Language of document : ECLI:EU:T:2015:597

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2015 (*)

“FAEGG – Sezzjoni ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Skema ta’ pagament uniku – Verifiki ewlenin – Verifiki sekondarji”

Fil-Kawża T‑503/12,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn C. Murrell, sussegwentement minn E. Jenkinson u M. Holt u finalment minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn D. Wyatt, QC, u minn V. Wakefield, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Donnelly, P. Rossi u K. Skelly, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/500/UE, tas‑6 ta’ Settembru 2012, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 244, p. 11), sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda erba’ entrati li jinsabu fl-Anness tagħha, dwar korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % applikata għal infiq magħmul fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) matul is-snin finanzjarji 2008, li kien jammonta għal EUR 277 231.60 u għal EUR 13 671 588.90, u 2009, li kien jammonta għal EUR 270 398.26 u għal EUR 15 844 193.29,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005

1        Il-leġiżlazzjoni bażika relatata mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni hija kkostitwita, fir-rigward tal-infiq magħmul mill-Istati Membri mis‑16 ta’ Ottubru 2006 u fir-rigward ta’ dak magħmul mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mill‑1 ta’ Jannar 2007, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal‑21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).

2        Skont l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FEAG) għandu jiffinanżja, f’ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, il-pagamenti diretti għall-bdiewa previsti fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, magħmula konformement mad-dritt tal-Unjoni.

3        Konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandu jiffinanzja, f’ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi ta’ żvilupp rurali implementati konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mas-sostenn għall-iżvilupp rurali mill-FEAŻR.

4        L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Approvazzjoni [clearance] tal-konformità”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Jekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli [tal-Unjoni], hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament [tal-Unjoni] f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

2.      Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-[Unjoni].

3.      Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006

5        Il-modalitajiet tal-proċedura ta’ clearance ta’ konformità huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal‑21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162). Barra minn hekk l-Artikolu 16 ta’ dan l-istess regolament jiffissa l-modalitajiet tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

6        Fil-kuntest tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269). Dan ir-regolament stabbilixxa, b’mod partikolari, skema ta’ għajnuna għad-dħul tal-bdiewa li ma tkunx marbuta mal-produzzjoni. Din l-iskema, indikata fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament bħala “skema ta’ pagament uniku”, tiġbor ċertu numru ta’ pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa taħt diversi skemi ta’ għajnuna li kienu jeżistu sa dak iż-żmien.

7        L-iskema ta’ pagament uniku huwa s-suġġett tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003, li jiġbor fih, f’ħames kapitoli, l-Artikoli 33 sa 71m tiegħu.

8        Il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 li jiġbor fih “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi b’mod partikolari Artikolu 36 intitolat “Pagament”. Dan jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku għandha titħallas fir-rigward ta’ drittijiet għall-pagament kif definiti fil-Kapitolu 3, akkumpanjati b’numru ugwali ta’ ettari eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 44(2).”

9        Il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jistabbilixxi r-regoli relatati mal-iffissar tal-ammont ta’ referenza. Dan l-ammont huwa kkalkolat kif ġej, konformement mal-Artikolu 37(1) tal-imsemmi regolament:

“L-ammont ta’ referenza għandu jkun l-medja ta’ tlett snin ta’ l-ammonti totali ta’ pagamenti, li bidwi ġie mogħti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Anness VI, kalkulati u aġġustati skont l-Anness VII, f’kull sena kalendarja tal-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 38.”

10      Il-perijodu ta’ referenza huwa ddefinit, fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1782/2003, bħala li jinkludi s-snin kalendarji 2000, 2001 u 2002.

11      Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jitratta d-drittijiet għall-pagament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      [...Kull b]idwi għandu jirċievi dritt ġħall-pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid-diviżjoni ta’ l-ammont ta’ referenza bil-medja ta’ tlett snin tan-numru ta’ ettari kollha li fil-perjodu ta’ referenza taw id-dritt għall-pagamenti diretti mniżżla fl-Anness VI.

In-numru totali ta’ drittjiet għall-pagament għandu jkun ugwali għan-numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.

[…]”

12      Fir-rigward tal-“[u]żu ta’ drittijiet għall-pagament”, mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta dan li ġej:

“Kull dritt għall-pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għandu jagħti dritt għall-pagament ta’ l-ammont iffissat mid-dritt ta’ pagament.”

13      L‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli”, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall‑1 ta’ Jannar 2009, b’mod partikolari bħala “kull żona agrikola ta’ l‑azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli”. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2009, dan il-kunċett huwa ddefinit bħala “kwalunkwe żona agrikola ta’ l-azjenda minbarra ż-żoni ta’ foresti jew użati għal attivitajiet mhux agrikoli.”

14      It-Taqsima 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari li jagħżlu implementazzjoni reġjonali tal-iskema ta’ pagament uniku. F’dan is-sens, l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      Stat Membru jista’ jiddeċidi, sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Awissu 2004, li japplika l-iskema ta’ pagament uniku pprovduta fil-Kapitoli 1 sa 4 fuq livell reġjonali taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-taqsima.

2.      L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-reġjuni skond kriterji oġġettivi.

L-Istati Membri b’inqas minn tlett miljun ettaru eliġibbli jistgħu jiġu kkunsidrati bħala reġjun wieħed.

3.      L-Istati Membri għandhom jissubdividu l-limitu msemmi fl-Artikolu 41 bejn ir-reġjuni skont kriterji oġġettivi.”

15      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1782/2003 jiffissa r-regoli relatati mar-reġjonalizzazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku kif ġej:

“1.      F’każijiet ġustifikati u skond kriterji oġġettivi l-Istat Membru jista’ jiddividi l-ammont totali tal-limitu reġjonali stabbilit taħt l-Artikolu 58 jew parti minnu bejn il-bdiewa kollha li l-azjendi tagħhom jinsabu fir-reġjun konċernat, inklużi dawk li ma jilħqux il-kriterju ta’ eliġibilità stabbilit fl-Artikolu 33.

2.      F’dan il-każ ta’ diviżjoni ta’ l-ammont totali tal-limitu reġjonali, il-bdiewa għandhom jirċievu drittjiet, li l-valur tal-‘unit’ tagħhom hu kkalkulat bid-diviżjoni tal-limitu reġjonali stabbilit taħt l-Artikolu 58 bin-numru ta’ ettari eliġibbli, fis-sens ta’ l-Artikolu 44(2), stabbilit fuq livell reġjonali.

3.      Fil-każ ta’ diviżjoni parzjali ta’ l-ammont totali tal-limitu reġjonali, il-bdiewa għandhom jirċievu drittijiet li l-valur tal-‘unit’ tagħhom hu kkalkulat bid-diviżjoni tal-parti korrispondenti tal-limitu reġjonali stabbilit taħt l-Artikolu 58 bin-numru ta’ ettari eliġibbli, fis-sens ta’ l-Artikolu 44(2), stabbilit fuq livell reġjonali.

Fil-każ li l-bidwi għandu wkoll dritt jirċievi drittijiet fuq il-bqija tal-limitu reġjonali, il-valur tal-‘unit’ reġjonali ta’ kull wieħed mid-drittijiet tiegħu, ħlief għad-drittijiet ta’ l-art imwarrba, għandu jiżdied b’ammont li jikkorrispondi ma’ l-ammont ta’ referenza diviż bin-numru ta’ drittijiet tiegħu stabbilit skond il-paragrafu 4.

