Language of document : ECLI:EU:T:2004:222

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

8 ta' Lulju 2004 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Kriterju ta' kreditur privat – Għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà – Drittijiet tad-difiża – Motivazzjoni"

Fil-kawża T-198/01

Technische Glaswerke Ilmenau GmbH, stabbilita f'Ilmenau (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn S. Gerrit u C. Arhold, u wara minn C. Arhold u N. Wimmer, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Schott Glas, stabbilita f'Mayence (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Soltész, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/185/KE, tat-12 ta' Ġunju 2001, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (il-Ġermanja) (ĠU L 62, p. 30), 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, P. Lindh, J. D. Cooke, H. Legal u E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 87(1) KE jiddikjara li hija inkompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara ta' kull deroga kontemplata mit-Trattat, kull għajnuna mill-Istat li tista' tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

2        L-Artikolu 87(3) KE jipprovdi li:

"[L-]għajnuna li ġejja tista' tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:

[…]

ċ)      għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni […]"

3        Fit-23 ta' Diċembru 1994, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tiffissa linji gwida Komunitarji għall-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà, applikabbli f'dan il-każ (ĠU C 368, p. 12, iktar 'il quddiem il-"linji gwida għall-għajnuniet għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà"). Skond dawn il-linji gwida:

" 1.2. F'ċerti ċirkustanzi […], l-għajnuna mill-Istat intiża għas-salvataġġ ta' impriżi f'diffikultà u sabiex tinkoraġġixxi r-ristrutturar tagħhom tista' tkun ġustifikata. Dan jista' jkun il-każ, per eżempju, għal raġunijiet ta' politika soċjali jew reġjonali, jew ukoll minħabba li huwa mixtieq li tinżamm struttura ta' suq kompetittiv meta n-nuqqas ta' impriżi jista' jwassal għal sitwazzjoni ta' monopolju jew ta' oligopolija limitata, jew ukoll minħabba li hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tas-settur ta' impriżi żgħar u medji u r-rwol benefiku li dawn l-impriżi jista' jkollhom minn aspett ekonomiku iżjed ġenerali.

[…]

3.2.      Għajnuna għar-ristrutturar

[…]

3.2.2. Kundizzjonijiet ġenerali

[…] sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tapprova għajnuna, jenħtieġ li l-pjan ta' ristrutturar jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali kollha li ġejjin.

A. Ritorn għall-vijabbiltà

Il-kundizzjoni meħtieġa sine qua non ta' kull pjan ta' ristrutturar hija li dan għandu jippermetti li terġa' tiġi stabbilita, fi żmien raġonevoli, il-vijabbiltà fit-tul ta' l-impriża, abbażi ta' ipoteżi realistiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' ġestjoni futuri tagħha. Għaldaqstant, l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tkun marbuta ma' programm vijabbli ta' ristrutturar jew ta' rekuperazzjoni, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni bil-preċiżjonijiet kollha meħtieġa. Dan il-pjan għandu jippermetti li terġa' tiġi stabbilita l-kompetittività ta' l-impriża fi żmien raġonevoli.

[…]

Ċ. Għajnuna proporzjonali għall-ispejjeż u l-vantaġġi tar-ristrutturar

L-ammont u l-intensità ta' l-għajnuna għandhom ikunu limitati għall- minimu strettament neċessarju għar-ristrutturar u għandhom ikunu relatati mal-vantaġġi mogħtija mill-aspett Komunitarju. Għal dawn ir-raġunijiet, il-benefiċjarji ta' l-għajnuna għandhom ġeneralment jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-pjan ta' ristrutturar permezz tar-riżorsi tagħhom stess jew permezz ta' finanzjament estern akkwistat skond il-kundizzjonijet tas-suq. Sabiex titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, wieħed għandu jevita li l-għajnuna ma tingħatax f'forma li twassal lill-impriża sabiex ikollha likwidità eċċessiva li hija tista' tuża għal attività aggressiva li tista' toħloq distorsjoni fuq is-suq u li ma tkunx marbuta mal-proċess ta' ristrutturar. L-għajnuna lanqas m'għandha sservi sabiex tiffinanzja investimenti ġodda li mhumiex bżonjużi għar-ristrutturar. L-għajnuna intiża għar-ristrutturar finanzjarju m'għandhiex tnaqqas b'mod eċċessiv il-piżijiet finanzjarji ta' l-impriża.

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Fir-rigward tal-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuniet mill-Istat, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), daħal fis-seħħ fis-16 ta' April 1999.

5        L-Artikolu 4(4) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżura nnotifikata lilha meta, wara eżami preliminari, jitqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Skond l-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmi regolament, hija għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f'terminu preskritt. Skond l-Artikolu 6(2) ta' l-imsemmi regolament, il-kummenti riċevuti għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat, li jista' jirrispondi għalihom.

6        L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li:

"Kull parti interessata tista' tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wara [d-] deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta' għajnuna individwali għandha tintb[agħ]tilhom kopja tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Technische Glaswerke Ilmenau GmbH hija kumpannija Ġermaniża li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'Ilmenau fil-Land ta' Thüringen. Hija teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-produzzjoni tal-ħġieġ.

8        Hija ġiet ifformata fl-1994, mill-koppja miżżewġa Geiß, bil-għan li terġa' tieħu l-kontroll ta' erbgħa mit-tnax–il impjant ta' produzzjoni ta' ħġieġ li kellha l-kumpannija preċedenti Ilmenauer Glaswerke GmbH (iktar 'il quddiem "IGW"), li kienet tqiegħdet f'likwidazzjoni mit-Treuhandanstalt (korp tad-dritt pubbliku inkarigat mir-ristrutturar ta' l-impriżi ta' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, li wara sar il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben, iktar 'il quddiem il-"BvS"). L-impjanti ta' produzzjoni kkonċernati kienu ġejjin mill-beni nazzjonalizzati tal-Volkseigner Betrieb Werk für Technisches Glas Ilmenau, li, qabel ir-rijunifikazzjoni tal-Ġermanja, kienet iċ-ċentru tal-produzzjoni tal-ħġieġ ta' l-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja.

9        Il-bejgħ ta' l-erba' impjanti ta' produzzjoni minn IGW lir-rikorrenti saret f'żewġ fażijiet, jiġifieri permezz ta' l-ewwel kuntratt fis-26 ta' Settembru 1994 [iktar 'il quddiem l-"asset–deal 1" (ftehim ta' ċessjoni ta' l-assi)], approvat mit-Treuhandanstalt f'Diċembru 1994, u permezz tat-tieni kuntratt tal-11 ta' Diċembru 1995 (iktar 'il quddiem l-"asset-deal 2") approvat mill-BvS fit-13 ta' Awwissu 1996.

10      Skond l-asset-deal 1, il-prezz tal-bejgħ ta' l-ewwel tliet impjanti ta' produzzjoni kien jammonta għat-total ta' 5.8 miljuni Marki Ġermaniżi (DEM) (EUR 2,965,493) u kellu jitħallas fi tliet pagamenti, fil-31 ta' Diċembru tas-snin 1997, 1998 u 1999. Il-ħlas kien assigurat b'garanzija ipotekarja ta' DEM 4 miljuni (EUR 2,045,168) u b'garanzija bankarja ta' DEM 1.8 miljuni (EUR 920,325).

11      Huwa paċifiku li ma sar l-ebda wieħed mit-tliet pagamenti.

12      Bis-saħħa ta' l-asset-deal 2, ir-raba' impjant ta' produzzjoni nbiegħ ukoll minn IGW lir-rikorrenti għall-prezz ta' DEM 50,000 (EUR 25,565).

13      Huwa paċifiku wkoll li r-rikorrenti kellha diffikultajiet ta' likwidità fl-1997. Fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet, hija daħlet f'negozjati mal-BvS. Dawn wasslu għat-tfassil ta' kuntratt, fis-16 ta' Frar 1998, li permezz tiegħu l-BvS tat il-kunsens tagħha sabiex il-prezz tal-bejgħ li kien jirriżulta mill-asset-deal 1 jitnaqqas b' DEM 4 miljuni (iktar 'il quddiem it-"tnaqqis fil-prezz").

14      B'ittra ta' l-1 ta' Diċembru 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni b'diversi miżuri li l-għan tagħhom kien li joħorġu lir-rikorrenti mid-diffikultajiet tagħha, fosthom it-tnaqqis fil-prezz. Din in-notifika kienet parzjalment tikkonċerna pjan ta' ristrutturar għall-perijodu ta' bejn is-sena 1998 u s-sena 2000, li kien jinkludi, b'mod partikolari, it-tfittxija ta' investitur privat ġdid li jkun jista' jdaħħal kontribuzzjoni ta' DEM 3.85 miljuni (EUR 1,968,474).

15      Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE permezz ta' l-ittra SG (2000) D/102831, ta' l-4 ta' April 2000. Hija kkunsidrat li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu x'aktarx allokaw diversi għajnuniet mill-Istat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 u l-asset-deal 2. Din l-allegata għajnuna hija deskritta fl-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta' Lulju 2000 [Stedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet taħt l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE fir-rigward ta' l-għajnuna C 19/2000 (ex NN 147/98) – Għajnuna favur Technische Glaswerke Ilmenau GmbH – Il-Ġermanja (ĠU C 217, p. 10], fejn il-Kummissjoni provviżorjament stmat li tnejn mill-miżuri kkonċernati setgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet inkompatibbli mas-suq komuni, jiġifieri t-tnaqqis fil-prezz u self ta' DEM 2 miljuni (EUR 1,015,677) mogħti mill-Aufbaubank ta' Thüringen (TAB) fit-30 ta' Novembru 1998 lir-rikorrenti, bis-saħħa tar-reġim ta' għajnuna NN 74/95 [approvata bid-deċiżjoni SG (96) D/1946].

16      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, permezz ta' ittra li wasslet fis-7 ta' Lulju 2000, fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali. Skond din, it-tnaqqis fil-prezz ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda kien jikkorrispondi għall-imġiba ta' kreditur privat li kien qed jipprova jirkupra l-kreditu tiegħu f'sitwazzjoni fejn l-eżiġenza li l-prezz tal-bejgħ jitħallas kollu kienet probabbilment twassal sabiex ir-rikorrenti titqiegħed f'likwidazzjoni.

17      Wara li ġiet informata bl-avviż tad-29 ta' Lulju 2000, ir-rikorrenti ressqet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fit-28 ta' Awwissu 2000. Hija talbet lil din ta' l-aħħar sabiex tagħtiha aċċess għall-parti non-kunfidenzjali tal-fajl u li konsegwentement tagħtiha l-possibbiltà sabiex tippreżenta osservazzjonijiet ġodda.

18      B'ittra tal-11 ta' Ottubru 2000, il-BvS tat termini ta' żmien lir-rikorrenti għall-ħlas tal-bilanċ tal-prezz iffissat mill-asset-deal 1, jiġifieri DEM 1.8 miljuni, kif ukoll għall-ħlas ta' l-interessi dovuti bejn l-1 ta' Jannar 1998 u l-20 ta' Ġunju 2000, li kienu jammontaw għal DEM 198,800 (EUR 101,645). Mingħajr ma talbet il-ħlas ta' interessi addizzjonali, il-BvS iffissat id-dati ġodda ta' meta għandu jsir il-ħlas bħala l-31 ta' Diċembru tas-snin 2003 sa 2005. Kien ukoll previst li s-somma ta' DEM 666,600 (EUR 340,827) kellha tiġi rimborsata f'kull waħda minn dawn id-dati.

19      B'komunikazzjoni ta' l-20 ta' Novembru 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar l-osservazzjojijiet ta' l-impriża Schott Glas, kompetitriċi tar-rikorrenti, sottomessi fit-28 ta' Settembru 2000 lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' investigazzjoni formali.

20      Fis-27 ta' Frar 2001, bħala anness mal-komunikazzjoni tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet lill-Kummissjoni kopja ta' rapport, datat l-24 ta' Novembru 2000 u magħmul mis-Sur Arnold, accountant espert, li kien jikkonċerna s-sitwazzjoni u l-prospetti ta' profittabbiltà tar-rikorrenti (iktar 'il quddiem ir-"rapport Arnold").

21      Fit-12 ta' Ġunju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/185/KE dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (ĠU 2002, L 62, p. 30, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Filwaqt li rrinunzjat espressament milli teżamina għajnuniet potenzjali oħra fil-kuntest ta' l-istess proċedura ta' investigazzjoni formali, bħan-novazzjoni tal-garanzija bankarja ta' DEM 1.8 miljuni, magħmula fil-kuntest ta' l-asset-deal 1, bħala jedd fuq proprjetà immobbli ta' grad inferjuri ("nachrangige Grundschuld") u bħala posponiment tal-ħlas tal-bilanċ tal-prezz iffissat f'dan il-kuntratt għas-sena 2003 (premessi 42, 64 u 65 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-tnaqqis fil-prezz ma kienx ġie aċċettat minn kreditur privat, iżda kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

22      Minħabba tliet raġunijiet (premessa 76 sa 80 tad-deċiżjoni kkontestata) il-Kummissjoni qieset li l-BvS, billi tat it-tnaqqis fil-prezz, ma ġabitx ruħha bħal kreditur privat. Anki jekk l-asset-deal 2 kienet tiddependi mit-tnaqqis fil-prezz, xejn ma kien jindika, skond id-deċiżjoni kkontestata, li l-operazzjoni li fil-fatt twettqet kienet inqas oneruża minn dik li kienet teżiġi l-ħlas integrali tal-prezz inizjalment miftiehem u li tirrinunzja għall-asset-deal 2 (premessa 81). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument imressaq mir-rikorrent li t-tnaqqis fil-prezz, meta jitqies it-tnaqqis tas-sussidji mwiegħda mil-Land ta' Thüringen, kien jikkostitwixxi biss aġġustament tal-kuntratt ta' privatizzazzjoni. Fil-fatt hija qieset li l-BvS u l-Land ta' Thüringen kienu, f'kull każ, persuni ġuridiċi differenti (premessa 82). Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-BvS ma kinitx aġixxiet sabiex tippreżerva l-interessi finanzjarji tagħha, iżda sabiex tassigura s-sopravivenza tar-rikorrenti (premessa 83).

