Language of document : ECLI:EU:T:2019:202

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

28 ta’ Marzu 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjonijiet għal trade marks figurattivi tal-Unjoni Ewropea Simply. Connected. – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 71 tar-Regolament 2017/1001)”

Fil-Kawżi T‑251/17 u T‑252/17,

Robert Bosch GmbH, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Völker u M. Pemsel, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn V. Mensing u D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tad‑9 ta’ Marzu 2017 (Każ R 948/2016‑5) u tal‑10 ta’ Marzu 2017 (Każ R 947/2016‑5), dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tas-sinjali figurattivi Simply. Connected. bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, V. Kreuschitz, I. S. Forrester, N. Półtorak u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017,

wara li rat ir-risposti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Lulju 2017,

wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑26 ta’ Settembru 2018,

wara li rat ir-riferiment tal-kawżi odjerni quddiem it-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2019 li tgħaqqad il-kawża odjerni,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

1        Fid‑19 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti, Robert Bosch GmbH, ippreżentat żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        L-ewwel trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”, Każ T‑251/17) hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        It-tieni trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”, Każ T‑252/17) hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

4        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saru ż-żewġ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni huma identiċi. Dawn jaqgħu taħt il-klassijiet 7, 9, 11, 12, 36 sa 38, 41 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 7: “Magni, tal-elettriku, minbarra dawk tal-vetturi tal-art, starters (minbarra dawk għal vetturi tal-art), ġeneraturi, sistemi li jixgħelu għal magni tal-kombustjoni interna, plaggs inkandexxenti, sensors lambda, distributuri tat-tqabbid, koljaturi elettriċi biex tqabbad, attivazzjoni magnetika, spark plugs, pompi li jinjettaw, pompi tal-karburanti, regolaturi tal-veloċità tal-magna, injettaturi u nozzles; valvoli ta’ magni; filtri tal-fjuwil, filtri taż-żejt, filtri tal-arja; pompi idrawliċi, magni u muturi idrawliċi, valvoli idrawliċi, ġakkijiet idrawliċi; tankijiet idrawliċi, strainers idrawliċi; valvoli pnewmatiċi, power steerings, brejkijiet tal-arja, mezzi ta’ arja kkumpressata, jiġifieri kumpressuri, kontenituri, valvoli ta’ kontroll, valvoli tal-brejkijiet; kumpressuri bit-turbo; apparat tal-elettriku għall-kontroll tat-tekniki ta’ produzzjoni, sistemi ta’ ssaldjar ta’ reżistenza, servomuturi u fużijiet, kontrolli ta’ robots; unitajiet sezzjonali għat-tekniki awtomatiċi ta’ mmuntar u ta’ produzzjoni, inkluż it-tqassim tal-istazzjonijiet tax-xogħol, jiġifieri mwejjed tax-xogħol u bankijiet tax-xogħol, saljaturi tal-magni, tagħmir ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni, postijiet tax-xogħol li jduru, tagħmir għal lifts, morsi, sistemi ta’ preparazzjoni u ta’ tqassim ta’ materjali, jiġifieri conveyor belts u ktajjen għall-ġarr, kurituri tat-trasport, lievi kif ukoll tagħmir tal-elettriku programmabbli, inkluż riċevituri u robots b’id waħda; magni li jillixxaw il-metall (deburring) (mekkaniċi, termali u elettrokimiċi); magni għall-ippakkjar; għodda mħaddma bl-elettriku u għodda li teħel magħha; magni tal-kċina, tal-elettriku u l-aċċessorji tagħhom; magni tal-ħasil għall-affarijiet li tiekol fihom jew isservi l-ikel bihom, magni tal-ħasil; tagħmir għall-ġenerazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju; tagħmir għall-istartjar għal magni bil-kombustjoni interna; magni bil-kombustjoni interna; partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti inklużi fil-Klassi 7” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        Klassi 9: “Sensuri; tagħmir ta’ kontroll li jista’ jiġi pprogrammat; strumenti tal-elettriku u elettroniċi tal-kejl, għall-monitoraġġ u għall-kontroll għal vetturi; tagħmir għar-reġistrazzjoni, għat-tħaddim, għall-ipproċessar, għall-ittestjar, li jirċievi u ta’ indikazzjoni ta’ sinjali, ta’ data, ta’ stampi u ta’ ħsejjes, tagħmir li jġorr id-data elettronika u elettromanjetika; vidjow kameras, skrins, sistemi ta’ lawdspiker, antenni għar-radju u t-televiżjoni, telefoni, antenni għall-karozzi, mowbajls, telefoni għall-karozzi; allarmi; apparat għall-iffissar tal-pożizzjoni u tan-navigazzjoni għal vetturi tal-art, tal-ajru u tal-ilma; apparat għall-enerġija elettrika, filtri elettriċi, komponenti tas-semikundutturi, komponenti optoelettroniċi; pjanċi taċ-ċirkuwiti stampati, imsadda u f’forma, pjanċi taċ-ċirkuwiti stampati, rilejs, fjusijiet, kondjuwits tal-elettriku, elettroniċi u ottiċi, ċumbaturi ta-kejbil għall-kejbils, swiċċijiet, apparat elettriku li jirregola d-dawl, sensuri, ditekters, tagħmir għall-kommutazzjoni u pannelli tal-elettriku, ċelloli solari u ġeneraturi solari; apparat għal analizzar għall-vetturi, jiġifieri għall-analiżi ta’ gass tal-egżost, l-analiżi tal-frak tad-duħħan, tal-funzjoni ta’ bbrejkjar, strumenti għad-dijanjosi u tagħmir ta’ simulazzjoni, apparat għall-ittestjar tal-magni, apparat għall-ittestjar ta’ pompi li jinjettaw il-fjuwil, starters u ġeneraturi; batteriji, ċarġers, apparat għall-ittestjar tal-batteriji, tagħmir għall-bidla fl-elettriku, rombli ta’ kejbils; sistemi tal-kontroll tad-dinamika ta’ kondjuwit ibbażati fuq kalkolaturi; partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        Klassi 11: “Apparat għat-tisħin tal-arja f’ċertu spazju, għat-tisjir, għax-xiwi, għat-tisħin u għar-refriġerazzjoni; lajters tal-gass; inkluż fil-Klassi 11; proġekters u lampi, inklużi dawk għal vetturi; apparat u magni ta’ refriġerazzjoni; installazzjonijiet tal-ventilazzjoni; nixxiefa tax-xagħar; magni tal-kafe, tal-elettriku; apparat tax-xiwi; fran tal-furnara; apparat elettriku għas-sajran tal-bajd; towsters; installazzjonijiet għall-ikkondizzjonar tal-arja; apparat għas-sorveljanza u għar-regolazzjoni ta’ apparat li jitfa’ s-sħana min-nar tal-gass; magni għat-tnixxif ta’ ħwejjeġ maħsula; partijiet u aċċessorji tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq inklużi fil-Klassi 11” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        Klassi 12: “Sistemi ta’ restrizzjonijiet għall-vetturi, jiġifieri apparat tal-ġbid lura taċ-ċinturini, boroż tal-arja tas-sikurezza; sistemi għat-tneħħija tas-silġ mill-ħġieġa ta’ quddiem ta’ vetturi; brejkijiet u brejkijiet tal-arja għal vetturi tal-art u tal-ajru, sistemi tal-brejkijiet li ma jimblokkawx ruħhom; sistemi ta’ kontroll ta’ skiddjar tal-magna; kontrolli ta’ distribuzzjoni; xfafar tal-lasktu għat-tneħħija tal-ilma minn fuq il-ħġieġa ta’ quddiem tal-vetturi; apparati idrawliċi għal vetturi tal-art, tal-ajru u tal-ilma; muturi elettriċi għal vetturi tal-art; partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti inklużi fil-Klassi 12” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        Klassi 36: “Servizzi ta’ assigurazzjoni”;

