KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑21 ta’ Ottubru 2021 (1)
Kawża C‑463/20
Namur-Est Environnement ASBL
vs
Région wallonne,
Partijiet:
Cimenteries CBR SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Proġett għall-operat ta’ barriera – Obbligu ta’ parteċipazzjoni pubblika qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett – Kunċett ta’ awtorizzazzjoni – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali, għasafar u pjanti – Deċiżjoni dwar deroga”
I. Introduzzjoni
1. Skont id-Direttiva EEA (2), ċerti proġetti jeħtieġ li jkunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent minn qabel, jiġifieri ta’ opinjoni dwar l-effetti sinjifikattivi li jista’ jkollhom fuq l-ambjent, u ta’ parteċipazzjoni pubblika. Meta l-proġett ikun jista’ jippreġudika speċi strettament protetti mid-Direttiva dwar il-habitat (3) jew mid-Direttiva dwar l-għasafar (4), dawn l-effetti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
2. Din il-proċedura tqajjem, wara l-ftuħ mill-ġdid ta’ barriera fir-Reġjun ta’ Wallonie (il-Belġju), il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħux madankollu jawtorizzaw derogi mill-protezzjoni tal-ispeċi strettament protetti qabel l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. La d-Direttiva dwar il-habitat, la d-Direttiva dwar l-għasafar u lanqas id-dritt applikabbli Belġjan u tal-Reġjun ta’ Wallonie ma jipprevedu, fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar derogi mill-protezzjoni tal-ispeċi, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew parteċipazzjoni pubblika. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi hija kundizzjoni prattikament neċessarja għat-twettiq ta’ proġett fis-sens tad-Direttiva EEA, b’tali mod li din id-direttiva tista’ tipprekludi tali deċiżjoni bil-quddiem.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva EEA
3. Il-premessa 2 tad-Direttiva EEA tippreċiża l-għan tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent:
“[…] Effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi tal-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.”
4. L-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ awtorizzazzjoni bħala “id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”.
5. L-Artikolu 2(1) sa (3) tad-Direttiva EEA jirregola l-istatus tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni:
“(1) L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.
(2) L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.
(3) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdieni sabiex iwettqu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u r-rekwiżiti tad-[Direttiva dwar it-tniġġis (5)].”
6. L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija deskritta f’iktar dettall fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA:
“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 12, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:
(a) il-bniedem, il-fawna u l-flora;
(b) il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;
(c) il-beni materjali u l-wirt kulturali;
(d) l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”
7. Skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 19 tal-Anness I tad-Direttiva EEA, il-barrieri li jinsabu fuq art ta’ iktar minn 25 ettaru dejjem jiġu kkunsidrati bħala proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għaldaqstant, l-effetti tagħhom fuq l-ambjent għandhom jiġu eżaminati b’mod obbligatorju skont din id-direttiva.
8. L-Artikolu 5(1) u l-punt 3 tal-Anness IV tad-Direttiva EEA jipprevedu li l-iżviluppatur għandu jipprovdi, f’forma xierqa, deskrizzjoni tal-ambjent li jista’ jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv mill-proġett propost, inkluż, b’mod partikolari, il-fawna u l-flora.
9. L-Artikolu 6 tad-Direttiva EEA jinkludi d-dispożizzjonijiet fundamentali dwar il-parteċipazzjoni pubblika:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet li x’aktarx ikunu kkonċernati mill-proġett minħabba r-responsabbilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp. […]
2. Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf […] dwar il-materji li ġejjin kmieni […], l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:
(a) it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp;
(b) il-fatt li l-proġett huwa soġġett għal proċedura ta’ stima dwar l-impatt fuq l-ambjent u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;
(c) id-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjoni, dawk li mingħandhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;
(d) in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;
(e) indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;
(f) indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet li fihom u l-mezzi li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;
(g) id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:
(a) kull tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;
(b) skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(c) skont id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (6)], it-tagħrif għajr dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien meta l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp.
