Language of document : ECLI:EU:T:2014:1095

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi — Riferiment għal atti terroristiċi — Neċessità għal deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Aġġustament ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑400/10,

Hamas, stabbilita f’Doha (Qatar), irrappreżentata minn L. Glock, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn B. Driessen u R. Szostak, sussegwentement minn Driessen u G. Étienne, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Konstantinidis u É. Cujo, sussegwentement minn Konstantinidis u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett inizjali talba għal annullament tal-Avviż tal-Kunsill għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU 2010, C 188, p. 13), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/386/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2010, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 178, p. 28), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU L 178, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2014 u tal-għeluq tal-proċedura orali fid-9 ta’ April 2014,

wara d-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014 li tirrigwarda l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u wara l-għeluq tagħha fl-20 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 250/2001 (ĠU L 344, p. 83).

2        Il-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem (fergħa terroristika tal-Hamas)” kienet inkluża fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mad-Deċiżjoni 2001/927.

3        Dawn iż-żewġ strumenti kienu ġew aġġornati regolarment, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u l-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem (fergħa terroristika tal-Hamas)” baqgħet inkluża fil-listi. Mit-12 ta’ Settembru 2003, l-entità inkluża fil-lista hija l-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)”.

4        Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/386/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (ĠU L 178, p. 28), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU L 178, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010”).

5        Il-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” baqgħet inkluża fil-listi li jinsabu f’dawn l-atti.

6        Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU C 188, p. 13, iktar ’il quddiem l-“Avviż ta’ Lulju 2010”).

 Proċedura u żviluppi ġodda matul il-proċeduri

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

8        Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Avviż ta’ Lulju 2010 u tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2011, din it-talba ntlaqgħet.

10      Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/70/PESK li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni (ĠU L 28, p. 57), li permezz tagħha żamm lir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 83/2011, jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU L 28, p. 14) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011”).

11      Fit-2 ta’ Frar 2011, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (ĠU C 33, p. 14).

12      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2011, innotifikata lir-rikorrenti fis-7 ta’ Frar 2011, il-Kunsill bagħat lil din tal-aħħar l-espożizzjoni tal-motivi taż-żamma tiegħu fil-lista.

13      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2011, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti rreferiet għall-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011 u għall-ittra tat-2 ta’ Jannar 2011. Hija sostniet li żammet il-motivi tar-rikors tagħha kontra dawn l-atti u li ser tiżviluppa l-kritiki tagħha kontra l-motivi taż-żamma tagħha fil-lista nnotifikata permezz tal-ittra tat-2 ta’ Frar 2011.

14      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jżommha, waqt l-eżami mill-ġdid li jkun imiss tal-miżuri restrittivi, fuq il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 2580/2001.

15      Wara li nstemgħu l-partijiet l-oħrajn, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-15 ta’ Ġunju 2011, adattat, fir-replika tagħha, il-motivi u t-talbiet tar-rikors tagħha għal dak li jikkonċerna l-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011, skont il-każ fid-dawl tal-motivi li jinsabu fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2011. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma awtorizzatx lir-rikorrenti sabiex tadatta t-talbiet tagħha għal dak li jikkonċerna l-ittra tat-2 ta’ Frar 2011.

16      Id-data ta’ skadenza għall-preżentata tar-replika skada fis-27 ta’ Lulju 2011.

17      Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/430/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3, u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU L 188, p. 47), li permezz tagħha huwa żamm lir-rikorrenti fuq il-lista, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 687/2011, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u Nru 83/2011 (ĠU L 188, p. 2) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011”).

18      Fid-19 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2011 (ĠU 2011, C 212, p. 20).

19      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill indirizza lir-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi għaż-żamma tiegħu fil-lista.

20      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti rreferiet għall-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 u għall-ittra tad-19 ta’ Lulju 2011 bħala li jissostitwixxu l-atti inizjalment ikkontestati. Hija rrilevat li l-pubblikazzjoni jew in-notifika ta’ dawn l-atti ta bidu għad-dekorrenza ta’ terminu ġdid għal preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn. Hija ddikjarat il-motivi għaliex ir-replika ma ġietx ippreżentata.

21      L-ittra tas-27 ta’ Lulju 2011 tqiegħdet fil-fajl bħala talba għal proroga tat-terminu għall-preżentata tar-replika.

22      Permezz tal-ittri tar-Reġistru tas-16 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali informat lill-partijiet bid-deċiżjoni tagħha li ma tilqax din it-talba ta’ proroga u ffissat għat-2 ta’ Novembru 2011 id-data ta’ skadenza għall-preżentata mill-Kummissjoni tan-nota ta’ intervent tagħha.

23      Fit-28 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota supplimentari. F’din in-nota, ir-rikorrenti ddikjarat li “estendiet it-talbiet tagħha għal annullament kontra [l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011]”.

24      Hija ddikjarat ukoll li, fid-dawl tar-rikors inizjali, tal-ittra tas-17 ta’ Frar 2001 u tan-nota supplimentari, dan ir-rikors għandu minn issa jitqies li huwa ppreżentat kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010, ta’ Jannar 2011 u ta’ Lulju 2011. Ir-rikorrenti żiedet li t-talbiet imressqa kontra l-Avviż ta’ Lulju 2010 nżammu wkoll u hija speċifikat li t-talbiet għal annullament tagħha jirrigwardaw l-atti inkwistjoni biss sa fejn jikkonċernawha.

25      Fit-28 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

26      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill informa lill-avukat tar-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jżommha, waqt l-eżami mill-ġdid li jmiss tal-miżuri restrittivi, fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 2580/2001.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2011, in-nota supplimentari tqiegħdet fil-fajl.

28      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali informat lill-partijiet li, fid-dawl tal-iskadenza, qabel il-preżentata tan-nota supplimentari, tat-terminu ta’ rikors għal annullament kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011, l-adattament tat-talbiet tar-rikors ippreżentat kontra dawn l-atti, li fiha nnifisha kienet ammissibbli, peress li diġà ntalbet u twettqet b’mod suffiċjenti fid-dritt permezz tal-ittra tar-rikorrenti tas-17 ta’ Frar 2011, ser tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-motivi u argumenti mressqa minn din il-parti qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors għal annullament kontra dawn l-atti, jiġifieri dawk imressqa fir-rikors promotur.