L-Artikoli 48 u 49 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.      In-numru ta’ drittijiet għal kull bidwi għandu jkun ugwali għan-numru ta’ ettari li huwa jiddikjara skond l-Artikolu 44(2) fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku, ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 40(4).”

16      Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad‑19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2009.

 Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004

17      L-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal‑21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), intitolat “Bażi għall-kalkolazzjoni fir-rigward ta’ żoni [superfiċi] dikjarati” isemmi r-regoli relatati mal-kalkolu tal-għajnuna.

18      L-Artikolu 51 ta-Regolament Nru 796/2004 jesponi t-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda mill-bdiewa.

19      L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004 jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-irkupru tal-pagament indebitu.

20      L-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 jirrigwarda l-irkupru tad-drittijiet allokati indebitament lill-bdiewa.

21      Ir-Regolament Nru 796/2004 ġie mħassar u ssostitwit permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2010.

 Id-Dokument Nru VI/5330/97

22      Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji ġew iddefiniti fid-dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat‑23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru VI/5330/97”).

23      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, dwar il-konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tas-Sezzjoni “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), tan-nuqqasijiet fil-verifiki mwettqa mill-Istati Membri, jipprovdi, fil-parti tiegħu intitolata “Introduzzjoni”:

“Meta l-Kummissjoni tikkonstata li nfiq speċifiku jirrigwarda talba li ma tissodisfax ir-regoli Komunitarji, il-konsegwenzi finanzjarji huma ċari: ħlief fil-każ li l-pagament irregolari jkun diġà ġie kkonstatat mill-organi nazzjonali ta’ verifika u jkun ta’ lok għall-miżuri adegwati ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru (ara l-Anness 4), il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-finanzjament tiegħu mill-baġit Komunitarju. Meta l-konsegwenzi finanzjarji jirriżultaw mill-eżami tal-infiq li jkunu jikkonċernaw numru kbir ta’ fajls, l-ammont eskluż mill-finanzjament Komunitarju għandu jiġi kkalkolat, sa fejn ikun possibbli, abbażi ta’ estrapolazzjoni tar-riżultati li jinsiltu mill-istudju tal-kampjun rappreżentattiv ta’ fajls. L-istess metodu ta’ estrapolazzjoni għandu jiġi applikat għall-Istati Membri kollha, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ affidabbiltà u tal-portata tal-ineżattezzi, l-istratifikazzjoni tal-popolazzjoni, id-daqs tal-kampjun u l-evalwazzjoni tal-iżbalji waqt it-teħid tal-kampjun fid-dawl tal-konsegwenzi finanzjarji globali.

Meta Stat Membru ma josservax ir-regoli Komunitarji intiżi sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tat-talbiet, dan in-nuqqas waħdu għandu jimplika li l-pagamenti jmorru kontra d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-miżura kkonċernata u kontra l-obbligu ġenerali, tal-Istati Membri, ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet previsti mill-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru] 729/70. Dan ma jfissirx neċessarjament li t-talbiet kollha ssodisfatti jikkostitwixxu irregolaritajiet, iżda r-riskju li l-[FAEGG] ikollha tbati l-infiq indebitu huwa wieħed aċċentwat. Għalkemm huwa veru li, f’ċerti każijiet flagranti, il-Kummissjoni tista’ tkun awtorizzata tirrifjuta l-infiq kollu kkonċernat meta l-verifiki rikjesti minn regolament ma jitwettqux, f’ċertu numru ta’ każijiet l-ammont tal-infiq li għandu jiġi skartat ikun jeċċedi, skont kull probabbiltà, it-telf finanzjarju mġarrab mill-Komunità. Għaldaqstant jeħtieġ li ssir stima tat-telf waqt l-evalwazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

[...]”

24      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża, fil-parti tiegħu intitolata “Evalwazzjoni bbażata fuq ir-riskji ta’ telf finanzjarju: korrezzjonijiet b’rata fissa”:

“Peress li l-prassi tal-verifika tas-sistemi hija regolari ħafna, id-dipartimenti tal-Kummissjoni b’iktar regolarità wettqu evalwazzjoni tar-riskju li jġibu magħhom in-nuqqasijiet tas-sistemi. Meta l-livell reali tal-infiq irregolari, u għaldaqstant l-ammont tat-telf finanzjarju subit mill-Komunità, ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, il-Kummissjoni għandha tapplika, wara l-clearance tal-kontijiet tas-sena finanzjarja 1990, korrezzjonijiet b’rata fissa li jammontaw għal 2 %, 5 % jew 10 % tal-infiq iddikjarat, skont l-entità tar-riskju ta’ telf. F’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jiġu deċiżi rati ta’ korrezzjoni superjuri sa 100 %. Il-prerogattiva tal-Kummissjoni li tapplika korrezzjonijiet ta’ dan it-tip ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ azzjonijiet ippreżentati kontra deċiżjonijiet ta’ clearance annwali tal-kontijiet (pereżempju s-sentenza C‑50/94).

[…]”

25      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jiddikjara, fil-parti tiegħu intitolata “Linji gwida għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa”:

“Jistgħu jsiru korrezzjonijiet b’rata fissa meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tkunx tippermetti lill-kontrollur li jevalwa t-telf billi juża estrapolazzjoni tat-telf iddeterminat, b’mezzi tal-istatistika, jew b’riferiment għal informazzjoni oħra verifikabbli, iżda li madankollu tkun tippermettilu li jikkonkludi li l-Istat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jivverifika b’mod adegwat l-eliġibbiltà ta’ ċerti talbiet sodisfatti.

[…] L-istima tat-telf probabbli għall-fond Komunitarju hija suġġetta għal […] evalwazzjoni tar-riskju li għalih huma esposti b’riżultat tan-nuqqas ta’ verifika, liema fatt jista’ jirrigwarda kemm in-natura jew il-kwalità tal-verifiki mwettqa kif ukoll in-numru tagħhom. Il-prinċipju wara dan, espost b’mod espliċitu mill-Artikolu 5(2)(c), [tar-Regolament Nru 729/90] hija li r-rata ta’ korrezzjoni għandha tkun marbuta b’mod ċar mat-telf probabbli.

[…]

Meta jsiru verifiki, iżda b’mod imperfett, is-serjetà tad-difett għandha għalhekk tiġi evalwata […] Madankollu, il-fatt li proċedura ta’ verifika tista’ tiġi pperfezzjonata fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika korrezzjoni finanzjarja. Għandu jkun hemm nuqqas sinjifikattiv fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji espliċiti u dan in-nuqqas għandu jesponi lill-FAEGG għal riskju reali. In-nuqqas isir iktar serju jekk Stat Membru jeskludi titjib tal-kontrolli tiegħu meta l-Kummissjoni diġà tkun innotifikatlu t-tibdiliet neċessarji.

Meta ma jiġux imwettqa wieħed jew iktar mill-verifiki ewlenin jew jiġu mwettqa ħażin tant li ma jkunux effikaċi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 10 %, peress li huwa raġonevolment permess li wieħed jaħseb li hemm riskju għoli ta’ telf kbir għall-FAEGG.

