unifikata tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku mfittex minn din id-direttiva.

21      Dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-Oficina Gestora de Impuestos Especiales de Santa Cruz de Tenerife (l-Uffiċċju ta’ Ġestjoni tas-Sisa ta’ Santa Cruz de Tenerife, Spanja) minħabba li ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali kinitx tikser jew le d-dritt tal-Unjoni.

22      DISA ressqet ilmenti kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-imsemmija talbiet. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda mit-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika u Amministrattiva Ċentrali, Spanja).

23      DISA, sussegwentement, ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Ekonomika u Amministrattiva Ċentrali) quddiem l-Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja).

24      Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Novembru 2020, il-qorti msemmija l-aħħar ċaħdet dan ir-rikors. Filwaqt li ammettiet li d-dubji legali li tqajjem l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/96 setgħu jwassluha sabiex tippreżenta talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba għal rimbors minħabba li DISA ma kinitx urietx li hija ma kinitx għaddiet dawn l-ammonti fuq terzi, punt li seta’, li kieku r-rimbors mitlub kellu jingħata, jagħti lok għal arrikkiment indebitu ta’ DISA.

25      DISA ppreżentat appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2020 tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

26      Dik il-qorti tenfasizza li l-eżitu tat-tilwima mressqa quddiema jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/96 u mill-effett ta’ din l-interpretazzjoni fuq il-konformità tar-rata reġjonali tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali ma din id-direttiva.

27      Issa, hija tqis li la d-Direttiva 2003/96 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li tingħata interpretazzjoni ċara ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha, li tagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija direttiva tipprekludix, u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, li, fi ħdan Stat Membru, jiġu stabbiliti, għall-istess prodott, rati ta’ taxxa tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku ddifferenzjati skont it-territorju.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva [2003/96], b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali, bħall-Artikolu 50 ter tal-[Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa], li tawtorizza lill-Komunitajiet Awtonomi jistabbilixxu rati ta’ dazji tas-sisa ddifferenzjati fuq l-idrokarburi [żjut minerali] għal kull territorju fir-rigward tal-istess prodott?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Il-Gvern Spanjol iqis li d-domanda magħmula għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħha. Fl-opinjoni tiegħu, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni qatt ma ġiet diskussa la quddiem il-qrati aditi bit-tilwima fil-kawża prinċipali u lanqas fil-kuntest tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, li huwa limitat għall-kwistjoni ta’ locus standi ta’ DISA sabiex tibda proċedura għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, f’dan il-każ, id-domanda magħmula għandha rabta diretta mar-realtà u mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar tirrigwarda talbiet intiżi għar-rimbors tal-ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni, fil-konfront ta’ DISA, tar-rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, minħabba li din ir-rata tmur kontra d-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 5 tagħha.

32      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tippermetti li kull komunità awtonoma Spanjola tistabbilixxi rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, rata li kienet tiżdied mar-rata nazzjonali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ kienet tipprevedi, essenzjalment, żewġ taxxi, jiġifieri, minn naħa, taxxa nazzjonali, li r-rata tagħha kienet l-istess fit-territorju nazzjonali kollu, u, min-naħa l-oħra, taxxa reġjonali addizzjonali, li r-rata tagħha kienet stabbilita minn kull komunità awtonoma għaż-żjut minerali kkonsmati fit-territorju tagħha.

34      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza li reġjuni jew komunitajiet awtonomi jistabbilixxu rati ta’ dazji tas-sisa differenti għall-istess prodott u għall-istess użu skont it-territorju fejn il-prodott huwa kkonsmat.

35      L-għan tad-Direttiva 2003/96 huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 5 tagħha u mill-Artikolu 1 tagħha, li tiġi stabbilita sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-kuntest ta’ din is-sistema, din id-direttiva tinkludi, b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 7 u 15 sa 19, għadd ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Istati Membri sensiela ta’ possibbiltajiet sabiex jintroduċu rati ta’ taxxa ddifferenzjati, eżenzjonijiet mit-taxxa jew tnaqqis fiskali tad-dazji tas-sisa, possibbiltajiet li jagħmlu parti integrali mis-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis tat-taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 30). Dawn id-dispożizzjonijiet huma xhieda tal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fil-qasam tad-dazji tas-sisa, konformement mal-premessi 9 u 11 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano (C‑513/18, EU:C:2020:59, punti 26 u 28).

