Language of document : ECLI:EU:T:2013:406

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55/KE — Obbligu tal-impriżi tal-gass naturali li jorganizzaw sistema ta’ aċċess innegozjat għal terzi għall-faċilitajiet ta’ ħażna tal-gass — Deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċeki li tagħti lir-rikorrenti deroga temporanja għall-faċilitajiet futuri tagħha ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna lir-Repubblika Ċeka li tirtira d-deċiżjoni ta’ deroga — Applikazzjoni ratione temporis tad‑Direttiva 2003/55”

Fil-Kawża T‑465/11,

Globula a.s., stabbilita f’Hodonín (Ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn M. Petite, D. Paemen, A. Tomtsis, D. Koláček u P. Zákoucký, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Očková u T. Müller, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4509, tas-27 ta’ Ġunju 2011, dwar id-deroga fir-rigward tal-faċilità ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice fid-dawl tar-regoli tas-suq intern rigward l-aċċess għal terzi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta’ April 2009, ir-rikorrenti, Globula a.s., ressqet talba quddiem il-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek (iktar ʼil quddiem il-“Ministeru”), intiża sabiex tikseb awtorizzazzjoni għall-bini ta’ faċilità ta’ ħażna tal-gass taħt l-art (iktar ʼil quddiem il-“faċilità SSG”) f’Dambořice (ir-Repubblika Ċeka). Fil-kuntest ta’ din it-talba, hija talbet deroga temporanja, rigward it-totalità tal-kapaċità l-ġdida tal-faċilità SSG, mill-obbligu li tipprovdi aċċess innegozjat għal terzi għall-imsemmija faċilità.

2        Permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, il-Ministeru adotta deċiżjoni li permezz tagħha awtorizza l-bini tal-faċilità SSG u ta deroga temporanja lir-rikorrenti mill-obbligu li tipprovdi aċċess innegozjat għal terzi, fir-rigward 90% tal-kapaċità tal-faċilità SSG, u dan matul 15-il sena mid-data effettiva tal-awtorizzazzjoni għall-użu.

3        Permezz tal-ittra tal-Ministeru tal-11 ta’ Frar 2011, li wasslet għand il-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar 2011, id-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010 ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

4        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2011, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali lill-Ministeru, billi indikat li fil-każ li, kieku hija kellha titolbu sabiex jemenda jew jirtira d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, hija kienet tagħmel dan qabel it-18 ta’ Ġunju 2011. Il-Ministeru rrisponda fid-29 ta’ April 2011, fit-terminu ffissat mill-Kummissjoni.

5        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni indirizzat lill-Ministeru t-tieni talba għal informazzjoni addizzjonali, billi indikat mill-ġdid li kieku kellha titolbu sabiex jemenda jew jirtira d-deċiżjoni nnotifikata, hija kienet tagħmel dan qabel it-18 ta’ Ġunju 2011. Il-Ministeru rrisponda fl-20 ta’ Mejju 2011, fit-terminu ffissat mill-Kummissjoni.

6        Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2011, iffirmata mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat bil-kwistjonijiet dwar l-enerġija, il-Kummissjoni informat lill-Ministeru li hija ser tadotta deċiżjoni formali qabel id-29 ta’ Ġunju 2011.

7        Fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2011) 4509, dwar id-deroga fir-rigward tal-faċilità ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice fid-dawl tar-regoli tas-suq intern rigward l-aċċess għal terzi (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija talbet lir-Repubblika Ċeka sabiex tirtira d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Repubblika Ċeka fit-28 ta’ Ġunju 2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2011.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2011, ir-Repubblika Ċeka talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Jannar 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din tal-aħħar fit-termini mogħtija.

10      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

11      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali instemgħu fis-seduta tat-23 ta’ April 2013.

12      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa ibbażat fuq żbalji fid-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, it-tieni motiv, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, u, it-tielet motiv, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

15      L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti jinkludi żewġ fergħat, ibbażati fuq l-iżbalji fid-determinazzjoni rispettivament tad-dritt proċedurali u tad-dritt sostantiv applikabbli.

16      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha tapplika l-proċedura u l-kriterji sostantivi previsti mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230, iktar ʼil quddiem it-“Tieni Direttiva tal-gass”), u mhux dawk previsti mill-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55 (ĠU L 211, p. 94, iktar ʼil quddiem it-“Tielet Direttiva tal-gass”). Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010 ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2011, kien biss fit-3 ta’ Marzu 2011 li t-Tielet Direttiva tal-gass issostitwiet lit-Tieni Direttiva tal-gass.

17      Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

18      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv. Skont din, jekk jiġi meqjus li hija kellha tapplika l-proċedura tal-Artikolu 22 tat-Tieni Direttiva tal-gass, allura kieku hija kienet tibgħat lir-Repubblika Ċeka talba informali sabiex tirtira d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, att li ma kienx ikun jista’ jiġi kkontestat. Għalhekk, dan ir-rikors ma jistax jagħti lir-rikorrenti vantaġġ fuq dan il-punt u hija għaldaqstant ma għandhiex interess ġuridiku f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, hija tista’, jekk dan inkun il-każ, sussegwentement għal eventwali annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, tieħu deċiżjoni ġdida abbażi tat-Tieni Direttiva tal-gass.

19      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, li huwa minnu li, għall-kuntrarju tal-proċedura prevista fl-Artikolu 36 tat-Tielet Direttiva tal-gass, li tippermetti direttament lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni vinkolanti lill-Istat Membru kkonċernat, il-proċedura prevista fl-Artikolu 22 tat-Tieni Direttiva tal-gass timponi fuq il-Kummissjoni, minn qabel, li tagħmel talba mhux vinkolanti lill-Istat Membru sabiex jemenda jew jannulla d-deċiżjoni tiegħu li jagħti deroga għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, talba li ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

21      Madankollu, l-għan li trid tilħaq ir-rikorrenti permezz ta’ parti mill-ewwel motiv tagħha rigward il-proċedura applikabbli ma huwiex li jiġi indirizzat lilha att li ma jistax jiġi kkontestat minflok att li jista’ jiġi kkontestat, iżda li tiġi annullata d-deċiżjoni vinkolanti li fl-opinjoni tagħha hija illegali, fatt li, evidentement, jagħtiha vantaġġ.

22      Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija tista’, jekk dan ikun il-każ, sussegwentement għall-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali, tieħu deċiżjoni ġdida abbażi tat-Tieni Direttiva tal-gass għandu jiġi miċħud. Minn naħa, fil-fatt għandu jiġi nnotat, li fil-kuntest tat-Tieni Direttiva tal-gass, kif ġie espost fil-punt 20 iktar ʼil fuq, deċiżjoni vinkolanti tippreżumi li talba mhux vinkolanti tkun l-ewwel ġiet indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat. Peress li talba mhux vinkolanti bħal din setgħet twassal għal negozjati bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni dwar il-kontenut tagħha, ma huwiex ċert, f’dan l-istadju, li l-Kummissjoni kienet tasal biex tadotta deċiżjoni vinkolanti, u lanqas x’kien ikun il-kontenut tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sostniet ukoll li, peress li t-terminu previst fl-Artikolu 22(4) tat-Tieni Direttiva tal-gass skada fit-18 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni għalhekk ma tkunx tista’ iktar tikkontesta d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010.

23      Konsegwentement, u mingħajr ħsara, f’dan l-istadju, għall-fondatezza tal-motivi mqajma mir-rikorrenti, din tal-aħħar għandha interess ġuridiku fir-rigward tal-ewwel motiv, b’mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

 Dwar il-fondatezza tal-ewwel motiv

24      Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22, u tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, Ġabra p. I‑10433, punt 29; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 58].

25      Madankollu, eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġiet aċċettata fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tinkludi regoli kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, li jkunu indiviżibbli u fejn id-dispożizzjonijiet partikolari tagħhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati waħidhom għal dak li jirrigwarda l-effett tagħhom ratione temporis. F’ċirkustanzi bħal dawn, effett retroattiv ma jistax jiġi rikonoxxut għad-dispożizzjonijiet kollha inkwistjoni, sakemm indikazzjonijiet suffiċjentement ċari jwasslux għal tali konklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punti 11 u 12).

26      Fil-każ ineżami, bis-saħħa tal-Artikolu 53 tat-Tielet Direttiva tal-gass, din issostitwiet it-Tieni Direttiva tal-gass b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011 u, minn din id-data, ir-riferimenti għat-Tieni Direttiva tal-gass għandhom jinftiehmu li qegħdin jirreferu għat-Tielet Direttiva tal-gass, f’konformità mat-tabella tal-korrelazzjonijiet fl-Anness II ta’ din tal-aħħar. F’konformità ma’ din it-tabella, l-Artikolu 36 tat-Tielet Direttiva tal-gass jikkorrispondi għall-Artikolu 22 tat-Tieni Direttiva tal-gass.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kemm l-Artikolu 22 tat-Tieni Direttiva tal-gass kif ukoll l-Artikolu 36 tat-Tielet Direttiva tal-gass jinkludu kemm regoli sostantivi kif ukoll regoli proċedurali u li, b’mod partikolari, ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ deċiżjoni ta’ deroga għaddew minn tibdil sostanzjali.

28      Għalhekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ dawn l-aħħar regoli, l-ewwel nett, fl-ipoteżi fejn l-infrastruttura kkonċernata tinsab fuq it-territorju ta’ bosta Stati Membri, l-Artikolu 36(4) u (5) tat-Tielet Direttiva tal-gass jagħti ċertu kompetenzi lill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (AKRE), stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, p. 1). B’mod partikolari, l-AKRE tista’ tieħu deċiżjonijiet minflok l-awtoritajiet nazzjonali jekk dawn tal-aħħar ma jaslux għal ftehim.

29      It-tieni nett, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 36(6) tat-Tielet Direttiva tal-gass introduċa l-obbligu, għall-awtorità nazzjonali, qabel tagħti deroga, li tiddeċiedi dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi relatati mal-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura inkwistjoni, li teżiġi li l-operaturi tal-infrastruttura inkwistjoni jistiednu lill-utenti potenzjali tagħhom sabiex jindikaw l-interess tagħhom fil-kapaċità tal-kuntrattar (test tas-suq) u li teżiġi li l-ġestjoni tal-faċilitajiet li ġew kreati l-aħħar jikkonformaw ma’ ċerti kriterji.

30      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proċedura fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, it-tibdil essenzjali jirrigwarda, l-ewwel nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma għadhiex obbligata li tistieden, fl-ewwel fażi, lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jirtira jew jemenda d-deċiżjoni tiegħu, iżda tista’ issa tadotta direttament deċiżjoni vinkolanti. It-tieni nett, id-deċiżjoni vinkolanti tal-Kummissjoni ma għadhiex suġġetta għall-proċedura magħrufa bħala tal-“komitoloġija”. It-tielet nett, it-termini li fihom il-Kummissjoni tista’ taġixxi nbiddlu. Filwaqt li, bis-saħħa tat-Tieni Direttiva tal-gass, it-terminu inizjali ta’ xahrejn kien jista’ jiġi estiż b’xahar addizzjonali, fil-każ li l-Kummissjoni tkun teħtieġ informazzjoni addizzjonali, dan it-terminu inizjali jista’ jiġi estiż, permezz tat-Tielet Direttiva tal-gass, għal xahrejn addizzjonali, u dan għandu jibda mir-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, li t-tibdil proċedurali introdott permezz tal-Artikolu 36 tat-Tielet Direttiva tal-gass ma jistax jiġi kkunsidrat f’iżolament fir-rigward tal-effett tagħhom ratione temporis, meta mqabbla mat-tibdil sostantiv.

