Language of document : ECLI:EU:C:2017:236

Kawża C72/15

PJSC Rosneft Oil Company

vs

Her Majesty’s Treasury et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Validità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim ta’ sħubija UE-Russja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli – Aċċess għas-suq tal-kapital – Għajnuna finanzjarja – Ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts) – Settur taż-żejt – Talba għal interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ‘shale’ u ta’ ‘ilmijiet aktar fondi minn 150 metru’ – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑28 ta’ Marzu 2017

1.        Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi mhux relatati mas-suġġett tal-kawża prinċipali

(Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/512/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

2.        Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Stħarriġ ġudizzjarju limitat għall-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE u għall-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi

(Artikoli 19(1) TUE, 24(1) TUE u 40 TUE; Artikolu 267 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/512/PESK u 2014/872/PESK)

3.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-Unjoni – Modalitajiet – Protezzjoni ta’ dan id-dritt mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali skont in-natura legali tal-att ikkontestat – Possibbiltà li jintuża r-rikors għal annullament jew talba għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità – Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tal-PESK

(Artikolu 19(1) TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u Artikolu 29 TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, 267 TFUE u 277 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

4.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Validità tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, previsti mid-Deċiżjoni 2014/512/PESK u r-Regolament Nru 833/2014 – Impożizzjoni, minn Stat Membru, ta’ sanzjonijiet kriminali applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 – Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli – Assenza – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/512/PESK, Artikoli 1(2)(b) sa (d) u (3), u 7, Anness III, u 2014/872/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 833/2014, Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), 5(2)(b) sa (d) u (3), 8(1) u 11, Annessi II u VI, u Nru 1290/2014)

5.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Kunċett ta’ għajnuna finanzjarja – Ipproċessar ta’ pagament minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 833/2014, Artikolu 4(3)(b), u Nru 1290/2014)

6.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Ħruġ, sa mit12 ta’ Settembru 2014, ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts) – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 833/2014, Artikolu 5(2), u Nru 1290/2014)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 49 sa 56)

2.      L-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, l-Artikolu 275 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-validità ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tal‑31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK, tal‑4 ta’ Diċembru 2014, sakemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda jew l-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE minn din id-deċiżjoni, jew l-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE, għandu jiġi rrilevat li t-trattati ma jipprevedu ebda modalità partikolari sabiex jitwettaq tali stħarriġ ġudizzjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-istħarriġ jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati. Billi jipprevedi tali ġurisdizzjoni ġenerali, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19(b) TUE jindika, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi, f’talba għal deċiżjoni preliminari, fuq it-talba tal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Fit-tieni lok, il-kwistjoni hija dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-validità tad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-PESK, bħad-Deċiżjoni 2014/512, meta dawn jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Minkejja li, ċertament, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax joħloq kompetenza għall-Qorti tal-Ġustizzja meta t-trattati jeskluduha, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika madankollu li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK tkun interpretata b’mod restrittiv. Peress li l-proċedura li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjonijiet preliminari hija intiża li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati, konformement mal-funzjoni mogħtija lil din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 19(1) TUE, ikun kontra l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 24(1) TUE, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi interpretat restrittivament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill, C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 53; tas‑27 ta’ Frar 2007, Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 53; tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70; tat‑12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 42, kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40).

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont l-Artikoli 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, ġurisdizzjoni materjali sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-validità ta’ atti tal-Unjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, meta jirrigwardaw miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, dan imur kontra l-istruttura tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva istitwita mit-trattati li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi interpretata fis-sens li teskludi l-possibbiltà għall-qrati tal-Istati Membri li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jipprevedu l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Fil-fatt, il-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja teżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li s-setgħa li tiġi kkonstatata l-invalidità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imqajma quddiem qorti nazzjonali, tkun irriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 17, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 62). L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jirrigwarda deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK li fir-rigward tagħhom it-trattati jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni ta’ stħarriġ ta’ legalità.

(ara l-punti 62, 64, 74 sa 76, 78, u d-dispożittiv 1)

3.      Għaldaqstant, ir-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, bl-istess mod bħar-rikors għal annullament, mezz ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 16, tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 18; tas‑6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 103, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 95).