–        Klassi 37: “Kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ partijiet u ta’ aċċessorji ta’ vetturi, apparat għal sterjos tal-karozzi, apparat tat-telefon, għodda ta’ magni tal-id, apparat tax-xogħol, ġeneraturi tal-elettriku għal tagħmir tad-dar u tal-kċina, tagħmir tar-radju u tat-televiżjoni, apparat sanitarju, installazzjoni ta’ apparat li jsaħħan u għall-ikkondizzjonar tal-arja u għamara; tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi matul avvenimenti ta’ sport bil-vetturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        Klassi 38: “Telefonija, trażmissjoni tal-ħsejjes, tad-data u ta’ stampi bis-satelliti” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        Klassi 41: “Provvista ta’ tagħlim ta’ terzi fl-inġinerija elettrika”;

–        Klassi 42: “Servizzi ta’ pariri u ppjanar għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni; ħolqien u installazzjonijiet ta’ programmi għal kompjuters; missjoni ta’ żvilupp, ta’ ttestjar u ta’ riċerka; servizzi ta’ konsulenza teknika u stħarriġ; ippjanar, żvilupp u ittestjar ta’ proġetti spazjali; sorveljanza teknika ta’ bini u ta’ faċilitajiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Permezz ta’ ittri tas‑16 ta’ Marzu 2016, l-eżaminatur tal-EUIPO informa lir-rikorrenti li ż-żewġ trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni kienu jmorru parzjalment kontra r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament 2017/1001).

6        Permezz ta’ ittri tat‑18 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

7        Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ April 2016, l-eżaminatur irrifjuta, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni taż-żewġ trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi koperti minn dawn it-trade marks inklużi fil-Klassijiet 9, 37, 38 u 41 kif ukoll is-servizzi “ħolqien u installazzjonijiet ta’ programmi għal kompjuters” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “pariri tekniċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 42.

8        Min-naħa l-oħra, ma saret ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni li jaqgħu taħt il-Klassijiet 7, 11, 12, 36 u s-servizzi ta’ “pariri u [ta’] ppjanar għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ta’ “missjoni ta’ żvilupp, ta’ ttestjar u ta’ riċerka”, ta’ “konsulenza teknika”, ta’ “ippjanar, [ta’] żvilupp u [ta’] ittestjar ta’ proġetti spazjali” u ta’ “sorveljanza teknika ta’ bini u ta’ faċilitajiet”, li jaqgħu taħt il-Klassi 42.

9        Fit‑23 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra kull waħda miż-żewġ deċiżjonijiet tal-eżaminatur.

10      Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Marzu 2017 (Każ R 948/2016‑5, dwar l-ewwel trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”) u tal‑10 ta’ Marzu 2017 (Każ R 947/2016‑5, dwar it-tieni trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikorsi, għal raġunijiet identiċi.

11      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies li l-elementi verbali li jikkostitwixxu t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jinftiehmu bħala slogan nieqes minn karattru distintiv, li jfisser “sempliċement konness” jew “fuq kollox konness” ma’ netwerk. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti ma jagħti ebda tifsira għall-punti ta’ wara kull element verbali, peress li l-konsumaturi għandhom tendenza jipperċepixxu x’jiġi wara l-ittri b’mod li jagħmel sens għalihom, indipendentement mill-punteġġjatura u mill-użu ta’ ittri kapitali jew le. Bl-istess mod, la r-rettangolu għat-tond mingħajr il-parti ta’ fuq tal-lemin, li joħloq bordura għall-elementi verbali, u lanqas s-simbolu magħruf tal-wifi (ikkostitwit bir-rappreżentazzjoni ta’ tliet mewġiet konċentriċi) ma jagħtu lis-sinjali inkwistjoni karattru distintiv, peress li dawn ma humiex ipperċepiti konxjentement, peress li huma normali fil-kuntest tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni (punti 17 sa 19 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sinjali inkwistjoni ma jistgħux jiġu pperċepiti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni (punt 20 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

12      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni kważi fit-totalità tagħhom il-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq u wara li ggruppahom f’kategoriji, qies li, skont il-każ, il-konsumaturi kienu jilħqu jew konnessjoni normali ma’ netwerk, jew l-interkonnessjoni tal-prodotti permezz tal-“internet tal-oġġetti” u li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu kollha f’rabta diretta mal-provvista ta’ tali konnessjonijiet wifi (punti 25 u 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Għalhekk, is-sinjali inkwistjoni jiġu pperċepiti bħala indikazzjoni pożittiva ta’ kwalità astratta tal-prodotti u tas-servizzi koperti bl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni (punt 27 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk esposti matul il-proċedimenti ta’ appell.

14      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi.

 Id-dritt

15      Insostenn ta’ kull wieħed miż-żewġ rikorsi, li huma ppreżentati f’termini identiċi, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 263 TFUE. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz tat-tielet motiv li hija tinvoka, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 263 TFUE

16      Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell eżamina l-prodotti u s-servizzi inklużi fil-Klassijiet 7, 11, 12, 36 u dawk inklużi fil-Klassi 42 minbarra s-servizzi ta’ ħolqien u ta’ installazzjoni ta’ programmi għal kompjuters u ta’ pariri tekniċi. Issa, l-eżaminatur ma huwiex kontra r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi. Billi għamel dan, il-Bord tal-Appell eċċeda l-limiti tal-kompetenza tiegħu u, f’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, Lumene vs UASI (THE YOUTH EXPERTS), T‑484/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:963).

17      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

18      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat qabel xejn li, bħalma argumenta ġustament l-EUIPO, l-Artikolu 263 TFUE ma huwiex applikabbli għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Bordijiet tal-Appell u li, għalhekk, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, l-ewwel motiv tar-rikorsi għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

19      Fit-tieni lok, bħalma targumenta r-rikorrenti, u b’differenza għat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, THE YOUTH EXPERTS (T‑484/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:963), ir-rikorrenti talbet lill-Bord tal-Appell jannulla d-deċiżjonijiet tal-eżaminatur biss sa fejn dawn kienu sfavorevoli għaliha.

20      Huwa madankollu stabbilit li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell eżamina l-karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi li l-eżaminatur ma kienx ħareġ oġġezzjoni għalihom.

21      Fil-fatt, bħalma ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni taż-żewġ trade mark li għalihom saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati inklużi fil-Klassijiet 9, 37, 38 u 41 kif ukoll is-servizzi ta’ “ħolqien u installazzjonijiet ta’ programmi għal kompjuters” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “pariri tekniċi”, li jaqgħu taħt il-Klassi 42. Minn dan isegwi li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jistgħu jiġu rreġistrati għall-prodotti u s-servizzi l-oħrajn imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, jiġifieri dawk inklużi fil-klassijiet 7, 11, 12 u 36 kif ukoll is-servizzi ta’ “pariri u ppjanar għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni”, ta’ “missjoni ta’ żvilupp, ta’ ttestjar u ta’ riċerka”, ta’ “konsulenza teknika”, ta’ “ippjanar, żvilupp u ittestjar ta’ proġetti spazjali” u ta’ “sorveljanza teknika ta’ bini u ta’ faċilitajiet” inklużi fil-Klassi 42 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

22      Issa, uħud minn dawn il-prodotti u servizzi li ma kinux is-suġġett tat-tilwima madankollu ġew eżaminati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati u kienu s-suġġett ta’ ggruppar mill-ġdid fil-kategoriji (a), (f), (g), (h), (i) u (j), ikkostitwiti mill-Bord tal-Appell fil-punti 23 u 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu nieqsa minn karattru distintiv anki f’dak li kien jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-kategoriji (a), (f), (g), (h), (i) u (j) fis-sens tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li kien jinkludi b’dan il-mod prodotti u servizzi li ma kinux is-suġġett tat-tilwima.

