Language of document : ECLI:EU:C:2019:922

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-31 ta’ Ottubru 2019 (1)

Kawża C507/18

NH

vs

Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI — Rete Lenford

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali — Artikolu 3(1)(a) — Aċċess għall-impjieg— Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ tal-omosesswali — Artikolu 8(1) — Artikolu 9(2) — Infurzar u rimedji — Locus standi ta’ assoċjazzjoni fl-assenza ta’ vittma identifikabbli — Talbiet għad-danni”






1.        Έπεα πτερόεντα, il-kliem għandu l-ġwienaħ. It-tifsira ta’ din l-espressjoni, li l-oriġini tagħha tmur lura għal Omeru (2) hija doppja: li l-kliem itir, jinġarr mar-riħ (3); imma wkoll li l-kliem jivvjaġġa b’mod mgħaġġel u jinfirex malajr. Din il-kawża, li tikkonċerna dikjarazzjonijiet li saru waqt intervista fuq ir-radju, tersaq viċin għat-tieni tifsira. Illum, il-kliem imlissen fuq ir-radju jew fuq it-televixin jew trażmess fuq il-midja soċjali jixxerred b’mod rapidu u jkollu l-konsegwenzi. Id-dikjarazzjonijiet orali li kienu fil-bidu tal-proċeduri ewlenin ivvjaġġaw sal-Lussemburgu u jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (4). Il-portata tal-Artikolu 3(1)(a) tad-direttiva, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg, tkopri wkoll dikjarazzjoni ġenerali li saret fuq ir-radju fis-sens li l-persuna intervistata ma tirreklutax omosesswali fl-uffiċċju legali tagħha? U huwa possibbli, fl-assenza tal-vittma identifikabbli, għal assoċjazzjoni li tfittex li tinforza l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, inkluż permezz tal-għoti ta’ danni?

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali

2.        L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi li:

“(1) Kulħadd għandu d-dritt għal-liberta` ta’ espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorita` pubblika u mingħajr ma jittieħed kont ta’ fruntieri. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi Stati milli jeħtieġu liċenzi għax-xandir, televiżjoni jew impriżi ċinematografiċi.

(2) L-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall- protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta’ informazzjoni riċevuta b’sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorita` u l-imparzjalita` tal-ġudikatura.”

3.        L-Artikolu 14 jipprojbixxi d-diskriminazzjoni, billi jipprovdi li “[I]t-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f’ din il-Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.”

4.        Id-dritt għall-impjieg ma huwiex, madankollu, wieħed mid-drittijiet speċifiċi protetti mill-KEDB.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta” (5)) jipprovdi li “kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.”

6.        L-Artikolu 15(1) jipprovdi li “Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.”

7.        L-Artikolu 21(1) jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali […]”.

8.        L-Artikolu 52(1) jipprovdi li “Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.” L-Artikolu 52(3) jipprovdi li “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

 Id-Direttiva 2000/78

9.        Il-premessi tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu, b’mod partikolari:

“(1) […] l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali […].

[…]

(9) L-impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq […] orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

[…]

(15) L-apprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali.

[…]

(28) Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi, u b’hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandihex isservi biex tiġġustifika xi regressjoni għar-rigward tas-sitwazzjoni li diġa’ teżisti f’kull Stat Membru.

(29) Persuni li kienu soġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali għandhom ikollhom mezzi adegwati ta’ protezzjoni legali. Sabiex jingħata livell tal-protezzjoni aktar effettiv, l-assoċjazzjonijiet jew l-entijajiet legali għandhom ukoll ikunu awtorizzati biex jidħlu fi proċeduri, kif stabbilit mill-Istati Membri hekk tistabbilixxi, jew għan-nom jew in sostenn ta’ xi vittma, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.

[…]

(30) L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza teħtieġ protezzjoni adegwata ġudizzjarja kontra l-vittimizzazzjoni.

[…]

(35) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u diswassivi f’każ ta’ ksur ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.

[…]

(37) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà […] l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri il-ħolqien fl-[Unjoni] kamp ekwu fir-rigward ta’ l-ugwaljanza fl-impjieg u fix-xogħol, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri […].”

10.      L-Artikolu 1 jipprovdi li l-iskop tad-direttiva huwa “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

11.      L-Artikolu 2 (“il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”) jipprovdi:

“1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, eta’ partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

[…]

5. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

12.      Skont l-Artikolu 3 (“Il-kamp ta’ applikazzjoni”):

“1. Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi kopri pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a) il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni; […]”

13.      L-Artikolu 8 jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.

2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.”

14.      Taħt l-Artikolu 9 (“Id-difiża ta’ drittijiet”):

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi […] għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament […]

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li, skond il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati, jistgħu jibdew, jew għan-nom jew bħala sostenn ta’ min għamel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, xi proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-esekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.

[…]”

15.      L-Artikolu 17 jipprovdi li “[L]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi […]”.

 Id-dritt Taljan

16.      Id-Decreto legislativo 9 luglio 2003, No 216 (id-Digriet Leġiżlattiv tad-9 ta’ Lulju 2003, Nru 216, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 216/2003”) implimenta d-Direttiva 2000/78. L-Artikolu 1 jispjega li d-digriet “jelenka d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, jew orjentazzjoni sesswali, li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, li jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq dawn ir-raġunijiet, b’kunsiderazzjoni wkoll għall-konsegwenzi differenti li dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni jista’ jkollhom fuq nisa u rġiel”.

17.      L-Artikolu 2 jiddefinixxi diskriminazzjoni. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li “l-‘prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta għal raġuni ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. Dan il-prinċipju jfisser li diskriminazzjoni diretta jew indiretta, kif imfissra iktar ’l isfel, għandha tiġi pprojbita:

(a)      diskriminazzjoni diretta sseħħ meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif hija, kienet jew tkun ittrattata persuna oħra, f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;

(b)      diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta dispożizzjoni, kriterju, prattika, att, patt jew aġir apparentement newtrali jkun qiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, persuni b’diżabbiltà jew persuni ta’ ċerta età jew orjentazzjoni sesswali fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra […]”.

18.      L-Artikolu 3(1) jipprovdi li “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu japplika mingħajr distinzjoni fuq bażi ta’ reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, għall-persuni kollha fis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat u għandu jkun intitolat għal protezzjoni ġudizzjarja, skont ir-rekwiżiti formali elenkati fl-Artikolu 4, b’riferiment speċifiku għal dawn l-oqsma li ġejjin:

(a)      aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu jew għal xogħol ieħor, inkluż il-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ […].”

19.      L-Artikolu 5 jikkonċerna l-locus standi u jipprovdi li:

“1. Organizzazzjonijiet sindikali, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw id-drittijiet jew l-interessi affettwati, abbażi ta’ mandat, mogħti minn strument pubbliku jew strument iċċertifikat privat, li mingħajru dan il-mandat għandu jkun null, għandu jkollhom locus standi sabiex jiftħu proċeduri skont l-Artikolu 4 f’isem u għan-nom ta’, jew insostenn ta’, persuna li tkun suġġetta għal diskriminazzjoni, kontra l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-aġir jew att diskriminatorju.

2. Il-persuni msemmija f’paragrafu 1 għandhom ukoll ikollhom locus standi fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni kollettiva fejn ma jkunx awtomatikament u immedjatament possibbli li jiġu identifikati individwi affettwati mid-diskriminazzjoni.”

 Il-fatti, il-kawża prinċipali, u d-domandi preliminari

20.      NH huwa avukat anzjan. Il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix konklużjonijiet definittivi rigward l-istatus preċiż li attwalment għandu NH fl-uffiċċju legali li miegħu huwa assoċjat. Waqt intervista fuq programm tar-radju, NH qal li huwa qatt ma kien ser jirrekluta persuna omosesswali sabiex taħdem fl-uffiċċju legali tiegħu u lanqas jixtieq juża s-servizzi ta’ tali persuni. Fiż-żmien meta huwa għamel dawn il-kummenti, ma kien hemm l-ebda proċedura pendenti ta’ reklutaġġ miftuħa fl-uffiċċju legali ta’ NH.

21.      L-Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI — Rete Lenford (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”) (6) hija assoċjazzjoni ta’ avukati li, skont l-istatuti tagħha, timmira li “tikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tixrid tal-kultura u r-rispett tad-drittijiet tal-persuni [LGBTI]” u sabiex jinħoloq netwerk ta’ avukati li joffru protezzjoni ġudizzjarja lil persuni LGBTI u sabiex jieħdu azzjoni rappreżentattiva għan-nom tagħhom quddiem il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. L- Associazione ressqet proċeduri kontra NH, fejn talbet sabiex huwa jiġi ordnat jippubblika sezzjoni tal-ordni f’gazzetta nazzjonali kwotidjana, jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għall-eliminazzjoni tad-disriminazzjoni u li jħallas id-danni lill-Associazione għal telf mhux materjali.

22.      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Awwissu 2014 it-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja), fejn kienet qed taġixxi bħala qorti industrijali, sabet li NH aġixxa illegalment. Hija sabet li dan l-aġir kien illegali minħabba n-natura diskriminatorja tiegħu, ordnat il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha u ordnatu jħallas lill- Associazione EUR 10 000 danni.