Meta jkunu twettqu l-verifiki ewlenin kollha iżda ma jkunux saru skont in-numru, il-frekwenza u d-dettall meħtieġ mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 5 %, peress li jkun jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrolli ma jipprovdux il-livell mistenni ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa sinjifikanti.

Meta Stat Membru jwettaq korrettament il-verifiki ewlenin iżda jonqos kompletament milli jwettaq wieħed jew iktar mill-verifiki sekondarji, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 2% peress li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa iktar baxx u l-ksur huwa inqas serju.

Korrezzjoni ta’ 2 % hija wkoll iġġustifikata meta Stat Membru jonqos milli jadotta miżuri bil-għan li jtejjeb l-applikazzjoni tal-verifiki sekondarji jew tal-miżuri dedotti mir-regolamenti Komunitarji u meta l-Kummissjoni tkun innotifikatu, partikolarment b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, li dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati bil-għan li jintlaħaq l-għan segwit mir-regolamenti jew sabiex jiġi żgurat livell raġjonevoli ta’ protezzjoni kontra l-frodi u l-irregolaritajiet jew sabiex tiġi żgurata verifika adegwata tal-fondi Komunitarji.

[…]

Ir-rata ta’ korrezzjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tal-parti mill-fond li għaliha l-infiq ikkostitwixxa riskju. Meta n-nuqqas jirriżulta mill-assenza ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ verifika adegwata minn Stat Membru, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq kollu li għalih kienet applikabbli din is-sistema ta’ verifika. Meta jkun hemm raġunijiet li wieħed jassumi li n-nuqqas huwa limitat għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ verifika adottata mill-Istat Membru f’żona jew reġjun, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq magħmul mill-imsemmija żona jew l-imsemmi reġjun […]

[…]

Meta l-istess sistema tiġġenera diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ta’ korrezzjoni ma jkunux kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas serju jitqies li huwa indikattiv tar-riskji ppreżentati mis-sistema ta’ verifika fl-intier tagħha […]”

26      Il-Kummissjoni tindika wkoll, fl-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, fil-parti intitolata “Evalwazzjoni supplimentari tat-telf finanzjarju reali”:

“L-Istat Membru jżomm il-possibbiltà li juri, permezz ta’ verifiki supplimentari jew informazzjoni addizzjonali, li n-nuqqas ma kienx serju daqs kemm kien jidher jew li r-riskju ta’ telf reali kien inqas importanti mill-ammont tal-korrezzjoni proposta. Dawn l-argumenti għandhom jiġu studjati bir-reqqa’ u kkummentati qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali fir-rigward tar-rata ta’ korrezzjoni li għandha tiġi applikata. Jekk elementi oġġettivi prodotti mill-Istat Membru juru li t-telf massimu probabbli huwa limitat għal ammont inferjuri għal dak tal-korrezzjoni proposta, it-telf massimu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

27      Bejn it‑30 ta’ Ġunju u l‑4 ta’ Lulju 2008, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tar-regoli relatati mal-finanzjament tal-infiq imwettaq, fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku, fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) fl‑2008 u fl‑2009, għas-snin ta’ dikjarazzjoni 2007 u 2008, bir-regoli relatati mal-iskema ta’ pagament uniku (investigazzjoni AA/2008/18).

28      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Awwissu 2008 (iktar ’il quddiem l-“ewwel komunikazzjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2008”), mibgħuta skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni. Anness, intitolat “Osservazzjonijiet u talbiet għal informazzjoni”, li kien fih il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, ġie inkluż ma’ din l-ittra.

29      Mill-ewwel komunikazzjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2008, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kinux osservaw għal kollox ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li kienu neċessarji miżuri korrettivi sabiex fil-futur tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni talbet sabiex tiġi informata dwar il-miżuri korrettivi li diġà ġew adottati kif ukoll dwar il-pjan kalendarju previst għall-implementazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija tista’ teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni parti mill-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEG u mill-FAEŻR (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“Fondi”), konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li l-insuffiċjenzi kkonstatati ntużaw bħala bażi ta’ kalkolu għall-korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-infiq imwettaq sal-implementazzjoni ta’ miżuri korrettivi adegwati.

30      Fl-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu annessi mal-ewwel komunikazzjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ikkonstatat, qabel kollox, insuffiċjenzi fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja tal-Art (SIIA) u tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (SIĠ) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, is-“SIIA-SIĠ”), inkwantu l-informazzjoni li kienet tinsab fihom ma kinitx preċiża biżżejjed biex tippermetti twettiq konklussiv tal-verifiki amministrattivi u tal-verifiki fuq il-post imwettqa bil-għan li jiġu vverifikati l-eliġibbiltà tas-superfiċi ddikjarati, sussegwentement, insuffiċjenzi fil-verifiki fuq il-post u, fl-aħħar nett, insuffiċjenzi fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, fil-korrezzjoni retroattiva tal-applikazzjonijiet inammissibbli għall-għajnuna, fl-irkupru tal-pagamenti indebiti u fl-applikazzjoni tat-tnaqqis minħabba nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Barra minn hekk minn dan l-anness jirriżulta li dawn l-insuffiċjenzi kienu diġà ġew ikkonstatati waqt investigazzjoni preċedenti (investigazzjoni AA/2006/07) u kienu taw lok għal korrezzjonijiet finanzjarji konformement mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/399/UE, tal‑15 ta’ Lulju 2010, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG, taħt il-FAEG u taħt il-FAEŻR (ĠU L 184, p. 6).

31      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-aspetti kontenzjużi bil-għan li ssir laqgħa bilaterali prevista fl‑4 ta’ Frar 2009.

32      Il-laqgħa bilaterali bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit żvolġiet fi Brussell (il-Belġju) fl‑4 ta’ Frar 2009. Il-minuti ta’ din il-laqgħa ntbagħtu lill-imsemmija awtoritajiet fit‑23 ta’ Frar 2009.

33      Mill-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑4 ta’ Frar 2009 jirriżulta li, wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni kompliet issostni l-essenzjali tal-konklużjonijiet tagħha li jinsabu fl‑ewwel komunikazzjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2008. B’hekk hija kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha marbuta mal-konstatazzjoni ta’ insuffiċjenzi relatati, b’mod partikolari, mal-informazzjoni li tinsab fis‑SIIA-SIĠ, mal-verifiki fuq il-post, kif ukoll mal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, mal-korrezzjoni retroattiva tat-talbiet inammissibbli għall-għajnuna, mal-irkupru tal-pagamenti indebiti u mal-applikazzjoni tat-tnaqqis minħabba nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Barra minn hekk hija indikat li dawn l-insuffiċjenzi kienu jaffettwaw verifiki ewlenin u verifiki sekondarji fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97 u ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar il-fatt li huma kellhom il-possibbiltà li juru li r-riskju finanzjarju kien inqas importanti mill-korrezzjonijiet b’rata fissa applikabbli konformement mal-imsemmi dokument.

