Language of document : ECLI:EU:C:2021:862

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit‑trattament fil‑qasam tal‑impjieg u tax‑xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id‑diżabbiltà – Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 4(1) – Artikolu 5 – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Artikoli 21 u 26 – Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabbiltà – Funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċeduri kriminali – Persuna għamja – Esklużjoni totali mill‑parteċipazzjoni fil‑kawżi kriminali”

Fil‑Kawża C‑824/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Varhoven administrativen sad (il‑Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑12 ta’ Novembru 2019, fil‑proċedura

TC,

UB

vs

Komisia za zashtita ot diskriminatsia,

VA,

fil‑preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal‑Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat‑Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil‑miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VA, minnha nnifisha,

–        għall‑Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Pimenta, J. Marques u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u N. Nikolova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali fis‑seduta tat‑22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(2) tal‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal‑ONU”), kif ukoll tal‑Artikolu 2(1) sa (3) u tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 5, Vol. 4 p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil‑kuntest ta’ tilwima bejn TC u UB u l-Komisia za zashtita ot diskriminatsia (il-Kummissjoni għall‑Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, il‑Bulgarija) u VA dwar id-deċiżjoni ta’ din il-kummissjoni li timponi fuqhom, bħala president ta’ qorti u mħallef ta’ awla kriminali, multi minħabba diskriminazzjoni fir-rigward ta’ VA, membru tal‑ġurija ta’ din l-awla.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tal‑ONU fl-Artikolu 1 tagħha tistabbilixxi li:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t‑tgawdija sħiħa u ugwali tad‑drittijiet tal‑bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4        Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni”:

“1.      L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il‑liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall‑protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal‑liġi.

2.      L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.

3.      Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli.

4.      Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal‑persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.”

5        L-Artikolu 27 tal‑Konvenzjoni tal‑ONU, intitolat “Xogħol u impjieg”, jipprevedi, fil‑paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal‑persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall‑opportunità għal qligħ ta’ għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax‑xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall‑persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad‑dritt għax‑xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia:

a)      Jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fir‑rigward tal‑kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw kull forma ta’ impjieg, inklużi kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ingaġġ, u impjieg, it-tkomplija ta’ impjieg, l‑avvanz fil‑karriera u kondizzjonijiet tax‑xogħol siguri u tajba għas‑saħħa;

[…]”.

 Id-dritt talUnjoni

6        Il-premessi 16, 20, 21 u 23 tad‑Direttiva 2000/78 jistabbilixxu li:

“(16)      Il-provvediment ta’ miżuri biex jakkommodaw il-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabilità fuq post tax‑xogħol għandha rwol importanti fil‑ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba dizabilità.

[…]

(20)      Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax‑xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax‑xogħol, id-distribuzzjoni tal‑kompiti jew tad‑dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

(21)      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkawżawx piż sproporzjonat, għandu jittieħed kont b’mod partikulari ta’ l-ispejjeż finanzjarji u ta’ natura oħra li dan jimplika, ta’ l-iskala u r-riżorsi finanzjarji ta’ l-organizzazzjoni jew l-intrapriża u l-possibilità li jiġu ottenuti fondi pubbliċi jew assistenza oħra.

[…]

(23) F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni”.

7        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, [id-]diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament”.

8        L-Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall‑iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall‑ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2. Għall‑iskopijiet tal‑paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”.

9        L-Artikolu 3 tal‑istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil‑paragrafu (1) tiegħu:

“Fil‑limiti tal‑kompetenzi konferiti lill‑[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall‑persuni kollha, kemm fis‑settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)      il-kondizzjonijiet għall‑aċċess għall‑impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil‑livelli kollha tal‑ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

ċ)      il-kundizzjonijiet għall‑impjieg u tax‑xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”.

10      L-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax‑xogħol”, jipprevedi, fil‑paragrafu (1) tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax‑xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa [rekwiżit] ġenwina u determinanti tax‑xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

11      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, jipprovdi:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal‑prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit‑trattament fir‑rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil‑, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil‑qafas tal‑politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat”.