23.      L-appell ta’ NH minn dan id-digriet ġie miċħud mill-Corte d’appello di Brescia (il-Qorti tal-Appell ta’ Brescia, l-Italja) permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2015.

24.      NH appella quddiem il-Kassazzjoni mis-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”).

25.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubju dwar jekk l-Associazione hijiex entità li tirrappreżenta interessi kollettivi għall-għanijiet tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78 u għalhekk għandhiex locus standi sabiex tressaq proċeduri kontra NH. Hija tesprimi wkoll dubji dwar jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ NH jaqgħux fil-portata tad-Direttiva 2000/78 fuq il-bażi li dawn jikkonċernaw “impjieg”, jew jekk dawn għandhomx jitqiesu sempliċement espressjonijiet ta’ opinjoni, mingħajr ebda relazzjoni ma’ xi proċedura diskriminatorja ta’ reklutaġġ.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1) L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li assoċjazzjoni komposta minn avukati speċjalisti fid-difiża legali ta’ kategorija ta’ persuni li għandha orjentazzjoni sesswali differenti u li għandha bħala għan, skont l-Istatuti tagħha, li tippromwovi l-kultura u r-rispett tad-drittijiet ta’ din il-kategorija, għandha awtomatikament interess kollettiv u tikkostitwixxi assoċjazzjoni b’tendenza jew b’konvinzjoni mingħajr skop ta’ lukru, li għandha locus standi, inkluż għall-kumpens, meta jseħħu fatti meqjusa diskriminatorji kontra dik il-kategorija ta’ persuni?

(2) L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li tipprevedi din id-direttiva tkopri l-espressjoni ta’ opinjoni li tmur kontra l-kategorija ta’ persuni omosesswali magħmula waqt intervista fil-kuntest ta’ xandira ta’ divertiment bir-radju, li fiha l-persuna interrogata ddikjarat li qatt ma kienet ser tirrekluta lanqas ma kienet ser tħaddem dawn il-persuni fl-uffiċċju tagħha, anki jekk ebda proċedura ta’ reklutaġġ ma kienet għaddejja u lanqas ma kienet ipprogrammata minn din il-persuna?”

27.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn NH, l-Associazione, il-Gvern Grieg u l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-15 ta’ Lulju 2019, NH, l-Associazione, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea għamlu s-sottomissjonijiet orali.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

28.      Il-fatti fl-oriġini ta’ din il-kawża ma humiex kontenzjużi. NH qal, fuq intervista tar-radju, li huwa ma kienx ser jirrekluta persuna omosesswali sabiex taħdem fl-uffiċċju legali tiegħu u ma jkunx jixtieq juża s-servizzi ta’ tali persuni. Il-kawża ddur fuq il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti. Dawn jikkostitwixxu diskriminazzjoni relatata mal-impjieg fis-sens tad-Direttiva 2000/78? U jekk iva, hija l- Associazione awtorizzata li tressaq proċeduri kontra NH, fl-assenza ta’ vittma identifikabbli?

29.      Huwa għalhekk l-ewwel neċessarju li jiġi aċċertat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-portata tad-Direttiva 2000/78, u mbagħad li jiġi eżaminat jekk l-Associazione għandhiex locus standi sabiex tressaq proċeduri għall-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Dan huwa l-ordni li bih jiena ser nitratta d-domandi preliminari (għalhekk ser naqleb l-ordni li biha dehru fit-talba għal deċiżjoni preliminari).

30.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ċar mit-titolu u mill-preambolu tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll mill-kontenut tagħha u l-għan, li hija intiża tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura li kulħadd jibbenefika minn ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol” billi toffri protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjonijiet bbażati fuq kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, inkluż l-orjentazzjoni sesswali (7).

31.      Id-direttiva għandha l-għan ukoll li toħloq ambjent ekwu fl- Unjoni fir-rigward ta’ ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (8). Madankollu, il-protezzjoni offruta mid-direttiva għandha titqies bħala waħda minima – jiġifieri, l-Istati Membri huma liberi li jintroduċu jew li jżommu dispożizzjonijiet iżjed favorevoli (9). Id-Direttiva 2000/78 toffri protezzjoni fuq żewġ livelli differenti: il-livell sostantiv, billi tipprojbixxi diskriminazzjoni diretta u indiretta minħabba, inter alia, l-orjentazzjoni sesswali; u l-livell ta’ eżekuzzjoni, billi tipprovdi standard minimu ta’ rimedji li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

32.      It-tieni domanda tindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Dikjarazzjoni magħmula waqt programm tar-radju li fih il-persuna intervistata tgħid b’mod ċar u inekwivoku li hija qatt ma kienet ser tirrekluta persuna omosesswali sabiex taħdem fl-uffiċċju legali tagħha, u lanqas ma tixtieq tuża s-servizzi ta’ tali persuni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, anki jekk din id-dikjarazzjoni ma tirrelatax ma xi proċedura ta’ reklutaġġ kurrenti jew ippjanata?

33.      L-evalwazzjoni tal-fatti li minnhom jista’ jirriżulta li kien hemm diskriminazzjoni hija kwistjoni għal istanzi ġudizzjarji nazzjonali jew entitajiet kompetenti, oħra, skont il-liġi jew il-prassi nazzjonali (10). Konsegwentement, jidhirli li jekk id-Direttiva 2000/78 tapplika, il-fatti tal-kawża kif ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja huma tali li jammontaw għal diskriminazzjoni diretta. Huwa evidenti li persuna omosesswali li tfittex l-impjieg fl-uffiċċju legali ta’ NH ser tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli — jiġifieri, li ma tiġix irreklutata — minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili (11).

34.      Il-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78? Huma koperti mill-kategorija ta’ “impjieg u xogħol”, u b’mod iżjed partikolari mill- “kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg”, kif speċifikat mill-Artikolu 3(1)(a) tad-direttiva?

 Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78

35.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk hemmx konnessjoni suffiċjenti bejn id-dikjarazzjonijiet ta’ NH waqt intervista fuq ir-radju u l-aċċess għall-impjieg, għaliex fiż-żmien meta saru dawk id-dikjarazzjonijiet ma kien hemm l-ebda proċedura kurrenti ta’ reklutaġġ jew għall-inqas avviż dwar post battal fl-uffiċċju legali ta’ NH. Hija tosserva wkoll li sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ opinjoni li ma jippreżentawx konnessjoni minima mal-proċedura ta’ impjieg huma protetti mil-libertà tal-espressjoni.

36.      NH jissottometti li ma kien hemm l-ebda proċedura ta’ reklutaġġ kurrenti jew ippjanata. Ma kienx hemm għalhekk kuntest professjonali. Kien qiegħed jesprimi l-opinjoni personali tiegħu bħala sempliċi ċittadin.

37.      Fis-seduta, il-Gvern Taljan enfasizza li l-kuntest li fih saru dawn id-dikjarazzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat. Il-konnessjoni mal-aċċess għall-impjieg tista’ tinbidel skont jekk id-dikjarazzjonijiet kinux saru waqt xandira serja bil-parteċipazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u ta’ ġurnalisti tal-aħbarijiet jew waqt programm mimli ironija ta’ satira politika.

38.      Huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li dikjarazzjonijiet bħal dawk li saru fl-oriġini tal-kawża prinċipali, meta ma kien hemm l-ebda proċedura ta’ reklutaġġ miftuħa, jaqgħu fil-kunċett ta’ “aċċess għall-impjieg” taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78?

39.      Din id-dispożizzjoni tgħid li diskriminazzjoni għandha tiġi evitata fir-rigward ta’ “kriterji ta’ ”, “kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ” u “promozzjoni”. Madankollu, ma tiddefinixxix, xi jfisser “aċċess għall-impjieg”.

40.      Isegwi min-neċessità tad-dritt tal-Unjoni li jiġi applikat b’mod uniformi u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri għall-għan li jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħhom għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (12).

41.      Id-Direttiva 2000/78 hija espressjoni speċifika, fl-oqsma li tkopri, tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (13). Ma hijiex id-direttiva li toħloq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Is-sors tal-prinċipju li jipprojbixxi l-forom ta’ diskriminazzjoni huwa misjub, kif inhu ċar mill-premessi 3 u 4 fil-preambolu tad-direttiva, fi strumenti internazzjonali varji u fi tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (14). L-għan tad-direttiva huwa li tpoġġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol bil-ħsieb li tiggarantixxi opportunitajiet ugwali għal kulħadd u li tikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u sabiex tirrealizza l-potenzjal tagħhom (15).

42.      Minħabba l-għan tad-Direttiva 2000/78 u n-natura tad-drittijiet li hija tfittex li tissalvagwardja, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jistax jiġi ddefinit ristrettivament (16). Din il-konklużjoni tapplika wkoll għat-termini tad-direttiva, li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, bħal impjieg, aċċess, gwida vokazzjonali u taħriġ, kundizzjonijiet tax-xogħol, protezzjoni soċjali u vantaġġi soċjali. Ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ aċċess għall-attivitajiet tal-ħaddiema jew ta’ dawk li jaħdmu għal rashom tinvolvi l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni li tirriżulta minn kull dispożizzjoni li tipprekludi l-aċċess tal-individwi għall-forom kollha tal-impjieg u tax-xogħol (17). L-impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija sabiex jiġu ggarantiti opportunitajiet ugwali għal kulħadd (18).

