Language of document : ECLI:EU:C:2021:84

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Frar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2003/6/KE – Artikolu 14(3) – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 30(1)(b) – Abbuż tas-suq – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt li wieħed iżomm is-silenzju u li ma jikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni tiegħu stess”

Fil-Kawża C‑481/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

DB

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

fil-preżenza ta’:

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, M. Safjan (Relatur), F. Biltgen, K. Jürimäe, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DB, minn R. Ristuccia u A. Saitta, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u P. G. Marrone, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Rubio González, sussegwentement minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio u C. Biz kif ukoll minn L. Stefani, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Chavrier, E. Rebasti, I. Gurov u E. Sitbon, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, P. Rossi, T. Scharf u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll fuq l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367) u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU L 287, 21.10.2016, p. 320).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DB u l-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Consob”) dwar il-legalità ta’ sanzjonijiet imposti fuq DB minħabba ksur ta’ reat ta’ insider dealing u ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Consob.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/6

3        Il-premessi 37, 38 u 44 tad-Direttiva 2003/6 jaqraw kif ġej:

“(37)      Sett minimu komuni ta’ għodda u setgħat effettivi għall-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jiggarantixxi effettività ta’ sorveljanza. Impriżi tas-suq u l-atturi ekonomiċi kollha għandhom ukoll jikkontribwixxu fil-livell tagħhom għall-integrità tas-suq. […]

(38)      Sabiex jiġi assigurat li kwadru Komunitarju kontra abbuż tas-suq huwa suffiċjenti, kull ksur tal-projbizzjonijiet jew tal-ħtiġiet stabbiliti skond din id-Direttiva jkollhom jiġu ntraċċati u mogħtija sanzjoni. Għal dan l-iskop, sanzjonijiet għandhom ikunu dissważivi biżżejjed u proporzjonati għall-gravità tal-ksur u għall-gwadanni realizzati u għandhom ikunu applikati b’mod konsistenti.

[…]

(44)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta] u b’mod partikolari mill-Artikolu 11 tagħha u mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea [għall-Protezzjoni] tad-Drittijiet tal-Bniedem [u tal-Libertajiet Fundamentali]. […]”

4        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-awtorità kompetenti għandha tingġata l-poteri ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni kollha li huma neċesarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha […]

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(7), il-poteri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati in konformità mal-liġi nazzjonali u għandhom jinkludu mill-inqas id-dritt:

(a)      għal aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu kopja tiegħu;

(b)      li jiddomandaw informazzjoni minn kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trasmissjoni ta’ ordnijiet jew fil-kondotta ta’ l-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk neċessarju, li jsejħu u jisimgħu lil kwalunkwe tali persuna;

[…]

3.      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali dwar is-segretezza professjonali.”

5        Skont l-Artikolu 14 tad-direttiva msemmija:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha, għall-informazzjoni, tfassal lista tal-miżuri u s-sanzjonijiet amminsitrattivi msemmija fil-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għal nuqqas ta’ kooperazzjoni f’investigazzjoni koperta bl-Artikolu 12.

[…]”

 Ir-Regolament Nru 596/2014

6        Il-premessi 62, 63, 66 u 77 tar-Regolament Nru 596/2014, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 2003/6 b’effett mit-3 ta’ Lulju 2016, huma fformulati kif ġej:

“(62)      Sett ta’ għodod u setgħat u riżorsi effettivi għall-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jiggarantixxi effettività ta’ superviżjoni. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jistipula, b’mod partikolari, sett minimu ta’ setgħat superviżorji u investigattivi li għandhom jiġu fdati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali. […]

(63)      L-intrapriżi tas-suq u l-atturi ekonomiċi kollha għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-integrità tas-suq. […]

[…]

(66)      Filwaqt li dan ir-Regolament jispeċifika sett minimu ta’ setgħat li għandu jkollhom l-awtoritajiet kompetenti, dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati fi ħdan sistema kompluta ta’ liġi nazzjonali li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkuż id-dritt għall-privatezza. […]

[…]

(77)      Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji. […]”.