 Id-dritt Bulgaru

12      L-Artikolu 6 tal‑Kostituzzjoni (DV Nru 56, tat‑13 ta’ Lulju 1991), fil‑verżjoni tagħha applikabbli għat‑tilwima fil‑kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)      L-individwi kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u fid-drittijiet”.

(2)      Iċ-ċittadini kollha huma ugwali quddiem il-liġi. Hija inammissibbli kull limitazzjoni tad‑drittijiet u kull għotja ta’ privileġġi, ibbażata fuq id-distinzjoni ta’ razza, ta’ nazzjonalità, ta’ appartenenza etnika, ta’ sess, ta’ oriġini, ta’ reliġjon, ta’ edukazzjoni, ta’ twemmin, ta’ appartenenza politika, ta’ kundizzjoni personali u soċjali jew sitwazzjoni finanzjarja”.

13      Skont l-Artikolu 48 ta’ din il-kostituzzjoni

“(1)      Iċ-ċittadini għandhom id-dritt għax-xogħol. L-Istat irid jiżgura li joħloq il-kundizzjonijiet għall‑eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

(2)      L-Istat jiżgura dawn il-kundizzjonijiet għall‑eżerċizzju tad‑dritt għax-xogħol għall‑persuni li għandhom diżabbiltà fiżika u mentali […]”.

14      Jirriżulta mill-Artikolu 4(1) taż-Zakon za zashtita ot diskriminatsia (il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra d-Diskriminazzjoni, DV Nru 86, tat-30 ta’ Settembru 2003), fil‑verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi kontra d-Diskriminazzjoni”), li kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata, partikolarment, fuq id-diżabbiltà, hija pprojbita.

15      Skont il-kliem tal‑punt 2 tal‑Artikolu 7(1) tal‑Liġi kontra d-Diskriminazzjoni:

“Ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni:

[…]

2.      id-differenza fit‑trattament meta tkun is-suġġett persuna, fuq il-bażi ta’ karatteristika marbuta ma’ waħda mir‑rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(1), meta din il-karatteristika hija rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti minħabba n-natura tax‑xogħol jew l-attività speċifika jew tal‑kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ dan ix-xogħol jew ta’ din l-attività, li l-għan tagħhom huwa leġittimu u li r-rekwiżit ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq”.

16      L-Artikolu 66 taż-Zakon za sadebnata vlast (il-Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja, DV Nru 64, tas-7 ta’ Awwissu 2007), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja”), jipprevedi li, fil‑każijiet previsti mil‑liġi, il-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti adita b’kawża fl-ewwel istanza jinkludi wkoll xi ġurati, li għandhom l-istess drittijiet u obbligi tal‑imħallfin.

17      Skont il-kliem tal‑Artikolu 67(1) tal‑Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja:

“Jista’ jiġi elett bħala ġurat kull ċittadin Bulgaru li għandu l-kapaċità sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li:

1.      għandu bejn 21 u 68 sena;

2.      għandu indirizz attwali fil‑komun li jaqa’ taħt is-settur ġudizzjarju tal‑qorti li fiha ser iservi;

3.      laħaq mill-inqas livell ta’ studji sekondarji;

4.      ma ġiex ikkundannat għal reat intenzjonali, anki fil‑każ ta’ riabilitazzjoni;

5.      ma jbati minn ebda marda mentali”.

18      L-Artikolu 8(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, DV Nru 86, tat-28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), jipprovdi:

“Fil‑każ, u abbażi tal‑modalitajiet previsti mill-kodiċi preżenti, il-ġurati għandhom jipparteċipaw fil‑formazzjoni tad‑deċiżjonijiet [fil-kulleġġ ġudikanti] tal‑qrati”.