Din il-karatteristika essenzjali tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni testendi għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tal-PESK. Fil-fatt, la mit-Trattat UE u lanqas mit-Trattat FUE ma jirriżulta li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien mal-Artikoli 256 u 263 TFUE, jikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minbarra, b’mod partikolari, tar-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità. F’dan ir-rigward, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tagħmel riferiment lura għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE sabiex tiġi ddeterminata mhux it-tip ta’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet, iżda t-tip ta’ deċiżjonijiet li l-legalità tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ kull proċedura li għandha l-għan ta’ tali stħarriġ ta’ legalità. Issa, peress li l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tipprevedi miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi taqa’ parzjalment taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, ir-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jissodisfa funzjoni essenzjali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari meta, bħal fil-kawża prinċipali, kemm il-legalità tal-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni kif ukoll dik tad-deċiżjoni li hija l-bażi tagħha adottata fil-qasam tal-PESK innifisha huma kkontestati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati skont l-Artikolu 29 TUE, l-aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija deċiżjonijiet jirriżulta indispensabbli meta dawn jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

(ara l-punti 68 sa 71)

4.      L-eżami tat-tieni domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/872, jew tal-Artikoli 3 u 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), tal-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014, tal‑4 ta’ Diċembru 2014. Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex ta’ ostakolu sabiex Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, qabel il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, tas-sanzjonijiet kriminali relatati, ma tkun ġiet ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jiddeċiedu konsegwentement (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa), iċċitat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju, li jaqa’ taħt l-Artikolu 49 tal-Karta, intitolat “Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni”, u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 70), jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha li tkun ingħatat mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli ma jistax jiġi interpretat li ma jippermettix il-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’ interpretazzjoni mill-ġurisprudenza, sakemm din tkun raġonevolment prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 u 218).

(ara l-punti 161, 162, 167, u d-dispożittiv 2)

5.      L-espressjoni “għajnuna finanzjarja” li tinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-ipproċessar ta’ pagament, bħala tali, minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor.

L-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 turi, bħalma argumenta b’mod partikolari l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, permezz tal-użu tal-espressjoni “għajnuna finanzjarja”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb f’atti komparabbli mal-għotjiet, mas-self u ma’ assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni. Issa, filwaqt li tali atti jeħtieġu li l-istabbiliment finanzjarju kkonċernat juża r-riżorsi tiegħu stess, is-servizzi ta’ pagament huma fornuti, min-naħa l-oħra, minn dan l-istabbiliment fil-kwalità ta’ intermedjarju li jittrażmetti fondi tal-pagatur terz lil destinatarju ddeterminat, mingħajr l-użu tal-fondi tal-imsemmi stabbiliment stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014 ma jistax jiġi interpretat li jimponi fuq l-istabbilimenti finanzjarji obbligu li jiksbu, għall-ipproċessar ta’ kull pagament relatat ma’ tranżazzjoni ta’ bejgħ, ta’ forniment, ta’ trasferiment jew ta’ esportazzjoni fir-Russja ta’ prodotti msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, awtorizzazzjoni addizzjonali għal dik meħtieġa, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 833/2014, għal din it-tranżazzjoni, meta dawn l-istabbilimenti jikkonstataw li l-pagament, li l-ipproċessar tiegħu huwa mitlub, jikkostitwixxi l-kontroparti integrali jew parzjali ta’ tali tranżazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-Artikolu 4(3)(b) tal-imsemmi regolament ma għandux l-għan la li jistabbilixxi ffriżar tal-assi u lanqas restrizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferimenti ta’ fondi, għandu jitqies li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta l-ipproċessar ta’ kull trasferiment bankarju relatat mal-prodotti msemmija fl-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014 għal talba għal awtorizzazzjoni minn qabel addizzjonali għal dik meħtieġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 833/2014 għal tranżazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, huwa kien juża kliem differenti mill-“għajnuna finanzjarja” sabiex jistabbilixxi tali obbligu u l-limiti tiegħu. Fl-aħħar nett, minkejja li l-għan tar-Regolament Nru 833/2014 huwa, b’mod partikolari, li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukraina, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3)(b) ta’ dan ir-regolament isegwi dan l-għan b’mod koerenti billi jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-għajnuna finanzjarja għall-esportazzjoni lejn ir-Russja tal-prodotti intiżi għall-industrija taż-żejt, filwaqt li ma jissuġġettax l-ipproċessar ta’ pagamenti bħala tali għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Din l-interpretazzjoni hija bla ħsara għall-projbizzjoni li tolqot l-ipproċessar kollu ta’ pagamenti relatati ma’ tranżazzjoni kummerċjali li hija stess hija pprojbita skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014.

(ara l-punti 179 sa 183, u d-dispożittiv 3)

6.      L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi l-ħruġ, sa mit‑12 ta’ Settembru 2014, ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts), skont ftehim ta’ depożitu konkluż ma’ waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, inkluż meta dawn iċ-ċertifikati huma rappreżentattivi ta’ azzjonijiet maħruġa minn waħda minn dawn l-entitajiet qabel din id-data.

(ara d-dispożittiv 3)