7        Skont l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-projbizzjoni tal-abbuż minn informazzjoni privileġġata u tal-iżvelar illegali tal-informazzjoni privileġġata”:

“Persuna m’għandhiex:

(a)      tinvolvi ruħha jew tagħmel tentattiv ta’ involviment f’abbuż minn informazzjoni privileġġata;

(b)      tirrakkomanda li persuna oħra tinvolvi ruħha f’abbuż minn informazzjoni privileġġata jew tinduċi lil persuna oħra tinvolvi ruħha f’abbuż minn informazzjoni privileġġata; or

(c)      twettaq żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata.”

8        L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Sabiex jaqdu d-dmirjiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigatorji li ġejjin:

(a)      li jaċċessaw kwalunkwe dokument jew data fi kwalunkwe forma, jew jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b)      li jitolbu jew jesiġu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna, inklużi dawk li huma involuti suċċessivament fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet jew fit-twettiq tal-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk meħtieġ, isejħu u jistaqsu lil kwalunkwe persuna bħal din bil-għan li jiksbu informazzjoni;

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigatorji li jkunu jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom.

[…]”

9        L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal sanzjonijiet kriminali u bla ħsara għas-setgħat superviżorji ta’ awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 23, l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn fir-rigward ta’ mill-inqas il-ksur li ġej:

(a)      ksur tal-Artikoli 14 u 15, […] u

(b)      nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità ma’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba kif jingħad fl-Artikolu 23(2).

L-Istati Membri jistgħu„ jiddeċiedu li jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif jingħad fl-ewwel subparagrafu meta l-ksur imsemmi fil-punt (a) jew il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu diġà jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-3 ta’ Lulju 2016. Fejn jiddeċiedu dan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-partijiet rilevanti tal-liġi kriminali tagħhom.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu mill-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin jew jieħdu mill-inqas il-miżuri amministrattivi li ġejjin f’każ tal-ksur imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1:

(a)      ordni li teħtieġ li l-persuna responsabbli għall-ksur twaqqaf l-aġir u ma tirrepetix dan l-aġir;

(b)      iċ-ċediment (“disgorgement”) tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(c)      twissija pubblika li tindika l-persuna responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur;

(d)      irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija ta’ investiment;

(e)      projbizzjoni temporanja ta’ persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’kumpanija tal-investiment jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet ta’ maniġment f’kumpaniji tal-investiment;

(f)      fil-każ ta’ ksur ripetut tal-Artikolu 14 jew 15, projbizzjoni permanenti kontra ta’ persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’kumpanija tal-investiment jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet ta’ maniġment f’kumpaniji tal-investiment;

(g)      projbizzjoni temporanja ta’ kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’kumpanija tal-investiment jew persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli tinnegozja għall-kont tagħha stess;

(h)      sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mhux inqas minn tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur fejn dawk ikunu jistgħu jiġu determinati.

(i)      fir-rigward ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mhux inqas minn:

(i)      għall-ksur tal-Artikoli 14 u 15, EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-2 ta’ Lulju 2014; […]

[…]

Ir-referenzi għall-awtorità kompetenti f’dan il-paragrafu huma mingħajr ħsara għall-kapaċità tal-awtorità kompetenti li teżerċita l-funzjonijiet tagħha bi kwalunkwe mod imsemmi fl-Artikolu 23(1).

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti ikollhom setgħat oħra minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 2 u jistgħu jipprovdu għal livelli ogħla ta’ sanzjonijiet minn dawk stabbiliti f’dak il-paragrafu.”