23      Skond id-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis fil-prezz ma setax jibbenefika minn eżenzjoni bħala għajnuna ad hoc għar-ristrutturar peress li l-kundizzjonijiet iffissati mil-linji gwida Komunitarji għall-għajnuniet għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà ma kinux sodisfatti. B'mod partikolari, il-pjan ta' ristrutturar tar-rikorrenti ma kienx ibbażat fuq ipoteżi realistiċi u r-ritorn għall-vijabbiltà tagħha fit-tul kien dubjuż (premessi 92 sa 97).

24      Il-Kummissjoni fakkret il-kundizzjoni imposta fuq l-għajnuna għar-ristrutturar li teħtieġ li l-pjan ta' ristrutturar għandu jipprevedi miżuri sabiex jitnaqqsu, safejn ikun possibbli, il-konsegwenzi sfavorevoli li jistgħu jirriżultaw minn dan ir-ristrutturar għall-kompetituri (premessi 98 sa 101). Minkejja l-osservazzjonijiet ta' kompetitur tar-rikorrenti li "kienu jeżistu kapaċitajiet eċċessivi strutturali fuq ċerti swieq ta' prodotti li fuqhom [ir-rikorrenti] segw[iet] l-attivitajiet tagħha", hija kkunsidrat li, skond informazzjoni li kellha ma kinux jeżistu "kapaċitajiet eċċessivi fuq is-suq sħiħ" (premessa 101).

25      Fl-aħħar, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-proporzjonalità ta' l-għajnuna ma ġietx sodisfatta safejn ma kienet teżisti l-ebda kontribuzzjoni minn investitur privat fis-sens tal-linji gwida msemmija iktar 'il fuq (premessi 102 sa 107). Barra minn hekk, billi, skond l-istess kompetitur, ir-rikorrenti kienet tbigħ il-prodotti tagħha sistematikament taħt il-prezz tas-suq, saħansitra taħt il-prezz ta' kemm swew, u kienet tibbenefika b'mod kostanti mill-introduzzjoni ta' likwidità sabiex ittaffilha t-telf tagħha, il-Kummissjoni sabet li ma setax jiġi eskluż li r-rikorrenti użat il-fondi miġbura għal attivitajiet li pprovokaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u li kienu separati mill-proċess ta' ristrutturar (premessa 103). Hija kkonkludiet li t-tnaqqis fil-prezz ma kienx għaldaqstant kompatibbli mas-suq komuni (premessa 109).

26      Skond l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija mi[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH fil-forma [ta' tnaqqis fil-prezz] ta' [DEM] 4 miljuni fuq il-prezz tax-xiri fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 konkluż fis-26 ta' Settembru 1994 hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. I[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex takkwista r-rimbors mill-benefiċjarja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li ngħatat [lilha] illegalment.

2. Ir-rimbors ta' l-għajnuna għandu jsir immedjatament skond il-proċeduri Ġermaniżi, safejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni preżenti. L-għajnuna li trid tiġi rimborsata tinkludi l-interessi tal-[perijodu inkluż bejn id-] data li fiha l-benefiċjarja kellha l-għajnuna illegali għad-dispożizzjoni tagħha u d-data tar-rimbors effettiv tagħha. L-interessi huma kkalkulati abbażi ta' rati ta' referenza użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti għal għajnuna reġjonali."

27      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li saret taf dwar id-deċiżjoni kkontestata fid-19 ta' Ġunju 2001, meta rappreżentanti tal-BvS għaddewlha kopja tagħha.

28      B'ittra tat-23 ta' Awwissu 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li hija kellha l-intenzjoni, b'riżerva għall-ftehim tagħha, li tiddifferixxi l-irkupru ta' l-għajnuna kkonċernata sabiex ma tikkompromettix in-negozjati li kienu qegħdin iseħħu bejn ir-rikorrenti u investitur potenzjali ġdid.

 Il-proċedura kontenzjuża

29      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Awwissu 2001, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

30      B'att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni ressqet talba għal proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ir-rikorrenti opponiet din it-talba fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati għal dan l-iskop fil-11 ta' Diċembru 2001. Id-deċiżjoni tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ma taċċettax it-talba għal proċedura mħaffa magħmula mill-Kummissjoni ġiet innotifikata lill-partijiet fis-17 ta' Jannar 2002.

31      B'digriet ta' l-4 ta' April 2002 (Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01 R, Ġabra p. II-2153), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fuq talba tar-rikorrenti, issospenda l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sas-17 ta' Frar 2003. Din is-sospensjoni kienet torbot lir-rikorrenti li tirrispetta tliet kundizzjonijiet, li hija ssodisfat.

32      B'digriet tal-15 ta' Mejju 2002 tal-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza ġie aċċettat l-intervent tal-kumpannija Schott Glas in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

33      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'digriet tat-18 ta' Ottubru 2002 [Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-232/02 P(R), Ġabra p. I-8977], ċaħad l-appell imressaq mill-Kummissjoni kontra d-digriet ta' l-4 ta' April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq.

34      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relattur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fl-10 ta' Lulju 2003, iddeċidiet li tistieden lill-partijiet prinċipali sabiex jirrispondu bil-miktub jew fis-seduta, skond il-każ, għal numru ta' domandi u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Huma segwew dawn it-talbiet.

35      B'digriet ta' l-1 ta' Awwissu 2003 (Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01 R II, li għadu ma ġiex ippublikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza, wara talba ġdida min-naħa tar-rikorrenti, issospenda l-eżekuzzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sas-17 ta' Frar 2004, filwaqt li reġa' rabat din is-sospensjoni ma' tliet kundizzjonijiet li r-rikorrenti kellha tissodisfa.

36      B'ittra tal-15 ta' Ottubru 2003, ir-rikorrenti talbet li l-Kummissjoni tipproduċi l-Anness 1 għall-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas-27 ta' Frar 2001, peress li l-imsemmija komunikazzjoni ġiet prodotta mill-Kummissjoni minħabba miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura. Ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tawtorizzaha tirrispondi bil-miktub – u mhux waqt is-seduta, bħalma kien ġie meħtieġ mill-Qorti tal-Prim'Istanza – għal waħda mid-domandi li ġew magħmula lilha kif ukoll lill-Kummissjoni, minħabba li din ta' l-aħħar kienet irrispondiet ukoll bil-miktub. Dawn it-talbiet ġew aċċettati.

37      Il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'digriet tat-12 ta' Novembru 2003, aċċetta t-talbiet ta' kunfidenzjalità mressqa mir-rikorrenti, fir-rigward kemm ta' l-atti tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet u kemm, jekk ikun il-każ, dawk li għandhom jiġu nnotifikati, li jikkonċernaw ċerti elementi li jinstabu fir-risposti tal-partijiet prinċipali għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza u għat-talbiet tagħha sabiex jiġu prodotti dokumenti, filwaqt li rriżerva l-possibbiltà li jintlaqgħu l-oġġezzjonijet eventwali li jistgħu jiġu fformulati f'dan ir-rigward.

38      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta li saret fil-11 ta' Diċembru 2003.

39      B'att ippreżentat fis-17 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti rreferiet talba lill-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza intiża sabiex tikseb estensjoni tas-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu deċiżjoni finali dwar ir-rikors prinċipali.

40      B'digriet tat-3 ta' Marzu 2004, adottat taħt tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ordna proroga temporanja tas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal proroga.

41      B'digriet adottat fit-12 ta' Mejju 2004 (Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01 R [III] li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ordna s-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm tingħata s-sentenza preżenti.

 It-talbiet tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż.

43      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tbati l-ispejjeż.

44      L-intervenjenti, in sostenn tal-Kummissjoni, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati ma' l-intervent tagħha.

 Id-dritt

45      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sostanzjalment ħames motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u fuq nuqqas ta' motivazzjoni; it-tieni nett, fuq ksur ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u fuq insuffiċjenza ta' motivazzjoni; it-tielet nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba; ir-raba' nett fuq insuffiċjenza ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata; il-ħames nett, fuq ksur tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

46      Fil-kuntest ta' dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li t-tnaqqis fil-prezz ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. F'dan ir-rigward, hija ssostni li l-imsemmi tnaqqis huwa aġġustament ta' l-asset-deal 1 li hija kellha dritt twettaq, minħabba l-ksur ta' wegħda li kellha tingħata sussidju mil-Land ta' Thüringen kopert minn skema ta' għajnuna li ġiet approvata minn qabel mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni fuq dan il-punt. It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-kriterju ta' l-investitur privat fl-ekonomija tas-suq u li f'dan ir-rigward id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed. Fl-aħħar nett, hija tikkontesta, sussidjarjament, id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-għajnuna li l-Kummissjoni teżiġi li għandu jiġi rkuprat.

 Għal dak li jikkonċerna d-dritt għall-aġġustament ta' l-asset-deal 1

–       L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis ta' DEM 4 miljuni mill-prezz ta' DEM 5.8 miljuni stabbilit fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 jikkumpensa n-nuqqas ta' eżekuzzjoni mil-Land ta' Thüringen ta' wegħda ta' ħlas ta' DEM 4 miljuni magħmula fl-1994, fil-kuntest ta' negozjati li ppreċedew il-konklużjoni ta' dan il-kuntratt.

48      Il-wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen kienet ġiet koperta mit-23 pjan qafas ta' ħidma ta' interess komuni "Titjib ta' l-istruttura ekonomika u reġjonali", skema ta' għajnuna għall-investiment b'għan reġjonali approvata mill-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 87(3)(a) KE, b'deċiżjoni ta' l-1 ta' Awwissu 1994 [Nru 157/94, SG (94) D/11038]. Ir-rikorrenti tosserva li, skond din l-iskema, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tagħti għajnuna lil investitur li jerġa jixtri impriża mingħand il-BvS fl-ammont ta' 27% tas-somma investita f'din l-impriża. Għajnuna addizzjonali, li tammonta għal 16% tas-somma investita, setgħet tingħata jekk l-investitur kien "impriża żgħira jew medja" (iktar 'il quddiem "IŻM"). Fil-kuntest ta' l-asset-deal 1, din l-għajnuna addizzjonali, li kienet tammonta għal DEM 4 miljuni kienet imwiegħda lir-rikorrenti. Il-Land ta' Thüringen kienet, madankollu, irrifjutat li tagħti dan l-ammont, mingħajr ma indikat ir-raġunijiet eżatti ta' dan ir-rifjut. Ir-rikorrenti u l-BvS, għalhekk, bdew negozjati fl-aħħar tas-sena 1996 sabiex jaġġustaw l-asset-deal 1 u l-prezz tal-bejgħ iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 tnaqqas, f'dan il-kuntest, b'DEM 4 miljuni.

49      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta' l-intervenjenti, il-wegħda ta' għajnuna msemmija iktar 'il fuq ma kinitx tmur kontra r-regoli Komunitarji, peress li r-rikorrenti kienet, minn ta' l-anqas sa l-aħħar ta' l-1995, IŻM.

50      Barra minn hekk, dan l-argument ta' l-intervenjenti mhuwiex rilevanti peress li fl-asset-deal 1, ir-rikorrenti u l-BvS kienu jiffissaw il-prezz tal-bejgħ għal DEM 1 miljun (EUR 511,292) li kieku kienu jafu l-l-għajnuna mwiegħda mil-Land ta' Thüringen ma kinitx ser tingħata. L-iffissar tal-prezz tal-bejgħ għal DEM 1.8 miljuni ma kienx, barra minn hekk, imur kontra r-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fl-1994, dawn ir-regoli ma kinux jipprekludu lill-BvS milli tbiegħ bi prezz negattiv – jiġifieri għal ammont simboliku flimkien ma' wegħdiet ta' għajnuna min-naħa tagħha – impriżi ta' inqas minn 1,000 impjegat li hija kellha tipprivatizza.

51      Ir-rikorrenti tfakkar li hija kienet sostniet, fil-kuntest tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, li, fil-konfront tal-BvS, hija kellha dritt għal aġġustament ("zivilrechtlicher Anspruch auf Anpassung") ta' l-asset-deal 1, wara li l-Land ta' Thüringen ma żammitx il-wegħda tagħha ta' għajnuna. Dan id-dritt jirriżulta mir-regoli tad-dritt ċivili Ġermaniż li jikkonċernaw l-aġġustament ta' kuntratt fil-każ li l-bażi tiegħu ma tibqax teżisti ("Wegfall der Geschäftsgrundlage"), imħaddna mill-ġurisprudenza u kkodifikati fl-Artikolu 313 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż). F'dan il-każ, raġuni determinanti għall-konklużjoni ta' l-asset-deal 1 kienet il-wegħda msemmija iktar 'il fuq. Iż-żewġ partijiet fil-fatt kienu ftehmu li jiffissaw il-prezz tal-bejgħ għal DEM 5.8 miljuni abbażi ta' l-aspettattiva komuni tagħhom li din il-wegħda tinżamm. Fin-nuqqas ta' l-għoti ta' l-għajnuna mwiegħda, dan il-prezz ġie aġġustat, skond l-Artikolu 313(3) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, għall-valur reali ta' l-impriża, li kien jikkorrispondi għall-prezz li kien ġie diskuss bejn il-partijiet qabel ma saret il-wegħda.

52      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti billi jiddikjara, fil-komunikazzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2001, li huwa "[jaqbel] ma' l-ispjegazzjonijiet ta[r-rikorrenti] mogħtija fl-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali".

53      Fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 82), il-Kummissjoni tammetti l-possibbiltà li teżisti l-wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen u d-dritt tar-rikorrenti li tikseb aġġustament fil-kuntratt minħabba li ma nżammitx din il-wegħda. Madankollu, hija sempliċement tiċħad ir-rilevanza ġuridika ta' dawn il-fatti li hija saret taf dwarhom fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta' Awwissu 2000 u li ġew ikkonfermati mill-Gvern Ġermaniż fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni fis-27 ta' Frar 2001. Billi dan l-argument tal-Kummissjoni ma kienx rilevanti, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata fuq dan il-punt.