19      L-Artikolu 13(1) tal‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-qorti, l-Uffiċċju tal‑Prosekutur u l-awtoritajiet investigattivi, fil‑limiti tal‑kompetenzi tagħhom, huma marbutin sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jistabbilixxu l-verità oġġettiva, u, fil‑paragrafu (2) tiegħu, li l-verità oġġettiva hija stabbilita abbażi tal‑modalitajiet u permezz tal‑mezzi previsti minn dan il-kodiċi.

20      Abbażi tal‑Artikolu 14(1) tal‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti, l-Uffiċċju tal‑Prosekutur u l-awtoritajiet investigattivi jiddeċiedu abbażi tal‑konvinzjoni tagħhom, billi jibbażaw ruħhom fuq eżami oġġettiv, approfondit u komplet taċ‑ċirkustanzi kollha tal‑każ, u jkunu ggwidati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi.

21      Skont l-Artikolu 18 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-qorti, l-Uffiċċju tal‑Prosekutur u l-awtoritajiet investigattivi, jiddeċiedu abbażi tal‑provi li jkunu ġabru u eżaminaw personalment, ħlief meta dan il-kodiċi jiddisponi mod ieħor.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      VA tiddisponi minn kapaċità għax-xogħol imnaqqsa b’mod permanenti minħabba telf tal‑vista, kif muri minn perizja mwettqa fis-sena 1976. Hija wettqet xi studji superjuri fid-dritt u għaddiet mill-eżami ta’ kompetenza professjonali b’suċċess waqt is-sena 1977, u sussegwentement ħadmet fi ħdan l-Għaqda tal‑Għomja u fl‑istrutturi tal‑Unjoni Ewropea tal‑Għomja.

23      Waqt is-sena 2014, VA ġiet ammessa bħala membru tal‑ġurija mis‑Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal‑Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), fit‑tmiem ta’ proċedura mibdija mill‑Kunsill Muniċipali ta’ din il-belt. Hija ġiet assenjata lis‑Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) u, permezz ta’ tlugħ bil‑polza, fis‑Sitt Awla Kriminali ta’ dik il-qorti, li kienet tagħmel parti minnha l‑imħallef UB, flimkien ma’ tliet ġurati oħra. Hija ħadet ġurament sabiex isservi fuq din il-bażi quddiem l-imsemmija qorti fil‑25 ta’ Marzu 2015.

24      Waqt il-perijodu ta’ mill‑25 ta’ Marzu 2015 sad-9 ta’ Awwissu 2016, VA ma pparteċipat fl-ebda seduta kriminali. Fix‑xahar ta’ Mejju 2015, hija talbet lill‑President tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija), jiġifieri lil TC, sabiex tiġi assenjata quddiem qorti oħra, iżda ma kisbitx risposta.

25      Fl-24 ta’ Settembru 2015, VA adixxiet lill‑Kummissjoni għall‑Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, billi sostniet li kienet sofriet trattament sfavorevoli minħabba d-diżabbiltà tagħha, min-naħa tal‑Imħallef UB, sa fejn din tal‑aħħar ma kienet aċċettatha biex tipparteċipa fl-ebda proċedura kriminali, kif ukoll min-naħa ta’ TC, li ma kienx segwa t-talba tagħha għal assenjazzjoni mill-ġdid sabiex teżerċita d-dritt tagħha li taħdem bħala ġurat. Bħala tweġiba, TC u UB invokaw, b’mod partikolari, in-natura tal‑obbligi ta’ membru ta’ ġurija, in-neċessità li jkollu karatteristiċi fiżiċi speċifiċi kif ukoll l-eżistenza ta’ għan legali, jiġifieri l‑osservanza tal‑prinċipji tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jiġġustifika t‑trattament differenti ta’ VA bbażat fuq karatteristika marbuta mad‑diżabbiltà, konformement mal‑punt 2 tal‑Artikolu 7(1) tal‑Liġi kontra d-Diskriminazzjoni.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni għall‑Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni ddeċidiet, wara li semgħat lil TC u UB, li dawn tal‑aħħar kienu wettqu diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà fil‑konfront ta’ VA, b’mod partikolari fis‑sens tal‑Artikolu 4 tal‑Liġi kontra d-Diskriminazzjoni, u imponiet fuqhom multa rispettivament ta’ 250 u 500 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 130 u EUR 260).