23      Huwa għaldaqstant stabbilit li l-Bord tal-Appell wettaq l-eżami tiegħu fuq prodotti u servizzi li l-eżaminatur ma kienx ta oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom u li r-rikorsi ppreżentati quddiemu ma kinux jirrigwardaw. Il-partijiet, filwaqt li jaqblu li l-Bord tal-Appell ma setax iwettaq tali eżami, min-naħa l-oħra ma jaqblux fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jittieħdu minn dan.

24      Skont ir-rikorrenti, li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, THE YOUTH EXPERTS (T‑484/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:963), għandu jiġi kkonstatat li, billi eżamina prodotti u servizzi li għalihom l-eżaminatur ma kienx ta oġġezzjoni, il-Bord tal-Appell eċċeda l-kompetenza tiegħu, u b’dan il-mod id-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’illegalità, li f’dan ir-rigward għandhom jiġu annullati.

25      Skont l-EUIPO, min-naħa l-oħra, l-eżami mill-Bord tal-Appell tal-karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal prodotti u għal servizzi li ma humiex is-suġġett tar-rikors ma jistax ikun wessa’ s-suġġett tiegħu. L-iżviluppi mogħtija lil dawn il-prodotti u lil dawn is-servizzi għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala purament sussidjarji u, konsegwentement, li ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, b’mod illi l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

26      Qabel xejn, għandu jiġi osservat li d-dispożittiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati sempliċement jiċħad ir-rikorsi li l-Bord tal-Appell kellu quddiemu. Issa, bħalma tfakkar fil-punt 19 iktar ’il fuq, ir-rikorsi tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell kienu jirrigwardaw biss il-prodotti u s-servizzi li l-eżaminatur kien oppona għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni.

27      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara l-eżami fil-mertu tar-rikors, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq ir-rikors u jista’, meta jagħmel dan, jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni kkontestata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala effett tar-rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni mill-eżaminatur, il-Bord tal-Appell jista’ jagħmel eżami ġdid u komplet fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, jiġifieri f’dan il-każ, jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b’hekk jikkonferma jew jannulla d-deċiżjoni kkontestata (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2013, Airbus vs UASI (NEO), T‑236/12, EU:T:2013:343, punt 21; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punti 56 u 57).

28      Din is-setgħa li jitwettaq eżami ġdid u komplet fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, hija madankollu suġġetta għall-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2013, NEO, T‑236/12, EU:T:2013:343, punt 22; ara wkoll, b’analoġija, id-digriet tat‑2 ta’ Marzu 2011, Claro vs UASI, C‑349/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:105, punt 44).

29      Issa, f’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009 tippreċiża li “kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħalma għamlet ir-rikorrenti f’dan il-każ, il-partijiet fi proċedimenti quddiem l-EUIPO jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni meħuda mill-istanza inferjuri biss sa fejn din id-deċiżjoni tkun ċaħdet il-pretensjonijiet jew t-talbiet tagħhom. Sa fejn id-deċiżjoni tal-istanza inferjuri, għall-kuntrarju, tilqa’ l-pretensjonijiet ta’ parti, din tal-aħħar ma hijiex ammessa li tippreżenta rikors quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2013, NEO, T‑236/12, EU:T:2013:343, punt 23; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, EU:T:2011:739, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li meta, bħal f’dan il-każ, l-eżaminatur ikun irrifjuta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għal parti biss tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-imsemmija applikazzjoni, filwaqt li jkun awtorizza r-reġistrazzjoni ta’ parti mill-prodotti u mis-servizzi koperti mill-imsemmija applikazzjoni, ir-rikors ippreżentat mill-applikant għat-trade mark quddiem il-Bord tal-Appell jista’ jirrigwarda b’mod regolari biss il-prodotti u s-servizzi kkonċernati bir-rifjut tal-eżaminatur li jawtorizza r-reġistrazzjoni.

31      Issa, f’dan il-każ, bħalma tfakkar, b’mod partikolari, fil-punti 19 u 26 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Bord tal-Appell għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-eżaminatur sa fejn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tagħha kienu ġew miċħuda. Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, eżamina wkoll l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għal prodotti u servizzi li għalihom l-eżaminatur ma kienx ta oġġezzjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma għandux setgħa diskrezzjonali li jestendi l-portata ta’ rikors għall-eżami ta’ kwistjonijiet li r-rikorrenti quddiemha ma hijiex ammissibbli li tqajjem.

32      Barra minn hekk, minn qari tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Bord tal-Appell sempliċement f’dan il-każ ċaħad ir-rikorsi (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Issa, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 207/2009, tali ċaħda kellha l-effett biss li tagħmel id-deċiżjonijiet tal-eżaminatur eżegwibbli, bla ħsara għall-preżentata ta’ azzjonijiet ġudizzjarji eventwali, bħalma huwa previst fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

33      Barra minn hekk, mistoqsi dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-EUIPO kkonferma li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell ta’ prodotti u ta’ servizzi li għalihom l-eżaminatur ma kienx ta oġġezzjonijiet minnu nnifsu ma kellu ebda effett fuq id-drittijiet tal-applikant għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi. Fil-fatt, skont l-EUIPO, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu kkontestati biss jekk l-eżaminatur kellu jerġa’ jwettaq, ex officio, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut li jistgħu jkunu ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fuq punti li sa dak il-mument huwa ma kienx qajjem. F’dan il-każ huwa jkollu jadotta deċiżjonijiet ġodda, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikorsi, quddiem il-Bordijiet tal-Appell, distinti minn dawk li jirrigwardaw il-proċeduri ġudizzjarji odjerni.

34      Minn dan isegwi li l-iżviluppi iddedikati, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, għall-eżami tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom l-eżaminatur ma kien ta ebda oġġezzjoni jaqbżu l-limiti tar-rikorsi li l-Bord tal-Appell kien regolarment adit bih u, konsegwentement, ma għandhom ebda effett f’dak li jirrigwarda kemm il-portata kif ukoll l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma għandhomx natura deċiżorja u li l-annullament tagħhom ikun, għal dan il-fatt, ukoll nieqes minn kwalunkwe portata.

35      Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikorsi għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

36      Permezz tat-tieni motiv li hija tinvoka, ir-rikorrenti targumenta li, fiż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Id-deċiżjonijiet ikkontestati

37      Il-motivi li għalihom il-Bord tal-Appell qies li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni kienu nieqsa minn karattru distintiv f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kontenzjużi jinsabu fil-punti 14 sa 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

38      B’mod partikolari, fil-punti 14 u 15 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti u s-servizzi kontenzjużi kienu indirizzati kemm lill-pubbliku in ġenerali, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa medju, kif ukoll lill-kummerċjanti u, b’mod marġinali biss, lill-installaturi kif ukoll lil pubbliku speċjalizzat, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa, b’mod ġenerali, ogħla. Madankollu, anki għall-pubbliku infurmat, il-livell ta’ attenzjoni jista’ jkun relattivament baxx fil-konfront ta’ indikazzjonijiet ta’ natura ta’ reklamar li ma jidhrux determinanti. L-istess japplika għal-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju meta dan ikun affaċċjat b’messaġġ li huwa jipperċepixxi bħala reklam.