43.      It-terminu “aċċess” huwa ddefinit bħala “means or opportunity to approach or enter a place (mezz jew opportunità li wieħed jersaq lejn jew jidħol f’post)” (19). Fir-rigward ta’ “aċċess għall-impjieg”, it-terminu jinkludi l-kundizzjonijiet, il-kriterji, il-mezzi, u l-mod ta’ kif wieħed jakkwista xogħol. Jekk il-persuna li timpjega tagħżel li ma timpjegax ċerti persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom (kif ipperċepit), hija tistabbilixxi kriterju ta’ selezzjoni diskriminattiv (negattiv) għall-impjieg. Tali sitwazzjoni taqa’ perfettament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

44.      L-aċċess għall-impjieg u l-iżvilupp professjonali għandu, kif il-kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro jgħid, “sinjifikat fundamentali għal kull individwu, mhux sempliċement bħala mezz ta’ kif wieħed jaqla’ l-għajxien tiegħu imma wkoll bħala mod importanti ta’ kif wieħed jirrealizza lilu nnifsu u l-potenzjal li għandu. Persuna li tiddiskrimina kontra individwu li jappartjeni għal kategorija li tagħti lok għal suspett tkun qed iċaħħdu minn għażliet ta’ valur. Konsegwentement, il-kapaċità ta’ dan l-individwu li jmexxi ħajja awtonoma tiġi serjament kompromessa peress li aspett importanti tal-ħajja tiegħu ma jiġix iffurmat bl-għażliet tiegħu stess imma bil-preġudizzju ta’ xi ħaddieħor. Meta persuni li jappartjenu għal dawn il-gruppi jiġu ttrattati inqas tajjeb minħabba l-karatteristika tagħhom, min jiddiskrimina jżommhom milli jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom. F’din is-sitwazzjoni, huwa ġust u raġonevoli li tintervjeni l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Essenzjalment, bil-fatt li nagħtu valur lill-ugwaljanza u nikkomettu ruħna biex titwettaq l-ugwaljanza permezz tal-liġi, inkunu qed nimmiraw li nsostnu l-kundizzjonijiet għal ħajja awtonoma għal kull persuna. (20)”

45.      Għalkemm ma tindirizzax direttament il-kwistjoni kkonċernata hawn, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà toffri xi ftit gwida għal xi jfisser “aċċess għall-impjieg”.

46.      Fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess il-Qorti tat tifsira wiesgħa għal “aċċess għall-impjieg”. Għalhekk, hija qalet li “mhux biss il-kundizzjonijiet li jinkisbu qabel ma r-relazzjoni tal-impjieg tiġi fis-seħħ […] huma involuti fil-kunċett ta’ aċċess għall-impjieg” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imma wkoll fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-persuna dwar jekk taċċettax jew le offerta ta’ xogħol (21).

47.      Fil-kawża Feryn, kawża li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/43, id-direttur tal-kumpannija għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi li l-impriża tiegħu kienet qed tfittex li tirrekluta persuni li jinstallaw bibien, imma li ma setgħetx timpjega “immigranti” minħabba n-nuqqas tar-rieda tal-klijenti tagħha li jagħtuhom aċċess, waqt ix-xogħlijiet, għar-residenza privata tagħhom. Il-qorti ddeċidiet li “dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom persuna li timpjega tgħarraf pubblikament li, fil-kuntest tal-politika ta’ reklutaġġ tagħha, mhijiex se tirrekluta ħaddiema ta’ ċerta oriġini etnika jew razzjali, huma biżżejjed sabiex tiġi preżunta l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ direttament diskriminatorja”. Il-fatt li persuna li timpjega tiddikkjara pubblikament li ma hjihiex ser tirrekluta impjegati ta’ ċerta oriġini etnika jew razzjali, xi ħaġa li ċarament x’aktarx ser tiddiswadi ċerti kandidati milli jissottomettu l-kandidatura tagħhom u, għaldaqstant, tostakola l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-rigward tar-reklutaġġ, li ma tiddependix minn jekk tistax tiġi identifikata persuna li tilmenta li kienet vittma (22).

48.      Iktar viċin tas-sitwazzjoni preżenti hija l-kawża Asociaţia Accept li — bħal din il-kawża — kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78. F’dan il-każ, azzjonist importanti ta’ FC Steaua li aġixxa bħala l-“isponsor” tal-klabb qal, waqt intervista fuq ix-xandir li kienet tikkonċerna t-trasferiment ta’ plejer tal-futbol professjonali X, li huwa ma kienx ser jaċċetta persuna omosesswali fit-tim tiegħu. Il-klabb tal-futbol ma kienx għadu beda n-negozjati bil-ħsieb li jiġi rreklutat plejer X, li kien ippreżentat bħala omosesswali. Madankollu, il-klabb tal-futbol ma rreklutax dan il-plejer, probabbilment minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu (23).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jiġi preżunt minn fatti bħal dawk tal-kawża prinċipali li kien hemm diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Kien irrelevanti li “s-sistema ta’ reklutaġġ ta’ plejers tal-futbol professjonali ma hijiex ibbażata fuq offerta pubblika jew fuq negozjati diretti sussegwentement għal proċedura ta’ selezzjoni li teħtieġ il-preżentata ta’ kandidaturi u selezzjoni preliminari ta’ dawn il-kandidaturi fid-dawl tal-interess tagħhom għall-persuna li timpjega”. Minbarra dan, “konvenuta li tkun persuna li timpjega ma tistax tirribatti l-eżistenza ta’ fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li din il-persuna tħaddan politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja billi sempliċement issostni li d-dikjarazzjonijiet li jimplikaw l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ omofobika saru minn persuna li, għalkemm issostni li u tidher li għandha rwol importanti fl-amministrazzjoni ta’ din il-persuna li timpjega, ma għandhiex il-kapaċità legali li torbotha fil-qasam tar-reklutaġġ”. Il-fatt li tali persuna li timpjega “ma tkunx ħadet b’mod ċar passi sabiex tiddistakka ruħha mid-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxi element li l-qorti adita tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-fatti”. Il-perċezzjoni tal-gruppi protetti kkonċernati tista’ wkoll tkun relevanti għall-evalwazzjoni globali tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, il-fatt li klabb tal-futbol professjonali seta’ ma bediex negozjati bil-ħsieb li jirrekluta plejer ippreżentat bħala omosesswali “ma jeskludix il-possibbiltà li fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni min-naħa ta’ dan il-klabb jistgħu jitqiesu li huma stabbiliti” (24).

50.      Jiena għalhekk nislet il-prinċipji li ġejjin li jikkonċernaw il-portata ta’ “aċċess għall-impjieg” fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78: (i) dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-Unjoni kollha; (ii) minħabba l-għan tad-Direttiva 2000/78 u n-natura tad-drittijiet li d-direttiva tfittex li tissalvagwardja, il-portata ta’ dak il-kunċett ma tistax tiġi ddefinita b’mod ristrettiv; (iii) dikjarazzjonijiet pubbliċi li persuni li jappartjenu għal grupp protett mhux ser ikunu rreklutati huma ċarament possibbli li jiddiswadu ċerti kandidati milli jissottomettu l-kandidatura tagħhom u li jostakolaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol; (iv) il-metodu speċifiku tar-reklutaġġ huwa irrelevanti (jekk kienx hemm jew le sejħa għal applikazzjonijiet, proċedura ta’ selezzjoni eċċ.); (v) sakemm il-persuna li tagħmel dikjarazzjonijiet diskriminatorji dwar il-kriterju tas-selezzjoni tista’ b’mod raġjonevoli titqies li għandha influwenza fuq il-persuna li potenzjalment timpjega, huwa bl-istess mod irrelevanti li din il-persuna ma hijiex legalment kapaċi li torbot lill-persuna li timpjega attwali fi kwistjonijiet ta’ reklutaġġ; (vi) il-fatt li l-persuna li timpjega tista’ tkun għadha ma bdietx negozjati bil-ħsieb li tirrekluta persuna ppreżentata bħala membru ta’ grupp protett ma jipprekludix il-possibbiltà li tiġi stabbilita diskriminazzjoni; u (vii) konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tiddependixi fuq l-identifikazzjoni ta’ persuna li tilmenta. Fatturi oħrajn rilevanti li jistgħu jiġu kkunsidrati huma jekk il-persuna attwali li timpjega ċarament iddistakkatx ruħha mid-dikjarazzjonijiet u l-perċezzjoni tal-gruppi protetti kkonċernati.

51.      Fuq dan l-isfond, kemm għandha tkun viċin il-konnessjoni mal-proċedura tar-reklutaġġ attwali sabiex dikjarazzjonijiet diskriminatorji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78?