27      TC u UB it-tnejn ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, quddiem l‑Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il‑Bulgarija), li ċaħdet dan ir-rikors. Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li l‑inklużjoni ta’ restrizzjonijiet, bħala prinċipju, għall‑aċċess għal professjoni jew attività bi ħlas partikolari, bħal dik ta’ membru ta’ ġurija, fuq il-bażi li din id‑diżabbiltà kienet tirrendi impossibbli l-eżerċizzju sħiħ tagħha, kienet illegali. Huwa minnu li l-ispeċifiċità tal‑proċedura kriminali tirrikjedi li tali membru ta’ ġurija jikkonforma ruħu mal-prinċipji fundamentali ta’ din il-proċedura, jiġifieri, għall‑kulleġġ ġudikanti, l-immedjatezza, l-istabbiliment tal‑verità oġġettiva u l‑formazzjoni ta’ konvinzjoni b’saħħitha. Madankollu, il-preżunzjoni li l-eżistenza ta’ diżabbiltà ċċaħħad, f’kull każ, lil persuna mill-kapaċità li tikkonforma ruħha ma’ dawn il-prinċipji tikkostitwixxi diskriminazzjoni. L-imsemmija qorti żiedet li l-fatt li VA pparteċipat f’serje ta’ seduti fil‑kawżi kriminali mid-9 ta’ Awwissu 2016, id-data tad‑dħul fis-seħħ ta’ riforma leġiżlattiva li introduċiet l‑assenjazzjoni elettronika tal‑membri tal‑ġurija, isostni dawn il‑kunsiderazzjonijiet.

28      TC u UB kull wieħed minnhom ippreżentaw appell fil-kassazzjoni mid-deċiżjonijiet tal‑Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija). Insostenn tal‑appell tiegħu, TC isostni li l-qorti tal‑ewwel istanza kellha tapplika l-punt 2 tal‑Artikolu 7(1) tal‑Liġi kontra d-Diskriminazzjoni, dwar l-eżistenza ta’ rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti. Fid-dawl tan-natura tagħhom, il‑funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija ma jistgħux jiġu żgurati minn persuni li d‑diżabbiltà tagħhom tista’ twassal għal ksur tal‑prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Min-naħa tagħha, UB ssostni li din il-qorti invokat, bi żball, il-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni fuq il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ta’ grad ogħla, u fuq il-prinċipji stabbiliti minn dan il-kodiċi, li hija marbuta tosserva, bħala mħallef kriminali, waqt l-eżami tal‑kawżi mressqa quddiem il-qorti, bħalma hija għandha tiżgura t-trattament ugwali mill-membri kollha tal‑kulleġġ ġudikanti, tal‑provi prodotti fil‑proċess u tal-evalwazzjoni diretta minn dawn tal‑aħħar tal‑aġir tal‑partijiet.

29      F’dan il-kuntest, fid-dawl tar-regoli tal‑proċedura kriminali, il-qorti tar-rinviju tinnota li ma huwiex stabbilit b’mod ċar li l-inugwaljanza fit‑trattament fl‑eżerċizzju tal‑attività ta’ membru ta’ ġurija ta’ persuna għamja, bħal VA, huwa legali fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni tal‑ONU, tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tad‑Direttiva 2000/78, intiżi li jiżguraw l-ugwaljanza fil‑qasam tal‑impjieg u tax‑xogħol tal‑persuni b’diżabbiltà.

30      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(2) tal‑[Konvenzjoni tal-ONU], tal‑Artikolu [2](1) sa (3) u tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva [2000/78] twassal għall‑konklużjoni li huwa permess li individwu mingħajr il-kapaċità li jara jeżerċita attività bħala membru ta’ ġurija u jipparteċipa f’kawżi kriminali, jew

2)      id-diżabbiltà partikolari ta’ individwu agħma b’mod permanenti hija karatteristika li tikkostitwixxi ħtieġa [rekwiżit] ġenwina u determinanti tal‑attività ta’ membru ta’ ġurija, li l-eżistenza tagħha tiġġustifika differenza fit‑trattament u ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq il-karatteristika ta’ ‘diżabbiltà’?”.

