Language of document : ECLI:EU:T:2011:33

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Frar 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali INSULATE FOR LIFE – Raġuni assoluta għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Deċiżjoni purament konfermattiva – Inammissibbiltà parzjali”

Fil-Kawża T‑157/08,

Paroc Oy AB, stabbilita f’Helsinki (il-Finlandja), irrappreżentata minn J. Palm,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-21 ta’ Frar 2008 (Każ R 54/2008-2), li jirrigwarda applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2009,

wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Dwar l-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni

1        Fl‑4 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti, Paroc Oy AB., ippreżentat l-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem l-“ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni” quddiem l‑Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien is-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall‑finijiet tar‑reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 6: “Metalli komuni u l-ligi tagħhom; materjali tal-metall għall-bini; bini trasportabbli tal-metall; materjali tal-metall għall-binarji tal-ferroviji; kejbils u wajers mhux tal-elettriku tal-metall komuni; ironmongery, pajpijiet u tubi tal-metall; armarji; oġġetti tal-metall komuni mhux inklużi fi klassijiet oħrajn; metall mhux maħdum.”

–        klassi 17: “Lastku, guttaperka, gomma, asbestos u majka u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; plastik mogħti s-sura ta' xi ħaġa, għall-użu fil-manifattura; materjal għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur; pajps flessibli mhux tal-metall.”

–        klassi 19: “Materjali tal‑bini (mhux metalliċi); pajpijiet riġidi mhux metallic għall-bini, asfalt, żift u qatran; bini trasportabbli mhux metalliċi; monumenti mhux metalliċi”

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2005, l-eżaminatur ċaħad l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall‑prodotti kollha inkwistjoni fuq il‑bażi li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv u kienet deskrittiva fis-sens tal‑Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru°40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru°207/2009].

5        Fl-24 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u approva r-rifjut tar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Essenzjalment, il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti (ġenerali jew speċjalizzat) kellu jipperċepixxi l-kombinazzjoni tal-kliem “INSULATE FOR LIFE”, immedjatament u mingħajr ebda sforz speċifiku ta’ analiżi, bħala indikazzjoni li l-applikant ipprovda materjal iżolanti u reżistenti li kapaċi jdum tul ta’ ħajja. Fin-nuqqas ta’ tqegħid flimkien mhux tas-soltu tal-elementi tal-frażi f’termini ta’ sintassi, ta’ grammatika, ta’ fonetika u/jew ta’ semantika, dik il-kombinazzjoni ta’ kliem hija deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati, u għalhekk neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv (ara l-paragrafi 15 u 18 sa 20 tal-ewwel deċiżjoni).

7        Ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda rikors kontra d-deċiżjoni inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali.

B –  Dwar it-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni

8        Fl-24 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat it-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94 (iktar ’il quddiem it-“tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni”).

9        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE.

10      Il-prodotti u servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, minn naħa, taħt il-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice, għall-prodotti li jikkorrispondu għal dawk deskritti fil-punt 3 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, taħt il-klassi 37, skont il-Ftehim ta’ Nice, għas-servizzi li jikkorrispondu għad-deskrizzoni segwenti: “Servizzi ta’ kostruzzjoni, tiswija u installazzjoni ta’ bini”.

11      Peremzz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha inkwistjoni għar‑raġuni li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru°40/94.

12      Fl-20 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni.

13      Permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2008 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni” jew id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u approva r-rifjut tar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