[…]”
10. L-importanza tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA:
“Għandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp.”
11. L-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA jinkludi regoli dwar rikorsi kontra deċiżjonijiet suġġetti għall-parteċipazzjoni pubblika skont id-Direttiva EEA:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:
(a) li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament
(b) li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,
ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.
3. Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. […]”
B. Id-Direttiva 2014/52/UE
12. Barra minn hekk, hija ta’ interess ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EEA li ġiet introdotta permezz tad-Direttiva 2014/52 (7), li għadha ma hijiex applikabbli għal din il-proċedura:
“3. Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u mid-[Direttiva dwar il-habitat] u/jew id-[Direttiva dwar l-għasafar], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, ikunu provduti proċeduri koordinati u/jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik il-leġislazzjoni tal-Unjoni.
Fil-każ ta’ proġetti li għalihom l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament kemm minn din id-Direttiva kif ukoll minn leġislazzjoni tal-Unjoni li mhijiex id-Direttivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovvdu għal proċeduri koordinati u/jew konġunti.
Taħt il-proċedura koordinata msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jikkoordinaw id-diversi valutazzjonijiet individwali tal-impatt ta’ proġett partikolari fuq l-ambjent, li jkunu meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, billi jaħtru awtorità għal dan l-iskop, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.
Taħt il-proċedura konġunta msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jipprovdu valutazzjoni waħda tal-impatti fuq l-ambjent ta’ proġett partikolari, meħtieġa mil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’leġislazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fil-qasam tat-twaqqif ta’ proċeduri koordinati jew konġunti għall-proġetti li huma simultanjament suġġetti għal valutazzjonijiet kemm taħt din id-Direttiva kif ukoll taħt id-[Direttiva dwar il-habitat, id-Direttiva dwar l-ilma (8), id-Direttiva dwar l-għasafar u d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (9)].”
C. Il-protezzjoni tal-ispeċi
13. L-Artikoli 12 u 13 kif ukoll l-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitat jeħtieġu l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi ta’ annimali u pjanti li tipprojbixxi diversi forom ta’ ħsara lil dawn l-ispeċi. L-Artikolu 16 jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, deroga minn dawn ir-regoli protettivi.
14. L-Artikoli 5 u 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdu regoli simili għall-ispeċi kollha ta’ għasafar Ewropej.
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
15. Fl-4 ta’ Novembru 2008, il-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Sagrex ressqet talba għall-awtorizzazzjoni ġenerali tal-operazzjoni mill-ġdid tal-barriera ta’ Bossimé sabiex tinħoloq mina bejn il-barrieri ta’ Bossue u Lives-sur-Meuse kif ukoll għall-installazzjoni ta’ ċinga trasportatriċi fil-barriera ta’ Lives-sur-Meuse u għall-ħolqien ta’ rampa għat-tagħbija ta’ barkuni fix-xmara Maas fir-Reġjun ta’ Wallonie. Il-proġett ikopri art ta’ iktar minn 50 ettaru.
16. Fit‑12 ta’ Mejju 2010, id-Département de la nature et des forêts (id-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti) tar-Reġjun ta’ Wallonie ħareġ opinjoni sfavorevoli minħabba li dan il-proġett ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi tal-protezzjoni tal-ispeċi.
17. Fil‑15 ta’ April 2016, Sagrex ippreżentat talba għal deroga mill-miżuri għall-protezzjoni tal-ispeċi, li magħha hija hemżet studju intitolat “Il-Qerda tal-Habitat u r-Rilokazzjoni ta’ Speċi ta’ Pjanti għall-Operat tal-Barriera ta’ Bossimé”. Fis‑27 ta’ Ġunju 2016, l-ispettur ġenerali tad-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti ta d-deroga mitluba u, konsegwentement, awtorizza lil Sagrex sabiex tippreġudika diversi speċi tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll il-habitats tagħhom, bil-kundizzjoni li timplimenta ċerti miżuri ta’ konteniment. Dan huwa l-att ikkontestat.