 Fuq id-domandi preliminari

31      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment, fil‑formulazzjoni tad-domandi tagħha, għad‑dispożizzjonijiet tal‑Karta, din il-qorti tistaqsi, kif jirriżulta mit‑talba għal deċiżjoni preliminari, dwar il-kompatibbiltà tal‑esklużjoni ta’ persuna għamja, bħal VA, mill‑eżerċizzju tal‑funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċeduri kriminali kemm fir‑rigward tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/78 u tal‑Konvenzjoni tal‑ONU kif ukoll tal‑Karta.

32      Għandu jitfakkar li din id-direttiva tikkonkretizza, fil‑qasam li hija tkopri, il‑prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal‑Karta (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tal‑Karta jipprevedi li
l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal‑persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil‑ħajja tal‑komunità.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad‑domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal‑Artikoli 21 u 26 tal‑Karta kif ukoll tal‑Konvenzjoni tal‑ONU, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li persuna għamja tiġi mċaħħda minn kull possibbiltà li teżerċita l-funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċedura kriminali.

35      Qabelxejn, huwa importanti li jitfakkar li, kemm mit‑titolu u mill‑preambolu kif ukoll mill‑kontenut u mill‑għan tad‑Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura l-ugwaljanza fit‑trattament “fil‑qasam tal‑impjieg u tax‑xogħol” lil kull persuna, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir‑raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm inkluża d-diżabbiltà (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) u (c) tad‑Direttiva 2000/78, fil‑limiti tal‑kompetenzi kkonferiti lill‑Unjoni, din id-direttiva għandha tapplika għall‑persuni kollha, kemm fis‑settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall‑aċċess għall‑impjieg kif ukoll l-kundizzjonijiet għall‑impjieg u tax‑xogħol.

37      Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, qabel kollox, li l-funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija jikkostitwixxu attività professjonali remunerata, imbagħad, li VA ntgħażlet sabiex teżerċita dawn il-funzjonijiet u li ġiet assenjata fi ħdan awla kriminali ta’ qorti kif ukoll, fl-aħħar nett, li hija ma setgħetx, fil-prattika, waqt il‑perijodu ta’ mill‑25 ta’ Marzu 2015 sad-9 ta’ Awwissu 2016, teżerċita dawn il‑funzjonijiet u, għaldaqstant, taċċedi għal tali impjieg.

38      Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni, huma inkwistjoni kemm il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal impjieg, fis-sens tal‑Artikolu 3(1)(a) tad‑Direttiva 2000/78, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal‑impjieg u tax‑xogħol, previsti fl-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

39      Barra minn hekk, huwa paċifiku li VA hija persuna milquta minn “diżabbiltà”, fis-sens tad‑Direttiva 2000/78, sa fejn jirrigwarda l-fatt li hija tbati minn telf permanenti tal‑vista, peress li huwa ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kunċett ta’ “diżabbiltà” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal limitazzjoni tal‑kapaċità, li tirriżulta b’mod partikolari minn indebolimenti fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ ostakoli differenti tista’ tkun ta’ xkiel għall‑parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal‑persuna kkonċernata fil‑ħajja professjonali fuq il-bażi tal‑ugwaljanza mal‑ħaddiema l-oħra (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Nobel Plastiques Ibérica, C‑397/18, EU:C:2019:703, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali taqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija direttiva.

41      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal‑eżistenza ta’ differenza fit‑trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2000/78, għall‑finijiet ta’ din tal‑aħħar, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għal ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tal‑imsemmija direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, fosthom id‑diżabbiltà.