37      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li, kemm-il darba r-rati ta’ taxxa differenzjati jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-Direttiva u kemm-il darba dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija rati jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri, taħt kontroll fiskali, fil-każijiet li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel nett, meta r-rati ddifferenzjati jvarjaw direttament mal-kwalità tal-prodott, it-tieni nett, meta r-rati ddifferenzjati jvarjaw minħabba l-livelli ta’ konsum kwantitattiv għall-elettriku u prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu, it-tielet nett, għall-użu kif imsemmi hawn: it-trasport lokali pubbliku għall-passiġġieri (li jinkludi t-takxis), il-ġbir ta’ skart, il-forzi armati u l-amministrazzjoni pubblika, il-persuni b’diżabilità, l-ambulanzi u, ir-raba’ nett, bejn użu għan-negozju u dak li ma huwiex tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku li hemm riferiment għalihom fl-Artikoli 9 u 10.

38      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 5 ma jipprevedix il-possibbiltà li Stat Membru jistabbilixxi rati ta’ dazju tas-sisa għall-istess prodott u għall-istess użu li jkunu differenti skont ir-reġjuni jew it-territorji ta’ dan l-Istat Membru li fihom dan il-prodott jiġi kkonsmat, bħalma kienet tipprevedi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Barra minn hekk, l-użu, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96, tal-kliem “fil-każijiet li ġejjin” sabiex jiġu indikati l-erba’ każijiet li fihom jistgħu jiġu applikati rati ta’ taxxa differenzjati jistgħu jiġu applikati, jindika li l-lista prevista f’din id-dispożizzjoni hija eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 29).

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li r-rieda tal-Leġiżlatur tal-Unjoni li l-possibbiltà li jiġu previsti rati differenzjati għall-istess prodott tiġi rregolata b’mod strett, tirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2003/96. Filwaqt li l-Artikolu 5(1) tal-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-qafas Komuntarju ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija (ĠU 1997, C 139, p. 14), li jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ tassazzjoni [taxxa] differenzjati skont l-użu jew il-kwalità ta’ prodott, sakemm dawn ir-rati jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif stabbiliti f’din id-Direttiva u jikkonformaw mad-dritt Komunitarja”, jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni relattivament wiesa’ sabiex jistabbilixxu r-rati ta’ taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija, dan il-marġni tnaqqas b’mod kunsiderevoli matul il-proċedura leġiżlattiva. Fil-fatt, huwa biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 li din tal-aħħar tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu, fl-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti fiha kif ukoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, rati ta’ taxxa differenzjati (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz, C‑391/22, EU:C:2023:892, punti 46 u 47).

41      Tali interpretazzjoni tirriżulta wkoll, hekk kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessa 15 tad-Direttiva 2003/96 li tipprevedi li “l-possibilità li wieħed japplika rati nazzjonali differenti ta’ tassazzjoni [rati ta’ taxxa nazzjonali ddifferenzjati] fuq l-istess oġġett għandha tingħata f’ċerti ċirkostanzi jew kondizzjonijiet permanenti, iżda il-livelli mimimi [minimi] ta’ tassazzjoni tal-Komunità u s-suq intern u r-regolamenti tal-kompetizzjoni għandhom jiġu rispettati”.

42      Fit-tieni lok, l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/96 tikkonferma l-interpretazzjoni restrittiva tal-possibbiltajiet li din id-direttiva toffri lill-Istati Membri sabiex japplikaw rati differenzjati, inkluż meta l-livelli minimi ta’ tassazzjoni jkunu osservati.

43      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 jagħmel parti minn għadd ta’ dispożizzjonijiet previsti minn din id-direttiva li jawtorizzaw lill-Istati Membri, jew lil uħud minnhom, sabiex, taħt ċerti kundizzjonijiet, japplikaw rati differenzjati, eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra huma, b’mod partikolari, l-Artikoli 6, 7 u 15 sa 19 tal-imsemmija direttiva.

44      L-ewwel nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi l-forom li taħthom l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni u li jipprovdi, fil-punt (b) tiegħu, li dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ rata ta’ taxxa differenzjata.

45      It-tieni nett, l-Artikoli 7 u 15 sa 18b tad-Direttiva 2003/96 jipprevedu l-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw rati differenzjati, eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxa speċifiċi bil-kundizzjoni li josservaw il-kundizzjonijiet preċiżi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

46      Issa, għandu jiġi osservat li wħud mill-imsemmija dispożizzjonijiet jawtorizzaw jew kienu jawtorizzaw lill-Istati Membri msemmija b’isimhom sabiex japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet skont it-territorju fejn il-prodott huwa kkonsmat.