18. Fit‑30 ta’ Settembru 2016, Sagrex ippreżentat pjanijiet ta’ emenda u addendum addizzjonali għall-istudju tal-kompatibbiltà fil-kuntest tat-talba għal awtorizzazzjoni ġenerali.
19. Mill‑21 ta’ Novembru sal‑21 ta’ Diċembru 2016 saret konsultazzjoni pubblika fuq il-proġett emendat, li matulha tqajmu diversi lmenti.
20. Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, id-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti ta opinjoni favorevoli, suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet, dwar it-talba għal awtorizzazzjoni ġenerali. Din l-opinjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq:
“Ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti tat-talba, l-obbligi li jirriżultaw mill-għoti ta’ deroga tas‑27 ta’ Ġunju 2016 u l-kundizzjonijiet stipulati hawn taħt jistgħu jnaqqsu l-effetti sinjifikattivi ta’ dan il-proġett fil-qasam tal-konservazzjoni tan-natura f’livell aċċettabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-miżuri kumpensatorji; […]”
21. Fil‑25 ta’ Settembru 2017, il-ministru responsabbli għar-Reġjun ta’ Wallonie madankollu rrifjuta l-awtorizzazzjoni ġenerali. Il-kumpannija omm ta’ Sagrex, Cimenteries CBR SA, ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, li madankollu ġie miċħud b’sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020.
22. Madankollu, permezz ta’ rikors tat‑18 ta’ Jannar 2017, l-assoċjazzjoni bla skop ta’ lukru Namur-Est Environnement kienet diġà talbet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) jannulla d-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2016 dwar l-għoti ta’ derogi mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti ddefiniti mil-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura. Cimenteries CBR interveniet f’din il-proċedura.
23. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jesponi li d-deċiżjoni ta’ deroga għandha biss l-għan li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorament tal-habitats ta’ dawn l-ispeċi. Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni ġenerali li, wara konsultazzjoni pubblika, tista’ tiġi rrifjutata jew suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti fl-att ikkontestat tikkostitwixxi d-deċiżjoni ewlenija li permezz tagħha l-iżviluppatur jikseb id-dritt li jwettaq il-proġett tiegħu. L-awtorità responsabbli għall-awtorizzazzjoni ġenerali jeħtieġ li teżamina l-aspetti kollha tal-proġett dwar l-operat tal-barriera relatati mal-iżvilupp urban u mal-ambjent. Għal dan il-għan, hija tista’ tevalwa b’mod iktar strett l-effetti ta’ dan l-operat fid-dawl tal-parametri stabbiliti mill-awtur tal-att ikkontestat. B’hekk, l-awtorità f’dan il-każ rrifjutat l-għoti tal-awtorizzazzjoni ġenerali għall-operat tal-barriera.
24. Huwa għalhekk li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“(1) Deċiżjoni ‘li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorazzjoni taż-żoni ta’ habitat ta’ dawn l-ispeċi għall-operat ta’ barriera’ u d-deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta dan l-operat (permess uniku) jaqgħu taħt l-istess kunsens għall-iżvilupp (fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tad-[Direttiva 2011/92] relatat mal-istess proġett (fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tal-istess direttiva) fil-każ li, minn naħa, dan l-operat ma jistax isir mingħajr l-ewwel awtorizzazzjoni u fejn, min-naħa l-oħra, l-awtorità inkarigata mill-ħruġ ta’ permessi uniċi żżomm il-possibbiltà ta’ stima iktar stretta tal-effetti ambjentali ta’ dan l-operat fir-rigward tal-parametri ddeterminati mill-awtur tal-ewwel deċiżjoni?