42      F’dan il-każ, jirriżulta mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit‑talba għal deċiżjoni preliminari li, mill‑25 ta’ Marzu 2015 sad‑9 ta’ Awwissu 2016, VA ma ġiet ammessa tipparteċipa fl-ebda seduta tal‑awla li għaliha ġiet assenjata, u dan minħabba l-għama tagħha. B’hekk jidher li hija sostniet trattament inqas favorevoli mill‑membri l-oħra tal‑ġurija assenjati fi ħdan din l-awla li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, iżda li ma humiex għomja, abbażi tad‑diżabbiltà li hija għandha, fatt li jikkostitwixxi differenza fit‑trattament direttament ibbażata fuq id‑diżabbiltà, fis‑sens tal‑Artikolu 2(2)(a) tad‑Direttiva 2000/78.

43      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-domanda dwar jekk tali differenza fit‑trattament tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont il-kliem stess ta’ din id‑dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li tkun ibbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikolari tax‑xogħol ikkonċernati jew il‑kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti tax‑xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex il-motiv li fuqu tkun ibbażata d-differenza fit‑trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ dan il‑motiv li għandu jikkostitwixxi tali rekwiżit professjonali essenzjali u determinati (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Sa fejn jippermetti deroga mill‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, moqri fid‑dawl tal‑premessa 23 tagħha, li jirreferi għal “ċirkostanzi limitati ħafna” li fihom tali differenza fit‑trattament tista’ tiġi ġġustifikata, għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward tal‑għan invokat għall‑finijiet tal‑ġustifikazzjoni tat‑trattament sfavorevoli rriżervat għal VA abbażi tad‑diżabbiltà tagħha, TC u UB isostnu li l‑esklużjoni ta’ VA mill-parteċipazzjoni fis-seduti tal‑awla kriminali li għalihom kienet assenjata sax‑xahar ta’ Awwissu 2016 kienet intiża li tiżgura l-osservanza sħiħa tal‑prinċipji tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, b’mod partikolari l‑prinċipju ta’ immedjatezza u l-evalwazzjoni diretta tal‑provi għall‑finijiet tal‑istabbiliment ta’ verità oġġettiva’ li tirriżulta mill‑Artikoli 14 u 18 ta’ dan il‑kodiċi.

47      Fil‑fatt, TC u UB isostnu li l-funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija ma jistgħux jiġu żgurati minn persuni milquta minn diżabbiltà bħall-għama. L-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet jeżiġi, bħala prinċipju, li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari, bħall-vista.

48      Issa, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja tipprevedi, fl-Artikolu 67(1) tagħha, li membru ta’ ġurija għandu, b’mod partikolari, ikollu l-kapaċità sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu u ma jbati minn ebda marda mentali, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit‑talba għal deċiżjoni preliminari, din il-liġi ma timponix rekwiżit fil‑qasam tal‑kapaċità fiżika ta’ membru ta’ ġurija u lanqas ma tipprevedi raġuni ta’ esklużjoni minħabba diżabbiltà fiżika bħall‑għama.

49      Jirriżulta minn dawn l-istess indikazzjonijiet li assenjazzjoni elettronika tal‑membri tal‑ġurija ġiet implimentata b’effett mid‑9 ta’ Awwissu 2016 wara d‑dħul fis‑seħħ ta’ riforma leġiżlattiva, b’tali mod li VA pparteċipat f’serje ta’ seduti f’kawżi kriminali minn din id-data. L-assenjazzjoni elettronika tal‑membri tal‑ġurija prevista mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tidher għalhekk li titwettaq indipendentement mill‑kunsiderazzjonijiet dwar il‑persuna ta’ dawn il-membri tal‑ġurija kif ukoll il-kawżi li huma jkollhom jittrattaw, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

50      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies li huwa “ħtieġa [rekwiżit] ġenwina u determinanti tax‑xogħol”, fis-sens tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, għall‑eżerċizzju ta’ ċerti professjonijiet bħal dawk ta’ pumpier jew ta’ uffiċjal tal‑pulizija. Bl‑istess mod, il-fatt li l-akutezza tas-smigħ għandha tissodisfa livell minimu ta’ perċezzjoni ta’ ħoss stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jitqies bħala tali rekwiżit għall‑eżerċizzju tal‑professjoni ta’ uffiċjal tal‑ħabs (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punti 40 u 41).