 Id-dritt Taljan

10      Ir-Repubblika Taljana ttrasponiet id-Direttiva 2003/6 permezz tal-Artikolu 9 tal-legge n. 62 – Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee. Legge comunitaria 2004 (il-Liġi Nru 62 dwar Dispożizzjonijiet Intiżi għall-Eżekuzzjoni tal-Obbligi li Jirriżultaw mis-Sħubija tal-Italja għall-Komunitajiet Ewropej. Liġi Komunitarja 2004), tat-18 ta’ April 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 76, tas-27 ta’ April 2005). Dan l-artikolu integra fid-decreto legislativo n. 58 – Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria, ai sensi degli articoli 8 e 21 della legge 6 febbraio 1996, n. 52 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58 dwar Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet fil-Qasam tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja, fis-Sens tal-Artikoli 8 u 21 tal-Liġi tas-6 ta’ Frar 1996, Nru 52), tal-24 ta’ Frar 1998 (iktar ’il quddiem it-“Test Uniku”), diversi dispożizzjonijiet, fosthom l-Artikolu 187a ta’ dan it-Test Uniku, dwar il-ksur amministrattiv ta’ reat ta’ insider dealing, u l-Artikolu 187n tal-imsemmi Test Uniku, dwar is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Consob.

11      L-Artikolu 187a tat-Test Uniku, intitolat “Reat ta’ insider dealing”, kien, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ifformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet kriminali meta l-fatt jikkostitwixxi reat, hija punibbli b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn għoxrin elf Euro (EUR 20 000) u tliet miljun Euro (EUR 3 000 000), kull persuna li, waqt li tkun fil-pussess ta’ informazzjoni privileġġata minħabba l-kwalità tagħha ta’ membru ta’ korpi amministrattivi, ta’ direzzjoni jew ta’ sorveljanza tal-emittent, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital tal-emittent jew fl-eżerċizzju ta’ xogħol, minħabba professjoni jew funzjoni, inkluż pubblika, jew pożizzjoni:

a)      takkwista, tbigħ jew twettaq tranżazzjonijiet oħra, direttament jew indirettament, għan-nom tagħha stess jew għan-nom ta’ terz, fuq strumenti finanzjarji, billi tuża l-imsemmija informazzjoni;

b)      tikkomunika informazzjoni lil persuni oħra, lil hinn mill-kuntest normali tal-eżerċizzju tal-impjieg, tal-professjoni, tal-funzjoni jew tal-pożizzjoni tagħha;

c)      tirrakkomanda lil persuni oħra, abbażi ta’ din l-informazzjoni, iwettqu waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew tinkoraġġihom.

2.      Is-sanzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għal kull persuna li, waqt li tkun fil-pussess ta’ informazzjoni privileġġata minħabba l-preparazzjoni jew it-twettiq ta’ att kriminali, twettaq waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-imsemmi paragrafu 1.

3.      Għall-għanijiet ta’ dan l-artikolu, ‘strument finanzjarju’ ifisser ukoll l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1(2), li l-valur tagħhom jiddependi fuq strument finanzjarju msemmi fl-Artikolu 180(1)(a).

4.      Is-sanzjoni prevista fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għal kull persuna li, waqt li tkun fil-pussess ta’ informazzjoni privileġġata u tkun taf jew tista’ tkun taf, billi tuża diliġenza normali, in-natura ta’ ġewwa tagħha, twettaq waħda mill-fatti deskritti fl-imsemmi paragrafu.

5.      Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji previsti fil-paragrafi 1, 2 u 4 jiżdiedu sa tliet darbiet tal-ammont tagħhom jew sa ammont ikbar li jikkorrispondi għal għaxar darbiet tal-prodott jew tal-profitt magħmul mill-ksur, meta minħabba l-personalità tal-awtur tal-ksur jew tad-daqs tal-prodott jew tal-profitt mill-ksur, dawn jidhru insuffiċjenti anki jekk jiġi applikat l-ammont massimu.