52.      Jidhirli li konnessjoni purament ipotetika ma hijiex biżżejjed. Għalhekk, pereżempju, jekk nissoponu li persuna tipproklama, “Li kieku kont avukat, ma kont qatt nirrekluta persuna LGBTI fl-uffiċċju legali tiegħi”. Jekk il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni tkun perit mhux avukat u ma taħdimx f’uffiċċju legali fl-ebda kapaċità, id-dikjarazzjoni, deplorabbli kemm tista’ tkun, ma għandha l-ebda konnessjoni attwali mal-aċċess għall-impjieg. L-istess isegwi kieku xi ħadd li ma għandu l-ebda ġnien u l-ebda prospett li jakkwista wieħed jgħid li hu qatt ma kien ser jimpjega ġardinar LGBTI. L-eżempji jistgħu jimmultiplikaw. Skont kif inhuma strutturati, il-konnessjoni bejn id-dikjarazzjoni diskriminatorja u l-aċċess potenzjali għall-impjieg ikun iżjed viċin jew iżjed ’il bogħod.

53.      Madankollu, il-prinċipji li ħadt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jagħmluha possibbli li nieħu lista (mhux eżawrjenti) ta’ kriterji sabiex jiġi stabbilit meta dikjarazzjonijiet diskriminatorji jippreżentaw konnessjoni suffiċjenti mal-aċċess għall-impjieg sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

54.      Għalhekk, l-istatus u l-kapaċità tal-persuna li tkun qed tagħmel id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati. Din il-persuna għandha tkun jew persuna li timpjega attwali potenzjali jew xi ħadd li, de jure jew de facto, huwa kapaċi jkollu influwenza sinjifikattiva fuq il-politika tar-reklutaġġ tal-persuna li potenzjalment timpjega jew, tal-inqas, jista’ b’mod raġjonevoli jiġi pperċepit li huwa kapaċi li jwettaq tali influewenza, anki jekk huwa ma jistax jorbot legalment lill-persuna li timpjega fi kwistjonijiet ta’ reklutaġġ.

55.      In-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet magħmula għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Dawn għandhom jikkonċernaw l-impjieg fil-qasam ta’ attività tal-persuna li potenzjalment timpjega jew tal-persuna li qed tagħmilhom – qasam, għalhekk, li fih il-persuna x’aktarx li tirrekluta. Tali dikjarazzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-intenzjoni tal-persuna li timpjega li tiddiskrimina kontra membri tal-grupp protett. Għandhom ikunu wkoll ta’ tali natura li jiddiswadu lill-persuni li jappartjenu għall-grupp protett milli japplikaw jekk u meta jsir disponibbli post vakanti ma’ dik il-persuna li potenzjalment timpjega. F’dan ir-rigward, jidhirli li għandu jkun hemm preżunzjoni konfutabbli li, xi darba jew oħra, il-persuna li potenzjalment timpjega ser tkun tixtieq tirrekluta u li, meta tagħmel hekk, ser tapplika l-kriterju diskriminatorju li hija kienet annunċjat pubblikament li jifforma parti mill-politika tagħha ta’ reklutaġġ. L-oneru tal-prova sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni fi kwalunkwe każ partikolari ta’ reklutaġġ jaqa’ mbagħad fuq il-persuna li potenzjalment timpjega (25).

56.      Il-kuntest li fih id-dikjarazzjonijiet saru wkoll huwa rilevanti. Kienu kummenti privati (imlissna, pereżempju, waqt l-ikla ta’ filgħaxija mas-sieħeb jew sieħba tal-kummentatur), jew dikjarazzjonijiet li saru fil-pubbliku (jew, iktar agħar, waqt xandira diretta u mbagħad riprodotta fuq il-midja soċjali)? Konsegwentement, jiena nirrifjuta bil-qawwi l-propożizzjoni li dikjarazzjoni diskriminatorja “umoristika” b’xi mod “ma tgħoddx” jew hija aċċettabbli. L-umoriżmu huwa strument b’saħħtu u jista’ faċilment jiġi abbużat. Wieħed jista’ faċilment jimmaġina l-effett ta’ skoraġġiment mhux mixtieq (chilling effect) ta’ “ċajt” omofobiku magħmul minn persuna li potenzjalment timpega fil-preżenza ta’ applikanti LGBTI.

57.      Fl-aħħar, huwa importanti li jiġi kkunsidrat sa fejn in-natura, il-kontenut u l-kuntest tad-dikjarazzjonijiet magħmula jistgħu jiskoraġġixxu persuni li jappartjenu għal grupp protett milli japplikaw għal impjieg ma’ dik il-persuna li timpjega. Kif l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro spjega b’mod konvinċenti fil-kawza Feryn, “[F]i kwalunkwe proċess ta’ reklutaġġ, l-ikbar ‘għażla’ isseħħ bejn dawk li japplikaw, u dawk li ma japplikawx. Ħadd ma huwa raġjonevolment mistenni li japlika għal post meta jkun jaf minn qabel li minħabba l-oriġini razzjali jew etnika tiegħu m’għandux ċans jiġi impjegat. Għaldaqstant, dikjarazzjoni pubblika minn persuna li timpjega li persuni ta’ ċerta oriġini razzjali jew etnika m’għandiex għalfejn tapplika hija kwalunkwe ħaġa ħlief ipotetika. Jekk dan jiġi injorat u ma jitqiesx bħala att ta’ diskriminazzjoni jfisser li tiġi injorata r-realtà soċjali li tali dikjarazzjonijiet ċertament ikollhom impatt umiljanti u demoralizzanti fuq persuni ta’ dik l-oriġini li jridu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u b’mod partikolari fuq dawk li kienu jkunu interessati jaħdmu għall-persuna li timpjega inkwistjoni” (26).

58.      L-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li NH huwa avukat anzjan u li d-dikjarazzjonijiet li għamel jirreferu għall-uffiċċju legali tiegħu stess. Huwa ċarament ifformula kriterju ta’ reklutaġġ (negattiv) li jiddiskrimina kontra applikanti potenzjali omosesswali. Id-dikjarazzjonijiet tiegħu saru pubblikament fuq ir-radju. Dawn ġew mifruxa b’mod wiesa’— fil-fatt, il-Gvern Taljan qal waqt is-seduta li huma disponibbli faċilment fuq l-internet. Id-dikjarazzjonijiet kienu x’aktarx ser jiskoraġġixxu lill-applikanti potenzjali omosesswali milli jfittxu l-impjieg bħala avukati jew staff ta’ appoġġ ma’ dan l-uffiċċju legali.

59.      Jiena nikkonkludi li dikjarazzjonijiet bħal dawk li saru waqt il-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78. Huwa għall-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi u tevalwa l-fatti rilevanti f’dettall ikbar kif neċessarju sabiex tasal għal ħsieb konklussiv (27).

 L-interferenza mal-libertà tal-espressjoni

60.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ NH setgħux ikunu protetti mil-libertà tal-espressjoni, waqt li qalet li l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ma tistax tiġi kkunsidrata li tinterferixxi ma’ din il-libertà.

61.      Il-libertà tal-espressjoni, id-dritt għax-xogħol u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huma kollha drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta (fl-Artikoli 11(1), 15(1) u 21(1) rispettivament). Il-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi waħda mill-fundazzjonijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika. Bħala prinċipju, din tapplika mhux biss għal informazzjoni jew ideat li huma riċevuti jew meqjusa bħala inoffensivi jew bħala kwistjoni ta’ indifferenza, imma wkoll għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw (28). Il-libertà tal-espressjoni hija, madankollu, suġġetta għal-limitazzjonijiet (29).

62.      Fil-fehma tiegħi, bil-promulgazzjoni tad-Direttiva 2000/78 il-leġiżlatura tal-Unjoni esprimiet għażla ċara. Dikjarazzjonijiet li huma diskriminatorji u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux ikunu eżenti billi tiġi invokata l-libertà tal-espressjoni. Għalhekk, persuna li timpjega ma tistax tiddikjara li mhux ser tirrekluta persuni LGBTI, jew persuni b’diżabbiltà, jew Kristjani, jew Musulmani, jew Lhud u mbagħad tinvoka l-libertà tal-espressjoni bħala difiża. Meta ssir din id-dikjarazzjoni, hija ma tkunx qed teżerċita d-dritt tagħha tal-libertà tal-espressjoni. Hija tkun qiegħda tannunċja politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja.

63.      L-għażla tal-leġiżlatura tal-Unjoni kienet għażla permissibbli?

64.      L-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet li huma elenkati hemm, fuq kundizzjoni li kwalunkwe tali limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet u, suġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u ġenwinament jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (30).

65.      Dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

66.      L-ewwel nett, il-limitazzjoni għal-libertà tal-espressjoni hija prevista mil-liġi, jiġifieri mid-Direttiva 2000/78.

67.      It-tieni nett, kif issottometta l-Gvern Grieg fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni li joħorġu mid-Direttiva 2000/78 jistgħu jkunu ġġustifikati b’referenza għall-għanijiet tad-direttiva, jiġifieri ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol u l-ksib ta’ livell għoli ta’ impjieg u protezzjoni soċjali; u l-limitazzjonijiet huma neċessarji sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li huwa espressjoni ta’ dritt fundamentali għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, huwa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

68.      It-tielet nett, għalkemm il-kisbiet tal-għanijiet tad-direttiva jistgħu jinterferixxu mal-libertà tal-espressjoni, l-interferenza ma hijiex tali li taffettwa b’mod negattiv l-essenza ta’ dan id-dritt. Id-Direttiva 2000/78 tipprekludi biss l-espressjoni ta’ opinjonijiet diskriminatorji f’kuntest limitat, jiġifieri dak tal-impjieg u tax-xogħol.