47      Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li r-Repubblika Portugiża tista’ tapplika, għall-prodotti tal-enerġija u għall-elettriku użat fir-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira, livelli ta’ tassazzjoni iktar baxxi mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti f’din id-direttiva. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(8) tal-imsemmija direttiva min-naħa tiegħu jindika li r-Repubblika Ellenika tista’ tapplika għal diversi prodotti tal-enerġija livelli ta’ tassazzjoni iktar baxxi mir-rati minimi previsti fl-istess direttiva, f’ċerti dipartimenti u fuq ċerti gżejjer tal-Baħar Eġew.

48      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-possibbiltà li jiġu applikati rati reġjonali differenzjati għandha tiġi prevista mid-Direttiva 2003/96 indipendentement mill-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti minn din id-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien, b’mod partikolari, mat-tielet inċiż tal-punt 6 u mal-għaxar, mat-tnax, mat-tlettax u mal-ħmistax-il inċiż tal-punt 8 tal-Anness II tal-istess direttiva, kien jippermetti li jiġu stabbiliti livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni jew eżenzjonijiet f’ċerti reġjuni, indikati b’isimhom, ta’ Franza u tal-Italja, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni.

49      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li l-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li l-Istati Membri li jressqu talba f’dan ir-rigward jintroduċu rati ta’ dazju tas-sisa differenzjati permezz ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis addizzjonali, u dan għal raġunijiet ta’ politika speċifiċi.

50      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, l-applikazzjoni, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ rati differenzjati għall-istess prodott u għall-istess użu, meta tali possibbiltà ma hijiex prevista mid-dispożizzjonijiet innifishom tad-Direttiva 2003/96, dejjem teħtieġ awtorizzazzjoni abbażi ta’ din id-direttiva, indipendentement mill-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni.

51      Konsegwentement, kemm mill-Artikolu 5 kif ukoll mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2003/96 li jipprevedu tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxa jirriżulta li, minkejja li l-qasam tat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku huwa biss parzjalment armonizzat u minkejja li din id-direttiva tirrikonoxxi lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvra sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-marġni ta’ manuvra huwa limitat. Minn dan isegwi li, indipendentement mill-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni imposti mill-imsemmija direttiva, il-possibbiltajiet offruti lill-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ taxxa differenzjati, eżenzjonijiet mit-tassazzjoni jew tnaqqis tad-dazji tas-sisa, jistgħu jiġu implimentati biss fl-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet imposti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/96.

52      Interpretazzjoni li tgħid mod ieħor tkun iċċaħħad minn kull effett utli kemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva li joffru lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu, rati differenzjati ta’ tassazzjoni.

53      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mid-derogi previsti mid-Direttiva 2003/96 ma tawtorizza espliċitament lir-Renju ta’ Spanja japplika, għall-istess prodott u għall-istess użu, rati ta’ dazju tas-sisa differenti skont il-komunitajiet awtonomi li fihom dawn il-prodotti huma kkonsmati. Dan ma huwiex ikkontestat mill-Gvern Spanjol, li lanqas ma jikkontesta l-punt li ma kisibx deroga speċifika abbażi tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva sabiex dawn il-komunitajiet awtonomi jkunu jistgħu jistabbilixxu rati reġjonali differenzjati ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali.

54      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni magħżula fil-punt 56 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/96 previsti fil-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha u li huma intiżi li jippromwovu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva toffri, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jiġu stabbiliti rati ta’ dazju tas-sisa differenti bejn Stati Membri, bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rati minimi previsti mill-imsemmija direttiva. Madankollu, il-fatt li kull Stat Membru jingħata l-possibbiltà li japplika rati differenti bejn ir-reġjuni tiegħu għall-istess prodott u għall-istess użu, u dan mingħajr ebda struttura jew mekkaniżmu ta’ kontroll, huwa ta’ natura li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jifframmentah iktar u, b’hekk, jikkomprometti l-moviment liberu tal-merkanzija. Fil-fatt, għalkemm, konformement mal-premessa 4 tal-istess direttiva, differenzi sinjifikattivi bejn il-livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni tal-enerġija applikati mill-Istati Membri jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-istess japplika a fortiori fir-rigward tad-differenzi bejn il-livelli reġjonali ta’ tassazzjoni tal-enerġija applikati fi ħdan l-istess Stat Membru.

56      Fir-rigward tal-argumenti l-oħra tal-Gvern Spanjol li jiġġustifikaw ir-rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, dawn ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw l-interpretazzjoni preċedenti.