6.      Fil-każijiet imsemmija f’dan l-artikolu, it-tentattiv għandu jiġi pparagunat mar-reat komplut.”

12      Fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 187n tat-Test Uniku kien intitolat “Protezzjoni tal-attività ta’ sorveljanza tal-Consob” u kien jipprovdi:

“1.      Lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 2638 tal-codice civile [il-Kodiċi Ċivili], kull persuna li ma tikkonformax ruħha fit-termini mogħtija mat-talbiet tal-Consob jew li tittardjaha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn għaxart elef Euro (EUR 10 000) u mitejn elf Euro (EUR 200 000).”

13      Dan l-Artikolu 187n ġie emendat bid-decreto legislativo n. 129 del 2017 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 129 tal-2017). Fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, l-imsemmi Artikolu 187n intitolat “Protezzjoni tal-attività ta’ sorveljanza tal-Banca d’Italia u tal-Consob” jaqra kif ġej:

“1.      Lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 2638 tal-Kodiċi Ċivili, huwa punibbli skont dan l-artikolu kull min ma jikkonformax ruħu fit-termini mogħtija mat-talbiet tal-Banca d’Italia u tal-Consob, jew ma jikkooperax ma’ dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza tagħhom, jew jittardja l-eżerċizzju tagħhom.

1a      Jekk il-ksur jitwettaq minn persuna fiżika, din hija punibbli b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn għaxart elef Euro (EUR 10 000) u ħames miljun Euro (EUR 5 000 000).

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2012, il-Consob, abbażi tal-Artikolu 187a tat-Test Uniku, imponiet fuq DB żewġ sanzjonijiet pekunjarji ta’ ammont rispettiv ta’ EUR 200 000 u ta’ EUR 100 000, għal ksur amministrattiv ta’ reat ta’ insider dealing imwettaq bejn id-19 ta’ Frar u s-26 ta’ Frar 2009, u li jinkludi żewġ partijiet, jiġifieri insider dealing u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

15      Din imponietlu wkoll sanzjoni pekunjarja fl-ammont ta’ EUR 50 000 fir-rigward tal-ksur amministrattiv previst fl-Artikolu 187n tat-Test Uniku, talli l-persuna interessata, wara li kienet talbet diversi drabi d-differiment tad-data tas-smigħ li kienet ġiet imsejħa għalih fil-kwalità tagħha ta’ persuna informata bil-fatti, kienet irrifjutat li twieġeb għall-mistoqsijiet li sarulha meta ppreżentat ruħha għal dan is-smigħ.

16      Barra minn hekk, il-Consob imponiet is-sanzjoni aċċessorja ta’ telf ta’ reputazzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 187c(1) tat-Test Uniku għal 18-il xahar u ordnat il-konfiska tal-ekwivalenti tal-profitt jew tal-mezzi użati sabiex dan jinkiseb skont l-Artikolu 187e tat-Test Uniku.

17      DB ippreżenta rikors kontra dawn is-sanzjonijiet quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja), li ċaħditu. Dan appella fil-kassazzjoni mid-deċiżjoni ta’ din il-qorti quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja). Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Frar 2018, din il-qorti ressqet quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) żewġ domandi inċidentali ta’ kostituzzjonalità, fejn l-ewwel waħda biss hija rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

18      Din il-kwistjoni tirrigwarda l-Artikolu 187n tat-Test Uniku, sa fejn din id-dispożizzjoni tissanzjona n-nuqqas ta’ konformità fit-termini mogħtija mat-talbiet tal-Consob jew il-fatt li jiġi ttardjat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza ta’ dan il-korp, inkluż għal dak li jirrigwarda l-persuna li fil-konfront tagħha l-Consob, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, tallega insider dealing.

19      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tosserva li l-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 187n tat-Test Uniku saret b’riferiment għal diversi drittijiet u prinċipji, li wħud minnhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, jiġifieri d-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-partijiet fil-proċess, previsti mill-Kostituzzjoni Taljana, u oħrajn tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni.

