Language of document : ECLI:EU:T:2011:33

Kawża T-157/08

Paroc Oy AB

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali INSULATE FOR LIFE — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Deċiżjoni purament konfermattiva — Inammissibbiltà parzjali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini — Inammissibbiltà — Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva

(Artikolu 230 KE)

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Evalwazzjoni tal-karattru distintiv — Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Trade mark komposta minn diversi elementi — Possibbiltà għall-awtorità kompetenti li twettaq eżami ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tat-trade mark

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

1.      Deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, sabiex ma jerġax jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkonfermata, rikors kontra tali deċiżjoni konfermattiva għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

Deċiżjoni hija meqjusa bħala purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u ma tkunx ġiet preċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti.

Id-determinazzjoni ta’ jekk u sa fejn it-tieni deċiżjoni hija deċiżjoni purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni tippresupponi li tiġi identifikata l-informazzjoni rispettiva tal-każijiet li taw lok għal dawn id‑deċiżjonijiet. Għal dan il-għan, għandu jiġi evalwat jekk il-partijiet fil-każijiet inkwistjoni, it-talbiet tagħhom, il-motivi tagħhom, l-argumenti tagħhom kif ukoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti li jikkaratterizzaw dawn il-każijiet u li jiddeterminaw id‑dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet kinux jew le identiċi.

Jekk it-tieni deċiżjoni jkollha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk it-tieni deċiżjoni hijiex ibbażata fuq elementi ġodda li jistgħu jaffettwaw d-dispożittiv tagħha u r‑raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ tiegħu u, min-naħa l-oħra, jekk, fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kinitx is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid.

(ara l-punti 29, 30, 32, 35)

2.      Il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun joriġina minn impriża partikolari u li għalhekk tippermetti li dan il-prodott jew dan is-servizz jiġu distinti minn dawk ta’ impriżi oħra. Għal dan il‑għan, ma huwiex meħtieġ li t-trade mark tittrażmetti informazzjoni preċiża dwar l-identità tal‑manifattur tal-prodotti jew tal‑fornitur ta’ servizzi. Huwa biżżejjed li t-trade mark tippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi l‑prodott jew is‑servizz li hija tindika minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra u li jikkonkludi li l-prodotti u s‑servizzi kollha li hija tindika ġew manifatturati, ikkummerċjalizzati jew ipprovduti taħt il-kontroll tal-proprjetarju ta’ din it‑trade mark, li lilu tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom.

Għall-kuntrarju, ma humiex ta’ karattru distintiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sinjali li ma jippermettux lill-pubbliku kkonċernat li jerġa’ jixtri, jekk l-ewwel esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li ma jerġax jixtri, jekk tirriżulta negattiva, meta jiġi biex jerġa’ jixtri l‑prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, ta’ sinjali li jintużaw b’mod komuni għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, dawn is-sinjali ma jitqisux kapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni.

(ara l-punti 44, 45)

3.      Sabiex jiġi evalwat jekk trade mark verbali komposta għandhiex jew le karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sinjifikat rilevanti tiegħu, stabbilit abbażi tal‑elementi kollha li jifformaw dan is-sinjal, u mhux abbażi tas‑sinjifikat ta’ wieħed biss minn dawn l‑elementi. Għalhekk, l‑evalwazzjoni tal‑karattru distintiv ta’ dawn is-sinjali ma tistax tkun limitata għal analiżi ta’ kull wieħed mit-termini jew mill‑elementi tagħhom, meħuda separatament, iżda għandha, f’kull każ, tkun ibbażat fuq il-perċezzjoni globali ta’ dawn it-trade marks mill‑pubbliku rilevanti u mhux fuq il-preżunzjoni li xi elementi li, waħedhom, ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux, meta jinġabru flimkien, ikollhom tali karattru distintiv. Fil-fatt is-sempliċi fatt li ebda wieħed minn dawn l‑elementi, ikkunsidrat separatament, ma jkollu karattru distintiv ma jeskludix li l‑għaqda ta’ dawn l-elementi jista’ jkollha tali karattru distintiv. Fi kliem ieħor, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li din tipproduċi. Madankollu, dan ma jfissirx li ma jkunx meħtieġ li ssir, inizjalment, evalwazzjoni ta’ kull wieħed mid-diversi elementi kostituttivi ta’ din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni globali, li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata.

(ara l-punt 50)

4.      Huwa nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-pubbliku li għandu għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża, is-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE, li r‑reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għas-servizzi li jikkorrispondi għad-deskrizzjoni “kostruzzjoni, tiswija u installazzjoni ta’ bini” fil-klassi 37 taħt il-Ftehim ta’ Nice.

Fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti għandu jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, direttament u mingħajr riflessjoni analitika ikbar, bħala allużjoni għal servizzi ta’ lonġevità kunsiderevoli marbuta mal-użu ta’ materjal iżolanti partikolarment reżistenti, u mhux bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi. Fil-fatt, anki bħala slogan faħħari jew promozzjonali, dan is-sinjal verbali ma għandux livell ta’ oriġinalità jew ta’ saljenza li jeħtieġ sforz minimu ta’ interpretazzjoni jew li jinbeda proċess konjittiv jew analitiku mill-pubbliku rilevanti, peress li dan tal‑aħħar jassoċjah immedjatament mas-servizzi inkwistjoni, li x’aktarx jiġu kkummerċjalizzati minn kull impriża attiva fis-settur tal-kostruzzjoni u tal‑iżolazzjoni.

(ara l-punti 48, 52, 53)