14      Essenzjalment, il-Bord tal-Appell kien inizjalment għamel riferiment għar-raġunijiet mogħtija fil-paragrafi 15 sa 20 tal-ewwel deċiżjoni u indika, minn naħa, li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 6, 17, u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice, kienu essenzjalment l-istess bħal dawk imressqa insostenn tal-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti “ma pproduċiet ebda element li jippermetti li tiġi kkonstatata bidla fil-ġurisprudenza stabbilita f’dan il-qasam jew kwalunkwe żviluppi fis-swieq inkwistjoni, li jistgħu jwasslu lill-Bord tal-Appell sabiex jikkunsidra mill-ġdid l-motivi li fuqhom huwa [kien] preċedentement ċaħad [l-ewwel] applikazzjoni għal reġistrazzjoni” F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell iddikjara li l-fatt li l-ewwel deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kien irrilevanti, peress li, minn naħa, sabiex tiġi rrifjutata applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkun suffiċjenti li waħda biss mir-raġunijiet assoluti previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 tkun applikabbli u, min-naħa l-oħra, li sinjal verbali deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati tkun, għalhekk, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell iddikjara li huwa kellu jieħu pożizzjoni, iktar preċiża, biss fuq l-argumenti “li ma kin[ux] diġà ġew żviluppata fl-[ewwel] applikazzjoni għal reġistrazzjoni [...]” u dwar in-natura reġistrabbli tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi fil-klassi 37 skont il-Ftehim ta’ Nice (ara l-paragrafi 12 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, il-Bord tal-Appell sostna, essenzjalment, li l-pubbliku rilevanti (ġenerali jew speċjalizzat) għandu jipperċepixxi “immedjatament u mingħajr ħsieb analitiku ikbar [is-]sinjal verbali [li għalih saret applikazzjoni], meta kkunsidrat globalment, bħall-allużjoni għall-fatt li l-appellanti tipprovdi servizzi ta’ lonġevità kunsiderevoli li huma marbutin mal-użu ta’ materjal iżolanti partikolarment reżistenti, u mhux bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi”. Il-messaġġ imwassal mis-sinjal li għalih saret applikazzjoni huwa ċar, dirett u immedjat, mingħajr ma jista’ jingħad li huwa ta’ natura ambigwa, miftuħa għall-interpretazzjoni, vaga, evokattiva jew suġġestiva. Għal din ir-raġuni u minħabba l-karattru deskrittiv tagħha, is-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE hija nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li dan is-sinjal verbali ġie reġistrat bħala trade mark għall-istess prodotti, b’mod partikolari, fil-Finlandja u fir-Renju Unit. Is-sistema Komunitarja tat-trade marks, effettivament, sistema awtonoma bir-regoli tagħha stess li huma vinkolanti fir-rigward tal-UASI fl-evalwazzjoni tiegħu tal-karattru reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni fil-livell nazzjonali kienu jikkostitwixxu biss fatt li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, mill-UASI (ara l-paragrafi 17 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sempliċi fatt li f’każijiet preċedenti, l-eżaminatur uża approċċ inqas strett milli fil-każ preżenti, ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u lanqas ma jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni raġonevoli u konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94. Fi kwalunkwe każ, huwa speċifika li kien dubjuż jekk is-sinjal li għalih saret applikazzjoni kien tabilħaqq komparabbli mal-elementi l-oħra invokati mir-rikorrenti (paragrafi 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-kawża quddiem il-UASI għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

18      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  L-argumenti tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

20      Skont ir-rikorrenti, mil-lat tal-pubbliku rilevanti, li huwa kompost minn konsumaturi medji u minn professjonisti fl-industrija tal-kostruzzjoni, is-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE ma huwiex deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalkemm it-terminu “insulate” huwa deskrittiv, is-sinjal verbali fit-totalità tiegħu, huwa suġġestiv, u t-tifsira tiegħu ma hijiex preċiża, hija distanti, vaga u indeterminata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, u għalhekk tippermetti lill-pubbliku rilevanti jidentifika l-oriġini kummerċjali tagħhom.

21      Barra minn hekk, għalkemm il-kombinazzjoni tal-kliem “insulate for life” ma tirriflettix livell sinjifikattivament għoli ta’ inventiva, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija nieqsa minn kull karattru distintiv. Skont ir-rikorrenti, jekk jiġi aċċettat r-raġunament tal-Bord tal-Appell, ikunu biss it-trade marks li jilħqu livell speċifiku ta’ kreattività lingwistika jew artistika jew li jkollhom karattru immaġinattiv li jkunu jistgħu jiġu rreġistrati, u dan iwassal għal applikazzjoni ta’ kriterju iktar strett għall-islogans li huma suġġestivi milli għal trade marks oħra.