29      Il-Qorti Ġenerali ffissat għas-17 ta’ Frar 2012 id-data ta’ skadenza għall-preżentata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011, u fil-5 ta’ Marzu 2012, estendiet għat-3 ta’ April 2012, id-data ta’ skadenza għall-preżentata, minn dawn l-istess partijiet, tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota supplimentari.

30      Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/872/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/430 (ĠU L 343, p. 54), li permezz tagħha huwa żamm lir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implementazzoni (UE) Nru 1375/2011, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (ĠU L 343, p. 10) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2011”).

31      Fit-23 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU C 377, p. 17).

32      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2011.

33      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 u fis-16 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar 2011.

34      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2012, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota supplimentari.

35      Fil-25 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/333/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/872/PESK (ĠU L 165, p. 72), li permezz tagħha huwa żamm ir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 542/2012, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2011 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011 (ĠU L 165, p. 12) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Ġunju 2012”).

36      Fis-26 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU C 186, p. 1).

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2012.

38      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Ġunju 2012.

39      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 u fit-23 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Ġunju 2012.

40      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-5 u tas-6 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni u l-Kunsill irrispondew, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2012.

41      Fl-10 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/765/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001,931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/333 (ĠU L 337, p. 50), li permezz tagħha huwa żamm lir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1169/2012, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 542/ (ĠU L 337, p. 2) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012”).

42      Fil-11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Nru 2580/200l (ĠU C 380, p. 6).

43      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012.

44      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012.

45      Fil-25 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/395/PESK, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/765 (ĠU L 201, p. 57), li permezz tagħha huwa żamm ir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 714/2013, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1169/2012 (ĠU L 201, p. 10) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2013”).

46      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti adattat it-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2013.

47      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti Ġenerali stiednet il-Kunsill, li ddefirixxa din it-talba permezz ta’ att tat-28 ta’ Ottubru 2013, sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u sabiex tagħmel ċerti domandi lill-partijiet bil-għan tas-seduta.

48      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 u fit-30 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2013.

49      Fl-10 ta’ Frar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/72/PESK, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/395 (ĠU L 40, p. 56), li permezz tagħha huwa żamm lir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 125/2014, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 714/2013 (ĠU L 40, p. 9) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Frar 2014”).

50      Fit-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Frar 2014.

51      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 u fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Frar 2014.

52      Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/483/PESK, li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/72 (ĠU L 217, p. 35), li permezz tagħha huwa żamm ir-rikorrenti fil-lista, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014 (ĠU L 217, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014”), l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010, ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011, ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2012, ta’ Lulju 2013 kif ukoll ta’ Frar u ta’ Lulju 2014, imsemmija iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014”).

53      Fil-21 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 214.

54      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014.

 It-talbiet tal-partijiet

55      Mill-fatti preċedenti jirriżulta li, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, sa fejn jikkonċernawha, l-Avviż ta’ Lulju 2010 u l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“Atti kkontestati”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

56      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tar-rikors kif ukoll fuq il-portata u l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2012

 Fuq is-suġġett tar-rikors

57      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti, l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 tħassru u ġew issostitwiti, suċċessivament, bl-Atti tal-Kunsill ta’ Jannar, ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011, ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2012, ta’ Frar 2013, ta’ Frar u ta’ Lulju 2014.

58      Sussegwentement ir-rikorrenti adattat it-talbiet inizjali tagħha b’tali mod li r-rikors tagħha intiż għall-annullament ta’ dawn l-atti differenti, sa fejn jikkonċernawha. Barra minn hekk, hija espressament żammet it-talbiet tagħha għall-annullament tal-atti mħassra.

59      Skont ġurisprudenza stabbilita fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra miżuri suċċessivi ta’ ffriżar ta’ fondi adottati taħt ir-Regolament Nru 2580/2001, rikorrenti għad għandha interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi mħassra u ssostitwita b’deċiżjoni restrittiva sussegwenti, sa fejn dan it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tagħha u tipproduċi effett ex nunc, u dan b’mod differenti minn sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat jiġi eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑288/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI T‑228/02”, Ġabra, EU:T:2006:384, punt 35; ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza PMOI T‑256/07”, Ġabra, EU:T:2008:461, punti 45 sa 48, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sison T‑341/07”, Ġabra, EU:T:2009:372, punti 47 u 48).

60      Minn dan isegwi li dan ir-rikors għal annullament iżomm is-suġġett tiegħu fir-rigward tal-atti kkontestati li jippreċedu l-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014.

 Fuq il-portata u l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2012

61      Fit-28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti, b’risposta għal stedina mill-Qorti Ġenerali, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ April 2012, fuq in-nota supplimentari.

62      Peress li r-rikorrenti kienet intitolat l-osservazzjonijiet tagħha “replika”, il-Kunsill, fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2012, qajjem oġġezzjoni li r-rikorrenti ma tistax tiġi awtorizzata li tippreżenta replika li tirrigwarda l-kawża kollha kif inizjalment imressqa bil-preżentata tar-rikors.

63      Il-Kunsill qies li l-iskambji ta’ noti li jirrigwardaw il-mertu tal-kawża kellhom jintemmu fil-mument tal-preżentata, mir-rikorrenti, tan-nota supplimentari u dik, mill-Kunsill, tal-osservazzjonijiet tiegħu fuq din in-nota.

64      Għandu jiġi rrilevat li, fil-fatt, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2012, ippreżentati fuq l-istedina tal-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jikkostitwixxu replika, fis-sens tal-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, f’din il-kawża.

65      Fil-fatt, kif kien iddikjarat fil-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ppreżentatx, f’din il-kawża, replika fit-termini stabbiliti u t-talba għal proroga tat-terminu għall-preżentata ta’ replika, dedotta mill-Qorti Ġenerali mill-ittra tar-rikorrenti tas-27 ta’ Lulju 2011, ġiet miċħuda.

66      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, għalkemm l-osservazzjonijiet tat-28 ta’ Ġunju 2012 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rikors sa fejn huma intiżi għall-annullament tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 u ta’ Jannar 2011 (ara, f’dan ir-rigward tal-aħħar, il-punt 28 iktar ’il fuq), huma ammissibbli fil-kuntest tat-talba għal annullament tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 (imressqa permezz tal-preżentata tan-nota supplimentari), sa fejn huma jirrispondu għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill fuq il-motivi l-ġodda tan-nota supplimentari diretta kontra l-atti ta’ Lulju 2011, kif ukoll fil-kuntest tat-talbiet għall-annullament tal-atti sussegwenti tal-Kunsill.