69.      Ir-raba’ nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa osservat. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 (li jelenka r-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni li huma pprojbiti) u fl-Artikolu 3 (li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae). L-uniċi dikjarazzjonijiet li huma pprojbiti huma dawk li jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Din l-interferenza mal-libertà tal-espressjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-direttiva (31).

70.      Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (32). Peress li l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni “jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet,” l-Artikolu 10(2) tal-KEDB jawtorizza interferenzi “għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor” sakemm dawn huma “preskritti b’liġi” u huma “meħtieġa f’soċjetà demokratika”. Fis-sentenza Vejdeland et l-Isvezja, grupp ta’ persuni ġew ikkundannati għaliex iddistribwixxew fuljetti fi skola li jesprimu disprezz għall-omosesswali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li l-interferenza mal-libertà tal-espressjoni ggarantita mill-Artikolu 10(1) tal-KEDB kienet iġġustifikata taħt l-Artikolu 10(2) tagħha. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hemmhekk enfasizzat li diskriminazzjoni bbażata fuq orjentazzjoni sesswali hija serja daqs diskriminazzjoni bbażata fuq razza, oriġini jew kulur. Hija ħaddnet il-konklużjoni tal-Qorti Suprema tal-Isvezja, li rrikonoxxiet id-dritt “tal-applikanti” li jesprimu l-ideat tagħhom filwaqt li fl-istess ħin enfasizzat li flimkien mal-libertajiet u d-drittijiet in-nies għandhom ukoll obbligazzjonijiet; waħda minn dawn l-obbligazzjonijiet hija, sa fejn huwa possibbli, li jiġu evitati dikjarazzjonijiet li huma inġustament offensivi għal ħaddieħor, li jikkostitwixxu attakk fuq id-drittijiet tagħhom [u] sabet li dawn id-dikjarazzjonijiet fil-fuljetti kienu offensivi bla bżonn” (33) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71.      Jiena għalhekk nikkunsidra li l-projbizzjoni, taħt id-Direttiva 2000/78, ta’ dikjarazzjonijiet li jammontaw għal diskriminazzjoni diretta fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma interferenza mal-libertà tal-espressjoni tali li jiksru d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 11(1) tal-Karta.

 Il-possibbiltà li wieħed jidderoga mid-Direttiva 2000/78

72.      Jiena indikajt li fil-fehma tiegħi d-dikjarazzjonijiet magħmula minn NH fuq il-programm tar-radju jammontaw għal diskriminazzjoni diretta abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali (34). Bħala tali, dawn huma dikjarazzjonijiet ta’ tip li huma pprojbiti taħt l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/78. L-uniċi derogi possibbli fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta huma r-rekwiżiti ta’ xogħol (Artikolu 4), il-ġustifikazzjoni għal differenza fit-trattament abbażi ta’ età (Artikolu 6), azzjoni pożittiva (Artikolu 7) u miżuri neċessarji għal, inter alia, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (Artikolu 2(5)).

73.      L-ebda waħda mill-partijiet ma ssottomettiet li d-derogi inklużi fl-Artikoli 4, 6 jew 7 jistgħu jkunu applikabbli u jidhru għalija li huma ċarament irrelevanti. Peress li l-Artikolu 2(5) ġie diskuss waqt is-seduta, ser neżaminah fil-qosor.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[m]eta adotta din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tal-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kellu l-intenzjoni jipprevjeni u joffri medjazzjoni għall-kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiżgura l-ordni, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-ksur kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Dan il-leġiżlatur iddeċieda li, f’ċerti każi elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu trattament differenti bbażat fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu ‘neċessarji’ għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija” (35). Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, l-Artikolu 2(5) għandu jiġi interpretat b’mod ristrettiv (36).

75.      Fil-fehma tiegħi, id-deroga tal-Artikolu 2(5) ma tistax tapplika hawn. L-ewwel nett, l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma ġiet identifikata li tagħti effett għal dik id-deroga. It-tieni nett, anki jekk (quod non) tali leġiżlazzjoni kienet teżisti, ma nistax nara kif billi jiġu permessi dikjarazzjonijiet diskriminatorji li jimpedixxu l-aċċess għall-impjieg jistgħu b’mod konċepibbli jkunu interpretati li huma “neċessarji” għall-“protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet individwali, li huma neċessarji għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika” (37).

76.      Isegwi li l-ebda waħda mid-derogi possibbli mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta prevista mid-Direttiva 2000/78 ma hija applikabbli hawn.

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li kummenti magħmulin mill-persuna intervistata waqt programm tar-radju li tgħid li hija qatt ma kienet ser tirrekluta persuna omosesswali sabiex taħdem fl-uffiċċju legali tagħha u lanqas tixtieq tuża s-servizzi ta’ tali persuni jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, inkwantu huma jistgħu jostakolaw l-aċċess għall-impjieg. Meta dawn id-dikjarazzjonijiet ma jkunux magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ kurrenti, huwa għall-qorti nazzjonali li tevalwa jekk il-konnessjoni mal-aċċess għall-impjieg hijiex ipotetika, fid-dawl tal-istatus u l-kapaċità tal-persuna li tkun għamlet id-dikjarazzjonijiet, in-natura, il-kontenut u l-kuntest tad-dikjarazzjonijiet, kif ukoll sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiskoraġġixxu lil persuni li jappartjenu għall-grupp protett milli japplikaw għal impjieg ma’ dik il-persuna li timpjega. Il-projbizzjoni, taħt l-Artikolu 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78, ta’ dikjarazzjonijiet li jammontaw għal diskriminazzjoni diretta fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ interferenza mal-libertà tal-espressjoni tali li jiksru d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 11(1) tal-Karta.

 Fuq l-ewwel domanda

78.      L-Associazione, ser jitfakkar, hija assoċjazzjoni ta’ avukati li skont l-istatuti tagħha timmira li “tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għat-tixrid tal-kultura u r-rispett tad-drittijiet tal-persuni [LGBTI]” u sabiex jinħoloq netwerk ta’ avukati li joffru protezzjoni ġudizzjarja lil persuni LGBTI u sabiex jieħdu azzjoni rappreżentattiva għan-nom tagħhom quddiem il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk, taħt l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78, tali assoċjazzjoni għandhiex locus standi awtomatiku sabiex tressaq proċeduri, inkluż talbiet għad-danni, f’ċirkustanzi ta’ allegata diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali.

79.      Din id-domanda tqajjem tliet kwistjonijiet. L-ewwel nett, assoċjazzjoni għandha locus standi sabiex tressaq proċeduri għall-infurzar ta’ obbligi taħt id-Direttiva 2000/78 fl-assenza ta’ vittma identifikabbli? It-tieni nett, hemm kriterji speċifiċi li assoċjazzjoni għandha tissodisfa sabiex ikollha locus standi u, jekk iva, liema huma dawn il-kriterji? It-tielet nett, il-possibbiltà għal assoċjazzjoni li tressaq proċeduri sabiex tinforza obbligi taħt id-Direttiva 2000/78 fl-assenza ta’ vittma identifikabbli tinkludi wkoll li jitressqu talbiet għad-danni?

 Assoċjazzjoni għandha locus standi sabiex tressaq proċeduri għall-infurzar ta’ obbligi taħt id-Direttiva 2000/78 fl-assenza ta’ vittma identifikabbli?

80.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 jerġa’ jikkonferma d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tqis li hija leża minn diskriminazzjoni tkun tista’ tasserixxi d-drittijiet tagħha (38). Din id-dispożizzjoni tintroduċi d-dritt li jiġu infurzati d-drittijiet taħt id-direttiva mhux biss għall-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom leżi, imma wkoll, skont l-Artikolu 9(2), għal assoċjazzjonijiet b’interess leġittimu li jistgħu jibdew, kemm għan-nom jew insostenn tal-lanjant, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva.

81.      Dan il-kliem ma jfissirx madankollu li assoċjazzjonijiet huma neċessarjament preklużi milli jaġixxu fl-assenza ta’ persuna identifikabbli li tagħmel ilment. Ikun diffiċli li jinkiseb l-għan tad-direttiva li jitrawwmu kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni sħiħa ta’ ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali jekk id-Direttiva 2000/78 tkun effettiva biss fejn kandidat li ma rnexxilux jieħu post vakanti, jikkunsidra lilu nnifsu vittma ta’ diskriminazzjoni (f’dan il-każ) diretta, iressaq proċeduri legali kontra l-persuna li timpjega (39).

82.      L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78 dwar “ħtiġiet minimi” jintroduċi dispożizzjoni ta’ “nuqqas ta’ rigressjoni” fir-rigward ta’ Stati Membri li għandhom jew jixtiequ li jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi għal livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak iggarantit mid-direttiva (40). Huwa jistabbilixxi li l-implimentazzjoni tad-direttiva ma għandha bl-ebda mod tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà pprovduta mill-Istati Membri fl-oqsma koperti mid-Direttiva (41).