39      Fil-punti 17 u 19 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell adotta t-tifsira tal-elementi verbali li jiffurmaw is-sinjali inkwistjoni mogħtija mill-eżaminatur. B’dan il-mod, hemm lok li l-element verbali “simply” jinftiehem bħala “biss, sempliċement”, u l-element verbali “connected” fis-sens ta’ “konness”. L-elementi verbali li jinsabu fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Simply. Connected. jikkostitwixxu għalhekk slogan li jfisser “sempliċement konness”. La l-punt li jinsab wara kull wieħed miż-żewġ elementi verbali u lanqas l-elementi figurattivi, jiġifieri l-bordura miftuħa fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tagħha u s-simbolu magħruf tal-konnessjoni wifi ma’ netwerk, ma jagħtu lis-sinjali inkwistjoni tifsira differenti. Dawn l-elementi figurattivi huma għaldaqstant komuni u mhux distintivi.

40      Fil-punt 18 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li s-sovrappożizzjoni tal-elementi verbali u l-fatt li kull wieħed minnhom jibda b’kapitali u hemm punt warajh għandu jwassal sabiex dawn jitqiesu b’mod separat.

41      Fil-punt 20 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell indika li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, meħuda fit-totalità tagħhom, kienu jesprimu l-idea li l-prodotti u s-servizzi kontenzjużi kienu “fuq kollox” jew “qabel kollox” “konnessi” ma’ netwerk, u l-messaġġ dirett li l-elementi verbali jagħtu huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-preżenza tas-simbolu figurattiv tal-konnessjoni wifi. Is-sinjali inkwistjoni għaldaqstant se jiġu pperċepiti bħala slogan li jiddeskrivi kwalità mixtieqa tal-prodotti u tas-servizzi kontenzjużi u mhux bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali tagħhom. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, il-messaġġ li dawn jagħtu huwa sempliċi, li jinftiehem direttament u grammatikalment korrett u għandu natura komuni bħall-elementi figurattivi li jagħmlu s-sinjali.

42      Fil-punti 22 sa 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies li huwa kellu jivverifika jekk kinitx teżisti, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn is-sinjali inkwistjoni u l-prodotti u s-servizzi kontenzjużi. Għal dan l-għan, il-Bord tal-Appell iggruppa mill-ġdid l-imsemmija prodotti u servizzi f’kategoriji. B’dan il-mod huwa qasam il-prodotti kontenzjużi li jaqgħu taħt il-Klassi 9 fi tliet kategoriji distinti, jiġifieri l-kategorija (ċ) “Tagħmir għar-reġistrazzjoni, għat-tħaddim, għall-ipproċessar, għall-ittestjar, li jirċievi u ta’ indikazzjoni ta’ sinjali, ta’ data, ta’ stampi u ta’ ħsejjes”, il-kategorija (d) “Apparat għall-monitoraġġ, għas-sorveljanza u għar-regolazzjoni; apparat għal analizzar” u l-kategorija (e) “Tagħmir għall-provvista ta’ enerġija elettrika”. Sussegwentement, huwa qasam is-servizzi kontenzjużi li jaqgħu taħt il-Klassi 37 f’żewġ kategoriji, jiġifieri il-kategorija (k) “Kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ partijiet u ta’ aċċessorji ta’ diversi prodotti” u l-kategorija (l) “Tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi matul avvenimenti ta’ sport bil-vetturi”. Barra minn hekk, huwa qies li s-servizzi inkwistjoni li jaqgħu taħt il-Klassijiet 38 u 41 kienu jaqgħu kull wieħed minnhom taħt kategorija separata għal kull klassi, jiġifieri l-kategorija (m) “Telefonija, trasmissjoni tal-ħsejjes, tad-data u ta’ stampi bis-satelliti” u l-kategorija (n) “Provvista ta’ tagħlim ta’ terzi fl-inġinerija elettrika”. Fl-aħħar nett, huwa qies li s-servizzi kontenzjużi li jaqgħu taħt il-Klassi 42 kellhom jinqasmu f’żewġ kategoriji, jiġifieri l-kategorija (o) “Ħolqien u installazzjonijiet ta’ programmi għal kompjuters” u l-kategorija (p) “Pariri tekniċi”.

43      Fil-punt 25 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies, għall-kategoriji kollha, li l-kunċett ta’ konnessjoni kellu jiġi evalwat fil-konfront tal-kunċett ta’ “internet tal-oġġetti”, li jindika l-interkonnessjoni ta’ oġġetti fiżiċi f’netwerk paragunabbli mal-internet, b’mod li jippermetti li jiġi kkontrollat mill-bogħod, jew li jagħmilha possibbli għalihom li jittrażmettu jew li jiskambjaw informazzjoni. L-għan tal-internet tal-oġġetti huwa ta’ jnaqqas l-iżbilanċ ta’ informazzjoni bejn id-dinja reali u d-dinja virtwali. F’dan ir-rigward, il-konnessjoni hija kwalità mixtieqa ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi.

44      Fil-punt 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies, għall-prodotti ggruppati mill-ġdid fil-kategoriji (ċ), (d) u (e), li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jinfurmaw lill-konsumaturi li dawn il-prodotti, li jinkludu partijiet u aċċessorji ta’ prodotti oħrajn, għandhom “fuq kollox” jew “qabel kollox” l-għan tal-konnessjoni ma’ netwerk. L-istess japplika għas-servizzi li jaqgħu taħt il-kategoriji (m), (o) u (p). Ix-xerrejja tas-servizzi li jaqgħu taħt il-kategorija (k) jifhmu s-sinjali inkwistjoni fis-sens li dawn is-servizzi jikkonċernaw il-kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ prodotti fuq kollox konnessi ma’ netwerk. Is-servizzi ggruppati mill-ġdid fil-kategorija (l) jistgħu, huma wkoll, jiġu eżegwiti bl-għajnuna ta’ konnessjoni ma’ netwerk, per eżempju jekk il-ħsarat eventwali jkunu kkomunikati lill-ħanut b’mod illi jkunu jistgħu jissewwew l-partijiet neċessarji għat-tiswija. Fl-aħħar nett, is-servizzi li jaqgħu taħt il-kategorija (n) jirrigwardaw b’mod ċar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet elettrotekniċi u elettroniċi li jippermettu l-konnessjoni għal netwerk.

45      Fil-punt 27 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell iddeduċa mill-konstatazzjonijiet preċedenti tiegħu li, fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti, ir-rabta bejn il-prodotti u s-servizzi koperti bit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u l-kontenut tal-islogan ikkostitwit bis-sinjali inkwistjoni kienet ċara u ma kienet teħtieġ ebda stadju ta’ riflessjoni addizzjonali. Fil-fatt, għall-pubbliku rilevanti anglofonu tal-Unjoni Ewropea, is-sinjali inkwistjoni huma pperċepiti bħala indikazzjoni pożittiva tal-kwalitajiet astratti tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

 Prinċipji dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

46      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

47      Il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u għalhekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħrajn (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 34, u tal‑15 ta’ Mejju 2014, Louis Vuitton Malletier vs UASI, C‑97/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:324, punt 50).