34      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ April 2009 u permezz ta’ posta elettronika tat‑28 ta’ Mejju u tal‑20 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-minuti u pprovdew informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

35      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni formali lill-awtoritajiet tar-Renju Unit taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006 li fiha hija reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-insuffiċjenzi msemmija iktar ’il fuq li jaffettwaw l-infiq imwettaq fl‑2008 u fl‑2009 għas-snin ta’ dikjarazzjoni 2007 u 2008. Fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji, il-Kummissjoni, wara li ċaħdet il-kalkolu tar-riskju finanzjarju propost mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ipproponiet korrezzjonijiet b’rata fissa, skont id-dokument Nru VI/5330/97. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat, b’mod partikolari, li, l-ewwel nett, l-insuffiċjenzi kkonstatati fir-rigward tas-SIIA-SIĠ kienu jaffettwaw il-funzjonament ta’ verifika ewlenija fis-sens tal-istess dokument, b’tali mod li kienu jiġġustifikaw korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % applikata għall-infiq magħmul fl‑2008 u fl‑2009, it-tieni nett, billi l-insuffiċjenzi tal-verifiki fuq il-post jaffettwaw ukoll il-funzjonament ta’ verifika ewlenija, dawn kienu tali li jiġġustifikaw ukoll korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % u, it-tielet nett, billi l-insuffiċjenzi kkonstatati fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, tal-irkupru tal-pagamenti indebiti u tan-nuqqas ta’ konformità intenzjonali jikkostitwixxu insuffiċjenza ta’ verifika sekondarja, kienet ġustifikata korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %, fejn dawn l-aħħar żewġ korrezzjonijiet tqiesu li ġew assorbiti mill-ewwel korrezzjoni.

36      Għaldaqstant il-Kummissjoni pproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somma ta’ EUR 17 587 901.48 għall-infiq magħmul fl‑2008, u s-somma ta’ EUR 16 936 447.44 għal dak magħmul fl‑2009.

37      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Frar 2010, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu talba għal konċiljazzjoni lill-Korp ta’ konċiljazzjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006 u kkontestaw il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % proposta mill-Kummissjoni.

38      Fit‑22 ta’ Ġunju 2010, il-Korp ta’ konċiljazzjoni kkomunika r-rapport finali tiegħu. F’dan ir-rapport, il-Korp ta’ konċiljazzjoni kkonkluda b’mod partikolari li ma kienx possibbli għalih jikkonċilja l-fehmiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tar-Renju Unit.

39      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit il-konklużjonijiet finali tagħha (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni finali”). Minn din l-ittra jirriżulta li l-Kummissjoni, essenzjalment, żammet il-pożizzjoni tagħha, hekk kif spjegata fil-qosor fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-insuffiċjenzi kkonstatati u l-korrezzjonijiet finanzjarji mistennija.

40      Fl‑1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Renju Unit rapport ta’ sinteżi fir-rigward tar-riżultati tal-investigazzjoni AA/2008/18.

41      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fis‑6 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-FAEGG, skont il-FAEG u skont il-FAEŻR (ĠU L 67, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fosthom l-infiq imwettaq mir-Renju Unit fl-Irlanda ta’ Fuq fl‑2008 u fl‑2009 u li huwa inkwistjoni f’din il-kawża.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Novembru 2012, ir-Renju Unit ippreżenta dan ir-rikors.

43      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Lulju 2013, ir-Renju Unit talab sabiex din il-kawża tiġi magħquda mal-Kawża T‑245/13, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2013.

44      Billi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

45      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat‑2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta dokument u għamlitilha mistoqsija bil-miktub. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-mistoqsija fit-terminu stabbilit.

46      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2014.

47      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda punt fl-Anness tagħha dwar korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % applikata għal infiq imwettaq fl-Irlanda ta’ Fuq matul is-snin finanzjarji 2008 (li kienet tammonta għal EUR 277 231.60 u għal EUR 13 671 588.90) u 2009 (li kienet tammonta għal EUR 270 398.26 u għal EUR 15 844 193.29);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

 Id-dritt

49      Insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu, ir-Renju Unit iqajjem żewġ motivi, fejn, essenzjalment, l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-telf reali għall-Fondi u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jaffettwaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-insuffiċjenzi tal-verifiki sekondarji.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-telf reali għall-Fondi

50      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Renju Unit jikkritika lill-Kummissjoni talli, billi applikat il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-insuffiċjenzi tal-verifiki ewlenin għall-infiq kollu mwettaq fl-2008 u fl‑2009 fl-Irlanda ta’ Fuq, wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-portata tar-riskju ta’ telf għall-Fondi. Essenzjalment, huwa jsostni li, billi tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fuq il-parti tal-infiq esposta għar-riskju biss, il-korrezzjoni finanzjarja ma setgħetx tkun ogħla minn korrezzjoni ta’ 1.88 %.

51      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-Renju Unit.

52      Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Fondi jiffinanzjaw biss l-interventi magħmula konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑157/00, Ġabra, EU:C:2003:5, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑24 ta’ Frar 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra, EU:C:2005:103, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2009, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑368/05, EU:T:2009:305, punt 70).

53      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni, ladarba dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2008, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra, EU:C:2008:247, punt 135, u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, EU:T:2009:305, punt 181).

54      Fil-fatt, il-ġestjoni tal-finanzjament tal-Fondi tistrieħ prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati milli jħarsu għall-osservanza stretta tar-regoli tal-Unjoni u hija bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet tal-Unjoni. L-Istat Membru biss huwa f’pożizzjoni li jsir jaf u li jiddetermina bi preċiżjoni d-data neċessarja għall-elaborazzjoni tal-kontijiet tal-Fondi, ġaladarba l-Kummissjoni ma tgawdix mill-prossimità neċessarja sabiex tikseb l-informazzjoni li hija jkollha bżonn mingħand l-uffiċjali ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑153/01, Ġabra, EU:C:2004:589, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, EU:T:2009:305, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Għal dak li jirrigwarda t-tip ta’ korrezzjoni applikata, għandu jiġi mfakkar, fid-dawl tad-dokument Nru VI/5330/97, li, meta ma jkunx possibbli li jiġi evalwat preċiżament it-telf subit mill-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra korrezzjoni b’rata fissa (sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 2003, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑346/00, Ġabra, EU:C:2003:474, punt 53; Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, EU:C:2008:247, punt 136, u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni punt 52 supra, EU:T:2009:305, punt 183). F’dan is-sens, għandu jingħad ukoll li, għalkemm id-dokument Nru VI/5330/97 inħareġ mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-FAEGG u jinkludi, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, il-linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika dan id-dokument ukoll fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jattribwilha bil-għan tal-clearance tal-kontijiet tal-Fondi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013 Il‑Bulgarija vs Il‑Kummissjoni, T‑335/11, EU:T:2013:262, punt 86), liema fatt barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-Renju Unit.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ulterjorment, fid-dawl tad-dokument Nru VI/5330/97, li, meta jsiru l-verifiki ewlenin kollha, iżda mingħajr ma jiġu osservati, b’mod partikolari, ir-rigorożità ssuġġerita mir-regolamenti, għandha tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa li tammonta għal 5 % (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2005, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑318/02, EU:C:2005:104, punt 38), peress li jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-verifiki ma joffrux il-livell mistenni ta’ regolarità tal-applikazzjonijiet u li r-riskju ta’ telf għall-Fondi huwa sinjifikattiv (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Is-Slovenja vs Il‑Kummissjoni, T‑197/09, EU:T:2011:348, punt 81).