67      Barra minn hekk huwa preċiżament għaliex il-Qorti Ġenerali qieset neċessarju li tippermetti lir-rikorrenti li tirrispondi, f’dan il-kuntest, għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2012, fuq in-nota supplimentari, li hija stiednet lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

68      Fl-aħħar nett, mill-kliem stess ta’ dawn l-osservazzjonijiet tat-28 ta’ Ġunju 2012 (ara l-punt 1 ta’ dawn l-osservazzjonijiet) jirriżulta li huma intiżi biss li jirrispondu għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2012, fuq in-nota supplimentari.

69      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżjonijiet dwar il-portata tal-osservazzjonijiet tat-28 ta’ Ġunju 2012, għandhom jiġu miċħuda l-osservazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-ammissibbiltà tal-imsemmija osservazzjonijiet.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn hija intiża għall-annullament tal-Avviż ta’ Lulju 2010

70      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqajjem oġġezzjoni li r-rikors huwa, fir-rigward tal-Avviż ta’ Lulju 2010, inammissibbli, peress li jirrigwarda att li ma jistax jiġi kkontestat.

71      Skont l-Artikolu 263(1) TFUE, l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors huma l-atti “maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżuri kkontestati jikkostitwixxux atti, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tingħata importanza lis-sustanza tagħhom, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament [ara d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (L-Irlanda) vs Il-Kummissjoni, C‑477/11 P, EU:C:2012:292, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata].

73      F’din il-kawża, iż-żamma tar-rikorrenti fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi”) seħħet permezz tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010.

74      L-uniku għan tal-Avviż ta’ Lulju 2010, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-għada tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti, kien li jipprova jinforma lill-persuni, gruppi u entitajiet li l-fondi tagħhom baqgħu ffriżati skont dawn l-atti tal-possibbiltajiet ipprovduti lilhom sabiex jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li jużaw il-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet, li jitolbu lill-Kunsill l-espożizzjoni tal-motivi taż-żamma tagħhom fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, li jitolbu lill-Kunsill sabiex jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu ta’ żamma u, fl-aħħar nett, li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

75      B’dan il-mod, l-Avviż ta’ Lulju 2010 ma pproduċiex effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħha.

76      Peress li dan l-avviż ma jikkostitwixxix għalhekk att li jista’ jiġi kkontestat, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tiegħu.

 Fuq it-talba għal annullament tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014

77      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 u ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti tinvoka, fir-rikors, erba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet, fuq il-ksur ta’ proprjetà u, ir-raba’ fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

78      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011, ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2012, ta’ Lulju 2013, kif ukoll ta’ Frar u ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014”), ir-rikorrenti tinvoka, fin-nota supplimentari u tal-adattamenti tagħha ta’ talbiet sussegwenti, tmien motivi għal annullament, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tieni, fuq żbalji fuq il-materjalità tal-fatti, it-tielet, fuq żball ta’ evalwazzjoni rigward in-natura terroristika tar-rikorrenti, ir-raba’, fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekorrenza taż-żmien”, il-ħames, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, is-sitt, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, is-seba’, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, it-tmien, fuq il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà.

79      Jeħtieġ li jinbeda permezz tal-eżami tar-raba’ u s-sitt motivi għall-annullament tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, flimkien, ibbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekorrenza taż-żmien” u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

80      Ir-rikorrenti tesponi li l-iffriżar ta’ fondi għandu jibbaża fuq raġunijiet speċifiċi u konkreti li juru li din il-miżura hija dejjem neċessarja. Il-Kunsill huwa meħtieġ li jagħti attenzjoni partikolarment mill-qrib għall-konsegwenzi għall-proċeduri meħuda fil-livell nazzjonali. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kunsill sempliċement iċċita serje ta’ fatti u asserixxa li d-deċiżjonijiet nazzjonali kienu għadhom dejjem fis-seħħ. Mill-motivazzjoni tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 ma jirriżultax li din l-istituzzjoni ma kinitx realment interessata fil-konsegwenzi nazzjonali tal-miżuri meħuda kontra r-rikorrenti. Ir-rikorrenti jikkritika għalhekk lill-Kunsill b’teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekorrenza taż-żmien”.

81      Fil-motivazzjoni tal-atti tiegħu, il-Kunsill kellu jinkludi l-elementi li juru l-eżistenza ta’ provi u ta’ indizji serji fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet nazzjonali. Madankollu, l-espożizzjonijiet tal-motivi mibgħuta lir-rikorrenti ma jinkludu ebda informazzjoni fuq dan is-suġġett. Il-motivazzjoni tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 ma setgħetx tkun limitata sabiex issemmi l-eżistenza tad-deċiżjonijiet nazzjonali, iżda hija għandha, barra minn hekk, tiddikjara l-informazzjoni rilevanti li l-Kunsill silet minn dawn id-deċiżjonijiet sabiex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Madankollu, il-Kunsill ma ta ebda indikazzjoni tal-fatti stabbiliti kontra r-rikorrenti f’dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali.

82      Il-Kunsill jikkontesta li ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni “minħabba d-dekorrenza taż-żmien”. Mill-ewwel inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar tal-fondi fl-2003, ir-rikorrenti nżammet f’din il-lista, wara eżamijiet mill-ġdid perijodiċi mill-Kunsill, abbażi tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet Amerikani u tar-Renju Unit.

83      Il-Kunsill qies li l-espożizzjonijiet tal-motivi, moqrija flimkien mal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, jippreżentaw motivi konvinċenti li jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni.

84      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, wara l-adozzjoni, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ persuna jew ta’ grupp fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, il-Kunsill għandu, f’intervalli regolari, u tal-inqas kull sitt xhur, jiżgura li ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista inkwistjoni tibqa’ ġġustifikata.

85      Għalkemm il-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tidher bħala prerekwiżit essenzjali għall-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, il-verifika tal-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni fuq il-livell nazzjonali tidher indispensabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenzi OMPI T‑228/02, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 117, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, EU:T:2007:207, punt 164). Il-kwistjoni li hija importanti fl-eżami taż-żamma ta’ persuna fil-lista inkwistjoni hija dwar jekk, sa mill-inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fl-imsemmija lista jew sa mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali tbiddlitx b’tali mod li din ma tippermettix iktar l-istess konklużjoni dwar l-involviment ta’ din il-persuna inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, Ġabra, EU:C:2012:711, punt 82).