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sinjali li ma għandhomx karattru distintiv huma dawk li jitqiesu li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’dan il-mod il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tidentifika jkun jista’ jagħmel l-istess għażla f’akkwist sussegwenti jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2002, REWE-Zentral vs UASI (LITE), T‑79/00, EU:T:2002:42, punt 26, u tal‑20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T‑79/01 u T‑86/01, EU:T:2002:279, punt 19].

49      Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, li huwa kkostitwit mill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti jew servizzi, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, għandu tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35; tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 25, u tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 43).

50      L-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun immotivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha meta l-istess raġuni għal rifjut tista’ titqajjem għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Tali possibbiltà testendi biss għall-prodotti jew għas-servizzi li jkollhom bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm tali omoġeneità, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom (ara d-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C‑282/09 P, EU:C:2010:153, punti 37 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Eżami tal-ilmenti tar-rikorrenti

51      Għandha qabel xejn tiġi adottata d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mogħtija mill-Bord tal-Appell (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

52      L-ilmenti ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv tar-rikors tagħha huma maqsuma f’ħames partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq determinazzjoni ineżatta tal-kontenut tal-elementi verbali tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq l-allegazzjoni li r-rabta bejn l-elementi verbali tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni hija lingwistikament mhux normali. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti targumenta li ma hemmx rabta suffiċjentement diretta bejn is-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni u l-prodotti u s-servizzi suġġett tat-tilwima. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ bidliet lingwistiċi mhux normali. Il-ħames parti, fl-aħħar nett, hija bbażata fuq żball fl-evalwazzjoni globali tas-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq determinazzjoni ineżatta tal-kontenut tal-elementi verbali tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni

53      Ir-rikorrenti taċċetta li l-kelma “simply” tista’ tinftiehem bħala “sempliċement” u l-kelma “connected” bħala li tagħmel riferiment għal “konnessjoni ma’ netwerk”. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-messaġġ globali mogħti mis-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni kien ifisser “sempliċement konness” jew “fuq kollox konness”. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell injora s-sovrappożizzjoni taż-żewġ kelmiet u l-preżenza ta’ punt bejn kull wieħed minnhom. Minħabba dawn il-partikolaritajiet tipografiċi, l-elementi verbali li jiffurmaw s-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġu pperċepiti bħala li jesprimu messaġġ uniku kkostitwit minn żewġ kelmiet, iżda għandhom jiġu pperċepiti bħala żewġ kelmiet distinti u separati, jiġifieri, minn naħa, “simply” u, min-naħa l-oħra, “connected”.

54      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat għamel riferiment għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI (C‑37/03 P, EU:C:2005:547). Is-sinjal analizzat f’dik is-sentenza, jiġifieri BioID®., kien segwit b’punt impoġġi wara l-elementi verbali kollha, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tqis, f’dik il-kawża, li l-imsemmi punt ma kienx jikkostitwixxi, bħala tali, indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn din it-trade mark. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma targumentax li l-punti wara kull wieħed mill-elementi verbali jikkostitwixxu, bħala tali, indikatur tal-oriġini kummerċjali, iżda hija targumenta li dawn il-punti, kif ukoll is-sovrappożizzjoni taż-żewġ kelmiet, jinfluwenzaw il-perċezzjoni tal-elementi verbali.

55      Bl-istess mod, ir-rikorrenti tqis li l-ġurisprudenza li l-Bord tal-Appell għamel riferiment għaliha fil-punt 18 tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija nieqsa minn rilevanza f’dan il-każ. F’dawn is-sentenzi, effettivament (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46; tat‑13 ta’ Frar 2008, Sanofi‑Aventis vs UASI – GD Searle (ATURION), T‑146/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:33, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Eurocool Logistik vs UASI – Lenger (EUROCOOL), T‑599/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:399), il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-fatt li l-pubbliku rilevanti jissepara s-sinjali verbali f’elementi li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew li jixbhu kliem li huwa jaf. Issa, f’dan il-każ, l-elementi verbali huma distinti bil-pożizzjoni relattiva tagħhom u bil-punteġġjatura.

56      Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ elementi li jinkludu t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, bħal, f’dan il-każ, il-punti wara kull element verbali u l-fatt li ż-żewġ elementi verbali huma ppożizzjonati fuq linji differenti, imur kontra r-regola ta’ dritt li tipprovdi li trade mark għandha tiġi eżaminata fil-forma li fiha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2013, Unister vs UASI (fluege.de), T‑244/12, EU:T:2013:243).

57      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-elementi verbali li jagħmlu t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jwasslu messaġġ wieħed.

58      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

59      Huwa stabbilit li s-sinjali inkwistjoni, irrappreżentati fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq, huma kkostitwiti bis-sovrappożizzjoni tal-kliem “simply” u “connected”, u kull waħda tibda b’kapitali u hija segwita b’punt. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, dawn il-partikolaritajiet tipografiċi bl-ebda mod ma huma ta’ ostakolu għal qari ta’ malajr ta’ dawn iż-żewġ kelmiet, peress li d-direzzjoni normali tal-qari, għall-pubbliku rilevanti anglofonu kif ukoll għall-qarrejja kollha ta’ lingwa li tuża l-alfabett Latin, hija mix-xellug għal-lemin u minn isfel għal fuq. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li s-sinjali inkwistjoni huma pperċepiti mingħajr sforz mill-pubbliku rilevanti bħala l-elementi verbali “simply” u “connected” wara xulxin.

60      Ir-rikorrenti madankollu targumenta li l-preżenza ta’ kapitali fil-bidu ta’ kull element verbali u ta’ punt warajh tista’ tostakola li l-kliem inkwistjoni jinqraw u jinftiehmu bħala ż-żewġ partijiet ta’ messaġġ wieħed, “simply connected”, jiġifieri “sempliċement konness”. Skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi tipografiċi huma ta’ natura li jipprekludu lill-pubbliku rilevanti milli jassoċja l-elementi verbali u li jwassluh li jaqrahom u jifhimhom bħala żewġ kelmiet separati u biżżejjed waħedhom.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-fatt li l-kliem “simply” u “connected” jiġu wara xulxin huwa normali fl-Ingliż u jinftiehmu immedjatament. Min-naħa l-oħra, huwa magħruf li l-avverbju “sempliċement”, fir-rigward tiegħu, ma jistax jintuża b’mod assolut, peress li l-avverbji, fil-fatt, huma marbuta mal-kelma li jbiddlu s-sens tagħha, li tista’ tkun verb (bħal, f’dan il-każ, “konness”), aġġettiv jew avverbju ieħor. Għaldaqstant huwa improbabbli li, affaċċjat bl-elementi “Simply.” u “Connected.” wara xulxin, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjali inkwistjoni bħala li huma kkostitwiti minn żewġ kelmiet distinti u awtonomi milli bħala espressjoni li tgħaqqad dawn iż-żewġ kelmiet skont ir-regoli normali tas-sintassi u li għandhom sens li jinftiehem immedjatament.

62      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq preċedenti li fihom inkwistjoni kien hemm is-separazzjoni ta’ sinjal fi kliem li jagħmlu sens wara xulxin (sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2007, RESPICUR, T‑256/04, EU:T:2007:46; tat‑13 ta’ Frar 2008, ATURION, T‑146/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:33, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, EUROCOOL, T‑599/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:399) u mhux, bħal f’dan il-każ, l-assoċjazzjoni ta’ żewġ kelmiet separati grafikament, din ma għandhiex rilevanza. Fil-fatt, skont prinċipju ġurisprudenzjali stabbilit sew, li ġie applikat f’dawn il-kawżi u għandu jiġi applikat f’dan il-każ ukoll, hemm lok jitqies li l-pubbliku rilevanti se jifhem is-sens prodott mis-sinjali li għandhom diversi elementi verbali apparentement isseparati jew element verbali wieħed billi jiggruppa mill-ġdid diversi kliem meta din it-tifsira ma teħtieġx sforz intellettwali partikolari.