54      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni u l-intervenjenti huma infondati meta jikkontestaw dawn il-fatti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata. Skond l-Artikolu 253 KE, id-deċiżjoni kkontestata għandha, fil-fatt, tkun biżżejjed waħedha u l-motivazzjoni tagħha m'għandhiex tirriżulta minn spjegazzjonijiet orali jew bil-miktub ulterjuri (ara d-digriet ta' l-4 ta' April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Ir-rikorrenti tallega, f'dan ir-rigward, li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti għajnuna wara li tkun ivverifikat b'attenzjoni u b'imparzjalità jekk, fil-kuntest fattwali u ġuridiku tal-każ, l-aġġustament tal-prezz iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 jistax jiġi analizzat bħala deċiżjoni li kien jieħu kreditur raġonevoli privat. Fin-nuqqas ta' tali analiżi, il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat ma ġietx stabbilita u d-deċiżjoni kkontestata għandha nuqqas ta' motivazzjoni. Hija għandha għalhekk tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati r-regoli tad-dritt ċivili Ġermaniż.

56      Barra minn hekk, jekk konferma tal-fatti li hija tressaq kellha madankollu titqies bħala neċessarja, ir-rikorrenti tissuġġerixxi, minn naħa, li jsiru domandi lill-BvS u, min-naħa l-oħra, li s-Sur Geiß jinstema' bħala xhud, safejn huwa pparteċipa fin-negozjati kollha relatati mal-privatizzazzjoni.

57      Ir-rikorrenti tiċħad ukoll l-argument tal-Kummissjoni, li jinstab fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-nuqqas ta' l-għoti ta' l-għajnuna mwiegħda mil-Land ta' Thüringen mhuwiex rilevanti f'dan il-każ, minħabba li l-BvS u l-Land ta' Thüringen huma żewġ persuni ġuridiċi distinti. Fil-kuntest tal-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, l-imġiba tad-diversi entitajiet territorjali hija fil-fatt imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat bħala entità waħda (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 1999, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T-288/97, Ġabra p. II-1871, punt 38). F'dan il-każ, il-Land ta' Thüringen huwa biss l-organu li jħallas. Il-wegħda ta' l-għajnuna mil-Land ta' Thüringen u t-tnaqqis fil-prezz konċess mill-BvS mhumiex għaldaqstant imputabbli lil persuni ġuridiċi distinti.

58      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tiċħad dawn l-argumenti kollha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

59      Fir-rigward, minn naħa, tan-nuqqas ta' motivazzjoni allegat mir-rikorrenti safejn il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet veri li jiġġustifikaw li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-allegata wegħda ta' għajnuna ta' DEM 4 miljuni mil-Land ta' Thüringen, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att ikkonċernat u għandha turi r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod ċar u inekwivoku, sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-kontroll tagħha. L-eżiġenza ta' motivazzjoni għandha tiġi apprezzata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt li huma rilevanti, safejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta' kif inhu mfassal, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, tad-19 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, Ġabra p. I-7601, punti 47 u 48, u C-114/00, Ġabra p. I-7657, punti 62 u 63; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Frar 2002, INMA u Itainvest vs Il-Kummissjoni, T-323/99, Ġabra p. II-545, punt 55).

60      B'mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet interessati, iżda huwa biżżejjed għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 31, u tat-13 ta' Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T-204/97 u T-270/97, Ġabra p. II-2267, punt 35).

61      Għall-finijiet ta' l-eżami tar-rekwiżit ta' motivazzjoni fil-kuntest preżenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna mill-Istat hija proċedura miftuħa fil-konfront ta' l-Istat Membru responsabbli għall-għoti ta' l-għajnuna u li l-partijiet interessati fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, fosthom il-benefiċjarja ta' l-għajnuna, ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma għandu l-imsemmi Stat Membru (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 29, u ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punti 81 u 82).

62      F'dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma sostnietx waqt il-proċedura amministrattiva, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, li l-għoti ta' tnaqqis fil-prezz mill-BvS kien intiż sabiex jikkumpensa l-fatt li l-Land ta' Thüringen ma onoratx, fil-konfront tar-rikorrenti, il-wegħda tagħha ta' għajnuna għall-investiment ta' DEM 4 miljuni. Matul il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet biss li l-għoti tat-tnaqqis fil-prezz kien intiż sabiex jiġi evitat li r-rikorrenti titqiegħed f'likwidazzjoni.

63      Għalkemm huwa veru li, fil-komunikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li hija "[taqbel] ma' l-ispjegazzjonijiet ta[r-rikorrenti] mogħtija fl-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali", għandu madankollu jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni tidher fil-parti introduttiva ta' l-imsemmija komunikazzjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. F'kull każ, xorta jibqa' l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rreferietx b'mod espliċitu għall-allegata wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen lir-rikorrenti sabiex tiġġustifika t-tnaqqis fil-prezz konċess mill-BvS.

64      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi mitlub li l-motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għaċ-ċaħda ta' l-argument ibbażat fuq id-dritt li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1, imqajjem mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, tkun ta' natura eżawrjenti kumparabbli ma' dik li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha d-dritt li tippretendi mill-Kummissjoni meta din ċaħdet l-argumenti tagħha.

65      F'dan il-każ, il-Kummissjoni wieġbet għall-argument, imqajjem mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, ibbażat fuq id-dritt tagħha li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1 minħabba l-eżistenza ta' wegħda ta' għajnuna li ma kinitx onorata mil-Land ta' Thüringen.

66      Fil-fatt, skond il-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata:

"[Ir-rikorrenti] tindika li l-abbandun ta' kreditu mill-BvS ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, iżda aġġustament tal-kuntratt ta' privatizzazzjoni, peress li l-Istat liberu ta' Thüringen ta inqas sussidji għall-investiment minn kemm kien ġie miftiehem fir-rigward tal-privatizzazzjoni ta' l-ewwel tliet impjanti ta' produzzjoni. Iżda, peress li l-BvS u l-Istat liberu ta' Thüringen huma persuni ġuridiċi differenti, il-Kummissjoni ma tista' fl-ebda każ taċċetta dan l-argument. Id-drittijiet li [r-rikorrenti] tista' eventwalment tippretendi fil-konfront ta' l-Istat liberu ta' Thüringen u tal-BvS għandhom jiġu trattati separatament minn xulxin."

67      Din il-motivazzjoni tal-Kummissjoni ippermettiet lir-rikorrenti, fil-kwalità ta' parti interessata, sabiex tifhem il-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda ta' l-argument tagħha, ġustifikazzjoni li barra minn hekk hija qiegħda tikkontesta r-rilevanza tagħha u li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Prim'Istanza tinsab f'pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tagħha.

68      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud.

69      Fir-rigward, minn naħa, tal-fondatezza ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi mfakkar li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, f'din il-premessa l-Kummissjoni ma ammettietx li l-Land ta' Thüringen kienet wegħdet lir-rikorrenti għajnuna għall-investiment li kienet tammonta għal DEM 4 miljuni. Il-Kummissjoni sempliċement semmiet l-ipoteżi li fiha r-rikorrenti tista' tippretendi drittijiet ta' dan it-tip fil-konfront tal-Land ta' Thüringen, kif jixhed il-fatt li hija rreferiet għal "drittijiet [li r-rikorrenti] tista' eventwalment tippretendi fil-konfront ta' l-Istat liberu ta' Thüringen".

70      Għalhekk, anki jekk jitqies li r-rikorenti tista' tippretendi tali drittijiet, il-Kummissjoni qieset li l-argument tagħha ma kienx rilevanti, peress li l-Land ta' Thüringen u l-BvS huma persuni ġuridiċi distinti.

71      Huwa veru li l-interdizzjoni prevista mill-Artikolu 87(1) KE tkopri l-għajnuniet kollha mogħtija mill-Istati jew mir-riżorsi ta' l-Istat, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn l-għajnuniet mogħtija direttament mill-Istat jew minn organi pubbliċi jew privati li dan jikkostitwixxi jew ifassal sabiex jiġġestixxu l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 21, u s-sentenza Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

72      Madankollu, abbażi ta' din is-sempliċi raġuni, ma jistax jiġi aċċettat li l-għoti tat-tnaqqis fil-prezz mill-BvS kellu l-intenzjoni li jikkumpensa n-nuqqas ta' ħlas, mil-Land ta' Thüringen, ta' allegata għajnuna għall-investiment.

73      Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li din l-allegata għajnuna għall-investiment mil-Land ta' Thüringen mhijiex waħda mill-miżuri nnotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fl-1 ta' Diċembru 1998, li fosthom jinsab it-tnaqqis fil-prezz.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-rikorrenti, il-Land ta' Thüringen kien wegħditha, fl-1994, l-għoti ta' għajnuna għall-investiment koperta mit-23 pjan qafas ta' ħidma ta' interess komuni "Titjib ta' l-istruttura ekonomika u reġjonali", jiġifieri skema ta' għajnuna għall-investiment b'għan reġjonali.

75      Issa, kif issostni l-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, it-tnaqqis fil-prezz ma jirriżultax minn din l-iskema ta' għajnuna speċifika u għaldaqstant ma jistax jiġi evalwat mill-Kummissjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' din l-iskema. Fil-fatt, dan it-tnaqqis ingħata lir-rikorrenti mill-BvS, entità federali ta' ġestjoni fiduċjarja, sabiex tkun tista' tiffaċċja d-diffikultajiet finanzjarji li hija sabet u sabiex tirkupra l-vijabbiltà tagħha, u mhux sabiex issostni l-ekonomija reġjonali tal-Land ta' Thüringen, l-għan tat-23 pjan ta' ħidma.

76      L-għoti ta' din l-allegata għajnuna għall-investiment taqa', barra minn hekk, taħt il-kompetenzi awtonomi tal-Land ta' Thüringen u mhux dawk tal-BvS, kif juri l-fatt, ammess mir-rikorrenti fis-seduta, li l-imsemmija Land kellha tagħti din l-għajnuna mir-riżorsi tagħha stess.

77      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni meta ċaħdet l-argument ibbażat fuq id-dritt li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1 minħabba li l-BvS u l-Land ta' Thüringen kienu persuni ġuridiċi distinti, anki jekk il-Land ta' Thüringen kienet effettivament wegħdet lir-rikorrenti l-imsemmija għajnuna għall-investiment.

78      F'kull każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fil-kitbiet tagħha, ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt, li l-Land ta' Thüringen kienet effettivament wegħditha li tagħtiha għajnuna għall-investiment ta' DEM 4 miljuni.

79      Għalkemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma bbażatx ruħha fuq din il-kunsiderazzjoni sabiex tiċħad l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dritt tagħha li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1, il-Qorti tal-Prim'Istanza, permezz tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, talbet il-produzzjoni ta' diversi elementi li jistgħu jipprovaw il-wegħda ta' għajnuna magħmula mil-Land ta' Thüringen. Għalhekk, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, bagħtet lill-Qorti tal-Prim'Istanza l-ittra tal-BvS tat-18 ta' Frar 1998, li permezz tagħha kienet informata dwar l-elementi essenzjali ta' l-azzjoni miftehma li saret bejn il-BvS, il-Land ta' Thüringen u l-investitur privat, l-ittra tagħha lill-BvS tad-19 ta' Frar 1998 kif ukoll il-kuntratt tad-19 ta' Frar 1999 dwar it-tnaqqis fil-prezz. Din il-korrispondenza ssemmiet mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura amministrattiva tat-28 ta' Awwissu 2000.

80      Madankollu, għalkemm dawn id-dokumenti jikkonċernaw preċiżament l-għoti ta' tnaqqis fil-prezz lir-rikorrenti, l-ebda wieħed minnhom ma jirreferi għal wegħda ta' għajnuna magħmula mil-Land ta' Thüringen għall-ammont ta' DEM 4 miljuni.

81      It-tieni nett, ir-rikorrenti pproduċiet talba għal sussidju – imsemmija fir-rikors – li hija kienet indirizzat lil-Land ta' Thüringen permezz ta' ittra tal-5 ta' Frar 2001. Skond din l-ittra, "[f]il-kuntest tad-diskussjonijiet ta' privatizzazzjoni, l-Istat liberu ta' Thüringen kien wiegħed li jsostni l-proġett permezz ta' sussidji għall-investiment sa 43 % (27 % + 16 % [jekk l-investitur kien] IŻM) = DEM 10.75 miljuni, […] li minnhom DEM 6.75 miljuni biss ġew finalment awtorizzati, peress li, sadanittant, id-definizzjoni Komunitarja ta' IŻM tbiddlet b'tali mod li sfavorixxiet [lir-rikorrenti] u b'tali mod li l-Land ma setgħatx tirrispetta l-wegħdha tagħha". Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li din l-ittra tar-rikorrenti tistabbilixxi, b'mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta' wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen ta' DEM 4 miljuni li tiġġustifika li l-BvS jikkonċedi t-tnaqqis fil-prezz ta' l-istess ammont. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-allegata wegħda ta' sussidju ta' 16% li għaliha tirreferi r-rikorrenti f'din l-ittra hija l-wegħda ta' għajnuna in kwistjoni ta' DEM 4 miljuni, il-Land ta' Thüringen, kif tammetti r-rikorrenti stess, kienet irtirat din il-wegħda.

82      Billi r-rikorrenti affermat ukoll li t-tnaqqis fil-prezz kien jikkostitwixxi element determinanti li wassal għall-konklużjoni ta' l-asset-deal 1, il-Qorti tal-Prim'Istanza talbitha wkoll sabiex tipproduċi dan il-kuntratt. L-ebda element li jinsab f'dan l-asset-deal 1 ma jippermetti madankollu li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi tnaqqis fil-prezz kien iġġustifikat mill-pretiża wegħda ta' għajnuna li ma ġietx onorata mil-Land ta' Thüringen.