51      Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-vista tissodisfa funzjoni essenzjali għas‑sewqan ta’ vetturi bil-mutur, biex b’hekk rekwiżit ta’ akutezza viżiva minima imposta mil‑leġiżlatur tal‑Unjoni għall‑eżerċizzju tal‑professjoni ta’ xufier fit‑toroq huwa konformi mad‑dritt tal‑Unjoni fid-dawl tal‑għan li tiġi żgurata s-sigurtà fit‑toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punti 54 u 72).

52      Bl-istess mod, minħabba n-natura tal‑funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċedura kriminali u l-kundizzjonijiet tal‑eżerċizzju tagħhom, li f’ċerti każijiet jistgħu jimplikaw l-eżami u l-evalwazzjoni ta’ provi viżivi, il-vista tista’ wkoll titqies li hija “ħtieġa [rekwiżit] ġenwina u determinanti tax‑xogħol” għall‑professjoni ta’ membru ta’ ġurija f’tali proċedura, fis‑sens tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, sakemm tali eżami u evalwazzjoni tal‑imsemmija provi ma jkunux jistgħu jitwettqu permezz, b’mod partikolari, ta’ apparati mediko-tekniċi.

53      Barra minn hekk, l-għan invokat minn TC u UB li jiżguraw l-osservanza sħiħa tal‑prinċipji tal-proċedura kriminali, inkluż dawk tal‑immedjatezza u tal‑evalwazzjoni diretta tal‑provi, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu, fis-sens tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78.

54      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura imposta fuq VA fil‑kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-esklużjoni totali mill‑eżerċizzju tal‑funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċeduri kriminali, hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Fir-rigward tan-natura proporzjonata, għandu jitqies ukoll il‑fatt li, skont l-Artikolu 5 tad‑Direttiva 2000/78, moqri fid‑dawl tal‑premessi 20 u 21 tagħha, il-persuna li timpjega għandha tieħu l-miżuri xierqa, meta meħtieġa f’każ partikolari, sabiex jippermettu lil persuna b’diżabbiltà li jkollha aċċess għal, u teżerċita jew tavvanza f’impjieg, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq din il-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punti 42 u 48 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

55      Fir-rigward tan-natura xierqa ta’ din il-miżura, għandu jiġi osservat li tali miżura tikkontribwixxi, ċertament, għall‑osservanza tar‑regoli tal‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali fir‑rigward tal‑prinċipju ta’ immedjatezza u l-evalwazzjoni diretta tal‑provi.

56      Madankollu, fir-rigward tan-natura neċessarja tal‑imsemmija miżura, għandu jiġi rrilevat li VA ġiet eskluża b’mod assolut mill‑parteċipazzjoni fil‑każijiet ittrattati mill‑awla kriminali li għaliha kienet ġiet assenjata, mingħajr ma l-kapaċità individwali tagħha li tissodisfa l-funzjonijiet tagħha ġiet evalwata u mingħajr ma ġiet eżaminata l-possibbiltà li tirrimedja diffikultajiet eventwali li setgħu jinqalgħu.