(2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 5, 6, 7 u 8, huma osservati b’mod suffiċjenti meta sseħħ il-fażi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ‘li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorazzjoni taż-żoni ta’ habitat ta’ dawn l-ispeċi għall-operat ta’ barriera’ iżda qabel dik tad-deċiżjoni ewlenija li tagħti d-dritt ta’ operat tal-barriera lill-iżviluppatur?”
25. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Namur-Est Environnement, minn Cimenteries CBR, mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Ċeka u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, huma pparteċipaw ukoll fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021.
IV. Evalwazzjoni ġuridika
26. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tikkjarifika r-rabta bejn żewġ awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-istess proġett. Dawn huma, minn naħa, l-awtorizzazzjoni inizjali mogħtija għal deroga mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ ċerti speċi ta’ annimali u ta’ pjanti waqt l-implimentazzjoni tal-proġett (awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi) u, min-naħa l-oħra, l-“awtorizzazzjoni ġenerali” tal-proġett fl-intier tiegħu, li kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent wara l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, iżda li finalment ġiet irrifjutata.
27. Il-punt tat-tluq tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa, f’dan ir-rigward, il-preżentata ta’ rikors kontra l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi. Ir-rikorrenti, Namur-Est Environnement, li hija organizzazzjoni mhux governattiva, issostni li d-Direttiva EEA tipprekludi awtorizzazzjoni minn qabel, indipendenti mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ta’ derogi mis-sistema fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi.
28. L-ewwel domanda tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk iż-żewġ awtorizzazzjonijiet jifformawx flimkien awtorizzazzjoni waħda fis-sens tad-Direttiva EEA. Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi eżaminat, fil-kuntest tat-tieni domanda, jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva li tingħata l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi qabel ma titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
29. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom. L-awtorizzazzjoni hija ddefinita fl-Artikolu 1(2)(c) bħala d-deċiżjoni li tagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jimplimenta l-proġett.
30. Għalhekk, l-ewwel, l-imsemmija proġetti għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni u, it-tieni, l-effetti tal-proġetti fuq l-ambjent jeħtieġ li jiġu eżaminati qabel tali awtorizzazzjoni.
31. Issa, ma huwiex ikkontestat li l-proġett ta’ barriera inkwistjoni huwa suġġett għal dawn ir-rekwiżiti. Skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 19 tal-Anness I tad-Direttiva EEA, il-barrieri li jinsabu fuq art ta’ iktar minn 25 ettaru dejjem jiġu kkunsidrati bħala proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Dan il-proġett jinkludi art ta’ iktar minn 50 ettaru, b’tali mod li hija meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
32. Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtorizzazzjoni tal-proġett jeħtieġx li tinkludi l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi u, fl-affermattiv, jekk huwiex permess li tinħariġlu diġà l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi qabel ma tkun saret l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
A. Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda
33. Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi hija kundizzjoni meħtieġa għall-għoti tal-awtorizzazzjoni ġenerali. Jekk tintlaqa’ din l-oġġezzjoni, lanqas ma jkun hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda peress li din saret biss fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda.
34. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (10), kif jallega r-Renju tal-Belġju fir-rigward tal-ewwel domanda.
35. Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (11). Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li l-qorti nazzjonali tagħti tagħhom hijiex korretta (12). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi mressqa għal deċiżjoni preliminari, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju (13).
36. Għalkemm ir-rabta bejn l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi u l-awtorizzazzjoni ġenerali jeħtieġ li tiġi analizzata iktar ’il quddiem fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, din hija, fil-punt ta’ tluq, kwistjoni tad-dritt intern. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, għandha tittieħed bħala bażi l-pożizzjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li tirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u li tikkostitwixxi l-premessa tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.
37. Barra minn hekk, il-kontenut tal-argument tar-Renju tal-Belġju lanqas ma huwa konvinċenti peress li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi ntalbet espressament f’dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ barriera. B’hekk, skont l-osservazzjonijiet magħmula fis-seduta, il-ħsara lil speċi protetti hija ammissibbli biss fil-kuntest tal-proġett, li jippreżupponi, minn tal-inqas fil-prattika, l-awtorizzazzjoni tal-proġett kollu kemm hu. Tali rabta mal-proġett tidher neċessarja wkoll fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, peress li huma biss l-għanijiet tal-miżura inkwistjoni, f’dan il-każ tal-proġett, li jistgħu jiġġustifikaw, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat (14) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar (15), deroga mill-obbligi tal-protezzjoni tal-ispeċi.
38. Għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet tar-Renju tal-Belġju dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda u, għalhekk, tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi, ma jistgħux jintlaqgħu.
B. Fuq ir-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari
39. Madankollu, jidhirli li għandha tingħata risposta konġunta għaż-żewġ domandi magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni ma tistax tkun jekk iż-żewġ awtorizzazzjonijiet jifformawx formalment u b’mod konġunt l-awtorizzazzjoni prevista mid-Direttiva EEA, iżda biss jekk din id-direttiva tippermettix li tittieħed deċiżjoni dwar ċerti effetti fuq l-ambjent ta’ proġett qabel it-twettiq tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
40. Madankollu, ir-regoli tad-Direttiva EEA u l-ġurisprudenza rilevanti dwar l-integrazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ċerti aspetti tad-dritt tal-ambjent ta’ proġett fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jidhru li jagħtu indikazzjonijiet kontradittorji sabiex tkun tista’ tingħata risposta għal din id-domanda.
41. Il-punt tat-tluq huwa l-għan ta’ evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti kollha fuq l-ambjent fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara l-parti 1).
42. Madankollu, id-Direttiva EEA tinkludi regoli dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jippermettu li jiġi konkluż li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-effetti kollha ta’ proġett fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ proċedura unika (ara l-parti 2). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji li jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’ċerti stadji biss (ara l-parti 3). Minn dan jista’ jirriżulta li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi tista’ tingħata indipendentement minn u qabel l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
43. Madankollu, deċiżjonijiet finali dwar ċerti effetti fuq l-ambjent qabel l-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imorru definittivament kontra prinċipji fundamentali tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-fatt, l-ewwel, il-parteċipazzjoni pubblika għandha sseħħ fi stadju bikri meta l-għażliet kollha jkunu għadhom possibbli, it-tieni, is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-proġett u, it-tielet, din id-deċiżjoni għandha tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju eżawrjenti (ara l-parti 4).
1. Fuq il-protezzjoni tal-ispeċi fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent
44. L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi l-effetti sinjifikattivi kollha fuq l-ambjent, inkluż, fejn xieraq, effetti sinjifikattivi fuq speċi protetti (16). Hija tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’mod xieraq, skont kull każ partikolari, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett b’mod partikolari fuq il-fawna u l-flora, skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva EEA. Skont l-Artikolu 5(1) u l-punt 3 tal-Anness IV, tali effetti għandhom għalhekk jiġu deskritti mill-iżviluppatur. Ma hija prevista l-ebda deroga għal ċerti effetti fuq l-ambjent.
45. Fil-prattika, il-konsegwenzi li jistgħu jkunu rilevanti u li għandhom, għaldaqstant, ikunu s-suġġett tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma jistgħux jiġu ddelimitati faċilment. Madankollu, l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-proġett mad-dritt tal-ambjent fis-seħħ jeħtieġ tal-inqas li tkun suġġetta għall-evalwazzjoni.
46. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta jeħtieġ li tinkludi d-dettalji neċessarji sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ proġett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-ilma (17), l-hekk imsejħa projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni (18).
47. Kif tindika Cimenteries, konsegwentement, għandhom jiġu deskritti wkoll derogi mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi, jiġifieri dawk previsti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar il-habitat kif ukoll fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Fil-fatt, tali derogi mir-rekwiżiti tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni huma min-natura tagħhom rilevanti, irrispettivament minn jekk humiex iġġustifikati jew le skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat jew skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Madankollu, anki derogi minn leġiżlazzjonijiet purament nazzjonali relatati mal-protezzjoni tal-ispeċi jistgħu jkunu rilevanti.