20      Għal din il-qorti, id-dritt li jinżamm is-silenzju u li persuna ma tikkontribwixxix għall-inkriminazzjoni tagħha stess (iktar ’il quddiem id-“dritt għas-silenzju”), ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali invokati, ma jistax jiġġustifika r-rifjut tal-persuna kkonċernata li tippreżenta ruħha għas-smigħ ordnat mill-Consob, u lanqas id-dewmien tal-imsemmija persuna li tippreżenta ruħha għal dan is-smigħ, sakemm jiġi ggarantit id-dritt tagħha li ma tirrispondix għad-domandi li jsirulha matul dan is-smigħ. Issa, tali garanzija kienet nieqsa f’dan il-każ.

21      Skont il-qorti tar-rinviju, minn naħa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li, minħabba l-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti, l-awtur preżunt ta’ ksur amministrattiv li jista’ jwassal għal sanzjoni ta’ natura kriminali jista’ jikkontribwixxi, minħabba f’hekk, għall-formulazzjoni ta’ akkuża kriminali fil-konfront tiegħu. Din il-qorti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, fid-dritt Taljan, it-tranżazzjonijiet ta’ insider dealing allegati fil-konfront ta’ DB jikkostitwixxu kemm ksur amministrattiv kif ukoll reat kriminali, u li l-proċeduri relatati magħhom jistgħu jinbdew u jiġu segwiti b’mod parallel, sa fejn ikunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 42 sa 63).

22      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għas-silenzju, li jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jinkiser meta persuni jkunu ssanzjonati mid-dritt nazzjonali minħabba li ma jkunux wieġbu għall-mistoqsijiet tal-awtoritajiet amministrattivi fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ konstatazzjoni ta’ reati amministrattivi punibbli b’sanzjonijiet kriminali (Qorti EDB; 3 ta’ Mejju 2001, J.B. vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0503JUD003182796, § 63 sa 71; 4 ta’ Ottubru 2005, Shannon vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2005:1004JUD000656303, § 38 sa 41, u tal-5 ta’ April 2012, Chambaz vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2012:0405JUD001166304, § 50 sa 58).

23      Skont il-qorti tar-rinviju, peress li l-Artikolu 187n tat-Test Uniku ġie introdott fl-ordinament ġuridiku Taljan b’eżekuzzjoni ta’ obbligu speċifiku impost mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u peress li attwalment jikkostitwixxi l-implimentazzjoni tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, dikjarazzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-imsemmi Artikolu 187n tirriskja li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni kellhom jinftiehmu fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw is-silenzju li żżomm, matul is-smigħ mill-awtorità kompetenti, persuna suspettata b’reat ta’ insider dealing. Madankollu, jista’ jkun hemm dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hekk miftehma, mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li donnhom jirrikonoxxu wkoll id-dritt għas-silenzju fl-istess limiti bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Kostituzzjoni Taljana.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-persuna kkonċernata minn investigazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni hija obbligata tirrispondi għal domandi purament ta’ fatt, twassal madankollu sabiex tillimita b’mod sinjifikattiv il-portata tad-dritt għall-persuna kkonċernata li ma tikkontribwixxix permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha, anki jekk indirettament, għall-inkriminazzjoni tagħha stess.

25      Issa, din il-ġurisprudenza, li ffurmat fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi u mhux persuni fiżiċi, u fil-parti l-kbira qabel l-adozzjoni tal-Karta, tidher diffiċilment konċiljabbli man-natura kriminali li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192), għas-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-ordinament ġuridiku Taljan fil-qasam tar-reat ta’ insider dealing.