83      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ressqet, fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kopja ta' ittra tal-15 ta' Awwissu 1996 – imsemmija fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni tat-28 ta' Awwissu 2000 – li l-Land ta' Thüringen indirizzatilha u li tirreferi għall-għoti mill-imsemmija Land ta' sussidju ta' DEM 4.68 miljuni (EUR 2,392,846) li magħha, b'inizjattiva tagħha stess, annettiet kopja ta' deċiżjoni ta' sussidju tal-Land ta' Thüringen tad-19 ta' Awwissu 1996. Madankollu, meta mistoqsija fuq il-kontenut ta' dawn l-ittri waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li l-għajnuna msemmija f'din il-korrispondenza ma kinitx il-wegħda ta' għajnuna ta' DEM 4 miljuni li l-Land ta' Thüringen kienet allegatament intrabtet li tagħtiha fil-kuntest tal-privatizzazzjoni in kwistjoni.

84      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx għas-suffiċjenza tad-dritt li l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ ta' l-ewwel tliet impjanti ta' produzzjoni bħala DEM 5.8 miljuni kien iġġustifikat mill-allegata wegħda ta' għajnuna għall-investiment ta' DEM 4 miljuni mil-Land ta' Thüringen. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li hija ma kellha l-ebda dokument li jattesta formalment l-eżistenza ta' tali wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen.

85      Il-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li tħoss li ngħatat kjarifika suffiċjenti permezz tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura adottati skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, tqis li m'hemmx lok li tiġi aċċettata t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex isiru domandi lill-BvS jew li s-Sur Geiß jinstema' bħala xhud (ara l-punt 56 iktar 'il fuq).

86      F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-premessa tar-raġunament tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-eżistenza ta' wegħda ta' għajnuna għall-investiment mil-Land ta' Thüringen ma ġietx sostanzjata, m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunċett ta' aġġustament tal-kuntratti meta l-bażi tagħhom ma tibqax teżisti u lanqas li jiġi ddeterminat jekk din l-allegata wegħda kinitx koperta mit-23 pjan ta' ħidma.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan l-ilment, ibbażat fuq id-dritt li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-kriterju ta' l-operatur privat fl-ekonomija tas-suq

–       L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni interpretat il-kriterju ta' l-investitur privat b'mod restrittiv wisq. Il-Kummissjoni kien imissha, fil-fatt, ikkunsidrat it-tnaqqis fil-prezz mill-aspett ta' kumpannija holding privata jew ta' grupp privat ta' impriżi, immotivati minn prospetti ta' profittabbiltà fit-tul ta' l-impriżi benefiċjarji ta' l-għajnuna u mill-kredibbiltà ta' l-immaġini proprja tagħhom (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 65).

89      B'mod partikolari, meta applikat il-kriterju ta' l-investitur privat għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen ta' l-1994 u tikkonstata li t-tnaqqis fil-prezz jirrappreżenta biss miżura intiża sabiex tiġi rrispettata din il-wegħda u li, għalhekk, ma jwassal għal ebda telf. Barra minn hekk, billi tevita l-insolvenza u l-likwidazzjoni tar-rikorrenti, din il-miżura evitatilha wkoll li titlef l-għajnuna li kienet irċeviet preċedentement.

90      Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 67 sa 85), ċaħdet l-argument, imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, mil-lat ta' kreditur privat, ir-rinunzja parzjali għall-ħlas tal-prezz iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 kienet preferibbli, bil-għan li jkun jista' jsir it-trasferiment tar-raba' impjant ta' produzzjoni fil-kuntest ta' l-asset-deal 2. Billi kkunsidrat l-ipoteżi ta' dan it-trasferiment, anki fil-każ ta' likwidazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni mhux biss issostitwiet l-evalwazzjoni tagħha ma' dik ta' l-Istat Membru kkonċernat, iżda ħarġet lilha nfisha barra mill-isfera tal-kunsiderazzjonijiet raġonevoli li jqis investitur privat.

91      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed safejn hija ma ssemmix ir-rapport tal-BvS, datat it-30 ta' Mejju 2000, anness mal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2000. Il-Kummissjoni kellha fil-fatt tindika r-raġunijiet li għalihom hija warrbet dan ir-rapport, li jispjega għaliex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet waslet għall-konklużjoni li t-tnaqqis fil-prezz kien konformi ma' l-imġiba ta' investitur privat.

92      Il-Kummissjoni toġġezzjona li d-deċiżjoni kkontestata (premessi 78, 79 u 83) tirreferi għall-kriterju tal-kreditur privat u mhux għal dak ta' l-investitur privat, invokat mir-rikorrenti. L-argument dwar dan l-aħħar kriterju, għalhekk, mhuwiex rilevanti u l-argumenti dwar il-kriterju tal-kreditur privat huma inammissibli billi ma ġewx invokati fir-rikors.

93      Hija ma taqbilx li applikat il-kriterju ta' kreditur privat b'mod restrittiv wisq. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet indikatilha li r-rikorrenti kienet kważi fi stat li ma tistax tagħmel iżjed ħlasijiet u insolventi, kreditur privat kien jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġbor id-debiti dovuti lilu. Issa, il-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni juru li kien ikun inqas oneruż għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma tagħtix it-tnaqqis fil-prezz.

94      F'dan ir-rigward, it-tliet raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li l-BvS ma ġabitx ruħha bħal kreditur privat huma esposti b'mod dettaljat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 76 sa 80). Fir-rigward, b'mod iżjed partikolari, tar-raba' impjant ta' produzzjoni, li huwa s-suġġett ta' l-asset-deal 2, il-Kummissjoni tippreċiża li hija qatt ma kkunsidrat li dan l-impjant seta', fi kwalunkwe każ, jinbiegħ lir-rikorrenti. Id-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq l-idea li dan l-impjant ta' produzzjoni seta' jinbiegħ lil terzi persuni, flimkien ma' l-impjanti l-oħra tar-rikorrenti, fil-każ li din ta' l-aħħar tiġi llikwidata. Barra minn hekk, m'hemm xejn li jwassal sabiex wieħed jissupponi li l-asset-deal 2 ma kienx jiġi konkluż mingħajr it-tnaqqis fil-prezz peress li l-prezz ta' DEM 50,000 iffissat f'dan il-kuntratt jikkorrispondi pratikament għal donazzjoni. Fl-aħħar, ir-rikorrenti ma tispjegax l-effetti ta' l-iżball li l-Kummissjoni allegatament għamlet fuq il-kalkoli tagħha.

95      L-intervenjenti tagħmel tagħha l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

96      L-ewwel nett, fir-rigward ta' l-ammissibbiltà ta' l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kriterju tal-kreditur privat, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tipprojbixxi li motivi ġodda jitressqu matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq l-elementi ta' fatt jew ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura. F'dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti, invokat fir-replika tagħha, dwar il-kriterju tal-kreditur privat li l-Kummissjoni ssemmi fid-deċiżjoni kkontestata jwieġeb għall-argument imressaq mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha li l-kriterju ta' l-investitur privat, invokat fir-rikors, mhuwiex rilevanti hawnhekk. Dan l-argument ma jikkostitwixxix għalhekk motiv ġdid iżda l-iżvilupp tal-motiv, invokat fir-rikors, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta' l-operatur privat f'ekonomija tas-suq. L-oġġezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

97      It-tieni nett, fir-rigward tal-fondatezza ta' dan l-argument, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni jekk miżura tissodisfax il-kriterju ta' l-operatur privat fl-ekonomija tas-suq timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Meta hija taddotta att li jimplika tali evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha marġni ta' diskrezzjoni wiesa' u l-istħarriġ ġudizzjarju, minkejja li fil-prinċipju huwa sħiħ f'dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk miżura tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' motivazzjoni, tan-nuqqas ta' żball ta' dritt, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta' żball manifest fl-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta' abbuż ta' poter. B'mod partikolari, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha flok dik ta' l-awtur tad-deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra p. II-3049, punti 125 sa 127 u 129, u tas-17 ta' Ottubru 2002, Linde vs Il-Kummissjoni, T-98/00, Ġabra p. II-3961, punt 40).

98      F'dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tnaqqis ta' parti mid-debiti tar-rikorrenti lejn il-BvS għandux in-natura ta' għajnuna mill-Istat, għandu jiġi applikat il-kriterju, indikat fid-deċiżjoni kkontestata u saħansitra aċċettat mir-rikorrenti, tal-kreditur privat fl-ekonomija tas-suq.

99      Fil-fatt, meta tat it-tnaqqis fil-prezz, il-BvS ma ġabitx ruħha bħala investitur pubbliku li l-intervent tiegħu għandu jitqabbel ma' l-imġiba ta' investitur privat li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u li huwa ggwidat minn perspettivi ta' profittabbiltà fit-tul tal-kapital investit. Dan l-organu ta' l-Istat kellu jiġi effettivament imqabbel ma' kreditur privat li qed jipprova jikseb il-ħlas ta' somom li huma dovuti lilu minn debitur li qed jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, Ġabra p. I-2459, punt 46, u tad-29 ta' Ġunju 1999, DM Transport, C-256/97, Ġabra p. I-3913, punt 24, u s-sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 167).

100    F'dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonstatat li r-rikorrenti kellha diffikultajiet finanzjarji kbar fl-1997. L-insistenza mill-BvS fir-rigward tal-prezz tax-xiri ffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 kienet għalhekk, skond l-awtoritajiet Ġermaniżi, probabbilment twassal għal-likwidazzjoni tar-rikorrenti u, għaldaqstant, għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' l-asset-deal 2. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kost finali (DEM 1,811,000) tat-tnaqqis fil-prezz ta' DEM 4 miljuni kien, skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżjed vantaġġjuż għall-BvS, milli li kieku kellu jinżamm il-prezz tax-xiri integrali ffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1, li kien jikkomporta spejjeż li jammontaw għal DEM 2,590,000 (premessi 73 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiċħad, fid-deċiżjoni kkontestata, it-teżi sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt il-proċedura amministrattiva, li t-tnaqqis ta' DEM 4 miljuni mill-prezz iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 kien intiż sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju tal-BvS u kien għalhekk is-soluzzjoni l-iżjed vantaġġjuża ekonomikament.

102    F'dan ir-rigward, fil-kitbiet tagħha, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ipoteżi irrealistika, jiġifieri li l-asset-deal 2 setgħet tiġi eżegwita anki jekk hija kienet ġiet illikwidata, u tafferma li, fi kwalunkwe każ, peress li t-teżi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi razzjonali, il-Kummissjoni ma kellhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik ta' l-Istat Membru kkonċernat.

103    Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li, in sostenn ta' dan l-ilment, ir-rikorrenti sempliċement tafferma li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat ta' kontroll mogħtija lilha sabiex tivverifika jekk l-Istat Membru kkonċernat ġabx ruħu bħala kreditur privat meta kkunsidra li "xejn ma [kien] jindika li l-asset-deal 2 ma kinitx tidħol fis-seħħ li kieku l-BvS ma kienx abbanduna parti mill-kreditu tiegħu".

104    Issa, din l-affermazzjoni, li mhijiex sostanzjata, mhijiex ta' natura li tistabbilixxi li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta qieset li l-ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fil-prezz kien kundizzjoni meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' l-asset-deal 2 (premessi 76 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qajmet ukoll l-ipoteżi li l-asset-deal 2 ma kinitx tiġi eżegwita li kieku l-BvS ippretendiet il-ħlas integrali tal-prezz tax-xiri ta' l-ewwel tliet impjanti ta' produzzjoni ffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1. Hija bbażat ruħha, f'dan il-kuntest, fuq żewġ kunsiderazzjonijiet oħra li skondha jistabbilixxu li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħatx tippretendi, b'mod validu, li t-tnaqqis fil-prezz kien is-soluzzjoni l-iżjed vantaġġjuża ekonomikament.

106    L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, jekk jitqies li l-asset-deal 2 ma setgħatx tiġi eżegwita fin-nuqqas tat-tnaqqis fil-prezz, ma ġiex muri li l-BvS ġabet ruħha bħal kreditur privat meta tat dan it-tnaqqis (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dan ir-rigward, hija qieset li, li kieku l-BvS ma tatx it-tnaqqis fil-prezz, li kien iwassal għal-likwidazzjoni tar-rikorrenti, l-ispejjeż tar-riabilitazzjoni ta' l-art li fuqha jinstab ir-raba' impjant ta' produzzjoni ma kellhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni, kuntrarjament għal dak li għamlet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest ta' l-evalwazzjonijiet ekonomiċi tagħha in sostenn tat-teżi tagħha. Din ir-riabilitazzjoni kienet fil-fatt neċessarja sabiex jinħoloq park teknoloġiku. Issa, kreditur privat ma kienx jiġi obbligat jagħmel proġett bħal dan.

107    Fir-rigward tar-riabilitazzjoni ta' l-art tar-raba' impjant ta' produzzjoni neċessarja sabiex jinħoloq park teknoloġiku, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, fil-kitbiet tagħha, ma kkontestatx l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt. Fil-kuntest tar-risposti tagħha lill-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti madankollu sostniet li l-BvS kienet legalment marbuta li tirriabilita din l-art u li l-proġett tal-ħolqien ta' park teknoloġiku kien konsiderevolment issussidjat.

108    Minbarra l-fatt li r-rikorenti ma ssostanzjatx dan l-argument, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-fatt bl-ebda mod m'huwa ta' natura li jikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li kreditur privat ma kienx marbut bl-obbligu relatat mal-ħolqien ta' park teknoloġiku. Fil-fatt, billi proġett bħal dan ma jippreżenta l-ebda rabta ma' l-għan tar-ristrutturar tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ġustament setgħet tqis li dan huwa obbligu li ma jaqax fl-ambitu ta' l-imġiba ta' kreditur privat, iżda fl-ambitu ta' l-eżerċizzju tal-prerogattivi tas-setgħat pubbliċi li jirriżultaw mill-awtorità ta' l-Istat.