57      Mid-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta wkoll li r-rata ta’ korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-parti tal-infiq li kienet tikkostitwixxi riskju. Meta n-nuqqas jirriżulta min-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ verifika adegwata, il-korrezzjoni għandha, minħabba r-raġuni nnifisha tan-natura fissa tagħha, tiġi applikata għall-infiq kollu li jaqa’ taħt il-miżura kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2007, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑220/04, EU:T:2007:97, punt 106, u Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:T:2011:348, punt 82). Skont dan l-istess dokument, meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex jiġi preżunt li n-nuqqas huwa limitat għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ verifika adottata mill-Istat Membru f’żona jew reġjun, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq magħmul mill-imsemmija żona jew l-imsemmi reġjun.

58      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-argumenti mqajma mir-Renju Unit, għandu jiġi ppreċiżat il-metodu ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament applikat, fl‑2005, mir-Renju Unit bil-għan tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku stabbilit mir-Regolament Nru 1782/2003.

59      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li r-Renju Unit għażel implementazzjoni reġjonali tal-iskema ta’ pagament uniku, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu 5 tar-Regolament Nru 1782/2003.

60      Id-drittijiet għall-pagament, ġew stabbiliti, fl-Irlanda ta’ Fuq, abbażi tal-mudell imsejjaħ “ibridu statiku”. F’dan il-mudell, kull dritt għall-pagament huwa magħmul minn element “storiku” (iktar ’il quddiem l-“element storiku”) u minn element ta’ “rata fissa” marbut mas-superfiċi (iktar ’il quddiem l-“element ta’ rata fissa”), fejn is-somma tal-valur ta’ dawn l-elementi jikkorrispondi għall-valur unitarju tad-dritt għall-pagament. Minn naħa, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-element storiku, ammont ta’ referenza, stabbilit abbażi tal-pagamenti mħallsa lill-bdiewa matul il-perijodu ta’ referenza (snin 2000 sa 2002), huwa diviż bin-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati mill-bdiewa, fejn għalhekk dan in-numru jikkostitwixxi n-numru ta’ drittijiet għall-pagament allokati. Għalhekk, filwaqt li s-somma tal-elementi storiċi tikkostitwixxi ammont fiss stabbilit abbażi tal-pagamenti mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza, il-valur unitarju tal-kull element storiku ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament jiddependi min-numru ta’ drittijiet allokati fl-2005 u, b’hekk, min-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati f’dik is-sena. Min-naħa l-oħra, l-element ta’ rata fissa huwa valur invarjabbli, f’dan il-każ ta’ EUR 78.33.

61      Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir u preċiżazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata, b’mod prinċipali, il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

62      F’dan il-każ, jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra tal‑4 ta’ Jannar 2010, mill-pożizzjoni finali u mir-rapport ta’ sinteżi li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-infiq kollu magħmul, matul is-snin ta’ dikjarazzjoni 2007 u 2008, fl-Irlanda ta’ Fuq. Hija ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ din il-korrezzjoni abbażi ta’ difetti li jaffettwaw verifika ewlenija, jiġifieri d-difetti kkonstatati fir-rigward tas-SIIA-SIĠ. Wara li eskludiet il-kalkolu tar-riskju finanzjarju ppreżentat mir-Renju Unit, il-Kummissjoni, li qieset li korrezzjoni b’rata fissa kienet tippermetti li r-riskju jiġi evalwat aħjar, b’applikazzjoni tad-dokument Nru VI/5330/97, stabbiliet rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 %. Hija applikat din ir-rata għall-infiq kollu magħmul fl-Irlanda ta’ Fuq.

63      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li r-Renju Unit ma jikkontesta la l-eżistenza tal-insuffiċjenzi tas-SIIA‑SIĠ, ikkonstatati mill-Kummissjoni u li affettwaw il-verifiki tal-eliġibbiltà tas-superfiċi ddikjarati fl-Irlanda ta’ Fuq, u lanqas il-kwalifika tas-SIIA‑SIĠ bħala verifika ewlenija fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fid-dokument Nru VI/5330/97.

64      Issa, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mid-dokument Nru VI/5330/97, skont kif imfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq, meta l-Kummissjoni ma tinsabx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-livell reali tal-infiq irregolari, hija tista’, fil-preżenza ta’ difett ta’ verifika ewlenija, tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %.

65      Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Renju Unit u hekk kif huwa stess ippreċiża waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma jikkontesta, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-adegwatezza ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għad-difetti li jaffettwaw lis-SIIA‑SIĠ. Fil-fatt, dan il-motiv huwa intiż sabiex jikkontesta biss l-applikazzjoni ta’ din il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-infiq magħmul fl-Irlanda ta’ Fuq għall-perijodu inkwistjoni, liema fatt ġie rreġistrat fil-proċess verbali tas-seduta.

66      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, meta difetti ta’ verifika ewlenija jaffettwaw, bħal ma huwa l-każ inkwistjoni, mingħajr ma dan huwa kkontestat mir-Renju Unit, il-verifika tas-superfiċi eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja, il-Kummissjoni għandha raġun f’li tapplika l-korrezzjoni b’rata fissa għall-pagamenti kollha magħmula u potenzjalment affettwati bl-insuffiċjenza tal-imsemmija verifika ewlenija.

67      Fil-fatt, minn naħa, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, mill-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ pagament uniku hija mħallsa mid-drittijiet għall-pagament flimkien ma’ numru ugwali ta’ ettari eliġibbli. Bl-istess mod, konformement mal-Artikolu 44(1) tal-imsemmi regolament, kull dritt għall-pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna jagħti dritt għall-pagament tal-ammont iffissat bid-dritt. Għalhekk, l-ammont tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ pagament uniku jikkorrispondi għas-somma tal-valuri unitarji tad-drittijiet għall-pagament “attivat[i]”, jiġifieri akkumpanjati b’ettari eliġibbli. Għaldaqstant żball fir-rigward tad-determinazzjoni tas-superfiċi eliġibbli fi kwalunkwe każ jaffettwa l-ammont tal-għajnuna. Għalhekk, irregolarità tas-SIIA-SIĠ li taffettwa l-verifiki tal-eliġibbiltà tas-superfiċi ddikjarati tista’ potenzjalment taffettwa kull pagament imwettaq.

68      Għalhekk, f’dan il-każ, hija totalità tal-pagamenti mwettqa, fl‑2008 u fl‑2009, fl-Irlanda ta’ Fuq, taħt l-iskema ta’ pagament uniku, li kkostitwiet riskju għall-Fond.

69      Issa, hekk kif ġie espost fil-punt 57 iktar ’il fuq, skont id-dokument Nru VI/5330/97, ir-rata ta’ korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-parti tal-infiq li kienet tikkostitwixxi riskju, fejn din il-parti tikkorrispondi f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 68 iktar ’il fuq, għat-totalità tal-infiq magħmul, fl‑2008 u fl‑2009, fl-Irlanda ta’ Fuq.