57      Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-persuna li timpjega għandha tipprevedi arranġamenti raġonevoli għall‑persuni b’diżabbiltà, skont il‑bżonnijiet f’sitwazzjoni konkreta. Fil‑fatt, skont il-premessa 16 tad‑Direttiva 2000/78 l-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex jaqdu l-bżonnijiet ta’ persuna b’diżabbiltà fuq il-post tax‑xogħol għandha rwol importanti fil‑ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà. F’dan ir-rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “arranġamenti raġonevoli” għandu jinftiehem b’mod wiesa’ billi jipprevedi t-tneħħija ta’ diversi barrieri li jostakolaw il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal‑persuni b’diżabbiltà fil‑ħajja professjonali fuq il-bażi tal‑ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra. Barra minn hekk, il-premessa 20 ta’ din id-direttiva tinkludi f’dan ir-rigward lista ta’ arranġamenti raġonevoli ta’ natura materjali, organizzattiva jew edukattiva li ma hijiex eżawrjenti (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 48 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

58      Dan l-obbligu għandu jinqara fid‑dawl tal‑Artikolu 26 tal‑Karta, li jistabbilixxi l‑prinċipju ta’ integrazzjoni tal‑persuni diżabbli sabiex jibbenefikaw minn miżuri intiżi li jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil‑ħajja tal‑komunità.

59      Tali obbligu huwa stabbilit ukoll mill‑Konvenzjoni tal‑ONU, li tiegħu għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu interpretati dawk tad‑Direttiva 2000/78, b’tali mod li din tal‑aħħar għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Issa, il-konvenzjoni tal‑ONU tistipula, fl-Artikolu 5(3) tagħha, li, sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li jitwettqu arranġamenti raġonevoli.

61      Barra minn hekk, huwa b’għan inklużiv li l-Artikolu 5(3) tal‑Konvenzjoni tal‑ONU jipprevedi l-promozzjoni tal‑ugwaljanza tal‑persuni diżabbli u l‑eliminazzjoni tad‑diskriminazzjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 27 ta’ din il‑konvenzjoni, li jirrikonoxxilhom, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor id-dritt li jaħdmu, b’mod partikolari d-dritt għall‑opportunità li jkollhom għajxien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax‑xogħol li jkun miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall‑persuni b’diżabbiltà.

62      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill‑indikazzjonijiet li jinsabu fit‑talba għal deċiżjoni preliminari, VA ġiet eskluża minn kull parteċipazzjoni f’kawżi kriminali mingħajr distinzjoni abbażi tal‑kawżi kkonċernati u mingħajr ma twettqu verifiki sabiex isir magħruf jekk arranġamenti raġonevoli, bħal dawk ta’ għajnuna materjali, personali jew organizzattiva, setgħux jiġu proposti lilha.

63      B’hekk jidher, bla ħsara għal verifika mill‑qorti tar‑rinviju, li l-imsemmija miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju, peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara l-implimentazzjoni tal‑assenjazzjoni elettronika tal‑membri tal‑ġurija li seħħet fix‑xahar ta’ Awwissu 2016, VA pparteċipat, f’din il-kapaċità, fid-deċiżjoni ta’ diversi kawżi kriminali. Kif irrilevaw kemm il‑Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil‑punt 100 tal‑konklużjonijiet tiegħu, din iċ-ċirkustanza hija ta’ natura li tindika li hija kapaċi tassumi l-funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija b’osservanza sħiħa tar‑regoli tal‑proċedura kriminali.

64      Fid‑dawl tal‑punti preċedenti, ir-risposta għad‑domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78, moqrija fid‑dawl tal‑Artikoli 21 u 26 tal‑Karta kif ukoll tal‑Konvenzjoni tal‑ONU, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu li persuna għamja tiġi mċaħħda minn kull possibbiltà li teżerċita l-funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċedura kriminali.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar‑rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal‑Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 4(1) tadDirettiva talKunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għallugwaljanza fittrattament flimpjieg u fixxogħol, moqrija fiddawl talArtikoli 21 u 26 talKarta tadDrittijiet Fundamentali talUnjoni Ewropea kif ukoll talKonvenzjoni tanNazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet talPersuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tadDeċiżjoni talKunsill 2010/48/KE tas26 ta’ Novembru 2009, għandhom jiġu interpretati fissens li jipprekludu li persuna għamja tiġi mċaħħda minn kull possibbiltà li teżerċita l-funzjonijiet ta’ membru ta’ ġurija fi proċedura kriminali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.