63      Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża, u l-fatt li l-kliem “simply” u “connected” jiġu wara xulxin huwa konformi mal-ordni normali ta’ dan il-kliem fl-Ingliż u jfissru “sempliċement konness”, mingħajr ma jkun meħtieġ ebda sforz għall-pubbliku anglofonu. Quddiem dan is-sens evidenti, is-suppożizzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti se jiddeduċi l-eżistenza ta’ partikolaritajiet tipografiċi bħas-sovrappożizzjoni tal-kliem, il-preżenza ta’ kapitali u ta’ punt f’dan is-sens huma nieqsa minn veraċità.

64      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li r-rabta bejn l-elementi verbali tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma hijiex lingwistikament normali

65      Skont ir-rikorrenti, is-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom huma magħmula minn żewġ sentenzi, kull waħda b’kelma waħda. B’dan il-mod, l-ewwel sentenza tikkonsisti f’avverbju, “simply”, u t-tieni waħda f’verb, “connected”. Tali kostruzzjonijiet huma manifestament kuntrarji għar-regoli grammatikali. Skont il-ġurisprudenza, din id-differenza notevoli meta mqabbla mal-lingwa normalment użata mill-pubbliku rilevanti sabiex jagħmel riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi mitluba jew għall-karatteristiċi essenzjali tagħhom tagħti lit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni karattru distintiv suffiċjenti li jippermettilhom li jiġu rreġistrati (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, EU:C:2001:461, u digriet tat‑30 ta’ April 2015, Castel Frères vs UASI, C‑622/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:297).

66      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-pubbliku rilevanti ma jużax is-sentenzi inklużi fis-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni sabiex jindika l-prodotti u s-servizzi mitluba, jew il-karatteristiċi essenzjali tagħhom. Għaldaqstant, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għandhom il-minimu tal-karattru distintiv meħtieġ fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2015, Bopp vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ qafas ottagonali aħdar), T‑209/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:701).

67      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

68      Il-motivi li wasslu sabiex tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv huma bbażati fuq il-fatt li jidher iktar probabbli li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjali inkwistjoni bħala li jiġu wara xulxin u li jagħtu t-tifsira ta’ żewġ kelmiet meħuda flimkien fl-ordni normali tal-lingwa Ingliża, milli bħala żewġ sentenzi indipendenti nieqsa minn sens, b’avverbju waħdu fl-ewwel waħda, u dan minkejja s-sovrappożizzjoni tal-kliem u minkejja l-użu ta’ kapitali u ta’ punti (ara l-punti 59 sa 63 iktar ’il fuq).

69      Issa, tali kunsiderazzjonijiet iwasslu wkoll sabiex ma jirnexxux l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu li s-sinjali inkwistjoni se jiġu pperċepiti bħala żewġ sentenzi li kull waħda minnhom għandu element uniku, li jikkostitwixxi differenza notevoli mir-regoli tal-grammatika Ingliża u mil-lingwaġġ użat normalment mill-pubbliku rilevanti, suffiċjenti sabiex jingħata karattru distintiv għat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni.

70      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti u mas-servizzi mitluba

71      Ir-rikorrenti targumenta li, anki jekk jitqies – li hija tikkontesta – li l-pubbliku rilevanti jifhem is-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-sens ta’ “sempliċement konness [ma’ netwerk]” jew “fuq kollox konness [ma’ netwerk]”, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, dan jibqa’ nieqes minn sens f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kontenzjużi. Minkejja li r-rikorrenti taċċetta li, fir-rigward tal-laptops, mowbajls, tablets u headphones, tali prodotti effettivament jistgħu jiġu konnessi ma’ netwerk, b’mod partikolari l-internet, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kontenzjużi inklużi fil-Klassijiet 9, 37, 38, 41 u 42, il-konsumatur rilevanti, skont ir-rikorrenti, ma jkunx jista’ jipperċepixxi s-sinjali inkwistjoni fis-sens li għandhom tifsira deskrittiva.

72      B’dan il-mod, fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-Klassi 9, il-konsumatur jinjora li l-“antenni għar-radju u t-televiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-“antenni għall-mowbajls”, il-“filtri elettriċi”, il-“komponenti tas-semikundutturi”, iċ-“ċirkuwiti stampati, imsadda u f’forma, ċirkuwiti stampati, rilejs, fjusijiet, kondjuwits tal-elettriku, elettroniċi u ottiċi, ċumbaturi ta-kejbil għall-kejbils, swiċċijiet”, il-“batteriji”, “apparat għall-ittestjar tal-batteriji, tagħmir għall-bidla fl-elettriku, rombli ta’ kejbils” jistgħu jiġu konnessi ma’ netwerk. Dan japplika wkoll għall-prodotti kollha inklużi fil-Klassi 9 li għalihom l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

73      Bl-istess mod, fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-Klassi 37, il-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjali inkwistjoni, f’relazzjoni mal-“kostruzzjoni” u l-“manutenzjoni ta’ partijiet u ta’ aċċessorji ta’ diversi prodotti”, bħala li jiddeskrivu karatteristika tagħhom, jiġifieri li dawn huma intiżi li jiġu konnessi ma’ netwerk, hija żbaljata. Min-naħa, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma wera dan. Huwa impossibbli li wieħed jara kif il-partijiet u l-aċċessorji ta’ vetturi, it-tagħmir tar-radju eċċ, li jirrigwardaw is-servizzi koperti inklużi fil-Klassi 37, jikkostitwixxu prodotti tipikament konnessi ma’ netwerk. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-“għodda ta’ magni tal-id” u “apparat sanitarju”, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell tidher purament mhux normali. Min-naħa l-oħra, it-tifsira allegata mill-Bord tal-Appell, jiġifieri “sempliċement konness [ma’ netwerk]”, ma tagħmel ebda riferiment għall-proprjetajiet tas-servizzi mitluba minnhom. Fil-fatt, meta prodotti jkunu mmanifatturati jew issir il-manutenzjoni tagħhom, il-pubbliku rilevanti ma jistenniex li tkun stabbilita konnessjoni ma’ netwerk.

74      Barra minn hekk, is-servizzi ta’ komunikazzjoni inklużi fil-Klassi 38 lanqas ma huma “sempliċement konnessi”. Dawn is-servizzi jservu biss sabiex titwettaq operazzjoni ta’ trażmissjoni permezz tat-telekomunikazzjoni. Għaldaqstant, is-sinjali li għalihom issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bl-ebda mod ma jiddeskrivu la l-kontenut u lanqas il-proprjetajiet ta’ dawn is-servizzi b’mod suffiċjentement dirett, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

75      Barra minn hekk, is-servizzi ta’ provvista ta’ tagħlim inklużi fil-Klassi 41 lanqas ma jippreżentaw rabta suffiċjentement diretta u konkreta mas-sinjali li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Tali servizzi, fil-fatt, ma humiex iffokati b’mod restrittiv fuq is-sempliċi stabbiliment ta’ konnessjonijiet, kuntrarjament għal dak li indika l-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

76      Fl-aħħar nett, dan japplika wkoll f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ “ħolqien u [ta’] installazzjonijiet ta’ programmi għal kompjuters” u ta’ “pariri tekniċi” inklużi fil-Klassi 42. Skont ir-rikorrenti, l-allegazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li tipprovdi li s-servizzi inkwistjoni “setgħu jfittxu l-għan li joħolqu konnessjoni ma’ netwerk” ma hijiex immotivata suffiċjentement. Barra minn hekk, skont l-istess rikorrenti, din l-allegazzjoni hija żbaljata, għaliex il-pubbliku rilevanti ma jistax jassumi mingħajr riflessjoni minn qabel li s-servizzi inkwistjoni jfittxu biss l-għan li tiġi stabbilita konnessjoni ma’ netwerk.