70      Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, huwa wkoll previst, fid-dokument Nru VI/5330/97, li, meta n-nuqqas jirriżulta fin-nuqqas ta’ adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ sistema ta’ verifika adegwata, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq kollu li jaqa’ taħt il-miżura kkonċernata (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), jiġifieri, f’dan il-każ, l-infiq kollu magħmul fl‑2008 u fl‑2009 fl-Irlanda ta’ Fuq.

71      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għat-totalità tal-infiq magħmul, fl‑2008 u fl‑2009, fl-Irlanda ta’ Fuq.

72      Barra minn hekk, l-adegwatezza, f’dan il-każ, ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % applikata għat-totalità tal-infiq magħmul, fl‑2008 u fl‑2009, fl-Irlanda ta’ Fuq hija wisq iżjed neċessarja fid-dawl tal-importanza li għandha ż-żamma regolari tas-SIIA-SIĠ. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-irqajja tal-art u l-verifika tal-eliġibbiltà tas-superfiċi jikkostitwixxu element ewlieni tal-applikazzjoni korretta ta’ sistema marbuta mas-superfiċi. Insuffiċjenzi tas-SIIA-SIĠ, bħal, f’dan il-każ, il-preċiżjoni insuffiċjenti tal-informazzjoni li kienet tinsab fihom li taffettwa t-twettiq tal-verifiki amministrattivi u tal-verifiki fuq il-post imwettqa bil-għan li tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tas-superfiċi ddikjarati, jimplikaw fihom infushom riskju sostanzjali ta’ dannu għall-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2005:103, punt 97).

73      Il-konklużjoni misluta mill-punt 71 iktar ’il fuq ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti tar-Renju Unit. Dawn l-argumenti jistgħu jinġabru fi tliet gruppi.

74      Inizjalment, ir-Renju Unit isostni, essenzjalment, li għandha tiġi applikata l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % biss għall-parti tal-infiq magħmul matul il-perijodu kkonċernat fl-Irlanda ta’ Fuq li huwa, skont dan l-Istat Membru, affettwat bl-irregolaritajiet, b’tali mod li r-riskju finanzjarju reali massimu huwa ta’ 1.88%. Ir-Renju Unit jallega f’dan ir-rigward li 80 % tal-iżbalji mwettqa fis-snin ta’ dikjarazzjoni 2007 u 2008 jirriżultaw minn żbalji mwettqa waqt l-allokazzjoni u l-kalkolu inizjali tad-drittijiet għall-pagament fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli. B’hekk, essenzjalment, fir-rigward ta’ 80 % tal-infiq imwettaq fl-Irlanda ta’ Fuq matul il-perijodu kkonċernat, jeħtieġ, minħabba l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament magħmula minn element storiku u minn element ta’ rata fissa, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-aħħar element biss u mhux il-pagament kollu kemm hu huwa affettwat bir-riskju għall-Fondi. Issa, l-element ta’ rata fissa jirrappreżenta biss madwar 22 % tal-pagamenti kollha magħmula fl-Irlanda ta’ Fuq.

75      Dan l-argument tar-Renju Unit jikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġu estrapolati, fuq l-iskala tal-pagamenti mwettqa matul il-perijodu kkonċernat fl-Irlanda ta’ Fuq, kunsiderazzjonijiet misluta mill-kompożizzjoni tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament.

76      Madankollu, anki li kieku kellu jitqies għandu jiġi kkunsidrat li wieħed biss miż-żewġ komponenti – jiġifieri l-element ta’ rata fissa – tad-dritt għall-pagament hekk kif stabbilit fil-kuntest tal-mudell ibridu statiku huwa, kif isostni r-Renju Unit, affettwat bl-iżbalji fir-rigward tad-determinazzjoni tas-superfiċi eliġibbli meta dawn l-iżbalji jmorru lura għall-2005, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex tali li tinvalida l-kunsiderazzjoni, magħmula fil-punti 67 u 68 iktar ’il fuq, li kull pagament imwettaq huwa potenzjalment affettwat bid-difetti tas-SIIA‑SIĠ ikkonstatati mill-Kummissjoni.

77      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 iktar ’il fuq, sa fejn l-ammont tal-għajnuna huwa kkostitwit bis-somma tal-valuri unitarji tad-drittijiet għall-pagament attivati, jiġifieri akkumpanjati b’ettari eliġibbli, żball fir-rigward tad-determinazzjoni tas-superfiċi eliġibbli fi kwalunkwe każ jaffettwa l-ammont tal-għajnuna.

78      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 56, 57 u 66 sa 70 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fil-każ ta’ nuqqas li jaffettwa verifika ewlenija, hija awtorizzata tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għall-infiq kollu suġġett għall-miżura ta’ verifika, mingħajr il-ħtieġa li, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tali korrezzjoni b’rata fissa, issir distinzjoni skont il-kunsiderazzjonijiet misluta mill-kompożizzjoni tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament.

79      Sussegwentement, ir-Renju Unit josserva, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt li s-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-allegazzjoni, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li r-riskju reali massimu huwa ta’ 1.88 % tat-totalità tal-infiq rilevanti jiddependi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51, 73 u 73a tar-Regolament Nru 796/2004, hekk kif interpretati minnu fil-kuntest tat-tieni motiv. Peress li ż-żewġ motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors huma marbuta strettament, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-istadju ta’ dan il-motiv, l-iżviluppi ppreżentati skont l-imsemmija dispożizzjonijiet fil-kuntest tat-tieni motiv. Skont dan l-Istat Membru, fil-fatt, ir-riskju reali għandu jinftiehem li huwa kompost mis-somma tal-pagamenti indebiti u sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda.

80      Mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati, f’dan l-istadju, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51, 73 u 73a tar-Regolament Nru 796/2004, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-argumenti tar-Renju Unit żviluppati, fil-kuntest tat-tieni motiv, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda applikabbli fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ żball fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli li jmur lura għas-sena 2005 u li sussegwentement ġie ripetut. Essenzjalment, ir-Renju Unit għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni huwa żbaljat.

81      Issa, fl-ewwel lok, sa fejn, fil-kuntest tal-argumenti spjegati fil-qosor fil-punt 79 iktar ’il fuq, ir-Renju Unit isostni li l-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit mill-Kummissjoni kellu effett sinjifikattiv ħafna fuq il-livell massimu probabbli tat-telf finanzjarju għall-Fondi, b’tali mod li l-Kummissjoni sovrastimat serjament il-livell tat-telf, minn naħa, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti jirrigwardaw verifiki sekondarji li l-Kummissjoni kkunsidrat li kienu insuffiċjenti waqt il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-difetti tas-SIIA‑SIĠ, verifika ewlenija li tagħti lok għall-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % huma distinti minn dawk ikkonstatati fir-rigward tal-verifiki sekondarji u li huma inkwistjoni fil-kuntest tat-tieni motiv.

82      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li, fir-rigward tal-insuffiċjenzi tas-SIIA‑SIĠ, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat ir-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, li tirriżulta direttament mil-linji gwida li jinsabu fid-dokument Nru VI/5330/97, fuq evalwazzjoni kwalunkwe tal-ammont totali tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda. Fi kliem ieħor, id-determinazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % ma għandhiex x’taqsam mat-tilwima bejn il-partijiet fil-kuntest tat-tieni motiv fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu ta’ pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet.