22      Ir-rikorrenti tikkontesta li s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE jinftiehem immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Bil-kontra ta’dan, minħabba t-tieni parti tal-imsemmi sinjal (“for life”), it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija suġġestiva, peress li hija distanti, vaga u mhux definita fil-konfront tal-prodotti u tas-servizzi msemmija, u tista’ tagħti lok għal kull xorta ta’ konnotazzjonijiet u assoċjazzjonijiet. Insostenn tal-argument tagħha li jgħid li t-terminu “life” ma huwiex purament deskrittiv, ir-rikorrenti tippreċiża li fir-rigward tat-trade mark Thomson Life, il-qorti Ġermaniża li rreferiet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion (C‑120/04, Ġabra p. I‑8551), kienet ikkunsidrat ukoll li dan it-terminu kellu krattru distintiv medju.

23      Barra minn hekk, il-fatt li kull wieħed mill-elementi ta’ trade mark, meta kkunsidrat separatament, huwa nieqes minn karattru distintiv, ma jfissirx li din l-evalwazzjoni tapplika wkoll għas-sinjal fit-totalità tiegħu. Fir-rigward tat-trade marks suġġestivi, bħalma huwa s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE, ir-rikorrenti ssostni li huwa biżżejjed li dawn ikunu suffiċjentement inventiv u li dawn iwasslu faċilment għal assoċjazzjonijiet u ideat multipli, mingħajr ma jkun neċessarjament meħtieġ sforz speċifiku ta’ analiżi mill-pubbliku rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li livell minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed biex jippermetti r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali inkwistjoni.

24      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex li s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE ma kienx tali li jiddistingwi s-servizzi tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra. Hija tiċħad l-argument li jgħid li dan is-sinjal verbali għandu jinftiehem li jfisser “iżolazzjoni ta’ kwalità għolja li ddum tul ta’ ħajja” Tabilħaqq, apparti minn sempliċi riferiment għal dizzjunarju, il-Bordijiet tal-Appell u l-UASI baqgħu ma pproduċew l-ebda element insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom.

25      Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-United Kingdom Patent Office (l-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit) irreġistra s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE u għalhekk attribwixa b’mod ċar lil dan is-sinjal minimu ta’ karattru distintiv. Barra minn hekk, l-UASI ma għandux japplika f’dan il-każ kriterju iktar strett minn dak applikat fil-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu (bejn l-1999 u l-2005) fir-rigward ta’ diversi sinjali verbali li jispiċċaw bil-kombinazzjoni ta’ kliem “for life”, jew li wassal, aktar reċentement, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja FACTORS FOR LIFE.

26      Barra minn hekk, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-appell tagħha huwa ammissibbli peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex deċiżjoni purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni teħtieġ evalwazzjoni ġdida tal-UASI fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ kull każ, peress li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jevolvu biż-żmien. Iż-żewġ każijiet kienu fil-fatt jikkonċernaw żewġ applikazzjonijiet għal trade marks differenti ħafna li jkopru klassijiet differenti, li neċessarjament jeħtieġu analiżi legali separata u indipendenti, u li ġew irrifjutati fuq il-bażi ta’ raġunijiet differenti.

27      L-UASI jitlob li dan ir-rikors jiġi miċħud billi jagħmel riferiment, essenzjalment, għal motivi esposti fl-ewwel u t-tieni deċiżjoni.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1.     Fuq l-ammissibbiltà

28      Għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà tar-rikors eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio jekk meħtieġ (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18).

29      Barra minn hekk, kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti u li ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti, ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, sabiex ma jerġax jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkonfermata, rikors kontra tali deċiżjoni konfermattiva għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑521/03 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Settembru, 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑188/95,Ġabra p. II‑3713, punt 108, u d-digriet, tad-9 ta’ Ġunju 2005, Helm Düngemittel vs Il‑Kummissjoni, T‑265/03, Ġabra p. II‑2009, punt 62).

30      Deċiżjoni hija meqjusa bħala purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u ma tkunx ġiet preċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżura preċedenti (ara d-digriet Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk, u d-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Mejju 1998, BEUC vs Il‑Kummissjoni, T‑84/97, Ġabra p. II‑795, punt 52, u tal-10 ta’ Ottubru 2006, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑106/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).