109    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ffissaw l-ammont tal-prezz tal-bejgħ ta' din l-art lir-rikorrenti bħala DEM 1,047,000 (EUR 535,323), fl-eventwalità ta' tnaqqis ta' DEM 4 miljuni mill-prezz iffissat fl-asset-deal 1. Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet stmat il-prezz ta' din l-art bħala DEM 470,000 biss (EUR 240,307) fl-eventwalità li l-BvS ma tagħtix it-tnaqqis fil-prezz, u b'hekk tikkawża l-likwidazzjoni tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni rrilevat li dan it-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ ta' l-imsemmija art ma kienx is-suġġett ta' spjegazzjonijiet iktar dettaljati (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Minkejja li ma kkontestatx din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, ir-rikorrenti sostniet, fil-kuntest tar-risposti tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li dan it-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ ta' l-art kien iġġustifikat mill-bżonn li din l-art tiġi riabilitata. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-BvS kienet marbuta li tirriabilita l-art li fuqha jinstab ir-raba' impjant ta' produzzjoni, ma jistax jiġi aċċettat li fl-istess ħin jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm din ir-riabilitazzjoni għall-ammont ta' DEM 2,200,000 (EUR 1,124,842) u kemm it-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ ta' l-art minn DEM 1,047,000 għal DEM 470,000.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta' evalwazzjoni, twarrab il-kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż għar-riabilitazzjoni ta' l-art li fuqha kien jinstab ir-raba' impjant ta' produzzjoni mill-kalkolu ta' l-ispejjeż li kienu jaqgħu fuq il-BvS li kieku hija kellha teżiġi l-ħlas integrali tal-prezz iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1.

112    Dan il-fatt, waħdu, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, ġustament, qieset li l-ispejjeż li kienu jirriżultaw għall-BvS mill-għoti tat-tnaqqis fil-prezz huma, kuntrarjament għall-informazzjoni mibgħuta fuq dan il-punt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, superjuri għal dawk li kienu jirriżultaw fin-nuqqas ta' l-imsemmi tnaqqis.

113    It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet ukoll, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 80), li, fil-kalkolu komparattiv ta' l-ispejjeż finanzjarji li kellhom jiġu sostnuti mill-BvS, minn naħa, fl-ipoteżi li jingħata t-tnaqqis fil-prezz u, min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi li jitħallas il-prezz inizjalment iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni sussidju għall-investiment ta' DEM 1 miljun mogħti mill-BvS fil-kuntest ta' l-asset-deal 2. Issa, il-kunsiderazzjoni ta' dan l-ammont tippermetti li jiġi kkonstatat li l-ispejjeż li kien ikollhom jiġu sostnuti mill-BvS kienu jkunu ogħla li kieku din ta' l-aħħar ikkonċediet it-tnaqqis fil-prezz.

114    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet, f'risposta għal domanda mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li dan is-sussidju ta' DEM 1 miljun, previst fl-Artikolu 5 ta' l-asset-deal 2, kien spiża li ma setgħetx tiġi rkuprata ("sunk cost"). Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, billi r-raba' impjant ta' produzzjoni seta' jopera biss jekk xi partijiet tiegħu jinbidlu, il-BvS kienet intrabtet li tirrimborsa lir-rikorrenti l-ispejjeż għall-manutenzjoni ta' dan l-impjant sa l-ammont ta' DEM 1 miljun li, minħabba l-iskop tagħhom, ma setgħux jiġu rkuprati u ma kienu joħolqu l-ebda drittijiet fil-każ ta' falliment.

115    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement affermat, fir-risposta tagħha għad-domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li s-sussidju ta' DEM 1 miljun li l-BvS intrabtet li tati kien spiża li ma tistax tiġi rkuprata, mingħajr ma ressqet, f'dan ir-rigward, elementi ta' prova li l-Kummissjoni allegatament kellha matul il-proċedura amministrattiva.

116    Barra minn hekk, tali fatt ma jistax jiġġustifika li l-ammont ta' dan is-sussidju jitħalla barra mill-kalkolu ta' l-ispejjeż li jirriżultaw għall-BvS mill-eżekuzzjoni ta' l-asset-deal 2. Fil-fatt, anki li kieku kellu jitqies li dan is-sussidju kien jikkostitwixxi spiża li ma tistax tiġi rkuprata għall-BvS fl-eventwalità tal-likwidazzjoni tar-rikorrenti u tas-sussegwenti nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' l-asset-deal 2, xorta jibqa' l-fatt li l-BvS approvat dan is-sussidju marbut ma' l-eżekuzzjoni ta' l-asset-deal 2. Għaldaqstant, dan is-sussidju kellu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kalkolu ta' l-ispejjeż li jirriżultaw għall-BvS mill-eżekuzzjoni ta' l-asset-deal 2, konsekuttivament għall-għoti tat-tnaqqis fil-prezz.

117    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-analiżi esposta fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata.

118    Safejn iktar 'il fuq ġie kkonstatat li t-tnaqqis fil-prezz kien diġà jikkostitwixxi l-iżjed għażla oneruża (ara l-punt 112 iktar 'il fuq), dan kien ikun iktar u iktar il-każ li kieku l-BvS kellha tħallas sussidju addizzjonali ta' DEM 1 miljun.

119    F'dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista' jintlaqa' l-argument li permezz tiegħu r-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li t-tnaqqis fil-prezz seta' jiġi mmotivat mill-intenzjoni li jiġi evitat it-telf ta' l-għajnuniet li kienu ngħatawlha preċedentement bil-għan li jiġi konkluż l-asset-deal 1.

120    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega, fil-kitbiet tagħha, li l-intenzjoni li tinżamm il-kredibbiltà tal-BvS u li tiġi promossa l-immaġni pubblika tagħha setgħet tixħet dawl fuq elementi li jistgħu raġonevolment jiġu kkunsidrati minn operatur privat. Issa, il-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-wegħda ta' għajnuna mil-Land ta' Thüringen ta' l-1994 u kien imissha kkonstatat li t-tnaqqis fil-prezz kien biss miżura intiża sabiex tinżamm din il-wegħda.

121    Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rikorrenti ma setgħatx tippretendi dritt li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kredibbiltà tal-BvS setgħet tiġi affettwata miż-żamma ta' DEM 5.8 miljuni bħala l-prezz tal-bejgħ ta' l-ewwel tliet impjanti ta' produzzjoni stipulat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li l-BvS ma ġabitx ruħha bħal kreditur privat li jopera f'kundizzjonijiet normali tas-suq u li hija ma għamlitx applikazzjoni żbaljata ta' dan il-kriterju.

123    Fit-tielet u l-aħħar nett, fir-rigward ta' l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni allegatament ma spjegatx ir-raġunijiet għalxiex hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni ir-rapport tal-BvS tat-30 ta' Mejju 2000, għandu jiġi mfakkar li, fil-motivazzjoni tagħha, il-Kummissjoni setgħet sempliċement tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha (ara l-punt 60 iktar 'il fuq).

124    Issa, dan ir-rapport, imħejji sentejn wara l-għoti tat-tnaqqis fil-prezz, jindika dan li ġej:

"Mill-aspett ekonomiku, l-aħjar soluzzjoni, kemm għall-BvS u kif ukoll għa[r-rikorrenti], hija li din jirnexxielha ssib, kif hija għandha l-intenzjoni li tagħmel, investitur fl-2000, li jista' jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha kapital ta' DEM 3.85 miljuni, u li l-kreditu għall-prezz tax-xiri tal-BvS ta' DEM 5.8 miljuni jispiċċa bil-ħlas ta' DEM 1.8 miljuni flimkien ma' l-interessi."

125    Dan ir-rapport jissuġġetta għalhekk l-eżerċizzju ta' l-attività tar-rikorrenti mhux biss għat-tnaqqis fil-prezz, iżda wkoll għal kontribuzzjoni ġdida, minn investitur, ta' DEM 3.85 miljuni. Issa, il-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998 kien diġà jipprevedi l-bżonn għal tali kontribuzzjoni. Huwa madankollu stabbilit li ma seta' jinstab l-ebda investitur ġdid privat (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li r-rapport tal-BvS tat-30 ta' Mejju 2000 kien biss l-ewwel pass li ma ħax in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta' l-aġġustament tal-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998, ċerti perijodi ta' tliet xhur ta' reċessjoni fis-snin 1998 u 1999.

127    F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li dan ir-rapport ma kienx fatt rilevanti li għalih kellha ssir referenza fid-deċiżjoni kkontestata. Id-deċiżjoni kkontestata mhijiex għalhekk ivvizzjata min-nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti f'dan ir-rigward.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

 Għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni allegatament żbaljata ta' l-ammont ta' l-għajnuna.

129    Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddeterminat b'mod żbaljat l-ammont ta' l-għajnuna li kellha tiġi restitwita skond l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni allegatament naqset milli tippreżenta l-prova li din l-għajnuna kienet effettivament tammonta għal DEM 4 miljuni. Peress li l-Artikolu 87(1) KE jkopri l-għajnuniet mogħtija "permezz ta' riżorsi ta' l-Istat", l-ammont ta' għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni huwa l-istess bħall-ammont tat-telf ta' qligħ subit mill-BvS meta tat it-tnaqqis fil-prezz.

130    Il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-rikorrenti kienet tiġi llikwidata li kieku l-BvS talbet il-ħlas tal-prezz iffissat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1. Madankollu, il-Kummissjoni tissupponi li, f'din l-eventwalità, l-asset-deal 2 xorta kienet tiġi eżegwita, suppożizzjoni li, skond ir-rikorrenti, mhijiex realistika. Għalhekk, il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-ammont ta' l-għajnuna allegata, ma tikkunsidrax it-telf addizzjonali li kien jirriżulta għall-BvS min-nuqqas ta' l-implementazzjoni tat-tieni kuntratt. Barra minn hekk, skond il-kalkolu li jinstab fid-deċiżjoni kkontestata, it-telf ta' qligħ subit mill-BvS, fil-każ ta' likwidazzjoni tar-rikorrenti, kien ikun biss daqs l-ammont disponibbli għall-massa tal-kredituri, u mhux għal DEM 4 miljuni. Billi l-Kummissjoni kkalkulat l-ammont ta' l-għajnuna in kwistjoni f'ammont li jikkontradixxi l-konstatazzjonijiet tagħha stess, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

131    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkuntesta l-argument tar-rikorrenti.

132    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għan segwit mill-Kummissjoni meta hija teżiġi l-irkupru ta' għajnuna illegali huwa li ċċaħħad lill-benefiċjarja tagħha mill-vantaġġ li tkun gawdiet fuq is-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u li b'hekk terġa' tistabbilixxi s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti ta' l-għajnuna (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 66, u ta' l-4 ta' April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-348/93, Ġabra p. I-673, punt 27). Barra minn hekk, dan l-għan ma jiddependix mill-forma li fiha ngħatat l-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-183/91, Ġabra p. I-3131, punt 16).

133    Barra minn hekk, ġie deċiż ukoll (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901) li t-tneħħija ta' għajnuna illegali permezz ta' l-irkupru tagħha hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta' l-illegalità tagħha. Għaldaqstant, l-irkupru ta' għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax, fil-prinċipju, jitqies bħala miżura sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuniet mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 66).

134    Fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata huwa indikat dan li ġej:

"I[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex takkwista r-rimbors mill-benefiċjarja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li ngħatat [lilha] illegalment."

135    Meta, bħal f'dan il-każ, tkun involuta għajnuna illegali mogħtija fil-forma ta' tnaqqis fil-prezz stipulat fil-kuntest ta' kuntratt ta' bejgħ, mhuwiex eżatt li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-ammont ta' l-għajnuna li għandu jiġi rkuprat huwa inqas mill-ammont ta' dan it-tnaqqis.

136    Fil-fatt, skond l-asset-deal 1, l-ammont tal-bejgħ mill-BvS ta' l-ewwel tliet impjanti ta' produzzjoni jammonta għal DEM 5.8 miljuni. Minħabba t-tnaqqis fil-prezz, ir-rikorrenti rċeviet vantaġġ ekonomiku ta' DEM 4 miljuni li minnu ma bbenefikawx il-kompetituri tagħha.

137    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li, għal kreditur privat, l-element li jikkostitwixxi l-għajnuna mill-Istat kien ikun inqas mill-ammont tat-tnaqqis fil-prezz u li l-ħlas integrali tal-prezz stipulat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 kien iwwassal għal telf addizzjonali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li diġà ġie deċiż li tali kreditur, li jopera f'kundizzjonijiet normali tas-suq, ma kienx jagħti l-imsemmi tnaqqis (ara l-punt 122 iktar 'il fuq).

138    Ir-rikorrenti tikkunsidra, f'kull każ, li t-telf subit mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhuwiex ta' DEM 4 miljuni, iżda huwa kkostitwit mis-somma, li tikkorrispondi għal dan l-ammont, disponibbli għall-massa tal-kredituri fil-kuntest tal-likwidazzjoni li kienet isseħħ li kieku l-BvS ma tatx it-tnaqqis fil-prezz.

139    Madankollu, billi l-għan ta' l-irkupru ta' għajnuna illegalment mogħtija huwa li terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ingħatat din l-għajnuna, il-Kummissjoni ġustament ordnat ir-rimbors ta' l-imsemmija għajnuna. Fil-fatt, billi talbet ir-rimbors tat-tnaqqis fil-prezz, li jista' jwassal għal-likwidazzjoni tar-rikorrenti, din ta' l-aħħar issib ruħha f'sitwazzjoni li tista' titqabbel ma' dik li kienet tirriżulta li kieku ma kienx ingħata t-tnaqqis fil-prezz, jiġifieri, skond ir-rikorrenti, it-tqegħid tagħha taħt proċedura ta' likwidazzjoni. F'dan ir-rigward, jekk ir-rikorrenti effettivament titqiegħed f'likwidazzjoni, tkun ir-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tassigura, skond il-metodi previsti f'tali kuntest mid-dritt nazzjonali, li l-għajnuna in kwistjoni tiġi effettivament irkuprata mingħajr ma din il-likwidazzjoni ma tostakola l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punti 16 u 17).

