Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-480/23)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Ruseva u P. Messina)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija 1 , jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla waħda minn dawn iż-żewġ ammonti: (i) is-somma ta’ EUR 1 800 għal kull jum, immultiplikata bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew bejn il-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u l-jum li fih jitwaqqaf il-ksur jew, fil-każ li l-ksur ma jitwaqqafx, il-jum li fih tingħata s-sentenza; jew (ii) is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 504 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi msemmi fl-ewwel inċiż jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10 800 għal kull jum, mid-data tal-għoti ta’ sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża sat-twettiq minn dan l-Istat tal-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) hija intiża li tinkoraġġixxi u li tinċentiva s-suq tal-vetturi li jintużaw fit-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li żżid il-kontribuzzjoni tas-settur tat-trasport fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, tal-klima u tal-enerġija. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li, fil-kuntest tal-akkwist ta’ ċerti vetturi, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti marbuta mal-enerġija u mal-impatt ambjentali matul il-ħajja kollha tal-vettura, inklużi l-konsum ta’ enerġija, l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju u l-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti.

Konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom sat-2 ta’ Awwissu 2021 sabiex jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha u sabiex jikkomunikawhom immedjatament lill-Kummissjoni. L-Istati Membri kienu meħtieġa wkoll jiżguraw li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu riferiment għad-Direttiva jew ikunu marbuta ma’ tali riferiment fil-kuntest tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija fid-29 ta’ Settembru 2021. Fis-6 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Bulgarija. Minkejja dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija la għadha adottat il-miżuri ta’ traspożizzjoni u lanqas għadha ma kkomunikat tali miżuri lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU 2019, L 188, p. 116.