86      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih ġie adottat, għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet (ara s-sentenza OMPI T‑228/02, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi abbażi tar-Regolament Nru 2580/2001, il-motivazzjoni tagħha għandha tiġi evalwata qabel kollox fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal każ ineżami, kif huma msemmija fl-Artikolu 2(3) tiegħu u, b’riferiment, għall-Artikolu 1(4) jew għall-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, skont jekk din hijiex deċiżjoni inizjali jew deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi. (sentenza OMPI T‑228/02, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 142).

88      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax taċċetta li l-motivazzjoni tista’ tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u stereotipata, ibbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) jew (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu l-obbligu li jsemmi l-fatti u l-punti ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant il-motivazzjoni ta’ tali miżura għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-parti kkonċernata (ara s-sentenza OMPI T‑228/02, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Għalhekk, kemm il-motivazzjoni għal deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, kif ukoll il-motivazzjoni għal deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jittrattaw mhux biss il-kundizzjonijiet legali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali meħuda minn awtorità kompetenti, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza Sison T‑341/07, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 60).

90      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, din irrikonoxxiet li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-dawl tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 75 TFUE, 215 TFUE u 352 TFUE, skont pożizzjoni komuni adottata abbażi tal-politika barranija u dwar sigurtà komuni. Din is-setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet (ara s-sentenza Sison, T‑341/07, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, dan ma jimplikax li hija għandha tibqa’ lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati u l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, ma huwiex il-kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-opportunità tal-miżuri magħmula mill-Kunsill bl-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenza Sison, T‑341/07, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fir-raba’ lok, rigward il-bażi legali u fattwali ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam ta’ terroriżmu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-fajl li turi li deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward ta’ nies, gruppi u entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti.

92      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, punt 85 iktar ’il fuq (EU:C:2012:711), fakkret li mir-riferiment, fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għal deċiżjoni ta’ “awtorità kompetenti” kif ukoll mir-riferiment għal “informazzjoni preċiża” u “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li jipproteġi l-persuni kkonċernati billi jiġi żgurat li l-inklużjoni tagħhom fil-lista kontenzjuża sseħħ biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, u li l-imsemmija Pożizzjoni Komuni għandha l-għan li tilħaq dan l-għan billi jkun hemm rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali (punt 68 tas-sentenza). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Unjoni ma għandhiex il-mezzi sabiex twettaq l-investigazzjonijiet tagħha stess li jikkonċernaw l-involviment ta’ persuni f’atti terroristiċi (punt 69 tas-sentenza).

93      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-motivi ppreżentati mill-Kunsill sabiex jibbaża l-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

94      L-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 jibdew b’paragrafu li fih il-Kunsill jiddeskrivi r-rikorrenti bħala “grupp involut f’atti terroristiċi li, mill-1988 b’mod regoalri, wettaq u rrikonoxxa responsabbiltà għal attentati kontra miri Iżraeljani, b’mod partikolari ħtif, attakki bi skieken u b’armi tan-nar kontra persuni ċivili, kif ukoll attenti suwiċida b’bomba fit-trasport pubbliku u f’postijiet pubbliċi”. Il-Kunsill jiddikjara li l-“Hamas organizzat attentati kemm fin-naħa Iżraeljana tal-‘Linja l-Ħadra’ kif ukoll fit-Territorji Okkupati” u li, “f’Marzu 2005, il-Hamas iddikjara ‘tahdia’ (perijodu ta’ kalma), li wassal għal fl-attivitajiet tiegħu”. Il-Kunsill ikompli bill jindika li “madankollu, fil-21 ta’ Settembru 2005, ċellola tal-Hamas ħatfet u wara qatlet Iżraeljan [u li], f’reġistrazzjoni vidjo, il-Hamas iddikjarat li ħatfet dan ir-raġel sabiex tipprova tinnegozja l-liberazzjoni ta’ priġunjieri Palestinjani miżmuma mill-Iżrael”. Il-Kunsill iddikjara li “militanti tal-Hamas ipparteċipaw fl-isparar ta’ rokits kontra l-Iżrael tan-Nofsinhar mill-L-Istrixxa ta’ Gaza [u li], fil-passat, sabiex twettaq attentati kontra ċivili f’Iżrael, il-Hamas irreklutat kamikażi billi offriet għajnuna lill-familja tagħhom”. Il-Kunsill iddikjara li, “f’Ġunju 2006, il-Hamas (inkluż Hamas-lzz al-Din-aI-Qassem) kienet involuta f’operazzjoni li waslet għall-ħtif tas-suldat Iżraeljan Gilad Shalit” (l-ewwel paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014). Diġà fl-espożizzjonijiet tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill iddikjara li, “fil-11 ta’ Ottubru 2011, is-[suldat Gilad Shalit] ġie lliberat mill-Hams, wara li nżamm għal ħames snin, fil-kuntest ta’ skambju ta’ priġunjieri ma’ Iżrael”.

95      Sussegwentement, il-Kunsill abbozza lista ta’ “attivitajiet terroristiċi” li, skont il-Kunsill, il-Hamas wettqet reċentement, mix-xahar ta’ Jannar 2010 (it-tieni paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

96      Il-Kunsill, wara li kkunsidra li “dawn l-atti jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3) (a) (b), (c), (d), (f) u (g) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u twettqu bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(i), (ii) u (iii) tal-imsemmi pożizzjoni komuni”, u li l-“Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din-al-Qassem) taqa’ taħt l-Artikolu 2(3)(ii) tar-Regolament Nru 2580/2001” (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014), jirreferi għal deċiżjonijiet li awtoritajiet Amerikani u tar-Renju Unit, kif ukoll jirriżulta mill-motivi u mill-fajl, adottaw fl-2001 kontra r-rikorrenti (il-ħames sas-seba’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014). Fl-espożizzjonijiet tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014, tat-22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill irrefera, għall-ewwel darba, għal deċiżjoni Amerikana tat-18 ta’ Lulju 2012.