77      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

78      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma bbażax iċ-ċaħda tar-rikorsi fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda fuq dik tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, minkejja li huwa semma, fil-punt 5 ta’ waħda miż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009 bħala wieħed mill-bażijiet tad-deċiżjoni tiegħu, il-motivazzjoni kollha li ssegwi dan il-punt tinsab taħt it-titolu uniku “Fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-[Regolament Nru 207/2009]”. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jistabbilixxi n-natura deskrittiva tas-sinjali inkwistjoni għall-prodotti u għas-servizzi kontenzjużi.

79      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, bħalma tfakkar fil-punti 41 sa 45 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell indika suffiċjentement ir-raġunijiet li għalihom s-sinjali inkwistjoni huma pperċepiti, mill-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi kontenzjużi, bħala slogan pożittiv li jagħmel riferiment għal kwalità li tista’ tiġi attribwita lilhom.

80      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell, qabel, iggruppa mill-ġdid il-prodotti u s-servizzi koperti f’kategoriji omoġenji fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, jiġifieri li jippreżentaw kwalitajiet jew karatteristiċi komuni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi applikat motiv identiku għall-kategorija kollha. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-rilevanza ta’ dawn il-kategoriji. Fid-dawl tal-iżvilupp tal-internet tal-oġġetti, il-Bord tal-Appell huwa fondat jargumenta li l-pubbliku rilevanti se jara fis-sinjali inkwistjoni indikazzjoni tal-kapaċità tal-prodotti kontenzjużi li jiġu konnessi u se jara s-servizzi kontenzjużi bħala relatati ma’ tali konnessjonijiet.

81      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-prodotti kontenzjużi li jaqgħu taħt il-Klassi 9 huma, bħalma indika ġustament il-Bord tal-Appell, partijiet jew aċċessorji ta’ prodotti oħrajn u huma, jew jistgħu jiġu konnessi direttament ma’ netwerk (dan japplika wkoll għall-“antenni għar-radju u t-televiżjoni” u għall-“antenni għall-mowbajls”), jew anki jistgħu jiġu inkorporati f’oġġetti konnessi.

82      Fir-rigward tas-servizzi kontenzjużi inklużi fil-Klassi 37, il-Bord tal-Appell ġustament qies ukoll li l-utenti ta’ dawn is-servizzi jifhmu s-sinjali inkwistjoni fis-sens li jirrigwardaw prodotti li jistgħu jiġu konnessi ma’ netwerk, jew anki li jistgħu huma stess jiġu eżegwiti bl-għajnuna ta’ konnessjoni ma’ netwerk (per eżempju permezz tal-komunikazzjoni ta’ ħsarat eventwali lil mekkanik, b’mod illi dan ikun jista’ jipprepara l-parts neċessarji għat-tiswija).

83      Fir-rigward tas-servizzi kontenzjużi li jaqgħu taħt il-Klassi 38, ir-rikorrenti tagħraf hija stess li dawn huma intiżi sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ trażmissjoni permezz tat-telekomunikazzjoni. Tali operazzjonijiet ovvjament jeħtieġu konnessjoni u s-sinjali inkwistjoni jistgħu jiġu pperċepiti bħala li jiddeskrivu din il-konnessjoni b’mod pożittiv.

84      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li s-servizzi ta’ “provvista ta’ tagħlim ta’ terzi fl-inġinerija elettrika” jirrigwardaw b’mod ċar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet elettrotekniċi u elettroniċi li jippermettu l-konnessjoni ma’ netwerk. Issa, evidentement, fid-dawl tal-għan tas-servizzi ta’ provvista ta’ tagħlim inkwistjoni (elettroniku u elettrotekniku), il-pubbliku rilevanti se jifhem, fil-każ ta’ dawn is-servizzi, is-sinjali inkwistjoni bħala slogan dwar il-kontenut ta’ din il-provvista ta’ tagħlim.

85      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell seta’ ġustament jqis ukoll li s-servizzi kontenzjużi li jaqgħu taħt il-Klassi 42, jiġifieri “ħolqien u installazzjonijiet ta’ programmi għal kompjuters”, minn naħa, u l-“pariri tekniċi”, min-naħa l-oħra, jista’ jkollhom bħala suġġett il-konnessjoni ma’ netwerk. Minkejja li r-rikorrenti ma tikkontestax dan il-punt espliċitament, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma weriex li dawn is-servizzi kellhom esklużivament l-għan li jistabbilixxu konnessjoni ma’ netwerk.

86      F’dan ir-rigward, ċertament, għandu jitfakkar li l-konnotazzjoni pożittiva mogħtija li jwasslu dawn l-elementi verbali li jikkostitwixxu trade mark tal-Unjoni Ewropea ma teskludix li din tkun tista’ tiggarantixxi lill-konsumaturi l-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tindika. B’dan il-mod, tali trade mark tista’ fl-istess ħin tiġi pperċepita mill-pubbliku kkonċernat bħala espressjoni promozzjonali u indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Deluxe Entertainment Services Group vs EUIPO (deluxe), T‑222/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:402, punti 36 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi miċħuda jekk, għall-inqas, waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Bayerische Motoren Werke vs UASI (ECO PRO), T‑145/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:220, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza, li qabel xejn ġiet żviluppata fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, hija applikabbli wkoll, b’analoġija, għall-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2017, Colgate‑Palmolive vs EUIPO (AROMASENSATIONS), T‑479/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:441, punt 24).

88      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex fondata sabiex targumenta li ma teżistix tifsira potenzjali tal-islogan “Simply. Connected.” li tindika karatteristika attribwibbli għall-prodotti u għas-servizzi kontenzjużi li hija tista’ tikkummerċjalizza taħt it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2007, Tegometall International vs UASI – Wuppermann (TEK), T‑458/05, EU:T:2007:349, punti 89 sa 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ bidliet mhux normali, ta’ natura li jippermettu r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni

90      Ir-rikorrenti targumenta li, anki jekk wieħed jassumi li s-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu – fatt li hija tikkontesta – minn naħa, jitqiesu bħala li jfissru “sempliċement konness [ma’ netwerk]” u, min-naħa l-oħra, li teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn din it-tifsira u l-prodotti u s-servizzi suġġett tat-tilwima, l-użu tagħhom flimkien mhux normali huwa biżżejjed sabiex jagħti lill-imsemmija sinjali l-minimu ta’ karattru distintiv neċessarju sabiex tiġi permessa r-reġistrazzjoni tagħhom. Fil-fatt, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jikkonsistu f’żewġ sentenzi flimkien, kull waħda magħmula minn kelma waħda biss, jiġifieri “simply” u “connected”. Tali kostruzzjoni ma hijiex normali għall-pubbliku anglofonu u tipproduċi impressjoni globali superjuri għall-elementi tagħha meħuda flimkien. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta indika, fil-punt 20 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li “il-fatt li l-kliem Simply. Connected. jiġu wara xulxin [kien] jirrappreżenta b’mod partikolari messaġġ sempliċi, li jinftiehem direttament u grammatikalment korrett, li ma [kienx] jinkludi element lingwistiku mhux normali.”