83      Għalhekk, anki li kieku kellu jitqies li l-metodu ta’ kalkolu a’ dawn tal-aħħar, hekk kif issuġġerit mill-Kummissjoni, huwa, kif isostni r-Renju Unit fil-kuntest tat-tieni motiv, ivvizzjat bi żbalji, żbalji ta’ dan it-tip huma fi kwalunkwe każ mingħajr effett fuq ir-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % applikata mill-Kummissjoni għad-difetti li jaffettwaw is-SIIA‑SIĠ.

84      Fit-tieni lok, li kieku kellu jitqies li, bl-argumenti spjegati fil-qosor fil-punt 79 iktar ’il fuq, ir-Renju Unit għandu l-intenzjoni jallega li l-Kummissjoni jmissha pproċediet għal evalwazzjoni tar-riskju reali pjuttost milli tapplika korrezzjoni b’rata fissa minħabba li r-riskju reali għall-Fondi seta’ jiġi stabbilit għal rata li ma tistax teċċedi l-1.88 %, jew saħansitra li r-Renju Unit għandu l-intenzjoni jissuġġetta lill-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni tar-riskju reali, għandu jiġi osservat li, mingħajr lanqas ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk u f’liema ċirkustanzi Stat Membru jista’ validament jippreżenta tali evalwazzjoni tar-riskju fl-istadju tal-kontenzjuż sabiex jikkontesta l-applikazzjoni u l-portata ta’ korrezzjoni b’rata fissa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma kellha ebda analiżi affidabbli tar-riskju finanzjarju reali mġarrab mill-Fondi minħabba d-difetti kkonstatati fl-Irlanda ta’ Fuq għas-snin ta’ dikjarazzjoni 2007 u 2008, b’tali mod li, kif ippreċiżat barra minn hekk fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa r-riskju realment imġarrab mill-Fondi.

86      Fil-fatt, qabel kollox, mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-komunikazzjoni formali jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet analiżi tar-riskju finanzjarju ppreżentat mir-Renju Unit waqt il-proċedura amministrattiva minħabba l-fatt li din kienet ivvizzjata b’insuffiċjenzi, liema fatt bl-ebda mod ma huwa kkontestat mir-Renju Unit.

87      Sussegwentement, fl-istadju ta’ din il-proċedura, ir-Renju Unit ma invoka ebda analiżi affidabbli tar-riskju finanzjarju li ġiet ippreżentata waqt il-proċedura amministrattiva.

88      Fl-aħħar nett, sa fejn i-Renju Unit jirreferi għar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju għall-iskema ta’ pagament uniku fl-Irlanda ta’ Fuq għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, li ppreżenta lill-Kummissjoni u li din aċċettat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tas‑26 ta’ Frar 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-FAEGG, tal-FAEG u skont il-FAEŻR (ĠU L 67, p. 20), għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tar-riskju li tinsab f’dan ir-rapport hija bbażata fuq kampjun ta’ applikazzjonijiet ippreżentati għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009. Għalhekk, minkejja li dan ir-rapport jinkludi definizzjoni tar-riskju finanzjarju li l-Kummissjoni aċċettat, din id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju ma humiex rilevanti għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju għas-sena 2009 ma tistax titqies li tikkostitwixxi evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju mġarrab mill-Fondi għas-snin ta’ dikjarazzjoni 2007 u 2008.

89      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, anki moqrija flimkien, l-argumenti mqajma mir-Renju Unit insostenn tal-ewwel u t-tieni motivi ma humiex tali li jistabbilixxu li r-riskju massimu mġarrab mill-Fondi ma setax jeċċedi rata ta’ 1.88 %.

90      Fil-fatt, minn naħa, din ir-rata hija ddeterminata mir-Renju Unit, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, billi tapplika r-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa kkunsidrata mill-Kummissjoni għall-parti tal-infiq li dan l-Istat Membru jqis li huwa f’riskju. Fi kliem ieħor, din ir-rata ta’ allegat riskju reali massimu hija bbażata fuq rata fissa applikata għal bażi ta’ kalkolu mnaqqsa abbażi ta’ argumenti li diġà ġew miċħuda. Issa, ibbażat fuq rata fissa, kalkolu ta’ dan it-tip ma jistax jippermetti li jiġi stabbilit ir-riskju reali.

91      Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit isostni li din ir-rata ta’ 1.88 %, hekk kif ikkalkolata abbażi ta’ korrezzjoni ta’ rata fissa fil-kuntest tal-ewwel motiv, tiddependi mill-applikazzjoni, konformement mal-interpretazzjoni tagħha hekk kif sostnuta fil-kuntest tat-tieni motiv, tad-dispożizzjonijiet al-Artikoli 51, 73 u 73a tar-Regolament Nru 796/2004. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit bl-ebda mod ma stabbilixxa li r-rata allegata ta’ 1.88 % kienet tikkorrispondi effettivament għat-telf realment imġarrab mill-Fondi minħabba l-insuffiċjenzi kkonstatati mill-Kummissjoni u lanqas li r-rata ta’ 5 % applikata minn din tal-aħħar kienet effettivament tissovrastima r-riskju reali. Fil-fatt, anki li kieku kellu jitqies li r-Renju Unit jista’, fl-istadju kontenzjuż, jippreżenta evalwazzjoni tar-riskju reali, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma pprovda ebda analiżi bil-figuri li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika li, skont il-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti żejda u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ssuġġerit minn dan l-Istat Membru, ir-riskju finanzjarju, iddefinit minn dan tal-aħħar bħala s-somma tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli, ma jistax jeċċedi rata minima ta’ 1.88 % tat-totalità tal-infiq inkwistjoni inkella din tkun inferjuri għar-rata ta’ 5 % ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

92      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, anki kieku kellu jitqies li l-argumenti tar-Renju Unit relatat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 51, 73 u 73a tar-Regolament Nru 796/2004 huma fondati, dawn l-argumenti ma humiex tali li juru, bħal ma tirrikjedi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu mid-difetti li jaffettwaw is-SIIA‑SIĠ.

93      Barra minn hekk, ukoll, jirriżulta li anki li kieku kellu jitqies li r-Renju Unit għandu raġun billi jsostni li, fi 80 % tal-każijiet, kien biss l-element ta’ rata fissa ta’ kull dritt għall-pagament li seta’ jiġġenera riskju ta’ telf għall-Fondi u li l-metodu ta’ kalkolu tiegħu tal-pagamenti żejda u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda hija korretta, il-livell reali tal-infiq irregolari ma jistax b’danakollu jiġi ddeterminat bi preċiżjoni suffiċjenti, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, timponi korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fuq l-infiq kollu magħmul u suġġett għall-miżura ta’ verifika difettuża, konformement mad-dokument Nru VI/5330/97 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2006, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑221/04, EU:T:2006:223, punti 91 u 92).

94      Ulterjorment, ir-Renju Unit osserva, waqt is-seduta, li l-Kummissjoni setgħet, f’dan il-każ, tapplika rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % fid-dawl tal-fatt li r-riskju finanzjarju kien minimu.