97      Dawn id-deċiżjonijiet imsemmija mill-Kunsill huma, minn naħa, deċiżjoni tas-Secretary of State for the Home Departement (Ministeru tal-Intern, ir-Renju Unit) tad-29 ta’ Marzu 2001, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti adottati skont is-Sezzjoni 219 tal-US Immigration and Nationality Act (Liġi tal-Istati Uniti fuq l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità, iktar ’il quddiem l-“INA”) u tad-Digriet Eżekuttiv 13224.

98      Rigward dawn id-deċiżjonijiet, il-Kunsill irrefera għall-fatt li, fir-rigward tad-deċiżjoni tar-Renju Unit, hija tiġi eżaminata mill-ġdid regolarment minn kumitat governattiv nazzjonali u, fir-rigward tad-deċiżjonijiet Amerikani, huma suġġetti għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.

99      Il-Kunsill jiddeduċi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li “d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din-al-Qassem) ittieħdu għalhekk minn awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931” (it-tmien paragrafi tal- espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

100    Fl-aħħar nett, il-Kunsill “jikkonstata li d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq […] għadhom dejjem fis-seħħ u [...] iqis li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din-al-Qassem) fil-lista [ta’ ffriżar ta’ fondi] jibqgħu validi” (id-disa’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014). Il-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti għandha tibqa’ tidher f’din il-lista (it-tieni paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

101    Qabel kollox u irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk id-deduzzjonijiet esposti fil-punt 99 iktar ’il fuq humiex korretti, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-lista ta’ fatti ta’ vjolenza għall-perijodu wara l-2004, u b’mod iktar partikolari għall-perijodu 2010-2011, abbozzata mill-Kunsill għall-ewwel u t-tieni paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 tgawdi minn rwol determinanti fl-evalwazzjoni tal-opportunità li jinżamm l-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti, peress li din il-lista tibbaża l-konstatazzjoni mill-Kunsill tal-eżistenza ta’ terroriżmu mwettaq mir-rikorrenti matul dan il-perijodu, l-ebda wieħed minn dawn il-fatti ma ġie eżaminat fid-deċiżjonijiet nazzjonali tal-2001 invokati fil-ħames u s-sitt paragrafi tal-imsemmija espożizzjonijiet tal-motivi.

102    Fil-fatt, dawn il-fatti kollha huma sussegwenti għal dawn id-deċiżjonijiet u ma jistgħux jiġu eżaminati f’dawn id-deċiżjonijiet.

103    Madankollu, għalkemm l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 jiddikjaraw li d-deċiżjonijiet nazzjonali li huma jirreferu għalihom baqgħu fis-seħħ, huma ma jinkludu ebda riferiment għal deċiżjonijiet nazzjonali iktar reċenti u wisq inqas għall-motivi ta’ tali deċiżjonijiet, ħlief għall-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014, li jsemmu, għall-ewwel darba, deċiżjoni Amerikana tat-18 ta’ Lulju 2012.

104    Ikkonfrontat bil-kritiki tar-rikorrenti dwar dan is-suġġett, il-Kunsill ma jipproduċi ebda deċiżjoni iktar reċenti tal-awtoritajiet Amerikani jew tar-Renju Unit li tipprova li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu waqt l-adozzjoni tal-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 u li minnha jirriżulta, b’mod konkret, li l-fatti sussegwenti għall-2004 elenkati fl-espożizzjonijiet tal-motivi kienu ġew effettivament eżaminati u aċċettati minn dawn l-awtoritajiet.

105    Għalhekk, fir-rigward tal-proċedura fir-Renju Unit, il-Kunsill ma jipproduċi ebda deċiżjoni sussegwenti għall-2001.

106    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet Amerikani adottati skont is-Sezzjoni 219 tal-INA, il-Kunsill ma pproduċa ebda deċiżjoni sussegwenti għall-2003. Rigward id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2012, adottata skont is-Sezzjoni 219 tal-INA u msemmija għall-ewwel darba fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014, il-Kunsill ma jipprovdi ebda element li jippermetti li tiġi rikonoxxuta l-motivazzjoni konkreta b’riferiment għal-lista ta’ fatti ta’ vjolenza li tinsab fl-espożizzjonijiet tal-motivi ta’ dawn l-atti. B’mod iktar ġenerali, u fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula skont is-Sezzjoni 219 tal-INA, il-Kunsill ipproduċa biss dokument tal-1997. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati skont id-Digriet Eżekuttiv 13224, il-Kunsill ipproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali biss deċiżjoni sussegwenti tal-Gvern tal-Istati Uniti skont dan it-test. Rigward il-motivi tad-dikjarazzjoni, il-Kunsill ipproduċa dokument bla data, li joriġina mit-Teżor Amerikan, u li jsemmi l-Hamas billi jirreferi għal fatti l-iktar reċenti li jmorru lura għal Ġunju 2003.

107    Rigward id-deċiżjonijiet nazzjonali msemmija għall-ewwel darba waqt is-seduta, huma jikkostitwixxu — anki lil hinn mill-fatt li huma ma jipproduċux — tentattiv li tingħata motivazzjoni tardiva, inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2013, North Drilling vs Il-Kunsill, T‑552/12, EU:T:2013:590, punt 26, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il-Kunsill, T‑58/12, EU:T:2013:640, punti 36 sa 39). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dawn id-deċiżjonijiet ma jissemmewx fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014, sussegwenti għas-seduta.

108    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni, fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota supplimentari, li huwa suffiċjenti li tiġi kkonsultata l-istampa sabiex jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tirrikonoxxi regolarment responsabbiltà għal atti terroristiċi.

109    Din il-kunsiderazzjoni, flimkien man-nuqqas ta’ kull riferiment, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti iktar reċenti mill-fatti imputati u li jirreferu għall-imsemmija fatti, tixhed b’mod ċar il-fatt li l-Kunsill ma bbażax l-imputazzjoni tiegħu lir-rikorrenti tal-fatti ta’ terroriżmu meħuda għall-perijodu wara l-2004 fuq evalwazzjonijiet li jinsabu f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, iżda fuq informazzjoni li huwa kiseb mill-istampa.