83.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qrat l-Artikolu 8(1) flimkien mal-Artikolu 9(2) sabiex tikkonkludi li d-Direttiva 2000/78 bl-ebda mod ma tipprekludi Stat Membru milli jistabbilixxi, fil-liġi nazzjonali tiegħu, id-dritt ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jiżguraw konformità mad-direttiva, sabiex iressqu proċeduri legali jew amministrattivi mingħajr ma jaġixxu f’isem lanjant speċifiku jew fl-assenza ta’ lanjant identifikabbli (42). Għalhekk, fil-kawża Asociaţia Accept, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li organizzazzjoni mhux governattiva, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-leżbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali, tista’ tressaq kawża sabiex titlob, inter alia, l-impożizzjoni ta’ multa fuq klabb tal-futbol u fuq wieħed mill-azzjonisti tagħha għal raġuni li plejer tal-futbol professjonali ma ġiex irreklutat għaliex kien preżunt omosesswali.

84.      Dan l-approċċ huwa f’konformità ma’ tendenza ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-istess soluzzjoni ġiet adottata fil-kawża Feryn. Hemmhekk, entità Belġjana maħtura, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43, sabiex tippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament, ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Industrijali fil-Belġju sabiex jiġi kkonstatat li Feryn applikat politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, abbażi l-ewwel nett tal-fatt li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta ma hijiex dipendenti fuq l-identifikazzjoni ta’ lanjant li jsostni li kien vittma, u, it-tieni nett, tal-fatt li d-Direttiva 2000/43 tinkludi dispożizzjoni dwar “ħtiġiet minimi” (simili għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78), li din id-direttiva bl-ebda mod ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jirrikonoxxu d-dritt ta’ assoċjazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jiżguraw konformità mad-direttiva u jressqu proċeduri mingħajr ma jaġixxu f’isem lanjant speċifiku jew fl-assenza ta’ vittma identifikabbli (43).

85.      Isegwi mill-Artikoli 9(2) u 8(1) tad-Direttiva 2000/78, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li Stati Membri ma humiex preklużi milli jingħataw possibbiltajiet addizzjonali għall-eżekuzzjoni legali. Jidhirli – imma din hija kwistjoni unikament għall-qorti nazzjonali li tevalwa – li dan huwa dak li l-Artikolu 5(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 216/2003 jagħmel meta huwa jirrikonoxxi espressament “locus standi fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni kollettiva fejn ma jkunx awtomatikament u immedjatament possibbli li jiġu identifikati individwi affettwati mid-diskriminazzjoni” għall-assoċjazzjonijiet ddefiniti fl-ewwel paragrafu tiegħu.

 Hemm kriterji speċifiċi li assoċjazzjoni għandha tissodisfa sabiex ikollha locus standi u, jekk iva, liema huma dawn il-kriterji?

86.      L-ordni għar-rinviju tispjega li locus standi għal assoċjazzjonijiet f’kawżi ta’ diskriminazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 hija rregolata fl-Italja mill-Artikolu 5(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 216/2003, li jagħti locus standi lil “trade unions, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw id-drittijiet jew l-interessi affettwati”. Il-qorti tar-rinviju spjegat li l-leġiżlatur nazzjonali ma stabbilixxiex xi kriterji addizzjonali f’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni ta’ assoċjazzjonijiet attivi f’setturi oħra. Għalhekk, l-interess leġittimu tal-assoċjazzjonni sabiex taġixxi għandu jiġi vverifikat fuq bażi ta’ każ b’każ.

87.      NH jissottometti li l-Associazione ma tistax tiġi meqjusa li tirrappreżenta l-interessi tal-persuni LGBTI u li hija għalhekk ma għandhiex locus standi sabiex taġixxi f’din il-kawża. L-Associazione hija grupp ta’ madwar mitt avukat li huma nnifishom ma humiex persuni LGBTI. L-għan tagħha hija li tippromwovi d-drittijiet u l-kultura tal-persuni LGBTI u li tiżgura r-rappreżentazzjoni legali tagħhom. Ma huwiex ċert li ma għandhiex skop ta’ lukru.

88.      Taħt l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78, l-unika rekwiżit għal assoċjazzjoni li jkollha locus standi hija li għandu jkollha interess leġittimu li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva huma mħarsa.

89.      Fil-kawża Asociaţia Accept, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tagħha u kkonkludiet li din id-dispożizzjoni “b’ebda mod ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, id-dritt għall-assoċjazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu li jiżguraw l-osservanza ta’ din id-direttiva, li jressqu proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva mingħajr ma jaġixxu f’isem lanjant partikolari jew fin-nuqqas ta’ lanjant identifikabbli” (44). Dan il-prinċipju jimmarka wkoll il-linja diviżorja bejn il-locus standi rrikonoxxut lil assoċjazzjonijiet għall-infurzar ta’ obbligi taħt id-direttiva u actio popularis.

90.      Id-direttiva espressament tagħmel riferiment hawn għal liġi nazzjonali. Għalhekk, fejn ma jkun hemm l-ebda lanjant jew vittma identifikabbli, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet sabiex jaġixxu ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni (45). Madankollu, id-drittijiet u obbligi sostantivi li huma ser ifittxu li jiġu infurzati fil-fatt huma dderivati mid-Direttiva 2000/78.

91.      F’dan ir-rigward, din il-kawża hija differenti minn Julián Hernández et (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk kienet qed tikkunsidra l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/94 (47), li jipprovdi li din id-direttiva: “ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-Istati Membri għażla li jilleġiżlaw permezz ta’ dritt tal-Unjoni, imma tirrikonoxxi sempliċement is-setgħa li l-Istati Membri jgawdu taħt il-liġi nazzjonali sabiex jipprovdu għal dispożizzjonijiet iżjed favorevoli ’l barra mill-qafas tas-sistemar-reġim stabbilit minn din id-direttiva (48). Għalhekk, dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li sempliċement tagħti lill-impjegati protezzjoni iżjed favorevoli li tirriżulta mill-eżerċizzju tal-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri (kif ikkonfermat mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/94), ma tistax titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (49).

92.      B’kuntrast, f’din il-kawża l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdi għal dritt proċedurali (locus standi) sabiex jiġu infurzati d-drittijiet sostantivi li huma dderivati mid-dritt tal-Unjoni (protezzjoni mid-diskriminazzjoni). Din il-kostellazzjoni tikkawża l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali bil-konsegwenzi tiegħu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

93.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regolamentazzjoni tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati u t-tribunali kompetenti li jkollhom ġuriżdizzjoni u li jistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (50).

94.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regola nazzjonali għandha tiġi applikata bla distinzjoni, kemm jekk il-ksur allegat huwa ta’ dritt tal-Unjoni jew ta’ dritt nazzjonali, fejn is-suġġett u l-kawża tal-azzjoni huma simili. Sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat fil-kawża prinċipali, ikun għall-qorti nazzjonali, li hija biss għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali applikabbli għal rikorsi fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, sabiex tikkonsidra kemm l-għan u kif ukoll l-elementi essenzjali tal-azzjonijiet allegatament simili ta’ natura interna (51).

95.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti ddeċidiet li f’kull każ li tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (52).

96.      Isegwi minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li: (i) id-definizzjoni ta’ assoċjazzjonijiet b’interess leġittimu hija kwistjoni għad-dritt nazzjonali; (ii) dawn l-assoċjazzjonijiet jinfurzaw drittijiet u obbligi li huma dderivati mid-dritt tal-Unjoni; (iii) għalhekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività għandhom jiġu osservati. Il-qrati nazzjonali biss huma kompetenti sabiex jevalwaw dawn l-aspetti.

97.      Sabiex twettaq l-evalwazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi għall-gwida dwar jekk l-għanijiet tal-Associazione (kif imsemmija f’punt 78 iktar ’il fuq) jikkorrispondux ma dawk ta’ assoċjazzjoni li għandha interess leġittimu sabiex tinforza d-drittijiet u l-obbligi dderivati mid-Direttiva 2000/78.

98.      Suġġett għall-verifika tal-fatti mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jidhirli li assoċjazzjoni b’tali għanijiet hija preċiżament it-tip ta’ assoċjazzjoni li jkollha interess leġittimu li tressaq proċeduri f’tali ċirkustanzi. Hija wkoll it-tip ta’ assoċjazzjoni li għaliha naturalment ser iddur vittma ta’ diskriminazzjoni minħabba orjentazzjoni sesswali, jekk tiddeċiedi li tressaq proċeduri f’każ partikolari.

99.      F’dan ir-rigward, l-argumenti ta’ NH li jikkonċernaw in-numru ta’ membri tal-Associazione, il-fatt li huma avukati u avukati li qed jitħarrġu u l-fatt li huma nnifishom ma humiex persuni LGBTI huwa kompletament irrelevanti. Wieħed ma jeżiġix, minn assoċjazzjoni ta’ interess pubbliku ddedikata sabiex tipproteġi t-tjur selvaġġ u l-habitat tagħhom, li l-membri tagħha kollha għandhom ikollhom ġwienaħ, mnaqar u rix. Hemm bosta avukati eċċellenti fil-komunità LGBTI, li jistgħu jitkellmu, u hekk jagħmlu, b’mod elokwenti fid-difiża tad-drittijiet tal-LGBTI. Dan ma jfissirx li oħrajn li ma humiex parti mill-komunità – inkluż avukati u avukati li qed jitħarrġu motivati sempliċiment bl-altruiżmu u sens ta’ ġustizzja – ma jistgħux jingħaqdu ma’ tali assoċjazzjoni u jipparteċipaw fix-xogħol tagħha mingħajr ma jpoġġu fir-riskju l-locus standi tagħha li tiftaħ kawżi. Jekk jiġu aċċettati l-argumenti ta’ NH, dan ifixkel għajnuna prezzjuża sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja adegwata u jiġi pperikolat l-effet utile tad-direttiva (53).