95      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandi jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li jirriżultaw matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li għandu konnessjoni stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (digriet tat‑13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra, EU:C:2001:607, punt 17, u s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punt 46). L-istess japplika għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra, EU:T:2002:84, punt 156, u tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni, T‑352/09, Ġabra, EU:T:2012:673, punt 168; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2009, Alcon vs UASI, C‑481/08 P, EU:C:2009:579, punt 17).

96      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, l-ilment imqajjem għall-ewwel darba waqt is-seduta u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni setgħet applikat rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % ma jistax jintrabat mal-argumenti mqajma mir-Renju Unit fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Renju Unit, fis-sottomissjonijiet tiegħu u kif irrikonoxxa waqt is-seduta, jibda bil-premessa li korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % hija, bħala prinċipju, adegwata fil-każ ta’ nuqqas li jaffettwa verifika ewlenija, madankollu b’eċċezzjoni, skont dan l-Istat Membru, għall-applikazzjoni ta’ din ir-rata għall-parti tal-infiq li kkawżat riskju għall-Fondi (ara l-punt 65 iktar ’il fuq). Issa, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni setgħet applikat rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % iqiegħed inċidentalment din il-premessa inkwistjoni, b’tali mod li dan l-ilment ma jistax jitqies li jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-ewwel motiv imqajjem mir-Renju Unit.

97      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-Renju Unit ma invoka ebda punt ġdid ta’ liġi jew ta’ fatt li jiġġustifika l-invokazzjoni tardiva ta’ dan l-ilment.

98      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni setgħet applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għad-difetti li jaffettwaw il-verifiki ewlenin għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

99      It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, dan l-ilment huwa wkoll infondat. F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, fid-dawl tad-dokument Nru VI/5330/97, minn naħa, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % hija applikata meta Stat Membru jwettaq korrettament il-verifiki ewlenin, iżda jonqos kompletament milli jwettaq verifika jew numru ta’ verifiki sekondarji, fid-dawl tar-riskju iktar żgħir ta’ telf għall-Fondi u tas-serjetà minima tal-ksur (sentenza Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, EU:T:2006:223, punt 82). Min-naħa l-oħra, mid-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, fil-preżenza ta’ difett f’verifika ewlenija, tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % (ara l-punti 56 u 64 iktar ’il fuq), kif għamlet, ġustament, f’dan il-każ.

100    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-insuffiċjenzi tal-verifiki sekondarji

101    Permezz tat-tieni motiv ta’ annullament, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ difetti fil-verifiki sekondarji, ir-Renju Unit jikkontesta l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %. Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames ilmenti, fejn l-ewwel ilment jirrigwarda l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament, it-tieni jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni, meta jsir il-kalkolu l-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, tad-differenzi ta’ superfiċi li jaffettwaw il-primjums “annimali”, it-tielet, l-irkupru tal-indebitu, ir-raba’, it-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċi u l-ħames, id-dikjarazzjoni żejda intenzjonali.

102    Il-Kummissjoni tqis, b’mod prinċipali, li dan il-motiv huwa ineffettiv u ssostni, sussidjarjament, li fi kwalunkwe każ huwa infondat.

103    Qabel kollox hemm lok li tiġi eżaminata n-natura ineffettiva tat-tieni motiv.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li, meta l-istess sistema tiġġenera diversi nuqqasijiet, ir-rati fissi ta’ korrezzjoni ma jkunux kumulattivi, fejn l-iktar nuqqas serju jitqies li huwa indikattiv tar-riskji ppreżentati mis-sistema ta’ verifika fl-intier tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni, T‑232/08, EU:T:2011:751, punt 72, u tas‑16 ta’ Settembru 2013, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑486/09, EU:T:2013:465, punt 147).

105    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni kkonstatat insuffiċjenzi li jaffettwaw, l-ewwel nett, is-SIIA‑SIĠ, it-tieni nett, il-verifiki fuq il-post u t-tielet nett, l-applikazzjoni tar-regoli relatati mas-sanzjonijiet, mal-irkupru tal-pagamenti indebiti u man-nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Il-Kummissjoni indikat li l-ewwel żewġ insuffiċjenzi, relatati mal-verifiki ewlenin, kienu jeħtieġu korrezzjonijiet finanzjarji ta’ 5 %, filwaqt li l-aħħar insuffiċjenza, li tirrigwarda verifiki sekondarji, kienet tiġġustifika biss korrezzjoni finanzjarja ta’ 2 %. Mandankollu, skont ir-regola li r-rati fissi ta’ korrezzjoni ma humiex kumulattivi, il-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għad-difetti fis‑SIIA‑SIĠ, fejn speċifikat li d-difetti l-oħra kkonstatati kienu koperti minn din il-korrezzjoni.

106    Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma applikatx speċifikament korrezzjoni finanzjarja għall-insuffiċjenzi relatati mal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, mal-irkupru tal-pagamenti indebiti u man-nuqqas ta’ konformità intenzjonali.

107    Issa, peress li r-Renju Unit, hekk kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv, ma stabbilietx li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għad-difetti fis‑SIIA‑SIĠ kienet ivvizzjata bi żbalji, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑175/03, EU:C:2005:643, punt 65; Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2011:751, punti 75 u 76, u Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2013:465, punti 146 u 157).

108    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti tar-Renju Unit ibbażati fuq il-fatt li, essenzjalment, dan il-motiv ma huwiex intiż li jikkontesta l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %, iżda dik ta’ 5 % applikata għall-insuffiċjenzi relatati mas‑SIIA‑SIĠ. Skont dan l-Istat Membru, l-eżattezza tal-allegazzjoni, ippreżentata fil-kuntest tal-ewwel motiv, li r-riskju reali massimu mġarrab mill-Fondi huwa ta’ madwar 1. 88 % “jiddependi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu retrospettiv mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, tal-irkupru tal-pagamenti żejda u tas-sanzjonijiet”, inkwistjoni fl-ewwel it-tielet u r-raba’ lmenti mqajma insostenn ta’ dan il-motiv.

109    F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-Renju Unit jidderiġi dan il-motiv xi minn daqqiet kontra l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata mill-Kummissjoni u minn daqqiet oħra kontra dik ta’ 2 %, li l-Kummissjoni qieset li taqa’ taħt tal-ewwel, b’tali mod li s-suġġett ta’ dan il-motiv ma huwiex nieqes minn kull ambigwità, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li diġà ġie osservat fil-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % ġiet adottata mill-Kummissjoni għal kunsiderazzjonijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti żejda u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda, jekk ikun il-każ, wara evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagament. Għalhekk l-argumenti li jirrigwardaw dan l-aħħar metodu huma ineffettivi sa fejn huma intiżi sabiex tiġi kkontestata l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %.

110    Fi kwalunkwe każ, mill-punti 85 sa 93 iktar ’il fuq jirriżulta li, anki li kieku kellhom jitqiesu li huma fondati, dawn l-argumenti ma humiex tali li jistabbilixxu li l-livell massimu tat-telf reali mġarrab mill-Fondi ma jistax jaqbeż 1.88 % tal-infiq magħmul fl-2008 u fl‑2009 taħt l-iskema ta’ pagament uniku fl-Irlanda ta’ Fuq.

111    Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.