26      Peress li l-kwistjoni jekk l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jimponux, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, li jiġi osservat id-dritt għas-silenzju fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għadha ma ġietx indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju, qabel ma tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-kostituzzjonalità li għandha quddiemha, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni, u jekk ikun il-każ, dwar il-validità, fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE, sa fejn dan huwa applikabbli ratione temporis, u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jiġu interpetati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li ma jissanzjonawx lil min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti, li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura ‘punittiva’?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE, sa fejn dan huwa applikabbli ratione temporis, u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huma kompatibbli mal-Artikoli 47 u 48 tal-[Karta], inkluż fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem inkonnessjoni mal-Artikolu 6 tal-KEDB u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fost l-Istati Membri, sa fejn dawn jistabbilixxu li għandu jiġi ssanzjonat ukoll kull min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti, li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura ‘punittiva’?”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

28      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistaqsi dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-għoti ta’ deċiżjoni fil-kawża prinċipali, tar-Regolament Nru 596/2014 li, fid-dawl tad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, ma huwiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni jew l-eżami tal-validità tiegħu ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, EU:C:2009:719, punti 40 sa 42, u tat-12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 24).

30      F’dan il-każ, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tqis li għandha tiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 187n tat-Test Uniku mhux biss fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, li kien jittrasponi l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6, iżda wkoll fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, li jimplimenta l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-koerenza u għar-relazzjoni ta’ kontinwità eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6 u dawk tar-Regolament Nru 596/2014, li jiġġustifikaw eżami tad-dispożizzjonijiet kollha analogi li jikkostitwixxu l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 30(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

31      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-Artikolu 187n tat-Test Uniku jkollha effett ukoll fuq il-verżjoni attwalment fis-seħħ ta’ dan l-artikolu, li jimplimenta l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014.

32      F’dan il-kuntest, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

33      Konsegwentement, id-domandi magħmula għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

34      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li ma jissanzjonawx lil persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa fir-rigward tagħha mill-awtorità kompetenti skont id-direttiva jew skont dan ir-regolament, tirrifjuta li tagħti lil din tal-aħħar risposti li jistgħu jikxfu r-responsabbiltà tagħha għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

36      Barra minn hekk, għalkemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jistabbilixxu, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ xieraq u l-preżunzjoni tal-innoċenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi wkoll għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Issa, għalkemm din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu madankollu jitfakkar li, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jipprovdi li d-drittijiet inklużi fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilhom mill-imsemmija konvenzjoni, huwa intiż biex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn dawn id-drittijiet rispettivi mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 24 u 25).

37      Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 48 tal-Karta huwa “l-istess” bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB. Fl-interpretazzjoni li hija twettaq fir-rigward tad-drittijiet iggarantiti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72; tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 124, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 56).

38      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrilevat li, anki jekk l-Artikolu 6 tal-KEDB ma jsemmix espressament id-dritt għas-silenzju, dan jikkostitwixxi regola internazzjonali ġeneralment irrikonoxxuta, li tinsab fil-qalba tal-kunċett ta’ smigħ xieraq. Billi jipproteġi lill-akkużat minn koerċizzjoni abbużiva min-naħa tal-awtoritajiet, dan id-dritt jikkontribwixxi sabiex jiġu evitati żbalji ġudizzjarji u sabiex jiġi ggarantit ir-riżultat mixtieq mill-imsemmi Artikolu 6 (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 8 ta’ Frar 1996, John Murray vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1996:0208JUD001873191, punt 45).

39      Peress li l-protezzjoni tad-dritt għas-silenzju hija intiż sabiex jiġi żgurat li, f’kawża kriminali, l-akkuża tibbaża l-argumentazzjoni tagħha mingħajr ma tirrikorri għal provi miksuba permezz tal-forza jew tal-pressjoni, bi ksur tar-rieda tal-akkużat (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1996:1217JUD001918791, punt 68), dan id-dritt jinkiser, b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni ta’ persuna ssuspettata li, mhedda li ssofri sanzjonijiet jekk ma tixhidx, jew tixhed, jew tkun punibbli talli rrifjutat li tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punt 267).