110    Madankollu, kif jirriżulta mill-elementi mfakkra fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 teħtieġ, għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u fid-dawl tal-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni proprji tal-Unjoni, li l-bażi fattwali ta’ deċiżjoni tal-Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam tat-terroriżmu tibbaża mhux fuq elementi li Kunsill kiseb mill-istampa jew mill-internet, iżda fuq elementi konkretament eżaminati u adottati fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

111    Huwa biss fuq tali bażi fattwali affidabbli li sussegwentement il-Kunsill għandu jeżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma osservax dawn ir-rekwiżiti tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

113    Il-motivazzjoni tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 turi, barra minn hekk, raġunament tal-Kunsill li huwa kuntrarju għal dak li teżiġi din il-pożizzjoni komuni.

114    Għalhekk, minflok jieħu, bħala bażi fattwali tal-evalwazzjoni tiegħu, deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet kompetenti li ħadu inkunsiderazzjoni fatti preċiżi u aġixxa fuq il-bażi tagħhom, u sussegwentement ivverifika li l-imsemmija fatti huma fil-fatt “atti terroristiċi” u l-grupp ikkonċernat fil-fatt “grupp”, fis-sens tad-definizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex fl-aħħar nett jiddeċiedi, fuq din il-bażi u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li jadotta eventwalment deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill għamel il-kontra fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

115    Huwa jibda permezz ta’ evalwazzjonijiet li huma, fir-realtà, tiegħu, li jikklassifikaw ir-rikorrenti bħala terrorista mill-ewwel sentenza tal-espożizzjonijiet tal-motivi — li jagħlaq il-kwistjoni li dawn il-motivi huma mistennija li jsolvu — u timputalha serje ta’ fatti ta’ vjolenza miksuba minnu mill-istampa u mill-internet (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

116    Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li jirrigwarda eżami mill-ġdid tal-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fond, li hija għalhekk konsegwenti għal eżamijiet preċedenti, ma jistax jiġġustifika din il-klassifikazzjoni magħmula mill-bidu. Mingħajr ma jiġi injorat il-passat, l-eżami mill-ġdid ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi huwa, b’ipoteżi, miftuħ għall-possibbiltà li l-persuna jew il-grupp ikkonċernat ma jkunx għadu terrorist fil-mument tad-deċiżjoni tal-Kunsill. Għalhekk huwa biss fi tmiem ta’ dan l-eżami mill-ġdid li l-Kunsill jista’ jasal għall-konklużjoni tiegħu.

117    Il-Kunsill jikkonstata, sussegwentement, li l-fatti li huwa jimputa lir-rikorrenti jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ att terroristiku fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li r-rikorrenti hija grupp fis-sens ta’ din il-pożizzjoni (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

118    Huwa biss fi tmiem ta’ dawn ir-rimarki li l-Kunsill jirreferi għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali, li huma, madankollu, tal-inqas għall-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Frar 2014, iseħħu qabel il-fatti imputati.

119    Il-Kunsill ma jipprovax jiġġustifika, fl-espożizzjonijiet tal-motivi ta’ dawn l-atti, li eventwali deċiżjonijiet nazzjonali ta’ eżami mill-ġdid sussegwenti, jew deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn, ġew effettivament eżaminati u adottaw il-fatti konkreti li jinsabu fil-bidu tal-imsemmija espożizzjonijiet tal-motivi. Fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Frar 2014, huwa sempliċement jiċċita d-deċiżjonijiet nazzjonali inizjali u li jindika, mingħajr xejn iżjed, li huma għadhom dejjem fis-seħħ. Huwa biss fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 li dan tal-aħħar isemmi deċiżjoni Amerika sussegwenti għall-fatti konkretament imputati għar-rikorrenti, iżda wkoll f’dan il-każ mingħajr ma jiġġustifika li din id-deċiżjoni ġiet effettivament eżaminata u adottat il-fatti konkreti li jinsabu fil-bidu tal-imsemmi espożizzjoni tal-motivi.

120    Dan il-każ, bħal dak li ta lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014 LTTE vs Il-Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, Ġabra, EU:T:2014:885) huwa għaldaqstant sostanzjalment differenti mill-kawżi l-oħrajn li taw lok għal kontenzjuż dwar il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam tat-terroriżmu quddiem il-Qorti Ġenerali, wara l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (kawżi Al-Aqsa vs Il-Kunsill, Sison vs Il-Kunsill u People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill).

121    Fil-fatt, filwaqt li, f’dawn l-ewwel kawżi tal-kontenzjuż tal-Unjoni fil-qasam tat-terroriżmu, il-bażi fattwali tar-Regolamenti tal-Kunsill kellu l-oriġini tiegħu f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, f’dan il-każ, il-Kunsill ma jibbażax iktar fuq fatti li kienu qabel kollox evalwati minn awtoritajiet nazzjonali, iżda huwa nnifsu jwettaq l-imputazzjonijiet fattwali indipendenti tiegħu fuq il-bażi tal-istampa jew tal-internet. Billi jagħmel dan, il-Kunsill jeżerċita l-funzjonijiet tal-“awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment osservat, ma hijiex madankollu, la fil-kompetenza tagħha skont din il-pożizzjoni komuni, u lanqas fil-mezzi tagħha.

122    Għaldaqstant, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PMOI T‑256/07, punt 59 iktar ’il fuq (EU:T:2008:461, punt 90), l-atti elenkati fil-motivi ta’ ffriżar ta’ fondi mibgħuta mill-Kunsill lill-People’s Mojahedin Organization of Iran (iktar ’il quddiem il-“PMOI”) ma kinux ibbażati fuq evalwazzjonijiet awtonomi tal-Kunsill, iżda fuq evalwazzjonijiet tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Kif jirriżulta mill-punt 90 tas-sentenza PMOI T-256/07, punt 59 iktar ’il fuq (EU:T:2008:461), l-espożizzjoni tal-motivi tat-30 ta’ Jannar 2007 mibgħuta lill-grupp ikkonċernat (il-PMOI) kienet tinkludi atti terroristiċi li għalihom l-PMOI kienet inżammet responsabbli u ddikjarat li, “minħabba dawn l-atti, deċiżjoni ttieħdet minn awtorità nazzjonali kompetenti”. L-atti elenkati fil-motivi tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2007 mibgħuta lill-PMOI kienu għalhekk ġew eżaminati u adottati kontra dan il-grupp mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Kuntrarjament għal dan il-każ, il-kompilazzjoni tagħhom ma kinitx tirriżulta minn evalwazzjonijiet awtonomi tal-Kunsill.