31      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-ewwel deċiżjoni, skont l-Artikolu 63(5) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 65(5) tar-Regolament Nru 207/2009), skada mingħajr ma ġiet appellata mir-rikorrenti. Din id-deċiżjoni għalhekk saret definittiva, u l-legalità tagħha ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan il-karattru definittiv japplika kemm għad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni u kif ukoll għar-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod definittiv, fl-ewwel deċiżjoni, dwar is-suġġett tat-tilwima stabbilit mill-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni li kienet intiża għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE għal prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice. Fil-fatt, peress li d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jista’ jipproduċi effetti legali u, konsegwentement, jista’ jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑164/02, Ġabra. p. I‑1177, punt 21), ir-rikorrenti kellha tikkontestah fit-termini previsti, taħt piena ta’ dekadenza.

32      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk u sa fejn it-tieni deċiżjoni hija deċiżjoni purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni, ħaġa li tippresupponi li tiġi identifikata l-informazzjoni rispettiva tal-każijiet li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet. Għal dan il-għan, għandu jiġi evalwat jekk il-partijiet fil-każijiet inkwistjoni, it-talbiet tagħhom, il-motivi tagħhom, l-argumenti tagħhom kif ukoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti li jikkaratterizzaw dawn il-każijiet u li jiddeterminaw id‑dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet kinux jew le identiċi.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatatt li s-suġġett ta’ din il-kawża jikkoinċidi ħafna ma’ dak li ta lok għall-ewwel deċiżjoni, sa fejn, kemm permezz tal-ewwel kif ukoll permezz tat-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ir-rikorrenti talbet li tirreġistra bħala trade mark Komunitarja, is-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE għal prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, l-unika differenza hija li t-tieni applikazzjoni tkopri wkoll is-servizzi fil-klassi 37. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li dawn is-servizzi, bħala grupp omoġenju u distint minn dak tal-prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni separata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-karattru reġistrabbli tas-sinjal verbali li għalih saret applikazzjoni [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C‑282/09 P, Ġabra p. I‑2395, punti 38 sa 40 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Mejju 2009, CFCMCEE vs UASI (P@YWEB CARD u PAYWEB CARD), T‑405/07 u T‑406/07, Ġabra p. II‑1441, punti 54 u 55], b’mod li l-fatt li r-rikorrenti estendiet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha fuq dawn is-servizzi ma jikkostitwixxix element ġdid, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, meta mqabbel mal-evalwazzjonijiet u mal-motivazzjonijiet analogi marbuta mal-imsemmija, kif esposti fl-ewwel deċiżjoni. Barra minn hekk, fl-ewwel deċiżjoni, l-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet miċħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li ċ-ċaħda tat-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija bbażata biss fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

34      Minn dan isegwi li t-tieni deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni sa fejn hija bbażat ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE għal prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice, fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sakemm, madankollu, din ma tkun tinkludi, fuq dawn il-punti, ebda element ġdid meta mqabbla mal-ewwel deċiżjoni u ma ġietx ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar‑rikorrenti.

35      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk, fir‑rigward tat-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sa fejn tikkonċerna l-prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice, it-tieni deċiżjoni hija bbażata fuq elementi ġodda li jistgħu jaffettwaw d-dispożittiv tagħha u fuq ir-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ tiegħu u, jekk, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kinitx is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid.

36      Fir-rigward ta’ eventwali elementi ġodda, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kemm quddiem l-UASI u kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti essenzjalment illimitat ruħha li ttenni l-argumenti diġà invokati insostenn tal-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha. Hija żiedet tgħid, madankollu, li, minn naħa, l-eżaminatur kien għamel applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009], billi naqset milli tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ liema Stat Membru kienet ġiet irrifjutata r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali li għalih saret applikazzjoni (ara l-paragrafu 16 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li s-sinjal kien ġie rreġistrat bħala trade mark nazzjonali fil-Finlandja u fir-Renju Unit (ara l-paragrafu 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Issa, l-ewwel argument, ibbażat fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, ma jżid ebda fatt ġdid f’din il-kawża, u huwa fi kwalunkwe każ, manifestament infondat fid-dritt, b’mod li ma setax jaffettwa d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u fuq ir-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ. Il-Bord tal-Appell seta’ għaldaqstant ġustament jiċħdu mingħajr ma jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Tabilħaqq, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jillimita ruħu li jagħmel applikabbli r-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1), meta dawn ir-raġunijiet jeżistu biss f’parti tal-Komunità, b’mod li ma timponi l-ebda obbligu speċifiku ta’ motivazzjoni.