40      Id-dritt għas-silenzju ma jistax raġonevolment ikun limitat għall-ammissjonijiet ta’ twettiq ta’ reat jew għall-kummenti li jesponu direttament lill-persuna interrogata, iżda jkopri wkoll informazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ fatt li jistgħu sussegwentement jintużaw insostenn tal-akkuża u b’hekk ikollhom impatt fuq il-kundanna jew fuq is-sanzjoni imposta fuq din il-persuna (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1996:1217JUD001918791, punt 71, u 19 ta’ Marzu 2015, Corbet et vs Franza, CE:ECHR:2015:0319JUD000749411, punt 34).

41      Madankollu, id-dritt għas-silenzju ma jistax jiġġustifika kull nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, bħal rifjut li wieħed jippreżenta ruħu għal smigħ previst minnhom jew manuvri dilatorji intiżi sabiex jipposponu ż-żamma tas-smigħ.

42      Fir-rigward tal-punt dwar taħt liema kundizzjonijiet l-imsemmi dritt għandu jiġi osservat ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv, għandu jiġi enfasizzat li dan l-istess dritt huwa intiż li japplika fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali. Tliet kriterji huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-imsemmija natura. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed jikkonċerna n-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 28).

43      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk is-sanzjonijiet amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali, din il-qorti madankollu tfakkar ġustament li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-Consob jidhru li għandhom għan repressiv u jippreżentaw grad għoli ta’ severità tali li jista’ jkollhom natura kriminali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca, C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 38, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 34 u 35). Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet, essenzjalment, għall-istess konklużjoni (Qorti EDB, 4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja, CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, punt 101).

44      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, is-sanzjonijiet imposti mill-awtorità ta’ sorveljanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq DB ma kellhomx ikunu ta’ natura kriminali, in-neċessità li jiġi rrispettat id-dritt għas-silenzju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija minnha tista’ tirriżulta wkoll mill-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-provi miksuba fil-kuntest ta’ din il-proċedura jistgħu jintużaw, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mmexxija kontra din l-istess persuna, sabiex jiġi stabbilit it-twettiq ta’ tali reat.

45      Fid-dawl tal-iżviluppi li jinsabu fil-punti 35 sa 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, fost il-garanziji li jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48 tal-Karta, u li l-osservanza tagħhom hija imposta kemm fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, jinsab, b’mod partikolari, id-dritt għas-silenzju ta’ persuna fiżika “akkużata” fis-sens tat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan id-dritt jipprekludi, b’mod partikolari, li tali persuna tiġi ssanzjonata għar-rifjut tagħha li tipprovdi lill-awtorità kompetenti skont id-Direttiva 2003/6 jew ir-Regolament Nru 596/2014 risposti li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tagħha għal reat punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali jew għar-responsabbiltà kriminali tagħha.

46      Din l-analiżi ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, li minnha jirriżulta, essenzjalment, li, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-istabbiliment ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli, l-impriża kkonċernata tista’ tiġi mġiegħla tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li hija tista’ tkun taf bihom u li tikkomunika, jekk ikun hemm bżonn, id-dokumenti relatati li huma fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, b’mod partikolari fir-rigward tagħha, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, EU:C:1989:387, punt 34; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, EU:C:2006:432, punt 41, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 34).

47      Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest, iddeċidiet ukoll li ma jistax jiġi impost fuq din l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li permezz tagħhom hija jkollha tammetti l-eżistenza ta’ tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, EU:C:1989:387, punt 35, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, EU:C:2006:432, punt 42).

48      Min-naħa l-oħra, kif tindika l-qorti tar-rinviju stess, il-ġurisprudenza mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza tikkonċerna proċeduri li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq impriżi u fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Hija ma tistax tapplika b’analoġija meta tiġi stabbilita l-portata tad-dritt għas-silenzju ta’ persuni fiżiċi li, bħal DB, huma s-suġġett ta’ proċedura għal reat ta’ insider dealing.