123    Bl-istess mod, fil-Kawża T‑348/07, Al-Aqsa vs Il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kellha t-test tad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti invokati fl-espożizzjoni tal-motivi tar-regolamenti kkontestati u hija analizzathom fid-dettall. Hija kkonkludiet li l-Kunsill ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li r-rikorrenti kienet taf li l-fondi li kienet qed tiġbor kienu ser jintużaw għall-finijiet ta’ terroriżmu (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Al-Aqsa vs Il-Kunsill, T-348/07, EU:T:2010:373, punti 121 sa 133). Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, il-bażi fattwali li fuqha l-Kunsill kien qed jaħdem kienet għalhekk bażi fattwali pjuttost b’saħħitha, li tirriżulta direttament mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T-327/03, EU:T:2007:211), jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-motivi (il-punti 17 sa 20 tas-sentenza) li l-evalwazzjonijiet fuq il-bażi tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tal-Unjoni kienu jirriżultaw minn konstatazzjonijiet fattwali li ma kinux speċifiċi għall-Kunsill, iżda li kienu oriġinaw minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

124    Bl-istess mod, fil-Kawża T‑341/07, Sison vs Il-Kunsill, l-evalwazzjonijiet fuq il-bażi tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi kienu jirriżultaw minn konstatazzjonijiet fattwali li ma kinux speċifiċi għall-Kunsill, iżda li kienu oriġinaw minn deċiżjonijiet li għandhom awtorità ta’ res judicata u adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti [Raad van State (Conseil d’État, Il-Pajjiżi l-Baxxi) u arrondissementsrechtbank te ‘s-Gravenhage (Tribunal Distrettwali tal-Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi] (sentenza Sison T-341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punti 1, 88 u 100 sa 105).

125    Għandu jiżdied li, ċertament, il-motivazzjoni fattwali tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, għalhekk il-lista ta’ fatti imputati mill-Kunsill lir-rikorrenti f’dan il-każ, ma tikkostitwixxix, evalwazzjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li din il-motivazzjoni fattwali tal-atti inkwistjoni tgawdi minn rwol determinanti fl-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-opportunità li isem ir-rikorrenti jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi u li l-Kunsill, lil hinn milli jistabbilixxi li huwa silet din il-motivazzjoni minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, jattesta fir-realtà li bbaża fuq informazzjoni miksuba mill-istampa.

126    Il-Qorti Ġenerali tqis li dan l-approċċ jikkontravjeni s-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fil-qasam ta’ terroriżmu.

127    Għalkemm, kif tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja, id-domanda prinċipali waqt eżami mill-ġdid hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma għadux iktar possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni li tikkonċerna l-involviment ta’ din il-persuna f’attivitajiet terroristiċi (sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, punt 85 iktar ’il fuq, EU:C:2012:711, punt 82), bil-konsegwenza li l-Kunsill jista’, skont il-każ u fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jiddeċiedi li jżomm persuna fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi fin-nuqqas ta’ tibdil fis-sitwazzjoni fattwali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill jinkludi fil-motivazzjoni tiegħu matul dan l-eżami mill-ġdid, għall-finijiet li tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, għandu, fis-sistema deċiżjonali ta’ żewġ livelli tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u minħabba l-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni tal-Kunsill, ikun is-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens ta’ din il-pożizzjoni komuni (sentenza LTTE vs Il-Kunsill, punt 120 iktar ’il fuq, EU:T:2014:885, punt 204).

128    Il-Kunsill u l-Kummissjoni għalxejn jissuġġerixxu li l-assenza ta’ riferiment, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti speċifiċi li konkretament eżaminaw u adottaw il-fatti stabbiliti fil-bidu tal-imsemmija motivi, hija imputabbli lir-rikorrenti, li, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, setgħu u kellhom jikkontestaw il-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-livell nazzjonali.

129    Minn naħa, l-obbligu tal-Kunsill li jibbaża fuq id-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu fil-qasam ta’ terroriżmu fuq bażi fattwali li tirriżulta minn deċiżjonijiet kompetenti jirriżulta direttament mis-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ikkonfermat mis-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, punt 85 iktar ’il fuq, (EU:C:2012:711, punti 68 u 69).

130    Dan l-obbligu ma huwiex għalhekk suġġett għall-aġir tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat. Il-Kunsill għandu, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa formalità sostanzjali, jiddikjara, fil-motivi tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti li konkretament eżaminaw u adottaw il-fatti ta’ terroriżmu li huwa juża bħala bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tiegħu stess.

131    Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sempliċement, fl-aħħar nett, jikkorrobora l-konstatazzjoni, li diġà saret fil-punt 109 iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-Kunsill ibbaża ruħu, fir-realtà, mhux fuq evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, iżda fuq informazzjoni li huwa kiseb mill-istampa jew mill-internet. F’dan ir-rigward, jidher paradossali li l-Kunsill jikkritika lir-rikorrenti li ma kkontestatx fil-livell nazzjonali tal-imputazzjonijiet fattwali li huwa stess ma jasalx sabiex jagħmel konnessjoni ma’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti speċifika.

132    Fl-aħħar nett, għandu jiżdied li l-ebda waħda mill-konstatazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq ma teċċedi l-portata tal-istħarriġ limitat li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali u jikkonsisti, mingħajr madankollu ma tikkontesta s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill, li tikkontrolla l-osservanza tal-proċedura u l-eżattezza materjali tal-fatti. Barra minn hekk, fis-sentenza Sison T-341/07, punt 59 iktar ’il fuq (EU:T:2009:372), il-Qorti Ġenerali tħeġġet sabiex tivverifika — u setgħet tikkonstata — l-allegazzjonijiet fattwali kontra s-Sur Sison li jinsabu fl-espożizzjoni ta’ motivi għaż-żamma tiegħu fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi kienu debitament sostnuti mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt definittivament magħmula fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet Olandiżi (Raad van State u arrondissmentsrechtsbank te ‘s-Gravenhage) invokati mill-Kunsill fl-istess motivi (sentenza Sison T-341/07, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punti 87 u 88).

133    B’kuntrast, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, riferimenti għal ebda deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li fuq il-motivi tagħhom hija tista’ tagħmel konnessjoni mal-elementi fattwali adottati mill-Kunsill kontra r-rikorrenti.