38      Fir-rigward tat-tieni argument, ibbażat fuq ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali li għalih saret l-applikazzjoni fuq livell nazzjonali, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita - li għaliha jagħmel riferiment il-Bord tal-Appell fil-paragrafu 17 tad-deċiżjoni kkontestata – li tgħid li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija awtonoma u li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-UASI hija evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li l-UASI la huwa marbut mir-reġistrazzjonijiet nazzjonali [ara, f’dan is-sens , is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T‑130/01, Ġabra p. II‑5179, punt 31] u lanqas ma huwa marbut li jasal għal riżultati identiċi għal dawk milħuqa mill-awtoritajiet nazzjonali f’sitwazzjoni simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi‑Werke vs UASI, C‑173/04 P Ġabra. p. I‑551, punt 49 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Novembru 2009, Apollo Group vs UASI (THINKING AHEAD), T‑473/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43). Barra minn hekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma speċifikatx ir-raġunijiet li fuqhom l‑awtoritajiet nazzjonali kkonċernati bbażaw ruħhom biex jiddeċiedu li jirreġistraw is-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE u li setgħu, jekk meħtieġ, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li r-reġistrazzjonijiet nazzjonali invokati jikkostitwixxu fatti rilevanti li seħħew wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, it-tieni argument tar-rikorrenti kien manifestament ineffettiv u għalhekk ma jistax jaffettwa d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u r-raġunijiet meħtieġa biex isostnuh, b’tali mod li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ li jiċħdu, mingħajr ma jagħmel eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

39      Fuq il-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kinitx jew kellhiex tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni, mill‑kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq jirriżulta li dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li r-rikkorrenti ma ppreżentat l-ebda fatt rilevanti ġdid, insostenn tat-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li seta’ jbiddel l-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel deċiżjoni, u għalhekk jeħtieġu evalwazzjoni mill-ġdid tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru distintiv jew n-nuqqas tiegħu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice. Barra minn hekk, fil-kuntest tar-risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda dettalji f’dan ir-rigward li jistgħu jimminaw din l-evalwazzjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-aspetti msemmija iktar ’il fuq, l-Bord tal-Appell kien iġġustifikat li jillimita ruħu prinċipalment li jirreferi għall-paragrafi 15 sa 20 tal-ewwel deċiżjoni (ara l-paragrafu 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, b’reazzjoni għall-argument imtenni mir-rikorrenti fuq il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI - eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni - fir-rigward ta’ sinjali verbali li jixbhu s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell kien ukoll iġġustifikat meta essenzjalment ikkonferma, fil-paragrafi 21 u 22 tat-tieni deċiżjoni, ir-raġunament tiegħu li jinsab fil-paragrafi 5, 21 u 22 tal-ewwel deċiżjoni. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi wkoll ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal verbali BUILT FOR LIFE, li seħħ wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni, ma huwiex tali li jikkonfuta din l-evalwazzjoni, peress li, bħala konferma tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI, dan ir-rifjut ma wassalx u ma setax iwassal għal eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fit-termini ta’ din il-prassi skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq.

40      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tirrifjuta skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE bħala trade mark Komunitarja għal prodotti fil-klassijiet 6, 17 u 19 skont il-Ftehim ta’ Nice, tikkostitwixxi deċiżjoni purament konfermattiva. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan il-karattru konfermattiv jestendix ukoll għall-applikazzjoni, fl-ewwel deċiżjoni, tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, peress li r-riferiment – li sar definittiv – għal waħda biss mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament hija biżżejjed sabiex tiġi rifjutata r-reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 28).