140    Minn dan isegwi li dan l-ilment, kif ukoll l-ewwel motiv fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda peress li huma infondati.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u fuq motivazzjoni insuffiċjenti

 L-argumenti tal-partijiet

141    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq meta teżamina l-proporzjonalità ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1999, Salomon vs Il-Kummissjoni, T-123/97, Ġabra p. II-2925, punt 79, u tat-30 ta' Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T-35/99, Gabra p. II-261, punt 88). F'dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-linji gwida għall-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà. Dawn il-linji gwida jsemmu, bħala eżempju, il-każ fejn it-tnaqqis fin-numru ta' impriżi jista' jwassal għall-ħolqien ta' monopolju jew ta' oligopolija. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika li l-għajnuna mogħtija ma tkunx ivvizjata bil-ksur ta' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE), Nru 4064/89, tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU 1990, L 257, p. 13) (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 78; tat-3 ta' Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-204/97, Ġabra p. I-3175, punti 41 et seq, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-156/98, Ġabra p. II-337, punti 112 et seq).

142    F'dan il-każ, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni, fost l-elementi kollha kkunsidrati għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità ta' l-għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-fatt li, fil-każ tal-likwidazzjoni tar-rikorrenti, il-grupp Schott Glas kien jakkwista jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti f'ċerti oqsma tal-produzzjoni tal-ħġieġ.

143    Ir-rikorrenti tilmenta, b'mod iżjed partikolari, li l-Kummissjoni injorat l-ispjegazzjonijiet tagħha dwar l-istruttura tas-suq u ma vverifikatx jekk il-likwidazzjoni tagħha kinitx ta' natura tali li twassal għall-ħolqien ta' oligopolija stretta, bħalma wera l-Gvern Ġermaniż fil-komunikazzjoni tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2000. Hija tirreferi għal ċertu numru ta' figuri relatati mal-partijiet tas-suq li jissemmew f'din il-komunikazzjoni u tirrileva li l-kontestazzjoni tagħhom mill-intervenjenti ma tistax tiġi sostanzjata, peress li l-intervenjenti hija l-impriża prinċipali fis-settur. L-intervenjenti, b'mod partikolari, ma tirrifjutax l-argument li jeżisti suq ta' materja prima għal "ħġieġ trasparenti" li fuqu hija ssib ruħha f'sitwazzjoni ta' kważi-monopolju jekk ir-rikorrenti titqiegħed f'likwidazzjoni.

144    Finalment, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed, inkwantu hija ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk, fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni ħaditx in kunsiderazzjoni t-tibdil fl-istruttura tas-suq wara l-likwidazzjoni tar-rikorrenti, fl-eventwalità li l-prezz tax-xiri ma jinbidilx.

145    It-tieni nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE fuq fatti ineżatti, jiġifieri fuq il-pjan ta' ristrutturar li ntbagħtilha fl-1 ta' Diċembru 1998. Fil-fatt, dan il-pjan ma jaqbilx mal-proġett ta' ristrutturar tar-rikorrenti fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fit-12 ta' Ġunju 2001, li, f'dan il-każ, kien determinanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T-6/99, Ġabra p. II-1523, punt 93). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet assigurat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li hija kienet se tinformahom qabel ma tadotta deċiżjoni finali, sabiex huma jkunu f'pożizzjoni li jibagħtulha l-pjan ta' ristrutturar il-ġdid li huma kienu pproponew li jibagħtulha fil-komunikazzjoni tagħhom tas-27 ta' Frar 2001. Ir-rikorrenti tqis li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex tibbaża ruħha fuq il-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998.

146    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed, inkwantu hija ma ssemmix ir-rapport Arnold stabbilit fuq inizzjattiva tal-Land ta' Thüringen u anness mal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2001. Dan huwa l-uniku element fil-fajl amministrattiv li fih analiżi sistematika tas-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti. Din l-analiżi turi kif ir-rikorrenti qiegħda tirkupra finanzjarjament fl-2000. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 96 u 97), il-Kummissjoni kkonkludiet, b'kontradizzjoni totali ma' dan ir-rapport, li l-pjan ta' ristrutturar ma kienx ippermetta li terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà tar-rikorrenti. Bara minn hekk, minn dak iż-żmien, din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet invalidata mill-perizja Pfizenmayer ta' l-10 ta' Diċembru 2001.

147    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

148    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni wiesa' ta' diskrezzjoni taħt l-Artikolu 87(3) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56, u tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 36). Il-kontroll eżerċitat mill-qorti Komunitarja għandu għaldaqstant ikun limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli proċedurali u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, kif ukoll ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazjoni u ta' abbuż ta' poter (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, Ġabra p. II-1399, punt 170. Il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha flok dik tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 56, u HAMSA vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48).

149    Madankollu, minn naħa, il-Kummissjoni hija marbuta mil-linji gwida jew mill-komunikazzjonijiet li hija taddotta fil-qasam tal-kontroll ta' l-għajnuniet mill-Istat safejn dawn ma jitbiegħdux mir-regoli tat-Trattat u huma aċċettati mill-Istati Membri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22; ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 36; tal-15 ta' Ottubru 1996, IJssel-Vliet, C-311/94, Ġabra p. I-5023, punt 43, u tas-26 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 53). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 253 KE, hija għandha timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, inklużi dawk li jirrifjutaw li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

150    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti fejn hija tilmenta li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-pjan ta' ristrutturar ta' Diċembru 1998 u mhux fuq il-pjan ta' ristrutturar tad-19 ta' April 2001, kif ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni r-rapport Arnold ta' l-24 ta' Novembru 2000.

151    Fir-rigward, minn naħa, tal-pjan ta' ristrutturar li fuqu l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 3.2.2 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà, huwa partikolarment indikat li l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tkun marbuta ma' programm vijabbli ta' ristrutturar jew ta' rekuperazzjoni, li għandu jiġi mressaq quddiem il-Kummissjoni bil-preċiżjonijiet kollha meħtieġa, u li dan il-pjan għandu jippermetti li terġa' tiġi stabbilita l-kompetittività ta' l-impriża fi żmien raġonevoli.

152    F'dan il-każ, l-ewwel nett, it-tnaqqis ta' DEM 4 miljuni mill-prezz stipulat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 ingħata lir-rikorrenti mill-BvS qabel ma ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fl-1 ta' Diċembru 1998. Huwa paċifiku li l-awtoritajiet Ġermaniżi, fil-kuntest tan-notifika tat-tnaqqis fil-prezz, bagħtu l-pjan ta' ristrutturar ta' Diċembru 1998, li kien jikkonċerna s-snin 1998 sa l-2000. Huwa wkoll paċifiku li l-pjan ta' ristrutturar tad-19 ta' April 2001 ma ntbagħatx lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

153    B'risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti sostniet, f'dan ir-rigward, li kien bil-għan li tiġi evitata l-preżentazzjoni simultanja ta' diversi pjani alternattivi li inizjalment dan l-aħħar pjan ma ntbagħatx lill-Kummissjoni.

154    It-tieni nett, mill-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2001 jirriżulta li l-bżonn li jiġi adattat il-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998 jirriżulta, minn naħa, min-nuqqas ta' kontribuzzjoni ta' investitur privat prevista f'dan il-pjan u, min-naħa l-oħra, mis-sitwazzjoni ekonomika estremament dgħajfa fl-ewwel nofs ta' l-1999 li kkontribwiet għad-degradazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti. In-neċessità li jiġi adottat, fl-2001, pjan ġdid ta' ristrutturar turi għalhekk il-falliment tal-pjan ta' ristrutturar stabbilit fl-1998, safejn dan ta' l-aħħar ma kienx biżżejjed sabiex terġa' tiġi stabbilita l-vijabbiltà tar-rikorrenti fi żmien raġonevoli.

155    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda element mill-proċess tal-kawża ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni effettivament intrabtet li tinforma lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-imminenza ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif tippretendi r-rikorrenti.

156    F'dan ir-rigward, kien ġie deċiż li l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-imminenza ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni negativa seta' jikkostitwixxi miżura ta' dewmien billi jimpedixxiha milli tagħlaq il-proċedura amministrattiva li tkun qed issir (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Ġabra p. II-17, punt 231).

157    Barra minn hekk, skond il-komunikazzjoni tagħhom tas-27 ta' Frar 2001, l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw biss li "[i]l-Gvern Federali dalwaqt jinforma lill-Kummissjoni, safejn huwa jqis li huwa neċessarju, bir-riżultat definittiv tad-deċiżjoni fuq it-tibdil tal-pjan ta' ristrutturar". Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li l-Gvern Ġermaniż, fl-imsemmija komunikazzjoni tas-27 ta' Frar 2001, kien ippropona li jibgħat pjan ta' ristrutturar ġdid, peress li tali pjan ma kienx fil-fatt disponibbli f'dik id-data.

158    Barra minn hekk, fil-kuntest ta' din l-istess komunikazzjoni, minkejja li semmew il-bżonn li jseħħ tibdil fil-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw dan li ġej:

"Madankollu, il-Gvern Federali, fil-prinċipju, huwa tal-fehma li, abbażi ta' l-imġiba karatteristika tas-suq tal-BvS, il-Kummissjoni tista' tagħlaq il-proċedura mingħajr ma teżamina l-emendi għall-pjan ta' ristrutturar li d-dettalji tagħhom għad iridu jiġu stabbiliti."

159    Fir-raba' u l-aħħar nett, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kkunsidratx li huwa utli li dan il-pjan ta' ristrutturar jintbagħat lill-Kummissjoni bejn id-19 ta' April 2001, data li fiha ġie adottat, u t-12 ta' Ġunju 2001, data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

160    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti mhijiex fondata meta ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet formalment talbet lill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni sabiex tissottometti pjan ta' ristrutturar aġġornat. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni billi bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-pjan ta' ristrutturar ta' Diċembru 1998.

161    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapport Arnold ta' l-24 ta' Novembru 2000, f'dan ir-rapport huwa indikat, fl-introduzzjoni, li dan kien ġie ordnat mil-Land ta' Thüringen sabiex jiġi eżaminat ir-riskju marbut ma' l-għoti ta' għajnuniet addizzjonali.

162    Barra minn hekk, fil-konklużjoni ta' dan ir-rapport, huwa indikat dan li ġej:

"L-istat tar-riżultati tal-kumpannija bejn l-1997 u l-2002 juri li l-kumpannija għamlet żvilupp pożittiv.

Grazzi, minn naħa, għaż-żieda fil-fatturat u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis fl-ispejjeż, l-istat tar-riżultati kompla jitjieb sa mill-1997, ħlief għas-sena 1999. Fl-2000, meta jitqies id-dħul straordinarju, jista' jinkiseb riżultat bilanċjat. Il-livell ta' profittabbiltà ser jintlaħaq fl-2002, b'fatturat ta' DEM 40 miljun.

Dan jissupponi li ma jkunx hemm fatturi eċċezzjonali li jaffetwaw dan l-iżvilupp.

Il-kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp previst hawnhekk hija madankollu r-realizzazzjoni ta' l-investimenti neċessarji, li skond il-previżjonijiet huma stmati għal DEM 11.5 miljuni. Fl-2000, kien biss possibbli li jsiru investimenti ta' DEM 1 miljun.

L-istat tal-likwidità tal-kumpannija huwa preokkupanti ħafna. Minbarra r-riżorsi intiżi għall-investimenti ta' rimpjazzament u ta' rinnovament, li jammontaw għal DEM 11.5 miljuni, hemm ukoll krediti qodma, li jammontaw għal DEM 20,538,000 DEM, li jridu jiġu assorbiti.

Skond il-kalkoli tagħna, il-kumpannija ser ikollha nuqqas ta' likwidità li, fl-2001, ser jammonta għal DEM 7,842,000 u, fl-2002, għal DEM 2,215,000.

Skond l-estimi tagħna, il-kumpannija mhijiex ser tkun f'pożizzjoni li tiffinanzja ruħha permezz tar-riżorsi futuri tagħha. Jekk il-proċedura ta' notifikazzjoni lill-Unjoni Ewropea tirriżulta negattiva, ikollhom jinstabu riżorsi finanzjarji ġodda, fl-ammont ta' DEM 6 miljuni.

Il-kumpannija mhijiex f'pożizzjoni li tagħmel dan.

Fil-fehma tagħna, sabiex jiġi assigurat is-sit ta' produzzjoni, sussidji u għajnuniet addizzjonali jew inkella t-tneħħija ta' krediti eżistenti huma indispensabbli."

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mir-rapport Arnold ma jirriżultax li r-rikorrenti kienet ippreżentat perspettivi ta' profittabbiltà fit-tul.

164    Barra minn hekk, fl-applikazzjoni tagħha għal sussidju mil-Land ta' Thüringen tal-5 ta' Frar 2001, li l-produzzjoni tagħha ntalbet mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti indikat li l-investimenti previsti mir-rapport Arnold kienu "kontra l-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuniet fl-istat attwali ta' l-impriża" u li għalhekk kien meħtieġ li l-konklużjonijiet ta' l-imsemmi rapport fuq dan il-punt jiġu injorati.

165    Ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat, kif tallega r-rikorrenti fil-kitbiet tagħha, li t-tibdil fil-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998 kien ibbażat fuq ir-rapport Arnold, meta hija stess ikkunsidrat li kien meħtieġ li l-konklużjonijet ta' dan ir-rapport ma kellhomx jiġi kkunsidrati.

166    F'dan il-kuntest u, b'mod iktar partikolari, in vista tal-konklużjonijiet tar-rapport Arnold u ta' l-evalwazzjoni magħmula mir-rikorrenti fuq l-istess konklużjonijiet, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra li ma kienx hemm lok li ssir referenza għalih fid-deċiżjoni kkontestata. Għandu għalhekk jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rigward.

167    Fir-rigward ta' l-invokazzjoni, mir-rikorrenti, tal-perizja Pfizenmayer ta' l-10 ta' Diċembru 2001, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta' deċiżjoni fil-qasam ta' għajnuniet għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-elementi ta' informazzjoni li seta' kellha l-Kummissjoni meta hija ħadet din id-deċiżjoni (sentenza ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16). Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-perizja Pfizenmayer, ippreżentata mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedura sommarja bil-għan li jiġu evalwati l-possibbiltajiet ta' sopravivenza ekonomika fl-ipoteżi li r-rikors preżenti jiġi miċħud, peress li saret wara l–adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx għad-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

168    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha, fir-rigward ta' l-Artikolu 87(3) KE, fuq fatti ineżatti jew li d-deċiżjoni kkontestata hija, f'dan ir-rigward, ivvizzjata minn insuffiċjenza ta' motivazzjoni.