91      Ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn hekk, li l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jiddeskrivi l-prodotti u s-servizzi suġġett tat-tilwima jew il-karatteristiċi essenzjali tagħhom bħala li huma “simply connected”, fis-sens li l-Bord tal-Appell attribwixxa għal dawn il-kelmiet fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

92      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

93      Permezz tar-raba’ parti tat-tieni motiv li hija tinvoka, ir-rikorrenti tibbaża ruħha mill-ġdid fuq l-argument tas-sovrappożizzjoni tal-elementi verbali fis-sinjali inkwistjoni.

94      Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punt 59 iktar ’il fuq, din is-sovrappożizzjoni bl-ebda mod ma hija mhux normali. Għandu jiżdied li, billi s-sinjal jitqies b’mod globali, is-sovrappożizzjoni tal-elementi “simply” u “connected” jista’ jidher li huwa riżultat, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, tar-rieda li jiddaħħlu fir-rettangolu fl-irkejjen għat-tond li jenkapsulawhom. Għaldaqstant, huwa improbabbli li l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jattribwixxi din is-sovrappożizzjoni għal xi karattru distintiv.

95      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-pubbliku rilevanti mhux se jiddeskrivi l-prodotti u s-servizzi kontenzjużi jew il-karatteristiċi essenzjali tagħhom bħala li huma “simply connected”, dan huwa ineffettiv, peress li l-Bord tal-Appell ma bbażax ir-rifjut tar-rikorsi li huwa kien adit bihom fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009.

96      Għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva.

–       Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni globali tas-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni

97      Skont ir-rikorrenti, billi l-Bord tal-Appell ipproċeda, bħalma għamel fil-punti 17 sa 19 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa ma evalwax korrettament is-sinjali fit-totalità tagħhom. Fil-fatt, huwa kellu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-kwadru mhux magħluq, li l-angoli tiegħu jiġu għat-tond, kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-tliet mewġiet, li huma inklużi f’kull wieħed mis-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Din il-forma grafika oriġinali, assoċjata mal-elementi verbali li l-Bord tal-Appell indebitament ikkonċentra l-analiżi tiegħu għaliha, hija faċilment u immedjatament memorabbli mill-pubbliku rilevanti, b’mod illi t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jippermettu li tiġi distinta l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi suġġett tat-tilwima.

98      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

99      Fl-ewwel lok, għadu jiġi kkonstatat li, fil-punt 17 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni tal-preżenza ta’ dawn iż-żewġ elementi figurattivi u huwa qies li dawn kienu nieqsa minn portata f’dak li jirrigwarda t-tifsira tas-sinjali inkwistjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti. Fil-punt 19 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies li, fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni inferjuri għall-medja li jkollu l-pubbliku rilevanti ffaċċjat bi slogan, l-element figurattiv li jikkostitwixxi bordura ma jiġix innutat u li, għaldaqstant, huwa nieqes minn karattru distintiv. Fl-istess punt kif ukoll fil-punt 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa barra minn hekk qies li l-preżenza tat-tliet mewġiet konċentriċi, li jissimbolizzaw il-konnessjoni ma’ netwerk wifi, issaħħaħ it-tifsira mogħtija mill-elementi verbali.

100    Fit-tieni lok, il-kunsiderazzjonijiet kollha mogħtija mill-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward għandhom jintlaqgħu. Fil-fatt, l-eżami globali tas-sinjali inkwistjoni jsaħħaħ il-prevalenza tal-elementi verbali fuq l-elementi figurattivi eżaminati fil-punt 99 iktar ’il fuq u dawn is-sinjali, fit-totalità tagħhom, mhux se jiġu pperċepiti bħala indikazzjonijiet tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kontenzjużi.

101    Minn dan isegwi li l-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009

102    Ir-rikorrenti targumenta li, minkejja li, fil-punt 5 ta’ waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell indika li l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 207/2009 kien jostakola r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, sussegwentement huwa għamel l-analiżi tiegħu fiż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati sempliċement billi applika l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li tipprovdi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 hija manifestament żbaljata u għandha, mingħajr dubju, tinqara fis-sens li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmi regolament. Issa, din l-affermazzjoni bl-ebda mod ma hija sostnuta fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

103    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jistgħu jitqiesu li huma deskrittivi fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi suġġett tat-tilwima.

104    L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

105    Għandu qabel xejn jiġi osservat li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jinkludux evalwazzjonijiet dwar il-karattru deskrittiv tas-sinjali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell, fil-punt 28 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ċaħad bħala ineffettiv l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li kien jirrigwarda l-karattru deskrittiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, għar-raġuni li r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tiddependix mill-karattru deskrittiv tas-sinjali.

106    Barra minn hekk, fil-punt 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell indika dan li ġej:

“Il-kumplament tal-ispjegazzjonijiet tal-applikanti ma huwiex [iktar] mhux adattat sabiex jikkontesta l-konklużjonijiet tal-eżaminatur. Il-konfigurazzjoni grafika b’mod partikolari lanqas ma tagħti l-karattru distintiv meħtieġ lis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Il-pubbliku rilevanti mhux se jipperċepixxi bħala karatteristiċi distintivi tal-oriġini kummerċjali [fil-kawża T‑252/17 biss: il-kulur blu], il-bordura, sempliċi, u l-punti, ipperċepiti bħala sinjali ta’ punteġġjatura. Barra minn hekk, l-element figurattiv fir-rokna ta’ fuq tal-lemin jaqbel mas-simbolu tal-konnessjoni wifi, u għalhekk sempliċement isaħħaħ il-kunċett ta’ konnessjoni espress mill-elementi verbali. Is-sinjal b’dan il-mod huwa nieqes minn element li jista’ jagħtih karattru distintiv, lil hinn mill-karattru pożittiv tiegħu, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti. Peress li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, fit-totalità tiegħu, għandu biss funzjoni ta’ reklamar, il-konsumatur mhux se jiddeduċi minnu l-provenjenza tal-prodotti jew servizzi.”

107    Il-punt 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa fformulat kif ġej:

“Għal dawn il-motivi, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark hija wkoll miċħuda għar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-[Regolament Nru 207/2009].”

108    Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-preżenza tal-avverbju “wkoll” fil-punt 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati u tqis, fid-dawl tal-fatt li jissemma l-Artikolu 7(1)(ċ) fil-punt 5 ta’ waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-Bord tal-Appell wettaq żball tal-pinna. Skont l-istess rikorrenti, il-Bord tal-Appell ried jindika, fil-punt 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet tipprekludi wkoll ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. Issa, billi ma ssemmewx espliċitament fid-deċiżjonijiet ikkontestati r-raġunijiet li għalihom din ir-raġuni assoluta oħra għar-rifjut tar-reġistrazzjoni kienet applikabbli wkoll, il-Bord tal-Appell ivvizzja dawn id-deċiżjonijiet b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

109    Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-karattru deskrittiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u li l-avverbju “ukoll” fil-punt 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-motivi addizzjonali żviluppati fil-punt 29 tal-imsemmija deċiżjonijiet.

110    Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikorsi, sa fejn dan iqis li għandha ssir rettifika evidenti għall-punt 30 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jagħmel qari żbaljat tagħhom. Għalhekk, peress li l-Bord tal-Appell ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u dak fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kawżi T251/17 u T252/17 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Robert Bosch GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.


Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Marzu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.