41      Għalhekk, hemm lok li dan ir-rikors jiġi kkunsidrat inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra l-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li sempliċement jikkonfermaw l-ewwel deċiżjoni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

2.     Fuq il-mertu

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-merti ta’ din il-kawża huwa limitat għal jekk il-Bord tal-Appell kienx korrett meta kkonkluda li r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE bħala trade mark Komunitarja għas-servizzi fil-klassi 37 skont il-Ftehim ta’ Nice, għandha wkoll tkun irrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

43      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata għal “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”. Barra minn hekk l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament jgħid li “l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

44      Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 huwa parti mill-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark. Ir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 hija għalhekk intiż biex il-konsumatur jew l-utent finali jkun jista’ jiddistingwi mingħajr konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C‑304/06 P Ġabra p. I‑3297, punt 56, u l-ġurisprudenza hemmhekk ċċitata). Għalhekk, il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jfisser li din it-trade mark tippermetti li l‑prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun joriġina minn impriża partikolari u li għalhekk tippermetti li dan il-prodott jew dan is-servizz jiġu distinti minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C-144/06 P, Ġabra p. I‑8109, punt 34; u tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, Ġabra p. I‑535, punt 33, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). Għal dan il‑għan, ma huwiex meħtieġ li t-trade mark tittrażmetti informazzjoni preċiża dwar l-identità tal‑manifattur tal-prodotti jew tal‑fornitur ta’ servizzi. Huwa biżżejjed li t-trade mark tippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi l-prodott jew is‑servizz li hija tindika minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra u li jikkonkludi li l-prodotti u s‑servizzi kollha li hija tindika ġew manifatturati, kummerċjalizzati jew provduti taħt il-kontroll tal-proprjetarju ta’ din it‑trade mark, li lilu tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal‑10 ta’ Ottubru 2008, Inter-IKEA vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ pallet), T‑387/06 sa T‑390/06, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 27, u THINKING AHEAD, punt 38 iktar ’il fuq, punt 26].

45      Għall-kuntrarju, ma humiex ta’ karattru distintiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sinjali li ma jippermettux lill-pubbliku kkonċernat li jerġa’ jixtri, jekk l-ewwel esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li ma jerġax jixtri, jekk tirriżulta negattiva, meta jiġi biex jerġa’ jixtri l‑prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, ta’ sinjali li jintużaw b’mod komuni għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, dawn is-sinjali ma jitqisux kapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Marzu 2008, Compagnie générale de diététique vs UASI (GARUM), T‑341/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 29, u l‑ġurisprudenza hemmhekk iċċitata].

46      Barra minn hekk, il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni tagħhom li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara s-sentenza Audi vs UASI, punt 44 iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata, u s-sentenza Inter-Ikea Systems vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ pallet), punt 44 iktar ’il fuq, punt 28, u l‑ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

47      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ trade marks komposti minn sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw ukoll bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħeġġu x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex fiha nnifisha eskluża minħabba tali użu. Fir‑rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks bħal dawn, ma huwiex neċessarju li fil-konfront tagħhom jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħra (ara, Audi vs UASI, punt 44 iktar ’il fuq, punti 35 u 36, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

48      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti, li ma hijiex ikkontestata bħala tali f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s‑servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 37 skont il-Ftehim ta’ Nice, li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE, jinkludu l-kostruzzjoni, t-tiswija u l-installazzjoni fis-settur tal‑kostruzzjoni, prinċipalment tad-djar. Għalhekk, dawn is-servizzi huma magħrufa kemm minn pubbliku professjonali speċjalizzat kif ukoll, ovvjament fuq skala iżgħar, mill-konsumatur medju. Minħabba li s-sinjal verbali inkwistjoni huwa kompost minn tliet termini bl-Ingliż, il‑pubbliku rilevanti huwa dak li għandu l-kmand ta’ din il-lingwa, li huwa parti importanti ħafna tal-pubbliku Ewropew.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell analizzax korrettament it-tifsira tal-elementi u tat-totalità tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti sabiex jikkonkludi li hemm nuqqas ta’ karattru distintiv għas-servizzi inkwistjoni.