169    It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet mogħtija mil-linji gwida għall-għajnuniet għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà, jekk il-Kummissjoni għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni meta rrifjutat li tiddikjara t-tnaqqis fil-prezz bħala kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-ħolqien ta' sitwazzjoni ta' oligopolija li tista' tirriżulta mil-likwidazzjoni tar-rikorrenti.

170    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skond il-punt 1.2 tal-linji gwida msemmija iktar 'il fuq (ara l-punt 3 iktar 'il fuq), li jinsab fl-introduzzjoni ta' l-imsemmija linji gwida, huma indikati, b'mod indikattiv, ċerti ċirkustanzi fejn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar ta' impriża f'diffikultà tista' tkun iġġustifikata, b'deroga mill-prinċipju msemmi fil-punt 1.1 ta' l-imsemmija linji gwida li jipprovdi li mhuwiex mixtieq li l-Istati Membri jallokaw sussidji lil impriżi li, fis-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq, ikollhom jiġu llikwidati jew ristrutturati. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-realizzazzjoni ta' waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi hija, waħidha, biżżejjed sabiex tiġġustifika l-għotja ta' eżenzjoni. Fil-fatt, waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tistax tkun ta' natura tali li tiġġustifika l-għotja ta' għajnuna mill-Istat intiża sabiex issalva impriżi f'diffikultà u sabiex tinkoraġġixxi r-ristrutturar tagħhom ħlief jekk il-kundizzjonijiet ġenerali għall-awtorizzazzjoni ta' għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar, bħalma huma ddefiniti fil-linji gwida, jkunu sodisfatti.

171    Issa, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998 ma kienx, kuntrarjament għal dak li kienu jitolbu l-imsemmija linji gwida, f'pożizzjoni li jippermettilha tirkupra l-vijabbiltà tagħha (ara l-punt 154 iktar 'il fuq).

172    Barra minn hekk u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la mir-regoli tat-Trattat u l-anqas mil-linji gwida msemmija iktar 'l fuq ma jirriżulta li l-għajnuna illegali għas-salvataġġ u għar-ristrutturar għandha tiġi awtorizzata meta l-likwidazzjoni ta' l-impriża benefiċjarja twassal għall-ħolqien ta' sitwazzjoni ta' monopolju jew ta' oligopolija stretta fuq suq partikolari.

173    Lanqas il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti in sostenn ta' l-argumenti tagħha ma tista' tqajjem dubji dwar il-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Salomon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punt 79), il-Qorti tal-Prim'Istanza sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata f'dik is-sentenza, ma kinitx ikkonkludiet li l-għajnuna kienet inkompatibbli minħabba s-sempliċi raġuni li s-swieq in kwistjoni kellhom karattru oligopolistiku, billi l-istruttura tas-swieq in kwistjoni ma kinitx ikkunsidrata mill-Kummissjoni ħlief sabiex issostni l-argumenti tagħha li l-ammont ta' l-għajnuna ma kienx suxxettibbli li joħloq distorsjoni mhux meħtieġa lill-kompetizzjoni li tmur kontra l-interess komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fir-rigward tas-sentenza Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punt 88), il-Qorti tal-Prim'Istanza sempliċement ikkonstatat li s-suq rilevanti li fuqu joperaw ir-rikorrenti ma kellux struttura oligopolistika.

174    Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni allegata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li t-tnaqqis fil-prezz stipulat fil-kuntest ta' l-asset-deal 1 ma kienx jaqa' taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Minbarra dan, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma invokatx l-argument relatat mal-konsegwenzi tat-tneħħija eventwali tagħha mis-suq fuq l-istruttura tiegħu in sostenn tat-talba sussidjarja tagħha għall-eżenzjoni tal-miżura kontenzjuża taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

175    Għaldaqstant, fid-dawl tal-bżonnijiet relatati mal-motivazzjoni kkunsidrati fil-punti 59 u 60 iktar 'il fuq, hemm lok li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta teżamina iktar fid-dettal ir-riskju ta' ħolqien ta' sitwazzjoni oligopolistika fuq is-suq in kwistjoni u l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

176    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

177    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-proċedura ta' investigazzjoni formali ta' għajnuna mill-Istat, il-prinċipji ġenerali tal-proċedura jagħtu garanziji lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna li jmorru lil hinn mid-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet wara l-ftuħ tal-proċedura, bħalma huwa previst favur il-partijiet interessati mill-Artikolu 88(2) KE. Ir-rikonoxximent ta' drittijiet addizzjonali huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni li tipprovdi li l-benefiċjarja biss hija l-"parti interessata" fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar 'il fuq.

178    Is-sitwazzjoni tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna hija distinta minn dik ta' partijiet terzi interessati minħabba l-fatt li, minkejja li mhijiex direttament parti mill-proċedura, il-benefiċjarja jista' jkollha l-eżistenza tagħha mhedda mid-deċiżjoni finali li tordna l-irkupru ta' l-għajnuna. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika l-għarfien ta' drittijiet addizzjonali.

179    B'mod iżjed preċiż, id-dritt għal proċess ekwitabbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punt 77) kif ukoll id-drittijiet tad-difiża jimponu lill-Kummissjoni sabiex tqiegħed lill-benefiċjarja ta' l-għajnuna f'pożizzjoni fejn tkun tista' ssostni l-fehma tagħha utilment fir-rigward ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt li jirriżultaw matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali u li fuqhom din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Din il-garanzija tirriżulta mill-ġurisprudenza li tħares id-drittijiet tad-difiża ta' kull persuna li fil-konfront tagħha jista' jiġi adottat att li jolqotha b'mod negattiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T-186/97, T-187/97, T-190/97 sa T-192/97, T-210/97, T-211/97, T-216/97 sa T-218/97, T-279/97, T-280/97, T-293/97 u T-147/99, Ġabra p. II-1337, punt 153). Id-dritt li tiġi għalhekk mismugħa u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba jimplikaw id-dritt ta' aċċess għall-fajl (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T-42/96, Ġabra p. II-401, punti 75 et seq). Finalment, il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna għad-dritt li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha taħt l-Artikolu 88(2) KE, tmur ukoll kontra r-regoli relatati mas-smiegħ ta' l-impriżi kkonċernati, stabbiliti fil-proċeduri li jimplementaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE u l-kontroll ta' operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni.

180    Barra minn hekk, ir-rispett tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba jeżiġi eżami diliġenti u imparzjali (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 62, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Jannar 2002, max.mobil vs Il-Kummissjoni, T-54/99, Ġabra p. II-313, punt 48). Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tirriċerka, b'inizjattiva tagħha stess, l-aspetti kollha neċessarji, billi b'mod partikolari titlob informazzjoni mingħand il-benefiċjarji, sabiex tieħu deċiżjoni b'konoxxenza sħiħa ta' l-elementi ta' fatt li huma rilevanti fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha (sentenza ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 93, 126, 128 u 130).

181    Fid-dawl tad-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(3) KE, ir-rispett tad-dritt tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna li tiġi mismugħa għandu iktar u iktar jiġi ggarantit (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punti 13 et seq, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T-61/89, Ġabra p. II-1931, punt 129, u Kaufring et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 152). Jekk, fil-proċedura amministrattiva, dan id-dritt kellu jiġi limitat għad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet taħt l-Artikolu 88(2) KE, il-benefiċjarja ta' l-għajnuna, filwaqt li hija kompetenti sabiex tinstemgħa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, tingħata biss protezzjoni ġuridika parzjali.

182    F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minn tliet aspetti. L-ewwel nett, hija ma laqgħatx it-talba mressqa mir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta' Awwissu 2000, imressqa taħt l-Artikolu 88(2) KE, intiżi sabiex jingħatalha aċċess għal, u tippreżenta l-pożizzjoni tagħha fuq, il-parti mhux kunfidenzjali tal-fajl tal-Kummissjoni.

183    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma aċċettatx l-offerta tal-Gvern Ġermaniż, li tinstab fil-komunikazzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2001, li jibgħatilha l-iżjed pjan ta' ristrutturar reċenti tar-rikorrenti sabiex tkun tista' tiġi eżaminata l-miżura in kwistjoni taħt l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, fil-każ li l-Kummissjoni tqis li, kuntrarjament għat-teżi ta' dan il-gvern, din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma rrispettatx l-impenn tagħha lejn il-Gvern Ġermaniż li tinformah minn qabel dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha sabiex dan ikun jista' jgħaddilha immedjatament il-pjan ta' ristrutturar il-ġdid.

184    Barra minn hekk, il-bżonn tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kellu jkun iżjed importanti peress li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li twarrab it-teżi ta' l-Istat Membru kkonċernat li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat (sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 152 in fine). B'mod partikolari, kuntrarjament għat-teżi ta' l-intervenjenti, il-pożizzjoni ta' dan l-Istat Membru ma kellhiex preċedenza fuq dik tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna, u għaldaqstant ma kienx superfluwu li din ta' l-aħħar tinstema'.

185    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, minn naħa, li naqset milli teżamina b'mod serju l-argument tagħha dwar id-dritt tagħha li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, kienet marbuta li tinforma lir-rikorrenti li hija kellha l-intenzjoni li tikkwalifika t-tnaqqis fil-prezz bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, minħabba l-obbligu tagħha li tipproċedi għal kontroll dettaljat u imparzjali hija kellha titlob direttament lir-rikorrenti sabiex din tikkomunikalha l-pjan ta' ristrutturar il-ġdid jew, fin-nuqqas ta' dan, id-deskrizzjoni ta' dan il-pjan u d-data li fiha kien ser ikun disponibbli.

186    Fil-fatt, fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Frar 2001, imsemmija iktar 'l fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat, sostanzjalment, li r-rapport Arnold ta' l-24 ta' Novembru 2000, mibgħut lill-Kummissjoni, kien jikkostitwixxi l-bażi ta' l-aġġustament tal-pjan ta' ristrutturar. Dan l-aġġustament kien sar neċessarju minħabba n-nuqqas ta' investitur privat u l-insuffiċjenza ta' likwidità marbuta mar-reċessjoni li laqtet il-perijodu 1998/1999. Issa, skond ir-rapport Arnold, ir-rikorrenti kellha tilħaq livell ta' profittabbiltà fl-2002. Billi, permezz ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni kienet informata bit-titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fil-bidu tas-sena 2001 meta mqabbla mas-sitwazzjoni tagħha fl-1998, hija ma setgħatx, skond ir-rikorrenti, tibbaża ruħha fuq il-pjan ta' ristrutturar ta' l-1998, bħalma għamlet fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 34 u 108).

187    It-tielet nett, il-Kummissjoni ma kkomunikat la lill-Gvern Ġermaniż u l-anqas lir-rikorrenti, qabel it-tmiem tal-proċedura amministrattiva, id-domandi li hija kienet għamlet lill-grupp Schott Glas b'reazzjoni għall-osservazzjonijiet ta' dan il-grupp tat-28 ta' Settembru 2000 u għall-osservazzjonijiet addizzjonali tiegħu tat-23 ta' Jannar 2003, sabiex tagħtihom l-opportunità li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom. Għalhekk, billi informat ruħha b'mod unilaterali mill-kompetitur prinċipali tar-rikorrenti – fuq punti li hija qieset li kienu importanti kif jixhed l-istess fatt li hija għamlet dawn id-domandi (ara l-konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf fil-funzjoni tiegħu bħala Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, II-869) –, il-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu tagħha ta' imparzjalità fir-rigward tal-partijiet interessati kollha, kif ukoll il-prinċipju li ma ssirx diskriminazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar, il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u d-dritt tar-rikorrenti għal proċedura ġusta. Barra minn hekk, hija naqqset konsiderevolment l-effett utli tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema' (digriet ta' l-4 ta' April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 85).

188    Barra minn hekk, billi ġabet ruħha b'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-Gvern Ġermaniż. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta' l-intervenjenti, ir-rikorrenti setgħet, fil-fatt, tinvoka dan il-ksur bħala prova tan-nuqqas ta' osservanza tad-drittijiet proprji tagħha. Fil-fatt, l-Istat Membru kkonċernat kien jidher bħala r-"rappreżentant awtorizzat" tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna, safejn il-Kummissjoni kkunsidrat lil din ta' l-aħħar bħala sempliċi sors ta' informazzjoni. Issa, il-benefiċjarja ma tistax tirrestrinġi lill-Istat Membru sabiex jagħmel rikors.

189    Dawn l-irregolaritajiet jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, fin-nuqqas tagħhom, il-proċedura ta' investigazzjoni formali setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-288/96, Ġabra p. I-8273, punt 101). B'mod partikolari, il-preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet mill-Gvern Ġermaniż u mir-rikorrenti fuq l-osservazzjonijiet addizzjonali ta' Schott Glas seta' kellha influwenza fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fl-imsemmija deċiżjoni (premessi 35 u 36), il-Kummissjoni pproċediet għall-analiżi tas-suq, b'mod partikolari abbażi ta' l-osservazzjonijiet addizzjonali msemmija iktar 'l fuq, filwaqt li rrifjutat l-idea – imressqa mill-Gvern Ġermaniż fil-komunikazzjoni tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2000 – li l-likwidazzjoni tar-rikorrenti kienet ser twassal għal sitwazzjoni ta' oligopolija. Barra minn hekk, hija kienet ibbażat ruħha fuq dawn l-osservazzjonijiet addizzjonali li jirrigwardaw, b'mod partikolari, l-eżistenza ta' kapaċitajiet eċċessivi u politika tal-prezzijiet allegatament aggressiva tar-rikorrenti sabiex tikkonkludi li l-miżura in kwistjoni ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta' proporzjonalità (premessi 102 u 103 tad-deċiżjoni kkonċernata).