100. Il-qorti tar-rinviju ssaqsi wkoll jekk assoċjazzjoni b’interess leġittimu għandhiex tkun waħda bla skop ta’ lukru, b’mod partikolari fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni (54).

101. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk rakkomandazzjonijiet ma humiex maħsuba li jipproduċu effetti vinkokanti, il-qrati nazzjonali huma marbutin sabiex jiħduhom inkunsiderazzjoni għall-għan li jiddeċiedu fuq tilwim imressaq quddiemhom, b’mod partikolari fejn ir-rakkomandazzjonijiet jitfgħu dawl fuq l-interpretazzjoni ta’ miżuri nazzjonali adottati sabiex jiġu implimentati jew fejn huma jkunu appuntati sabiex jissupplimentaw dispożizzjonijiet tal-Unjoni b’natura vinkolanti (55).

102. Madankollu, il-ħtieġa msemmija fil-punt 4(a) tar-rakkomandazzjoni li assoċjazzjoni għandha tkun bla skop ta’ lukru sabiex tkun tista’ ttressaq kawżi rappreżentattivi tapplika fejn l-Istati Membri jappuntaw entitajiet rappreżentattivi sabiex jiftħu kawżi. Il-qorti tar-rinviju tgħid li dan ma huwiex il-każ fl-Italja, fejn il-leġiżlatur ma appunta l-ebda assoċjazzjoni bħal din sabiex tinforza d-drittijiet idderivati mid-Direttiva 2000/78.

103. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Grieg jiġbed l-attenzjoni għar-riskju (possibbli) li assoċjazzjoni bi skop ta’ lukru tista’ tabbuża mid-dritt li tressaq proċeduri sabiex iżżid il-profitti tagħha, u jargumenta li dan jipperikola l-kisba tal-għanijiet tad-direttiva. L-iktar risposta ovvja hija li, minħabba l-inċertezza inerenti fil-litigazzjoni (u forsi b’mod partikolari fil-litigazzjoni li tinvolvi talbiet dwar diskriminazzjoni), approċċ ferm inklinat lejn ftuħ ta’ kawżi jkun minnu nnifsu strateġija riskjuża għal assoċjazzjoni bi skop ta’ lukru li tadotta. Barra minn hekk, huwa għall-qorti nazzjonali li tivverifika, jekk neċessarju, li l-Associazione qegħda timxi mal-għanijiet tagħha msemmija sabiex tipproteġi l-interessi tal-persuni inkwistjoni u mal-istatuti fir-rigward tal-istatus tagħha (56).

104. Jiena nikkonkludi li huwa għall-qorti nazzjonali sabiex tiddefinixxi l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex assoċjazzjoni jkollha interess leġittimu li tiftaħ kawżi sabiex tinforza d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva 2000/78, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

 Il-possibbiltà għal assoċjazzjonijiet li jressqu proċeduri sabiex jinfurzaw l-obbligi taħt id-Direttiva 2000/78 fl-assenza ta’ vittma identifikabbli tinkludi wkoll li jitressqu talbiet għad-danni?

105. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jagħti lill-Istati Membri responsabbiltà li jiddeterminaw ir-regoli dwar sanzjonijiet għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva. Huwa jispeċifika li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li jistgħu jinkludu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma.

106. L-Artikolu 17 għalhekk jeħtieġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li s-sistema legali nazzjonali tagħhom tinkludi l-għodda legali neċessarji għall-kisba tal-għan ta’ din id-direttiva, sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija minnha jkunu reali u effettivi. Ma tistabbilixxix, madankollu, sanzjoni speċifika u għalhekk tħalli lill-Istati Membri liberi li jagħżlu bejn soluzzjonijiet differenti adegwati sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (ara l-punti 89 sa 93 iktar ’il fuq).

107. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “is-sanzjonijiet li għandhom ikunu previsti mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva għandhom […] ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż fil-każijiet fejn ma jkunx hemm vittma identifikabbli (57).” Huma għandhom “b’mod partikolari jiżguraw, bħal fir-rigward tal-miżuri meħuda sabiex jiġi implementat l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi tad-drittijiet imnissla minn din id-direttiva […] Is-severità tas-sanzjonijiet għandha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur issanzjonat permezz tagħhom, u b’mod partikolari għandhom jiżguraw effett verament dissważiv […] filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità” (58). Fi kwalunkwe każ, “sanzjoni purament simbolika ma tistax titqies li hija kompatibbli mal-implementazzjoni korretta u effikaċi tad-Direttiva 2000/78” (59).

108. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Feryn, meħuda fil-kuntest tad-Direttiva 2000/43, tipprovdi gwida li hija ugwalment rilevanti u adegwata fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78: “[…] fejn mhemmx vittma diretta ta’ diskriminazzjoni iżda hemm korp li huwa awtorizzat mil-liġi li jitlob li tiġi kkonstata u ssanzjonata diskriminazzjoni, is-sanzjonijiet li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jeħtieġ li jiġu pprovdutii fid-dritt nazzjonali għandhom ukoll ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jekk dan jidher adattat għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, jikkonsistu fil-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni mill-qorti jew l-awtorità amministrattiva kompetenti, flimkien ma’ livell adegwat ta’ pubbliċità, li l-ispejjeż tagħha jkunu imposti fuq il-parti konvenuta. Dawn jistgħu wkoll jikkonsistu f’inġunzjoni kontra l-persuna li timpjega, skont ir-regoli imposti mid-dritt nazzjonali, li tordna li din ittemm il-prattika diskriminatorja kkonstatata, flimkien ma’ penalità jekk ikun il-każ. Dawn jistgħu barra minn jekk jikkonsistu fl-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-korp li ressaq il-proċedura” (60).

109. Isegwi li: (i) assoċjazzjoni li għandha s-setgħa mid-dritt nazzjonali li tressaq proċeduri sabiex tinforza d-drittijiet u l-obbligi taħt id-Direttiva 2000/78 tista’ tistaqsi għas-sanzjonar ta’ aġir diskriminatorju; (ii) dan japplika indipendentement minn jekk hemmx jew le vittma identifikabbli; (iii) id-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix sanzjonijiet speċifiċi imma tħalli l-kwistjoni għad-dritt nazzjonali; (iv) is-sanzjonijiet disponibbli taħt id-dritt nazzjonali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi; u (v) jistgħu jieħdu l-forma ta’ għotja ta’ kumpens għad-danni. It-tipi ta’ danni disponibbli jkunu għal darba oħra kwistjoni ta’ dritt nazzjonali. Ma narax raġuni ta’ prinċipju għaliex tali danni ma jistgħux jikkonsistu kemm f’danni materjali kif ukoll f’danni mhux materjali, inkluż danni morali.

110. Jiena għalhekk nikkonkludi li l-Artikoli 8(1) u 9(2) tad-Direttiva 2000/78 jippermettu lil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti locus standi lil assoċjazzjonijiet b’interess leġittimu sabiex iressqu proċeduri għall-infurzar tal-obbligi taħt id-Direttiva 2000/78/EC fl-assenza ta’ vittma identifikabbli. Huwa għad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi l-kriterji sabiex jiddetermina jekk assoċjazzjoni għandhiex tali interess leġittimu, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Assoċjazzjoni li għandha interess leġittimu li tressaq proċeduri tista’ titlob li aġir diskriminatorju jiġi ssanzjonat b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv, inkluż bl-għoti ta’ kumpens għad-danni, taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

 Konklużjoni

111. Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:

–        Kummenti magħmula minn persuna intervistata waqt programm tar-radju li tgħid li hija qatt ma kienet ser tirrekluta persuna omosesswali sabiex taħdem fl-uffiċċju legali tagħha u lanqas tixtieq li tuża s-servizzi ta’ tali persuni jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, inkwantu huma jistgħu jostakolaw l-aċċess għall-impjieg.

–        Meta dawn id-dikjarazzjonijiet ma jkunux magħmula fil-kuntest ta’ proċedura kurrenti ta’ reklutaġġ, huwa għall-qorti nazzjonali li tevalwa jekk il-konnessjoni mal-aċċess għall-impjieg hijiex ipotetika, fid-dawl tal-istatus u l-kapaċità tal-persuna li tkun għamlet id-dikjarazzjonijiet, in-natura, il-kontenut u l-kuntest tad-dikjarazzjonijiet, kif ukoll sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiskoraġġixxu lil persuni li jappartjenu għall-grupp protett milli japplikaw għal impjieg ma’ dik il-persuna li timpjega.