134    Barra minn hekk, u dejjem fis-sentenza Sison T-341/07, punt 114 iktar ’il fuq, (EU:T:2009:372), għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li ġie kkonstatat li l-fatti li jinsabu fil-motivi tar-Regolamenti tal-Kunsill ġew fil-fatt minn żewġ deċiżjonijiet Olandiżi invokati f’dawn l-istess motivi, il-Qorti Ġenerali, madankollu, sussegwentement ċaħdet lil dawn id-deċiżjonijiet Olandiżi n-natura ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, minħabba li dawn ma kinux intiżi għall-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew repressiv kontra l-persuna kkonċernata fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (sentenza Sison T-341/07, punt 59 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punti 107 sa 115).

135    Jekk il-Qorti Ġenerali setgħet, għaldaqstant, teskludi konstatazzjonijiet ta’ fatt li minkejja jirriżultaw minn awtoritajiet kompetenti, minħabba li d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet ma kinux “kundanni, bidu ta’ investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet”, dan jimplika li hija ma tistax, f’dan il-każ, tagħti lil artikli tal-istampa — li fi kwalunke każ ma humiex imsemmija fil-motivi tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 — l-istatus proċedurali u probatorju rriżervat, mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, biss għad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti.

136    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tenfasizza l-importanza tal-garanziji offruti mid-drittijiet fundamentali f’dan il-kuntest (ara l-konklużjonijiet Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09 P, Ġabra, EU:C:2011:482, punti 235 sa 238).

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill, meta adotta l-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 fil-kundizzjonijiet esposti iktar ’il fuq, kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni.

138    Madankollu, il-Kunsill isostni li l-involviment tar-rikorrenti fit-terroriżmu kien ġie, fi kwalunkwe każ, stabbilit fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għas-siltiet tar-rikors li fihom ir-rikorrenti tiddikjara li hija abbandunat il-linja ta’ kondotta tagħha li ssalva l-popolazzjoni ċivili biss temporanjament wara l-“Massakru tal-Qabal tal-Patrijarki”, imwettaq minn Iżraeljan fil-25 ta’ Frar 1994, u li fihom ir-rikorrenti tiddikjara li r-rikors għall-attentati-suwiċida kien biss tranżitorju. Il-Kunsill żied li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-responsabbiltà tagħha fil-ħtif tas-suldat Gilad Shalit u fil-mewt tas-suldati Iżraeljani.

139    Għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, il-Kunsill issostitwixxa, essenzjalment, quddiem il-Qorti Ġenerali, motivi tal-Atti tiegħu ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, billi naqqas il-motivi inizjalment applikati f’dawn l-atti għal uħud mill-elementi fattwali li, skont il-Kunsill, ir-rikorrenti ammettiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

140    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, twettaq evalwazzjoni li huwa l-Kunsill, billi jaġixxi b’unanimità, li għandu jwettaq.

141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-Kunsill kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll, fin-nuqqas ta’ riferiment fil-motivazzjoni għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li jirrigwardaw il-fatti imputati lir-rikorrenti, għandhom jiġu annullati, għal dak li jikkonċernaw ir-rikorrenti, l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014, kif ukoll l-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 u Jannar 2011, li, huwa paċifiku, ukoll ma jinkludu ebda riferiment għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li jirrigwardaw il-fatti imputati lir-rikorrenti u li huma, għaldaqstant ivvizzjati bl-istess ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

142    Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li dawn l-annullamenti, sostnuti għal motivi proċedurali fundamentali, ma jimplikaw ebda evalwazzjoni tal-mertu fuq il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala grupp terroristiku fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ u l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, ħlief għal dak li jikkonċerna l-Avviż ta’ Lulju 2010 li fir-rigward tiegħu għandu jiġi miċħud ir-rikors (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

144    Għal dak li jikkonċerna l-effetti ratione temporis ta’ dawn l-annullamenti, għandu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq in-natura tal-atti kkontestati fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jippermetti lill-qorti tal-Unjoni li tiddikjara, jekk tqis li jkun neċessarju, liema minn dawn l-effetti tal-atti li hija annullat għandhom jitqiesu definittivi.

145    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tiġi mminata b’mod serju u irriversibbli l-effikaċja tal-miżuri restrittivi, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt importanti tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrenti, hemm lok, skont l-Artikolu 264 TFUE, li jiġi sospiż l-effett ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-Atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 għal perijodu ta’ tliet xhur minn meta tingħata d-deċiżjoni jew, jekk appell jiġi ppreżentat fit-terminu stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dan l-appell.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

147    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/386/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2010, tal-Kunsill 2011/70/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, tal-Kunsill 2011/430/PESK, tat-18 ta’ Lulju 2011, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/872/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2011, tal-Kunsill 2012/333/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2012, tal-Kunsill 2012/765/PESK, tal-10 ta’ Diċembru 2012, tal-Kunsill 2013/395/PESK, tal-25 ta’ Lulju 2013, tal-Kunsill 2014/72/PESK, tal-10 ta’ Frar 2014, u tal-Kunsill 2014/483/PESK, tat-22 ta’ Lulju 2014, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jħassar id-deċiżjonijiet, rispettivament, 2011/430, 2011/872, 2012/333, 2012/765, 2013/395 u 2014/72, huma annullati, għal dak li jikkonċernaw il-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem).

2)      Ir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010, tal-Kunsill Nru 83/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, tal-Kunsill Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, tal-Kunsill Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, tal-Kunsill Nru 542/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, tal-Kunsill Nru 1169/2012, tal-10 ta’ Diċembru 2012, tal-Kunsill Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013, tal-Kunsill Nru 125/2014, tal-10 ta’ Frar 2014, u tal-Kunsill Nru 790/2014, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassru r-Regolament ta’ Implementazzoni rispettivament (UE) Nru 1285/2009, Nru 610/2010, Nru 83/2011, Nru 687/2011, Nru 1375/2011, Nru 542/2012, Nru 1169/2012, Nru 714/2013 u Nru 125/2014, huma annullati, sa fejn jikkonċernaw il-Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem).

3)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2014/483 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 jinżammu għal tliet xhur minn meta tiġi deċiża din is-sentenza jew, jekk appell jiġi ppreżentat fit-terminu stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dan l-appell.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tal-Hamas.

6)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u żviluppi ġodda matul il-proċeduri

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tar-rikors kif ukoll fuq il-portata u l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2012

Fuq is-suġġett tar-rikors

Fuq il-portata u l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2012

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiża għall-annullament tal-Avviż ta’ Lulju 2010

Fuq it-talba għal annullament tal-atti tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.