190    Il-Kummissjoni, kif ukoll l-intervenjenti, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

191    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna mill-Istati hija, meta titqies l-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fir-rigward ta' l-Istat Membru responsabbli, fid-dawl ta' l-obbligi Komunitarji tiegħu, għall-għoti ta' l-għajnuna (sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81).

192    Fil-kuntest ta' din il-proċedura, għaldaqstant, il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru responsabbli għall-għoti ta' l-għajnuna ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma jista' jagħmel l-imsemmi Stat (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 82). Huma għandhom għalhekk, essenzjalment, ir-rwol ta' sors ta' informazzjoni għall-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 256, u tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 59).

193    F'dan ir-rigward, l-ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva rwol partikolari għall-benefiċjarja ta' l-għajnuna minn fost il-partijiet interessati. Hemm għalhekk lok li jiġi mfakkar li l-proċedura ta' verifika ta' l-għajnuna mill-Istat mhijiex proċedura miftuħa "fil-konfront" tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna li timplika li din ta' l-aħħar tista' tippretendi drittijiet li huma estiżi daqs id-drittijiet tad-difiża bħala tali (is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 83).

194    F'dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipji legali ġenerali, bħalma huma dawk tad-dritt għal proċedura ġusta, tad-dritt għal smiegħ, ta' l-amministrazzjoni tajba jew tan-non-diskriminazzjoni, invokati mir-rikorrenti, ma jistgħux jippermettu lill-qorti Komunitarja sabiex testendi d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet interessati, fil-kuntest ta' proċeduri ta' verifika ta' għajnuna mill-Istat, mit-Trattat u mid-dritt idderivat. Bl-istess mod, mhuwiex rilevanti li wieħed jirreferi għall-ġurisprudenza dwar, b'mod partikolari, l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE u l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li tikkonċerna proċeduri miftuħa kontra impriżi li jibbenefikaw, bħala tali, minn drittijiet proċedurali speċifiċi, u mhux kontra Stat Membru.

195    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarja ta' l-għajnuna hija differenti minn dik ta' partijiet terzi interessati.

196    F'dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ntalbet sabiex tippreżenta xi osservazzjonijiet, skond l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u li hija għamlet użu minn din il-possibbiltà billi, fit-28 ta' Awwissu 2000, ressqet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 659/1999, ir-rispett tal-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE joffri l-aħjar mezz sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati.

197    Għalhekk, peress li l-partijiet interessati, ħlief l-Istat Membru kkonċernat, ma jistgħux jinvokaw id-dritt għal proċedura kontradittorja mal-Kummissjoni, m'hemmx lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kien imissu kellha aċċess għall-parti mhux kunfidenzjali tal-fajl tal-proċedura amministrattiva jew li l-Kummissjoni kellha neċessarjament tibgħatilha l-osservazzjonijiet jew ir-risposti għad-domandi tal-Kummissjoni ppreżentati minn Schott Glas.

198    Barra minn hekk, f'dan ir-rigward, ġie deċiż li minn ebda dispożizzjoni relatata ma' l-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma' lill-benefiċjarja tar-riżorsi mill-Istat dwar l-evalwazzjoni ġuridika tagħha tal-miżura in kwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori, lill-benefiċjarja ta' l-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew intimati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 230 u 231).

199    Fir-rigward ta' l-argument imqajjem mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva dwar id-dritt tagħha li jsir aġġustament ta' l-asset-deal 1 minħabba l-eżistenza ta' wegħda ta' għajnuna għall-investiment li ma ġietx onorata mil-Land ta' Thüringen, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument u li l-motivazzjoni tagħha fuq dan il-punt hija suffiċjenti (ara l-punti 67 u 77 iktar 'il fuq). Għaldaqstant, ir-rikorrenti m'għandhiex raġun meta tippretendi li l-Kummissjoni naqset milli teżamina b'diliġenza l-argumenti tagħha fuq din il-kwistjoni.

200    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni talli ma aċċettatx il-proposta ta' l-imsemmi Stat li jibgħatilha l-pjan ta' ristrutturar tad-19 ta' April 2001. Hija takkuża lill-Kummissjoni wkoll talli ma bagħtitx lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja r-risposti ta' Schott Glas, tat-23 ta' Jannar 2001 għad-domandi li hija kienet għamlitilha wara l-preżentazzjoni ta' l-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta' Settembru 2000 dwar il-ftuħ tal-proċedura formali.

201    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru in kwistjoni jkun f'pożizzjoni li jkun jista' jikkomunika adegwatament il-fehma tiegħu dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati minn partijiet terzi interessati, skond l-Artikolu 88(2) KE, u li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li, safejn l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f'pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Għaldaqstant, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta' din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punti 12 u 13; ta' l-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I-307, punti 29 sa 31; tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 46 sa 48, u tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 100 u 101).

202    F'dan il-każ, in konformità ma' l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 88(2) KE u ta' l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 659/1999, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqiegħdet f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura u l-osservazzjonijiet magħmula f'dan il-kuntest mill-partijiet interessati, jiġifieri r-rikorrenti u Schott Glas, ġew ikkomunikati lilha. Għall-kuntrarju, huwa paċifiku li l-Kummissjoni naqset milli tibgħat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja r-risposti ta' Schott Glas, tat-23 ta' Jannar 2001, għad-domandi li sarulha b'reazzjoni għall-osservazzjonijiet inizjali tagħha fuq il-ftuħ tal-proċedura.

203    Madankollu, tali ksur tad-drittijiet tad-difiża m'għandux importanza ta' natura tali li, fih innifsu, jista' jwassal għall-annullament ta' l-att ikkontestat. Dan il-ksur jikkostitwixxi, għalhekk, difett formali li jeżiġi li l-Istat Membru kkonċernat jinvoka l-effett negattiv partikolari ta' dan id-difett fuq id-drittijiet sostanzjali tiegħu u li jiġu evalwati l-konsegwenzi ta' l-irregolarità proċedurali fuq il-kontenut ta' l-att kontenzjuż. Issa, dan ma kienx il-każ hawnhekk.

204    F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa mingħajr effett.

205    F'kull każ, fir-rigward tal-produzzjoni tal-pjan ta' ristrutturar, ġie preċedentement ikkonstatat li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma pproponewx formalment lill-Kummissjoni li jibagħtula l-pjan ta' ristrutturar tad-19 ta' April 2001 u li, barra minn hekk, huma kienu qiesu li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi abbażi ta' l-elementi ta' informazzjoni li hija kellha diġà (ara l-punt 160 iktar 'il fuq). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni billi ma talbitx, la lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas, a fortiori, lir-rikorrenti, sabiex jippreżentaw l-imsemmi pjan ta' ristrutturar.

206    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni, kif hija stess tammetti, naqset milli tibgħat lill-awtoritajiet Ġermaniżi r-risposti ta' Schott Glas, tat-23 ta' Jannar 2001, għad-domandi tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza li, f'kull każ, dan il-fatt ma jistax ikun ta' natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

207    Fil-fatt, hemm lok, minn naħa, li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkunsidratx, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta' Schott Glas fl-imsemmija risposti, li kienet teżisti kapaċità strutturali eċċessiva fuq ċerti swieq ta' prodotti li fuqhom kienet attiva r-rikorrenti (premessa 101).

208    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet ta' Schott Glas relatati mal-politika tal-prezzijiet allegatament aggressiva mħaddna mir-rikorrenti, il-Kummissjoni, bis-saħħa ta' l-eżami tal-kundizzjoni relatata mal-proporzjonalità ta' l-għajnuna in kwisjoni fid-deċiżjoni kkontestata, issostni dan li ġej (premessa 103):

"Fl-osservazzjonijiet tagħha li jirrigwardaw il-ftuħ tal-proċedura, kompetitriċi ta[r-rikorrenti] sostniet li [r-rikorrenti] kienet tbigħ il-prodotti tagħha sistematikament taħt il-prezz tas-suq, saħansitra taħt il-prezz ta' kemm swew, u li [r-rikorrenti] kienet ibbenefikat b'mod kostanti minn introduzzjoni ta' likwidità sabiex jiġi assorbit it-telf tagħha. Peress li l-ebda pjan ta' ristrutturar realistiku ma ġie ppreżentat, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li l-impriża użat il-fondi li rċeviet għal attivitajiet li pprovokaw distorsjonijiet fis-suq u li ma kinux marbuta mal-proċess ta' ristrutturar." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

209    Issa, anki jekk jitqies li, għall-kuntrarju ta' dak li jirriżulta minn dan il-punt, il-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha mhux biss fuq l-osservazzjonijiet ta' Schott Glas, iżda wkoll fuq ir-risposti tagħha tat-23 ta' Jannar 2001 għad-domandi tal-Kummissjoni, sabiex tikkunsidra li l-kundizzjoni relatata mal-proporzjonalità ta' l-għajnuna ma kinitx sodisfatta, dan il-fatt ma' jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, bħalma diġà ġie kkonstatat, il-Kummissjoni ġustament qieset li r-ritorn għall-vijabbiltà tar-rikorrenti ma setax jiġi antiċipat fin-nuqqas ta' pjan ta' ristrutturar adegwat. Din il-konstatazzjoni kienet, fiha nnifisha, ta' natura li tiġġustifika l-evalwazzjoni ta' l-inkompatibbiltà ta' l-għajnuna in kwistjoni.

210    Minn dan isegwi li, anki li kieku r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha għad-dispożizzjoni tagħha r-risposti ta' Schott Glas tat-23 ta' Jannar 2001, id-deċiżjoni ma setax ikollha kontenut differenti.

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok biex il-motiv preżenti jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

 L-argumenti tal-partijiet

212    Minbarra l-insuffiċjenzi ta' motivazzjoni li hija tinvoka fir-rigward tal-motivi l-oħra, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata f'dak li jikkonċerna, minn naħa, l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra il-bidla tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat il-preżenza ta' kompetituri u l-eżistenza ta' kummerċ fuq is-suq tal-prodotti kkonċernati (premessa 51). Issa, hija kellha tiddefinixxi dan is-suq, għall-inqas b'mod ġenerali, tidentifika l-kompetituri prinċipali tar-rikorrenti fl-Istati Membri l-oħra, kif ukoll tikkaratterizza l-kurrenti kummerċjali essenzjali fil-Komunità, u tippreċiża l-konsegwenzi tal-likwidazzjoni tar-rikorrenti mis-suq meta, f'ċerti oqsma, il-grupp Schott Glas huwa l-uniku kompetitur tagħha (sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 273).

213    Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tiħux in kunsiderazzjoni l-kuntest tal-miżura in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P, Ġabra p. I-2549, punt 26). Meta applikat il-kriterju ta' l-investitur privat, il-Kummissjoni kellha fil-fatt teżamina l-miżura in kwistjoni fil-kuntest ta' l-għajnuna preċedenti, li kienet is-suġġett ta' proċedura ta' kontroll separata (punti 37, 42, 63, 65, 85 u 110).

214    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

215    Hemm lok li jiġi mfakkar li, għalkemm huwa paċifiku li l-Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija marbuta li tirreferi, minn ta' l-inqas, għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna, meta dawn jippermettulha li turi li l-għajnuna hija ta' natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija mhijiex marbuta li turi l-effett reali ta' għajnuna li diġà ngħatat. Jekk dan kien il-każ, fil-fatt, din in-neċessità kienet tkun ta' vantaġġ għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali a skapitu ta' dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta' proposta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

216    Fir-rigward ta' din il-ġurisprudenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, naqset mill-obbligu tagħha li tagħti motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata.

217    Fil-fatt, il-Kummissjoni, fil-premessi 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata, iddefiniet is-suq ta' prodotti in kwistjoni, jiġifieri l-ħġieġ speċjali, u kkonstatat li r-rikorrenti kienet waħda minn għaxar impriżi tal-Komunità preżenti fuq dan is-suq. Barra minn hekk, il-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata tagħmel espożizzjoni adegwata u suffiċjenti tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi meħuda in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni relatata ma' l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, jiġifieri li kompetituri tar-rikorrenti stabbiliti fil-Komunità kienu preżenti fuq is-suq tal-prodotti in kwistjoni, li kien jeżisti kummerċ fuq dan is-suq u li dawn il-kompetituri ma kinux ibbenefikaw minn vantaġġ finanzjarju bħal dak li kienet ibbenefikat minnu r-rikorrenti.

218    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999

219    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma rrispettatx regola essenzjali tal-proċedura meta ma bagħtitx ex officio kopja tad-deċiżjoni kkontestata, skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999. L-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li tagħti lill-benefiċjarja ta' l-għajnuna, li l-implikazzjoni tagħha hija bil-bosta iżjed importanti minn dik ta' partijiet interessati oħra, iċ-ċertezza assoluta li t-test li għandha fil-pussess tagħha huwa verament dak adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji. Il-prinċipju ta' ċertezza legali jimponi lill-Kummissjoni li tissodisfa dan l-obbligu fi żmien xahrejn mid-data tad-deċiżjoni.

220    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Kummissjoni ġustament issostni li t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 20(1) ta' l-imsemmi regolament ma toħloqx, fir-rigward tal-Kummissjoni, obbligu li tibgħat id-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta' verifika ħlief wara l-adozzjoni tagħha u n-notifika tagħha lill-Istat Membru kkonċernat. Issa, peress li l-legalità ta' att għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt li jeżistu fid-data ta' l-adozzjoni tiegħu, il-ksur tad-dispożizzjoni msemmija iktar 'l fuq ma jistax iwassal sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, għall-annullament tagħha.

221    Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors preżenti kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

222    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-Kummissjoni u dawk relatati mal-proċedura sommarja, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

223    Ir-rikorrenti għandha tbati wkoll l-ispejjeż ta' l-intervenjenti, skond it-talbiet ta' l-istess intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Sezzjoni Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti fil-kawża prinċipali u fil-proċedura sommarja.

García-Valdecasas

Lindh

Cooke

Legal

 

       Martins Ribeiro

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-8 ta' Lulju 2004.

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       R. García-Valdecasas


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż