Language of document : ECLI:EU:C:2005:775

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta' Diċembru 2005 (*)

"Moviment liberu ta' persuni u ta' servizzi – Kunċett ta' ‘ħaddiem’ – Kundizzjoni ta' rabta ta' subordinazzjoni – Karozzi – Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem minn min iħaddmu – Vettura rreġistrata f'pajjiż barrani – Persuna li tħaddem stabbilita fi Stat Membru ieħor – Reġistrazzjoni u taxxa fuq karozza"

Fil-kawżi magħquda C-151/04 u C-152/04,

li għandhom bħala suġġett talba għal domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal tal-pulizija ta' Neufchâteau (il-Belġju), permezz tad-deċiżjonijiet tas-16 ta' Jannar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta' Marzu 2004, fil-proċedura kriminali kontra

Claude Nadin,

Nadin-Lux SA (C-151/04)

u

Jean-Pascal Durré (C-152/04),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub, u wara s-seduta ta' l-24 ta' Frar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal M. Durré, minn J.-F. Cartuyvels, Avocat,

–       għall-Gvern Belġjan, minn E. Dominkovits, bħala aġent, assistita minn B. van de Walle de Ghelcke, Avocat,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White u K. Manji, bħala aġenti, assistiti minn P. Whipple, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 10 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE.

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' żewġ proċeduri kriminali kontra C. Nadin u J.P. Durré, it-tnejn residenti fil-Belġju, għal ksur tal-leġiżlazzjoni Belġjana li tobbliga r-reġistrazzjoni fil-Belġju ta' karozza tal-kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema tagħha minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 10 KE jiddisponi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta' l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma m'għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista' tipperikola r-realizzazzjoni ta' l-għanjiet ta' dan it-Trattat."

4       L-Artikolu 39 KE jiddisponi li:

"1.      Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2.      Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3.      Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

a)      li jaċċetta offerti ta’ impieg li jkunu saru,

b)      li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta' l-Istati Membri,

c)      li joqgħod f'kull Stat Membru sabiex jaħdem f'impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

d)      li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkun okkupa impieg hemm, bil-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun suġġetta għal regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal impieg fl-amministrazzjoni pubblika."

5       L-Artikolu 43 KE jipprevedi:

"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta' hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta' l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 58, paragrafu 2, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital."

6       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 49 KE jiddisponi li:

"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta' hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 1 tad-digriet irjali ta' l-20 ta' Lulju 2001 dwar ir-reġistrazzjoni ta' karozzi (Moniteur belge tat-8 ta' Awwissu 2001, p. 27031), jippreċiża li:

"Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan id-digriet:

[…]

27°      stabbiliment fiss:

–       ifisser stabbiliment fiżiku u permanenti li fih persuna ġuridika għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha jew l-amministrazzjoni prinċipali tagħha, jew il-post fejn wieħed jew iktar korpi jiltaqgħu u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, jew il-post fejn attività rilevanti għall-attività ekonomika tagħha jew fejn l-għan tagħha huwa mwettaq jew ukoll fejn din il-persuna hija rrappreżentata minn waħda jew iktar persuni fiżiċi li jaġixxu f'isimha."

8       L-Artikolu 3 ta' dan id-digriet jiddisponi li:

"§ 1er.       Il-persuni residenti fil-Belġju jirreġistraw il-karozzi li biħsiebhom jużaw fil-Belġju fir-reġistru tal-karozzi msemmi fl-Artikolu 6, anki jekk dawn il-karozzi huma ġa rreġistrati barra f'pajjiż barrani.

Ir-residenza fil-Belġju tfisser li dawn il-persuni jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      li huma mniżżla fir-reġistru pubbliku ta' komun Belġjan;

b)      li huma mniżżla fi reġistru Belġjan tal-kummerċ jew fir-reġistru Belġjan tas-snajja bħala pesuna fiżika jew persuna ġuridika;

c)      li bħala persuna ġuridika li m'hijiex imniżżla fi reġistru Belġjan ta' kummerċ jew ta' snajja, ikkostitwita permezz ta' jew skond id-dritt internazzjonali, barrani jew Belġjan u li jiddisponi minn stabbiliment fiss fil-Belġju fejn il-karozza hija amministrata jew użata.

§ 2.      Madankollu, fil-każijiet imsemmija hawn fuq, ir-reġistrazzjoni fil-Belġju ta' karozzi rreġistrati barra f'pajjiż barrani, u użati minn persuni msemmija fl-ewwel paragrafu, m'hijiex obbligatorja għal:

[…]

2°      karozza użata minn persuna fiżika għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, u rreġistrata barra mill-pajjiż f'isem proprjetarju barrani li miegħu din il-peruna hija marbuta permezz ta' kuntratt ta' xogħol; ċertifikat, maħruġ mill-amministrazzjoni kompetenti tal-VAT, irid jinstab fil-karozza [iktar 'il quddiem iċ-"ċertifikat tal-VAT"]; il-kundizzjonijiet dettaljati ta' l-użu tal-karozza huma stabbiliti mill-Ministru tal-Finanzi".

9       L-Artikolu 14 taċ-ċirkulari Nru 1/2000 ta' l-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana tat-3 ta' Mejju 2000, bit-titolu "Użu ta' vetturi fil-Belġju – Sistema ta' trasferiment u ta' l-ebda trasferiment", jipprevedi li:

"Il-vetturi li jidhru hawn huma kollha vetturi b'mutur li, bħala karozza tal-kumpannija, ma jaqgħux fid-definizzjoni li tinstab taħt il-punt 12, iktar 'il quddiem. Dawn huma, fost oħrajn, karozzi, karozzi ta' użu differenti, minibus, karozzi għal kull użu, eċċ.

Meta tali karozzi huma użati minn persuni fiżiċi li huma residenti fil-Belġju għal użu professjonali fuq ordni ta' min iħaddimhom li huwa stabbilit fi stat Membru ieħor, is-sistema ta' l-ebda trasferiment huwa applikat fir-rigward ta' dawn il-karozzi taħt l-Artikolu 12a(2)(7) tal-Kodiċi tal-VAT, fil-miżura fejn is-sistema ta' awtorizzazzjoni temporanja b'eżenzjoni totali tad-drittijiet għall-importazzjoni tkun applikabbli jekk il-karozza ġiet mibgħuta fil-Belġju minn pajjiż terz. Minbarra dan, huwa wkoll, bl-istess mod, awtorizzat l-użu privat ta' din il-karozza mill-ħaddiem residenti fil-Belġju sakemm dan l-użu privat huwa ta' natura aċċessorja u okkażjonali meta mqabbel ma' l-użu professjonali u li dan l-użu huwa previst mill-kuntratt ta' xogħol.

Fir-rigward ta' dawn il-karozzi, is-sistema partikolari ta' eżenzjoni ta' awtorizzazzjoni temporanja u ipso facto s-sistema ta' l-ebda trasferiment jistgħu jiġu kkunsidrati bħala applikabbli biss jekk il-kundizzjonijiet iebsa ippreċiżati fl-Artikolu 15 huma sodisfatti."

10     Fl-Artikolu 15 tagħha din iċ-ċirkulari telenka l-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex tibbenifika mis-sistema ta' awtorizzazzjoni temporanja u b'mod partikolari tgħarraf li:

"[…]

b)      il-karozza trid tkun il-proprjetà ta' min iħaddem. F'dak li jirrigwarda l-karozzi mikrija jew mogħtija fuq leasing hemm referenza għalihom fl-Artikolu 9 iktar 'il quddiem;

[…]

f)      fejn il-benefiċċjarju huwa diriġent (maniġer jew direttur tal-kumpannjia), dan ma jistax jinvoka s-sistema partikolari ħlief fil-miżura fejn l-istatus tiegħu huwa ta' impjegat u konsegwentement sa kemm juri li hemm rabta vera ta' subordinazzjoni bejnu u l-kumpannija. L-eżistenza ta' din ir-rabta ta' subordinazzjoni timplika li d-diriġent ta' l-impriża juri li huwa suġġett għall-awtorità ta' persuna oħra li tirrappreżenta l-kumpannija jew ta' korp tal-kumpannija (bord tad-diretturi, kumitat eżekuttiv, kumitat ta' tmexxija, […]), li għandha pożizzjoni ta' awtorità li lejha l-persuna kkonċernata ma jista' jeżerċita l-ebda influwenza deċisiva. F'dan is-sens, il-persuni li jmexxu kumpannija b'membru wieħed, il-membri li huma fundaturi ta' kumpannija jew l-azzjonisti prinċipali huma f'kull każ esklużi minn din is-sistema."

11     L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 9 ta' din iċ-ċirkulari jiddisponi li:

"Fejn karozza mikrija jew fuq leasing hija mqegħda għad-dispożizzjoni minn min iħaddem, li hu barrani, għall-użu minn impjegat/residenti fil-Belġju, li jista' jitlob l-applikazzjoni tas-sistema partikolari esposta fl-Artikoli 14 u 15 iktar 'il fuq, dan l-impjegat jiddisponi mill-possibbiltà li japplika għal ċertifikat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fih u suġġetti għar-rispett tal-formalitajiet stabbiliti."

12     FFFFil-Belġju, taxxi differenti fuq il-karozzi għandhom rabta mill-qrib mar-reġistrazzjoni. Għalhekk, karozza hija suġġetta, f'din l-okkażjoni, għal taxxa għall-użu tagħha taħt l-Artikolu 94(1)(1) tal-kodiċi tat-taxxi simili mat-taxxa fuq id-dħul (iktar 'il quddiem il"KTS").

13     Din id-dispożizzjoni tipprevedi li:

"Hija stabbilita favur l-Istat, imposta simili għat-taxxa fuq id-dħul li tirrigwarda:

1°       il-karozzi, karozzi ta' użu differenti, minibus, u muturi, hekk kif dawn il-vetturi huma mifhuma fil-liġi tar-reġistrazzjoni tal-vetturi b'mutur u karrijiet, billi dawn il-vetturi huma jew irid ikollhom pjanċa oħra li ma tkunx ‘test’, ‘kummerċjali’ jew pjanċa temporanja li ma tkunx internazzjonali, maħruġa fil-kuntest ta' din il-liġi."

14     L-Artikolu 99(1) tal-KTS f'dan ir-rigward jiddisponi:

"Il-karozzi msemmija fl-Artikolu 94(1) huma meqjusa bħala mqegħda għall-użu fit-toroq tal-Belġju jekk huma jew jekk iridu jkunu mniżżla fir-reġistru miżmum mill-Uffiċċju tat-traffiku tal-karozzi fit-triq ".

15     L-Artikolu 21 tal-KTS, li jistabbilixxi t-taxxa ta' l-użu tal-karozzi, jiddisponi li:

"It-taxxa hija dovuta mill-persuna fiżika jew ġuridika li hija jew trid tkun imniżżla fuq ir-reġistrazzjoni, sakemm karozza hija jew trid tkun imniżżla f'isem dik il-persuna fir-reġistru miżmum mid-Direttorat għar-reġistrazzjoni tal-karozzi.

Il-vetturi li jidhru fl-ewwel paragrafu huma l-karozzi, il-karozzi ta' użu differenti, il-minibus, l-ambulanzi, il-muturi, it-triċikletti bil-mutur, il-kwadriċikletti bil-mutur, il-vannijiet, il-vannijiet ta' veloċità baxxa, it-trejlers għall-bċejjeċ tal-baħar, il-karavannijiet, il-karrijiet u semi-karrijiet ta' piż massimu awtorizzat li jwassal sa 3500 kg."

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

 Kawża C-151/04

16     C. Nadin, ċittadin Belġjan, jirrisjedi l-Belġju, iżda jaħdem il-Lussemburgu bħala direttur b'awtorità eżekuttiva tal-kumpannija Nadin-Lux SA.

17     Fil-21 ta' Marzu 2002, kien suġġett, fil-Belġju, ta' kontroll mis-servizzi tad-dwana u tas-sisa, billi kien qed juża' karrozza rreġistrata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li hi tal-kumpannija Crédit Lease SA, kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu.

18     Waqt il-proċedura kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju, iddikjara li l-karozza ġiet mixtrija mill-kumpannija Nadin-Lux SA, li hu nniffsu ffirma l-ordni u li l-karozza ġiet imħallsa mill-kumpannija Crédit Lease SA. Għandu kuntratt ta' leasing għal perjodu ta' madwar 42 xahar li beda f'Jannar 2000.

19     Bl-istess mod jirriżulta mill-faxxiklu mehmuż ma' din id-deċiżjoni tar-rinviju li hu talab iċ-ċertifikat tal-VAT, iżda dan ġie rrifjutat minħabba li kien direttur fil-kumpannija li timpjegah.

20     Huwa akkużat li, fil-21 ta' Marzu 2002, uża fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu vettura rreġistrata barra mill-pajjiż f'isem sid barrani li miegħu huwa marbut permezz ta' kuntratt ta' xogħol mingħajr ma kellu ċertifikat tal-VAT fuq il-karozza.

21     Nadin iqis li hu jrid ikun kkunsidrat bħala ħaddiem Komunitarju.

 Kawża C-152/04

22     J. P. Durré, ċittadin Belġjan, jirrisjedi l-Belġju, iżda jaħdem il-Lussemburgu għall-kumpannija Delisalade SA.

23     Fil-15 ta' Marzu 2002, kien suġġett, fil-Belġju, ta' kontroll mis-servizzi tad-dwana u tas-sisa, billi kien qed juża' karrozza rreġistrata fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu f'isem Delisalade SA.

24     Waqt il-kontroll, Durré ppreżenta ċertifikat minn min iħaddmu, dwar l-użu u l-impjieg tal-karozza, ċertifikat ikkontrofirmat mill-korp Lussemburgiż tas-Sigurtà Soċjali. Il-kuntratt tax-xogħol eżistenti bejn il-parti interessata u min iħaddmu jipprevedi li dan ta' l-aħħar iqiegħed karozza għad-dispożizzjoni ta' dan ta' l-ewwel u li din il-karozza tkun tista' tiġi użata b'mod aċċessorju għal għanjiet privati. Durré ma kienx fil-pussess ta' ċertifikat tal-VAT.

25     Oriġinarjament, Delisalade SA kienet kumpannija b'membru wieħed ikkostitwita minn Durré, li 'l quddiem saret public limited company fl-1997, fejn l-interessat huwa azzjonist minuri u direttur.

26     Durré huwa akkużat li, fil-15 ta' Marzu 2002, waqt li jirrisjedi fil-Belġju, naqas milli jirreġistra karozza li kellu l-intenzjoni juża' fil-Belġju, minkejja li din il-karozza kienet ġa rreġistrata barra mill-pajjiż.

27     Bl-istess mod Durré jqis li hu jrid ikun ikkunsidrat bħala ħaddiem Komunitarju.

28     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-pulizija ta' Neufchâteau, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri f'dawn iż-żewġ kawżi u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikoli 10, 39, 43 u 49 tat-trattat KEE jipprekludu li Stat Membru jadotta miżura li timponi lil ħaddiem residenti fit-territorju tiegħu, li jirreġistra karozza, meta din il-karozza hija proprjetà ta' min iħaddmu, kumpannija stabbilita fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor, kumpannija li magħha dan il-ħaddiem huwa marbut b'kuntratt ta' xogħol, iżda li fl-istess ħin huwa azzjonist, direttur, imexxi ta' kuljum il-kumpannija jew li għandu funzjoni analoga?"

 Fuq id-domanda preliminari

29     Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 10 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE jipprekludu l-obbligu impost fuq resident fi Stat Membru wieħed li jirreġistra f'dan l-Istat karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-kumpannija li tħaddmu, kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-ħaddiem, li għandu kuntratt ta' xogħol, huwa fl-istess ħin azzjonist jew direttur jew maniġer ta' din il-kumpannija.

 Fuq l-istatus tal-ħaddiema impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom

30     Waqt li l-ħaddiema impjegati li jaqgħu taħt l-Artikolu 39 KE, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom jaqgħu taħt l-Artikolu 43 KE.

31     Billi l-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta' xogħol skond l-Artikolu 39 KE hija l-kundizzjoni li persuna twettaq, waqt ċertu perjodu ta' żmien, servizzi favur xi ħadd ieħor u taħt id-direzzjoni tiegħu u li ta' dan tiġi mħallsa, kull attività li persuna twettaq barra minn din ir-relazzjoni subordinata trid tkun ikkwalifkata bħala attività mwettqa minn persuna li taħdem għal rasha taħt l-Artikolu 43 KE (ara s-sentenza ta' l-20 ta' Novembru 2001, Jany et, C-268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 34 u l-każistika ċċitata iktar 'il fuq).

32     M'huwiex f'idejn il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk fil-kawża principali hemm jew m'hemmx rabta subordinata.

33     Peress li l-leġiżlazzjoni fil-kawża tippermetti, mingħajr l-obbligu ta' reġistrazzjoni, lil ħaddiem impjegat residenti fil-Belġju, li juża fit-territorju Belġjan karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni tiegħu minn min iħaddmu li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk l-esklużjoni, għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ta' din il-possibbiltà tmurx kontra l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-eżistenza ta' restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom

34     Id-dispożizzjonijiet kollha tat-trattat KE li flimkien jirrigwardaw il-moviment liberu tan-nies, għandhom il-għan li jtejbu, għaċ-ċittadini Ewropej, l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet professjonali ta' kull natura fuq it-territorju kollu tal-Komunità u ma jippermettux miżuri li jistgħu jiżvantaġġaw liċ-ċittadini meta huma jkollhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attività ekonomika fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi tal-15 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, C-464/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34 u l-każistika ċċitata iktar 'il fuq).

35     Dawn id-dispożizzjonijiet li ma jħallux jew li jiddiswadu ċittadin ta' Stat Membru milli jħalli l-pajjiż tiegħu ta' oriġini biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' moviment liberu, jikkostitwixxu minnhom infushom xkiel għal din l-istess libertà anki jekk huma applikati indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 96, u l-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

36     F'dak li jirrigwarda l-obbligu ta' reġistrazzjoni fid-Danimarka ta' karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni, minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta' impjegati residenti fid-Danimarka, il-Qorti tal-Ġustizzja ġa kkonstatat li dan l-obbligu jikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punti 46 u 52). M'hemmx dubju li obbligu ta' reġistrazzjoni bħal dak fil-kawżi prinċipali bl-istess mod jikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu ta' persuni billi timponi dan l-obbligu lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

37     Fil-fatt, dan ifixkel l-aċċess tar-residenti fil-Belġju għal xogħol għal rashom fi Stati Membri oħra u għalhekk huwa suxxettibbli li jiddisswadi dawn il-persuni milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu.

38     Kuntrarjament għal dak li jippretendi l-Gvern Belġjan, l-obbligu ta' reġistrazzjoni ma jieqafx milli jkun xkiel għar-raġuni li l-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tista' tikseb ir-reġistrazzjoni ta' karozza ta' kumpannija f'isimha fil-Belġju mingħajr ma jkollha stabbiliment fiss, sabiex tevita li d-diriġent innifsu jkun obbligat li jirreġistraha.

39     Tali miżura ma tistax tkun aċċettata ħlief bħala miżura derogatorja espressament prevista taħt l-Artikolu 46(1) KE jew jekk issegwi għan leġittimu kompatibbli mat-trattat u li hija ġustifikabbli permezz ta' raġunijiet urġenti ta' interess ġenerali. Iżda wkoll għandu jkun, f'tali ipoteżi, li l-applikazzjoni tagħhom tkun tista' tiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan fil-kawża u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan il-għan (ara b'anoloġija, b'mod partikolari, is-sentenza, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53, u l-każistika ċċitata).

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-persuni

40     B'riżerva dwar ċertu eċċezzjonijiet mhux rilevanti fil-kawża in kwistjoni, it-taxxa tal-karozzi m'hijiex armonizzata. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f'dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitaw din fir-rispett tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I‑3193, punt 40).

41     Jirriżulta mill-punti 75 sa 78 tas-sentenza, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, li Stat Membru jista' jimponi taxxa ta' reġistrazzjoni fuq karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni ta' ħaddiem li hu residenti f'dak l-Istat, minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor meta din il-karozza tkun intiża għal użu essenzjalment fuq it-territorju ta' l-ewwel Stat Membru b'mod permanenti jew meta tkun użata b'dan il-mod.

42     Huwa f'idejn l-imħallef nazzjonali li jevalwa jekk il-ħaddiema kkonċernati għamlux tali użu mill-karozzi mqegħda għad-dispożizzjoni tagħhom.

43     Jekk dan ma jkunx il-każ, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni jmur konjmur kontra obbligu ta' reġistrazzjoni bħal f'dak fil-kawżi prinċipali u l-argumenti invokati f'dawn il-kawżi, b'mod partikolari mill-Gvern Belġjan, ma jkunux jiġġustifikaw tali obbligu.

44     L-ewwelnett, jirriżulta b'mod partikolari mill-punti 80 u 81 tas-sentenza, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, li, fin-nuqqas tal-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 39 ta' din is-sentenza, l-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali ma tiġġustifikax taxxa u, konsgwentement, obbligu ta' reġistrazzjoni bħal fl-ipoteżi fil-kawża prinċipali.

45     F'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni ta' l-abbuż, jirriżulta mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari s-sentenza tad-9 ta' Marzu 1999, Centros (C‑212/97, Ġabra p. I-1459, punt 24), li Stat Membru għandu d-dritt li jieħu l-miżuri li jimpedixxu li, permezz tal-faċilitajiet offerti mit-Trattat, li uħud miċ-ċittadini jippruvaw jitbiegħdu b'mod abbużiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li dawn ma jagħmlux użu abbużiv jew qarrieqi tad-dritt Komunitarju.

46     Madankollu, il-prezunzjoni ġenerali ta' abbuż ma tistax tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanza li ħaddiem li jaħdem għal rasu residenti fil-Belġju juża' fuq it-territorju ta' dan l-Istat karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-kumpannija li timpjegah, stabbilita fi Stat Membru ieħor (ara, f'dan is-sens, is-sentenza, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67).

47     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġusttizja ġa ddeċidiet li l-ArAAtikoli 39 KE u 43 KE jagħtu l-istess protezzjoni legali (sentenza tal-5 ta' Frar 1991, Roux, C-363/89, Ġabra p. I-273, punt 23).

48     F'dak li jirrigwarda l-argument mqajjem mill-bżonn ta' identifikazzjoni li tista' tafda, jeħtieġ jiġi kkonstatat illi li timponi r-reġistrazzjoni ta' karozzi ta' kumpannija li huma ta' kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor biex tiggarantixxi identifikazzjoni li tista' tafdaha tas-sidien ta' dawn il-karozzi jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, jidher possibbli għall-Istati Membri kollha li jiddisponu minn sistema ta' reġistrazzjoni ta' karozzi, li jidentifikaw is-sid ta' karozza jkun xi jkun l-Istat Membru fejn din ġiet irreġistrata.

49     F'dak li jirrigwarda l-argument li joħroġ mis-sigurtà fuq it-triq, din tikkostitwixxi raġuni importanti ta' interess ġenerali li tista' tiġġustifika xkiel għall-moviment liberu tal-persuni (ara s-sentenza Cura Anlagen, C‑451/99, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).

50     Madankollu, meta karozza tiġi mqegħda taħt kontroll tekniku fi Stat Membru, il-prinċipju ta' ekwivalenza u ta' għarfien reċiproku, stabbilit mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/96/KE tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1996, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (ĠU 1997, L 46, p. 1), teżiġi li kull Stat Membru ieħor jagħraf iċ-ċertifikat maħruġ f'din l-okkażjoni, mingħajr ma' dan jimpedixxilhom li jeżiġu testijiet supplementari għar-reġistrazzjoni fuq it-territorju tagħhom, sa kemm dawn it-testijiet m'humiex koperti minn dak iċ-ċertifikat (sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 62).

51     Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħraf iutagħraf il-possibbiltà ta' testijiet supplementari għar-reġistrazzjoni fuq it-territorju tagħhom, sa kemm dawn it-testijiet m'humiex koperti minn dak iċ-ċertifikat ta' kontroll tekniku, ma jirriżultax mil-leġiżlazzjoni Belġjana fil-kawża li l-obbligu ta' reġistrazzjoni jirrigwarda dan l-għan tas-sigurtà fuq it-triq.

52     F'dak li jirrigwarda l-argument li joħroġli joħroġ mill-politika dwar l-ambjent, jirriżulta, ċertament, mill-punt 68 tas-sentenza Cura Anlagen, iċċitata iktar 'il fuq, li taxxa fuq il-konsum bħal dik fil-kawża li tagħti lok għal din is-sentenza jista' jkollha bħala għan aħħari ta' interess ġenerali li ma tinkoraġġix ix-xiri jew iż-żamma ta' karozzi li jużaw ħafna petrol. Madankollu, min-naħa, il-Gvern tar-Renju Unit ma spjegax kif l-ambjent seta' jiġi protett permezz ta' obbligu ta' reġistrazzjoni bħal dik fil-kawżi prinċipali u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet imressqa mill-Gvern Belġjan, fis-sustanza, għall-bżonn ta' reġistrazzjoni ta' karozza ta' kumpannija huma għanjiet fiskali.

53     Meta karozza ta' kumpannija m'hijiex użata skond il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 41 ta' din is-sentenza, l-obbligu ta' reġistrazzjoni fil-kawza m'huwiex iktar u iktar iġġustifikat fl-ipoteżi fejn il-ħaddiem li jaħdem għal rasu jista' juża' l-karozza tal-kumpannija għal skopijiet privati (ara s-sentenza, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

54     F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx għalfejn jiġu eżaminati l-Artikoli 10 KE u 49 KE.

55     Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija qabel, jeħtieġ li tingħata tweġiba għad-domanda mqegħda fis-sens li l-Artikolu 43 KE jipprekludi li liġi nazzjonali ta' Stat Membru wieħed, bħal dik fil-kawżi prinċipali, timponi fuq ħaddiem li jaħdem għal rasu f'dan l-Istat Membru li jirreġistra karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-kumpannija li tħaddmu, kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-karozza tal-kumpannija m'hijiex intiża li tkun essenzjalment użata fl-ewwel Stat Membru fuq titolu permanenti u fil-fatt m'hijiex użata b'dan il-mod.

 Dwar l-ispejjeż

56     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 43 KE jipprekludi li liġi nazzjonali ta' Stat Membru wieħed, bħal dik fil-kawżi prinċipali, timponi fuq ħaddiem li jaħdem għal rasu f'dan l-Istat Membru li jirreġistra karozza ta' kumpannija mqegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-kumpannija li tħaddmu, kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-karozza tal-kumpannija m'hijiex intiża li tkun essenzjalment użata fl-ewwel Stat Membru fuq titolu permanenti u fil-fatt m'hijiex użata b'dan il-mod.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.