57      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li tali rata kienet manifestazzjoni tal-awtonomija politika tal-komunitajiet awtonomi, irrikonoxxuta mill-Kostituzzjoni Spanjola u protetta mill-Artikolu 4(2) TUE, għandu jitfakkar li t-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni, li tgħid li l-Unjoni hija obbligata tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, inkluż fir-rigward tal-awtonomija lokali u reġjonali (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis, C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, madankollu, li jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/96 tippermetti l-istabbiliment ta’ rati ta’ taxxa differenzjati, b’mod partikolari skont kriterji ġeografiċi, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet li din id-direttiva tipprevedi għal dan l-għan.

58      It-tieni nett, il-Gvern Spanjol jidher li jqis li r-rata reġjonali ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali tista’ tiġi kklassifikata bħala taxxa indiretta addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

59      Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa bil-kundizzjoni li josservaw żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, tali taxxi għandhom jiġu imposti għal finijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, dawn it-taxxi għandhom josservaw ir-regoli tat-taxxa tal-Unjoni applikabbli kemm għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli, kif ukoll għall-kalkolu, għall-eżiġibbiltà u għall-kontroll tat-taxxa, iżda dawn ir-regoli ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

60      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull għan ieħor għajr dak purament baġitarju huwa għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, peress li kull taxxa neċessarjament għandha għan baġitarju, is-sempliċi fatt li taxxa għandha tali għan ma jistax, mingħajr ma jċaħħad lill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 minn kull effett utli, iwassal sabiex jitqies li din it-taxxa ma jistax ikollha ukoll għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, għalkemm l-assenjazzjoni ddeterminata minn qabel tad-dħul minn taxxa għall-finanzjament tal-eżerċizzju, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ta’ kompetenzi mogħtija lilhom tista’ tkun element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ għan speċifiku, tali assenjazzjoni, li tirriżulta minn sempliċi modalità ta’ organizzazzjoni interna tal-baġit ta’ Stat Membru, ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi element suffiċjenti, peress li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jassenja, irrispettivament mill-għan imfittex, id-dħul minn taxxa għall-finanzjament ta’ ispejjeż speċifiċi. F’każ kuntrarju, kull għan jista’ jiġi kklassifikat bħala għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, u dan ikun iċaħħad id-dazju tas-sisa armonizzat stabbilit minn din id-direttiva minn kull effett utli u jkun imur kontra l-prinċipju li jgħid li dispożizzjoni derogatorja, bħal dan l-Artikolu 1(2), għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għalhekk, sabiex titqies li għandha għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, taxxa li d-dħul minnha jkun is-suġġett ta’ assenjazzjoni ddeterminata minn qabel għandha tkun intiża, fiha nnifisha, li tiżgura l-għan speċifiku invokat, b’tali mod li jkun hemm rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-għan tat-taxxa inkwistjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni ddeterminata minn qabel tad-dħul, taxxa fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandha titqies li għandha għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, fil-każ biss li din it-taxxa tkun imfassla, fir-rigward tal-istruttura tagħha, b’mod partikolari s-suġġett taxxabbli jew ir-rata tat-taxxa, b’tali mod li tinfluwenza l-aġir tal-persuni taxxabbli f’direzzjoni li tippermetti li jintlaħaq l-għan speċifiku invokat, b’mod partikolari billi jiġu ntaxxati b’mod qawwi l-prodotti inkwistjoni bil-għan li jiġi skoraġġit il-konsum tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Endesa Generación, C‑833/21, EU:C:2023:516, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rata reġjonali tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali tissodisfa l-kriterji relatati mal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, fil-każ fejn tali għan jitqies li jeżisti. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Spanjol jirriżulta li din ir-rata reġjonali kienet intiża sabiex tiffinanzja l-kompetenzi kollha tal-komunitajiet awtonomi.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza li reġjuni jew komunitajiet awtonomi jistabbilixxu rati ta’ dazji tas-sisa differenti għall-istess prodott u għall-istess użu skont it-territorju fejn il-prodott huwa kkonsmat minbarra fil-każijiet previsti għal dan l-għan.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/74/KE tad-29 ta’ April 2004 u bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE tad-29 ta’ April 2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza li reġjuni jew komunitajiet awtonomi jistabbilixxu rati ta’ dazji tas-sisa differenti għall-istess prodott u għall-istess użu skont it-territorju fejn il-prodott huwa kkonsmat minbarra fil-każijiet previsti għal dan l-għan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.