Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-144/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Armati, M. Mataija u A. Tokár, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

tiddikjara li bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-404/2021. sz. Korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 404/2021) u tal-405/2021. sz. Korm. Rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 405/2021), dwar il-ħlas tar-royalty addizzjonali għall-estrazzjoni ta’ minerali u dwar il-volum minimu ta’ estrazzjoni, u bl-adozzjoni tal-2021. évi CXXXVI. törvény (il-Liġi CXXXVI tal-2021), li tikkompleta il-bányászatról szóló 1993. évi XLVIII. törvény (il-Liġi XLVIII tal-1993, dwar il-minjieri) bl-introduzzjoni tal-Artikoli 27A, 27B u 27C, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika 1 .

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li l-Ungerija kisret il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta fid-dritt tal-Unjoni u kisret id-Direttiva 2015/1535.

Fl-2021, il-Gvern Ungeriż adotta żewġ digrieti tal-Gvern li, minn naħa, stabbilixxew prezz uffiċjali iktar baxx mill-prezz tas-suq għal materjal bażiku ta’ kostruzzjoni, bħar-ramel, iż-żrar u s-siment. L-impriżi ta’ estrazzjoni ta’ dan il-materjal – kważi kollha kemm huma kkontrollati minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra – għandhom, barra minn hekk, iħallsu royalty addizzjonali għall-estrazzjoni ta’ minerali li jammonta għal 90 % tad-differenza bejn il-prezz uffiċjali u l-prezz tal-bejgħ li jaqbeż l-ewwel prezz. Barra minn hekk, l-impriżi suġġetti għad-digrieti huma obbligati li jżommu livell minimu ta’ estrazzjoni stabbilit mill-Gvern, taħt piena li jitilfu l-liċenzja tagħhom ta’ estrazzjoni mill-minjieri.

Peress li dawn id-digrieti tal-Gvern kienu ġew awtorizzati għal perijodu tranżitorju – oriġinalment biss għall-perijodu tal-epidemija tal-COVID-19―, il-Parlament Ungeriż fl-istess ħin emenda wkoll il-Liġi dwar il-minjieri u awtorizza lill-President tal-awtorità superviżorja kompetenti jadotta miżuri simili.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni dawn ir-regoli jiksru l-libertà ta’ stabbiliment irrikonoxxuta fit-TFUE peress li dawn jillimitaw il-possibbiltà li persuni u impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jkomplu jeżerċitaw jew jibdew jeżerċitaw fl-Ungerija attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regoli. Barra minn hekk, skont id-Direttiva 2015/1535, l-Ungerija kienet obbligata li tikkomunika l-abbozz ta’ dawn ir-regoli lill-Kummissjoni, ħaġa li hija ma għamlitx.

____________

1 (ĠU 2015, L 241, p. 1).