–        Il-projbizzjoni, taħt l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78, ta’ dikjarazzjonijiet li jammontaw għal diskriminazzjoni diretta fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ interferenza mal-libertà tal-espressjoni tali li jiksru d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 11(1) tal-Karta.

–        L-Artikoli 8(1) u 9(2) tad-Direttiva 2000/78 jippermettu lil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti locus standi lil assoċjazzjonijiet b’interess leġittimu sabiex iressqu proċeduri għall-infurzar ta’ obbligi taħt id-Direttiva 2000/78 fl-assenza ta’ vittma identifikabbli. Huwa għad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi l-kriterji sabiex jiddetermina jekk assoċjazzjoni għandhiex tali interess leġittimu, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

–        Assoċjazzjoni li għandha interess leġittimu li tressaq proċeduri tista’ titlob li aġir diskriminatorju jiġi ssanzjonat b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv, inkluż bl-għoti ta’ kumpens għad-danni, taħt il-kundizzjonijiet elenkati mid-dritt nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-formula hija użata diversi drabi minn Omeru, kemm fl-Ilijade u kif ukoll fl-Odissea. Ara, pereżempju, l-Iliade, Ktieb 15, 145 u 157.


3      F’dan is-sens, il-formula tikkorrispondi mal-ewwel parti tal-espressjoni Latina magħrufa sewwa verba volant, scripta manent, li tibbaża fuq l-importanza tat-testijiet miktuba.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


5      ĠU 2007, C 303, p. 1.


6      “LGBTI” huwa akronimu użat normalment għal persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali. Ara, inter alia, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), il-Lussemburgu, 24 ta’ Ġunju 2013. Dawn il-linji gwida jipprovdu, fil-punt 13, definizzjoni prattika, li tindika li ma humiex, madankollu, vinkolanti u li għadhom ma ġewx formalment adottati minn korp intergovernattiv.


7      Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara l-premessa 37 tad-Direttiva 2000/78 u sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 47).


9      Premessa 28.


10      Ara l-premessa 15 u s-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 42.


11      Ara b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 25. Minħabba li ma huwiex ċar mill-kummenti rrapportati dwar x’kienet tkun l-attitudni ta’ NH li jirrekluta persuna li hija bisesswali, transesswali jew intersesswali, “persuna oħra” għandha hawnhekk tinftiehem li hija “persuna li l-orjentazzjoni sesswali apparenti tagħha hija eterosesswali.” Jekk l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna tista’ tiġi pperċepita mill-apparenza u jekk il-mistoqsijiet li saru waqt intervista kinux (jew setgħux jew kellhomx) iwasslu għall-materjal li minnu l-orjentazzjoni tista’ tiġi dedotta huma kwistjonijiet li ma jifformawx parti minn din il-kawża u ma għandix nindirizzahom iżjed.


12      Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 47).


14      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 74).


15      Premessa 9 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.


16      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Din is-sentenza kienet tikkonċerna d-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23). Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 huwa differenti minn dak tad-Direttiva 2000/78, peress li tal-ewwel tikkonċerna diskriminazzjoni f’oqsma li jvarjaw b’mod wiesa’, kif imfisser fl-Artikolu tagħha 3(1)(a) sa (h), mentri tal-aħħar tkopri biss diskriminazzjoni li tikkonċerna x-xogħol u l-impjieg, kif imfisser fl-Artikolu 3(1)(a) sa (d) tagħha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet għall-ġurisprudenza tagħha taħt id-Direttiva 2000/43 sabiex tikseb ispirazzjoni bżonjuża sabiex tinterpreta d-Direttiva 2000/78: ara, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275.


17      Ara l-ispjegazzjoni tal-Artikolu 3 li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qasam ġenerali għal ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, ĠU 2000 C 177 E, p. 42 (iktar ’il quddiem il-“ Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva”), enfasi miżjuda.


18      Premessa 9.


19      It-tifsira ta’ “aċċess” tinstab fl-Oxford English Dictionary. Il-Collins English Dictionary joffri “the act of approaching or entering (l-att li wieħed jersaq jew jidħol)”, “the condition of allowing entry (il-kundizzjoni li tippermetti d-dħul)”, “the right or privilege to approach, reach, enter, or make use of something (id-dritt jew privileġġ li wieħed jersaq, jilħaq, jidħol, jew juża xi ħaġa)” jew “the way or means of approach or entry (il-mod jew il-mezz li wieħed jersaq jew jidħol”.


20      Konklużjonijiet fil-kawża Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:61, punt 11).


21      Ara, għal dak l-għan, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Meyers (C‑116/94, EU:C:1995:247, punt 22). Ara wkoll Ellis, E., u Watson, P., EU Anti-Discrimination Law, Oxford University Press, 2012, p. 287.


22      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 15, 16, 25 u 31).


23      Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 24, 25 u 52). Il-fatt li l-klabb tal-futbol ma kienx għadu beda n-negozjati bil-ħsieb li jiġi rreklutat il-plejer X jidher indirettament mill-punt 52 tas-sentenza.


24      Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 45, u 49 sa 52). Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li twarrab il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali meta ttrattat din il-kawża.


25      L-approċċ tal-oneru tal-prova huwa fl-opinjoni tiegħi konsistenti mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/78, li jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikaw lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorita’ kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut”.


26      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro (C‑54/07, EU:C:2008:155, punt 15).


27      Ara l-punt 33 iktar ’il fuq. Peress li r-rinviju wasal minn qorti nazzjonali suprema fi proċedura ta’ kassazzjoni, jista’ jkun neċessarju li l-każ jintbagħat lura lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex tagħmel sejbien ieħor ta’ fatt.


28      Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 39).


29      Ara l-kliem tal-Artikolu 10 tal-KEDB, ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 40).


30      Ara, inter alia, is-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland and others (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 38). Il-kliem tal-Artikolu 52(1) huwa ispirat ħafna minn ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, inter alia, is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et, (C‑292/97, EU:C:2000:202, punt 45)) li, min-naħa tagħha, tieħu minn ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”. Ara Lenaerts, K., “Exploring the limits of the EU Charter of Fundamental Rights”, European Constitutional Law Review, 2012, 8(3), 375-403.


31      Ara b’analoġija, għal analiżi ta’ dawn il-fatturi, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 34 et seq.


32      L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li sa fejn id-drittijiet li jipproteġi jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet, inkluż limitazzjonijiet awtorizzati, huma l-istess bħal dawk li huma stabbiliti minn din il-konvenzjoni. It-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test ta’ dawn l-istrumenti, imma wkoll mill-ġurisprudenza tal-QEDB u minn din il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007 C 303, p. 17.


33      Qorti EDB, 9 ta’ Frar 2012, Vejdeland et vs L-Isvezja (CE:ECHR:2012:0209JUD000181307, punti 47 sa 60).


34      Ara l-punt 33 iktar ’il fuq.


35      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge and Others (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 55).


36      Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punti 54 u 55).


37      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2016:553, punti 104 u 105) (enfasi miżjuda minni).


38      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Leitner (C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 61).


39      Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2000/78 u, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 24).


40      Ara l-premessa 28 tad-direttiva u l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għal Proposta għal Direttiva.


41      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 43).


42      Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 24, 30, 36 u 37).


43      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 15 sa 17 u 25 sa 28).


44      Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 37).


45      Sentenza tat– 8 ta’ Lulju 2010, Bulicke C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 24, imma tikkonċerna l-kwistjoni partikolari tal-limiti taż-żmiem taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2000/78.


46      Sentenza tal–10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055.


47      Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008 L 283, p. 36).


48      Fil-punti 44 u 45 tas-sentenza.


49      L-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dak il-każ kien mhux li tiġi rrikonoxxuta t-talba ta’ impjegat kontra l-persuna li timpjegah li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu (li għaliha d-Direttiva 2008/94 tista’ tapplika permezz tal-Artikolu 1(1) tagħha), imma li tirrikonoxxi dritt ta’ natura separata, jiġifieri, d-dritt tal-persuna li timpjega sabiex titlob lill-Istat Spanjol kumpens għat-telf li sofriet b’riżultat ta’ “irregolaritajiet” fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja: ara punt 39 tas-sentenza.


50      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 25).


51      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punti 26 u 28).


52      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 35).


53      Il-ġurisprudenza estensiva ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja dwar locus standi għal assoċjazzjonijiet non-governattivi f’azzjonijiet tal-ambjent (u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni Aarhus li jagħtu l-locus standi lil tali organizzazzjonijiet), jipprovdu eżempju utli f’dan ir-rigward. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, (C‑664/15, EU:C:2017:987, punti 34 et seq.) u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening, (C‑263/08, EU:C:2009:631).


54      ĠU 2013 L 201, p. 60.


55      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN and Others, C‑28/15, EU:C:2016:692, punt 41.


56      Ma hemm l-ebda materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kif l-Associazione hija ffinanzjata jew dwar l-ammont(i) (jekk hemm) li hija akkwistat għaliha (li huwa differenti mill-ammont akkwistat għan-nom ta’ klijenti LGBTI li għalihom kienet qed tidher) bħala riżultat ta’ kawżi ta’ suċċess.


57      Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 62). Ara wkoll, fir-rigward tad-dispożizzjoni parallela fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, is-sentenza tal–10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 40).


58      Sentenza tal–25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 64).


60      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 38 u 39).