49      Fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-validità, fir-rigward tad-dritt għas-silenzju stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48 tal-Karta, tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat tal-Unjoni jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi ma’ dan id-dritt għas-silenzju sa fejn dawn ma jimponux li tiġi ssanzjonata persuna fiżika għar-rifjut tagħha milli tipprovdi lill-awtorità kompetenti, abbażi ta’ din id-direttiva jew ta’ dan ir-regolament, risposti li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħha għal reat punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminal jew ir-responsabbiltà kriminali tagħha.

50      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, it-test tad-dritt idderivat tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jpoġġix indiskussjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. B’dan il-mod, meta tali test jista’ jkun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju pjuttost milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha miegħu (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 77). Kemm il-premessa 44 tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll il-premessa 77 tar-Regolament Nru 596/2014 jenfasizzaw barra minn hekk li dawn iż-żewġ atti jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta.

51      Fir-rigward, qabel kollox, tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6, dan jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. Dan tal-aħħar jippreċiża li, f’dan il-kuntest, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ titlob informazzjoni mingħand il-persuni kollha u, jekk ikun neċessarju, issejjaħ u tisma’ persuna.

52      Għalkemm il-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jeskludix, b’mod espress, li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli f’tali każ japplika wkoll għall-ipoteżi tar-rifjut, minn persuna hekk mismugħa, li tagħti lill-imsemmija awtorità risposti li jistgħu jikxfu r-responsabbiltà tagħha għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali jew ir-responsabbiltà kriminali tagħha, lanqas ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 li jipprekludi interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li dan l-obbligu ma japplikax għal tali ipoteżi.

53      Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, din id-dispożizzjoni timponi d-determinazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni jew ta’ sottomissjoni għal investigazzjoni, għal spezzjoni jew għal talba msemmija fl-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, li l-punt (b) tiegħu jippreċiża li dan jinkludi l-interrogazzjoni ta’ persuna sabiex tinkiseb informazzjoni.

54      Madankollu, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 596/2014 jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jadottaw sanzjonijiet u miżuri xierqa oħra, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, dan ma jimponix fuq dawn l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ tali sanzjonijiet jew miżuri għall-persuni fiżiċi li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar reat li huwa suġġett għal sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali, jirrifjutaw li jipprovdu lill-awtorità kompetenti risposti li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħhom għal tali ksur jew ir-responsabbiltà kriminali tagħhom.

55      Minn dan isegwi li kemm l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014 jistgħu jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, fis-sens li huma ma għandhomx jeżiġu li persuna fiżika tiġi ssanzjonata għar-rifjut tagħha li tipprovdi lill-awtorità kompetenti risposti li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħha għal reat punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali jew ir-responsabbiltà kriminali tagħha.

56      Interpretati b’dan il-mod, il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ma tistax tiġi affettwata, fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, minħabba li dawn ma jeskludux b’mod espliċitu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għal tali rifjut.

57      Finalment, f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom jużaw is-setgħa diskrezzjonali li jagħtihom test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 53 u 54). Fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/6 jew mir-Regolament Nru 596/2014, dawn għandhom jiżguraw, kif ġie enfasizzat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li, konformement mad-dritt għas-silenzju ggarantit mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tissanzjona lil persuna fiżika għar-rifjut tagħha li tipprovdi lil din l-awtorità risposti li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħha għal reat punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali jew ir-responsabbiltà kriminali tagħha.

58      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament Nru 596/2014, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li ma jissanzjonawx lil persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mmexxija fir-rigward tagħha mill-awtorità kompetenti skont din id-direttiva jew skont dan ir-regolament, tirrifjuta li tipprovdilha risposti li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħha għal reat punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali jew ir-responsabbiltà kriminali tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6 u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li ma jissanzjonawx lil persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mmexxija fir-rigward tagħha mill-awtorità kompetenti skont din id-direttiva jew skont dan ir-regolament, tirrifjuta li tipprovdilha risposti li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tagħha għal reat punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi li għandhom natura kriminali jew ir-responsabbiltà kriminali tagħha.


Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.