Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d’appel de Paris - Franza) – Granarolo SpA vs Ambrosi Emmi France SA

(Kawża C-196/15) 1

[Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 – Qorti li għandha ġurisdizzjoni – Kunċetti ta’ “materja kuntrattwali” u ta’ “materja delittwali” – Terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil – Azzjoni għad-danni – Kunċetti ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” u ta’ “provvista ta’ servizzi”]

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Granarolo SpA

Konvenuta: Ambrosi Emmi France SA

Dispożittiv

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali fis-sens ta’ dan ir-regolament jekk kien hemm, bejn il-partijiet, relazzjoni kuntrattwali taċita, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. L-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali taċita għandu jkun ibbażat fuq sensiela ta’ elementi konkordanti, li jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, il-bona fide bejn il-partijiet, in-natura regolari tat-tranżazzjonijiet u l-iżvilupp tagħhom fiż-żmien f’termini ta’ kwantità u ta’ valur, l-eventwali ftehimiet dwar il-prezzijiet iffatturati u/jew dwar it-tnaqqis mogħti, kif ukoll il-korrispondenza skambjata.

Il-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu kklassifikati bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jekk l-obbligu karatteristiku tal-kuntratt inkwistjoni jkun il-kunsinna ta’ oġġett jew bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi” jekk dan l-obbligu jkun prestazzjoni ta’ servizzi, punt dan li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

____________

1 ĠU C 213, 29.6.2015.