32      L-ewwel nett, il-proċedura ta’ deroga li hija rregolata permezz ta’ dan l-Artikolu hija proċedura unika, anki jekk parti minnha sseħħ fuq livell nazzjonali u l-parti l-oħra fuq livell tal-Unjoni. Għalhekk, it-tibdil li jaffettwa l-fażi nazzjonali tal-proċedura ma jistax jiġi evalwat separatament minn dak li jaffettwa lill-fażi fuq il-livell tal-Unjoni.

33      It-tieni nett, it-tibdil li jsir fit-tqassim tas-setgħa tad-deċiżjoni bejn id-diversi atturi involuti fil-proċedura huwa sinjifikanti u, b’mod partikolari, jista’ jkollu impatt fuq ir-riżulat tal-proċedura.

34      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat ir-rwol li issa sar għandha l-AKRE bħala attur ġdid, fuq il-livell tal-proċedura li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim persistenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali rigward l-opportunità stess li tingħata deroga jew rigward il-kriterji li jirregolaw il-ġestjoni tal-kapaċitajiet kreati reċentement, id-deċiżjoni unika li l-AKRE hija mitluba tieħu, skont id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva tal-gass, tista’ tkun sostanzjalment differenti mid-deċiżjonijiet individwali li kieku kienu jieħdu, skont ir-regoli tat-Tieni Direttiva tal-gass, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ir-rwol konsultattiv importanti tal-AKRE fi ħdan dawn l-awtoritajiet nazzjonali. Anki jekk din il-kawża ma tikkonċernax infrastruttura li tinsab fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri, din iċ-ċirkustanza proprja fil-kawża inkwistjoni ma tistax taffettwa l-eżami tan-natura inseparabbli tar-regoli proċedurali u sostantivi, li hija indipendenti minn każ konkret.

35      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Kummissjoni, il-kompetenzi ta’ din tal-aħħar ġew imsaħħa b’mod kunsiderevoli minn formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 36(8) u (9) tat-Tielet Direttiva tal-gass. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 20 iktar ʼil fuq, il-Kummissjoni issa saret tista’ tindirizza direttament deċiżjoni vinkolanti lill-Istat Membru rilevanti, mingħajr ma tkun obbligata li qabel tindirizzalu talba mhux vinkolanti u mingħajr ma tagħmel użu mill-proċedura ta’ “komitoloġija”. Għalhekk, kif ġie invokat fil-punt 22 iktar ʼil fuq, il-fatt li fażi potenzjali ta’ negozjati ġiet hekk imħassra mill-proċedura, jista’ jkollu impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

36      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, isegwi li t-tibdil tat-tip proċedurali u sostantiv introdott mill-Artikolu 36 tat-Tielet Direttiva tal-gass jifforma ħaġa waħda inseparabbli, b’mod li, f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ʼil fuq, effett retroattiv ma jistax jiġi rikonoxxut għal dawn id-dispożizzjonijiet kollha, sakemm indikazzjonijiet suffiċjentement ċari ma jwasslux għal tali konklużjoni.

37      Issa, tali indikazzjonijiet ma jeżistux fil-każ ineżami. B’mod partikolari, għalkemm it-Tielet Direttiva tal-gass tipprovdi b’mod preċiż, fl-Artikoli 53 u 54 tagħha, id-data li minnha għandhom japplikaw ir-regoli li hija tinkludi, hija min-naħa l-oħra ma tinkludix ir-regoli għat-trattament tal-proċeduri li diġà huma pendenti fil-mument meta tidħol fis-seħħ, li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju żviluppat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ʼil fuq.

38      Konsegwentement, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, huma r-regoli tat-Tieni Direttiva tal-gass li kienu japplikaw fil-każ ineżami, u dan kemm fir-rigward tas-sostanza kif ukoll tal-proċedura.

39      Għalhekk, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-rikorrenti u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

41      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka għandha għaldaqstant tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4509, tas-27 ta’ Ġunju 2011, dwar id-deroga fir-rigward tal-faċilità ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice fid-dawl tar-regoli tas-suq intern rigward l-aċċess għal terzi, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż ta’ Globula a.s.

3)      Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.