50      Kif irrikonoxxiet il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ sinjali verbali komposti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sinjifikat rilevanti tagħhom, stabbilit abbażi tal‑elementi kollha li jiffurmaw dawn is-sinjali, u mhux abbażi tas-sinjifikat ta’ wieħed biss minn dawn l‑elementi [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Novembru 2007, RheinfelsQuellen H. Hövelmann vs UASI (VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN), T‑28/06, Ġabra p. II‑4413, punt 32]. Għalhekk, l‑evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ dawn is-sinjali ma tistax tkun limitata għal analiżi ta’ kull wieħed mit-termini jew mill‑elementi tagħhom, meħuda separatament, iżda għandha, f’kull każ, tkun ibbażat fuq il-perċezzjoni globali ta’ dawn it-trade marks mill‑pubbliku rilevanti u mhux fuq il-preżunzjoni li xi elementi li, waħedhom, ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux, meta jinġabru flimkien, ikollhom tali karattru distintiv. Fil-fatt is-sempliċi fatt li ebda wieħed minn dawn l‑elementi, ikkunsidrat separatament, ma jkollu karattru distintiv ma jeskludix li l‑għaqda ta’ dawn l-elementi jista’ jkollha tali karattru distintiv (sentenza Eurohypo vs L-UASI, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 41). Fi kliem ieħor, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li din tipproduċi. Madankollu, dan ma jfissirx li ma jkunx meħtieġ li inizjalment issir evalwazzjoni suċċessiva tad-diversi elementi kostituttivi ta’ din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni globali, li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra. p. I‑9375, punti 82, u s-sentenza THINKING AHEAD, punt 38 iktar ’il fuq, punt 31).

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti ma tikkontestax li t‑terminu “insulate” ma għandu ebda tifsira oħra għajr li jiżola. Barra dan, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-kombinazzjoni tal-kliem “for life”- li tgħaqqad b’mod inseparabbli l-prepożizzjoni “for” u n-nom “life” - ma għandhiex immedjatament tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala li tfisser “jdum għal ħajtek kollha” jew “għal perijodu li jkopri ħajja sħiħa”, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipproponi l-ebda tifsira alternattiva u sempliċement tafferma, vagament, li din il-kombinazzjoni ta’ kliem tagħti lok għal konnotazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u suġġerimenti multipli. Għalhekk, jekk jiġu kombinati flimkien fis-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE, iż-żewġ komponenti “insulate” u “for life” se jkunu direttament mifhuma bħala li jindikaw li attività ta’ iżolazzjoni ttul għaż-żmien, jew li ddum tul ta’ ħajja. Dan is-sinjal għalhekk ma jirrapreżenta ebda karattru mhux tas-soltu jew ambigwu, fir-rigward tar-regoli tas-sintassi, tal-grammatika, tal-fonetika u/jew tas-semantika tal-lingwa Ingliża, li jistgħu jinkoraġġixxu lill-pubbliku rilevanti, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, li jagħmel assoċjazzjoni ta’ xorta oħra.

52      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li, fid-dawl tas-servizzi inkwistjoni, il-pubbliku għandu jipperċepixxi s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE, direttament u mingħajr riflessjoni analitika ikbar, bħala allużjoni għal servizzi ta’ lonġevità kunsiderevoli marbuta mal-użu ta’ materjal iżolanti partikolarment reżistenti, u mhux bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi (ara l-paragrafu 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, anki bħala slogan kumplimentari jew promozzjonali, dan is-sinjal verbali ma għandux livell ta’ oriġinalità jew ta’ saljenza li jeħtieġ sforz minimu ta’ interpretazzjoni jew li jinbeda proċess konjittiv jew analitiku mill-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, Audi vs UASI, punt 44 iktar ’il fuq, punti 44, 45 u 56 sa 59), peress li dan tal-aħħar jassoċjahom immedjatament mas-servizzi inkwistjoni, li x’aktarx jiġu kkummerċjalizzati minn kull kumpannija attiva fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-iżolazzjoni.

53      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta kkonsidra li s-sinjal verbali INSULATE FOR LIFE kien nieqes minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir‑rigward ta’ servizzi fil-klassi 37 skont il-Ftehim ta’ Nice u meta approva r‑rifjut ta’ reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja, mingħajr ma kien meħtieġ li jiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk dan is-sinjal huwiex ukoll deskrittiv ta’ dawn is-servizzi.

54      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

56      Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Paroc Oy AB hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Frar 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.