Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-210/23)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Caro de Sousa u M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma ttrasponietx korrettament l-Artikolu 2(4), l-Artikolu 4(5)(b), l-Artikolu 6(2)(d), u l-Artikolu 8a(4), kif ukoll l-Artikolu 4(3) moqri flimkien mal-punt (2)(b) u (c)(vi) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 , skont ir-redazzjoni mogħtija lilha mid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 2 , ir-Repubblika Portugiża ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija Direttiva 2011/92/UE.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża ma ttrasponietx konformement mad-dritt Portugiż numru ta’ artikoli tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, skont ir-redazzjoni mogħtija lilha mid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (fil-verżjoni tagħha aġġornata u konsolidata, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”). Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża fil-11 ta’ Ottubru 2019. Sussegwentement, intbagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża fit-12 ta’ Novembru 2021. Fil-preżent, il-Kummissjoni qed tippreżenta din l-azzjoni bil-motivi li ġejjin:

– Billi ma tillimitax l-eżenzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 2(4) tad-Direttiva fir-rigward tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ impatt ambjentali (iktar ’il quddiem “VIA”) għall-każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikun jippreġudika l-għan tal-proġett, ir-Repubblika Portugiża tikser l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva.

– Billi tipprovdi li ċerti proġetti ma jkunux suġġetti għal VIA meta l-awtorità tal-VIA ma toħroġx opinjoni fir-rigward tal-issuġġettar ta’ tali proġetti għall-VIA fit-terminu legali, ir-Repubblika Portugiża tikser l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva.

– Billi ma tipprevedix li l-pubbliku jiġi informat b’mezzi adegwati, sa fejn ikun raġonevolment possibbli, dwar in-natura ta’ deċiżjonijiet possibbli jew l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ VIA, fil-każ li dan ikun disponibbli, ir-Repubblika Portugiża tikser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva.

– Billi ma tistabbilixxix li t-tipi ta’ parametri li għandhom jiġu mmonitorizzati, u t-tul tal-monitorizzazzjoni, identifikati f’deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ proġett, għandhom ikunu proporzjonali man-natura, il-post u d-daqs tal-proġett, kif ukoll mal-importanza tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, ir-Repubblika Portugiża tikser l-Artikolu 8a(4) tad-Direttiva.

– Billi ma tinkludix id-“disponibbiltà” ta’ riżorsi naturali bħala kriterju rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk proġett għandux jiġi ssuġġettat għal VIA, ir-Repubblika Portugiża tikser l-Artikolu 4(3) moqri flimkien mal-punt 2(b) tal-Anness III tad-Direttiva.

– Billi ma tagħmilx riferiment għal-“leġiżlazzjoni tal-Unjoni” jew għaż-żoni “fejn huwa meqjus li [ma ġewx osservati r-regoli ta’ kwalità ambjentali]” meta l-lista tal-elementi rilevanti għad-determinazzjoni taż-żoni li fihom għandha tiġi vvalutata l-kapaċità ta’ assorbiment tal-ambjent naturali bħala kriterju rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk proġett għandux jiġi ssuġġettat għal VIA, ir-Repubblika Portugiża tikser l-Artikolu 4(3) moqri flimkien mal-punt 2(c)(vi) tal-Anness III tad-Direttiva.

____________

1     ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

1     ĠU 2012, L 124, p. 1,