Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2010 - Lucchini vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-91/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Lucchini SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: M. Delfino, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/37.956 - Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit - Adozzjoni mill-ġdid - C(2009) 7492 finali, kif emendata bid-Deċiżjoni C(2009) 9912 finali.

Sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tat-30 ta' Settembru 2009, sa fejn ir-rikorrenti ġiet ikkundannata għall-ħlas ta' EUR 14.35 miljun, in solidum mal-kumpannija S.P. S.p.A..

B'mod iktar sussidjarju, tnaqqas il-multa imposta.

Fi kwalunwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tat-30 ta' Settembru 2009, kif emendata bid-Deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2009, li biha l-Kummissjoni ppenalizzat ksur tal-Artikolu 65 KEFA abbażi tal-Regolament (KE) Nru 1/2003 1.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk invokati f'rikorsi oħrajn ippreżentati kontra l-imsemmija deċiżjoni.

B'mod partikolari, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

Deċiżjoni mhux kompleta kif ukoll ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u ineżistenti, sa fejn id-deċiżjoni kienet innotifikata mingħajr l-annessi tagħha u, kienet ukoll adottata mill-Kulleġġ meta ma kinitx għadha kompleta kif ukoll innotifikata mill-ġdid meta kienet għadha ulterjorment mhux kompleta, mingħajr it-test prinċipali.

Nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni li tikkontesta ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, ladarba kien skada u, għaldaqstant, għażla żbaljata tal-bażi legali sostantiva.

Ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ksur u applikazzjoni żbaljata tad-dritt, sa fejn il-Kummissjoni ma fetħitx mill-ġdid il-proċedura amministrativa u assumiet id-dritt li teżamina l-liġi l-iktar favorevoli applikabbli fil-każ inkwistjoni, mingħajr ma qiegħdet lir-rikorrenti f'pożizzjoni li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob li tiġi annullata d-Deċiżjoni minħabba nuqqas ta' provi u applikazzjoni żbaljata tad-dritt sostantiv sa fejn il-Kummissjoni attribwixxiet il-ksur, għall-perijodu kollu mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000, lil Lucchini, permezz tal-impriża unika Lucchini/Siderpotenza. Ir-rikorrenti tenfasizza l-awtonomija deċiżjonali u amministrattiva ta' Siderpotenza u l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li turi li Lucchini kienet responsabbli, mill-perspettiva tar-riżorsi umani u materjali, mill-ġestjoni ta' Siderpotenza;

B'mod iktar sussidjarju, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat ir-regoli dwar il-kakolu tal-multi, b'mod partikolari l-linji gwida tal-1998.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).