48. Din l-informazzjoni jeħtieġ li titqiegħed, konformement mal-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva EEA, għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (19) u għalhekk hija s-suġġett ta’ parteċipazzjoni pubblika. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Artikolu 6(1), l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-ispeċi għandhom jipparteċipaw ukoll.
49. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu ċerti effetti fuq l-ambjent u, b’mod partikolari, l-effetti negattivi fuq l-ispeċi protetti mid-dritt tal-Unjoni mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
2. Koordinazzjoni ta’ proċeduri differenti
50. Fid-dawl tal-evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti fuq l-ambjent, id-definizzjoni tal-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva EEA tissuġġerixxi mal-ewwel daqqa ta’ għajn li din l-awtorizzazzjoni jeħtieġ li tinkludi l-effetti kollha tal-proġett fuq l-ambjent ukoll. Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni hija deċiżjoni waħda tal-awtorità kompetenti jew tal-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur li jimplimenta l-proġett. Dan jista’ jfisser li l-awtoritajiet kompetenti għal tipi differenti ta’ effetti fuq l-ambjent mhux biss għandhom jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 6(1), iżda wkoll li l-awtorizzazzjoni jeħtieġ li tirregola dawn l-effetti b’mod eżawrjenti.
51. Madankollu, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EEA li l-proċedura tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u l-awtorizzazzjoni mogħtija wara din l-evalwazzjoni ma jeħtiġux li jinġabru flimkien l-awtorizzazzjonijiet kollha relatati mal-proġett u lanqas l-awtorizzazzjonijiet ambjentali kollha. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu proċedura unika sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva EEA u tad-Direttiva dwar it-tniġġis (20) (illum id-Direttiva 2010/75 dwar l-emissjonijiet industrijali (21)). Għall-kuntrarju, huwa wkoll possibbli li jiġu applikati proċeduri differenti għall-implimentazzjoni taż-żewġ direttivi u li jinħarġu awtorizzazzjonijiet distinti.
52. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva EEA, li jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ ssir fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew f’dawk li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.
53. Inżid li r-riformulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva EEA permezz tad-Direttiva 2014/52, li għadha ma hijiex applikabbli fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma tbiddel xejn minn dan, iżda sempliċiment teżiġi koordinazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-effetti, mhux rilevanti f’dan il-każ, marbuta maż-żoni protetti skont id-Direttiva dwar il-habitat u d-Direttiva dwar l-għasafar.
54. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni (22). B’mod partikolari, ma humiex obbligati jipprevedu proċedura uniformi sabiex jiddeċiedu dwar l-effetti kollha fuq l-ambjent ta’ proġett permezz ta’ awtorizzazzjoni waħda.
55. Id-Direttiva EEA għalhekk ma tipprekludix, bħala prinċipju, l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw ċerti effetti fuq l-ambjent, bħall-protezzjoni tal-ispeċi, għall-proġetti li jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
3. Il-koordinazzjoni matul iż-żmien ta’ proċeduri distinti
56. Madankollu, għadu ma huwiex ċert jekk huwiex ammissibbli li tittieħed deċiżjoni definittiva dwar ċerti effetti fuq l-ambjent ta’ proġett qabel ma titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
57. Diversi partijiet ikkonċernati huma involuti, f’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza dwar l-hekk imsejħin proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tottimizza ż-żewġ għanijiet ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kemm eżawrjenti kif ukoll bikrija filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.
58. Skont din il-ġurisprudenza, id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi inizjalment proċedura li fil-kuntest tagħha tittieħed deċiżjoni ewlenija, u mbagħad deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li ma tistax tmur lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti mid-deċiżjoni ewlenija. F’dan il-każ, l-effetti li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent għandhom (normalment) jiġu identifikati u evalwati matul il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ewlenija (23).
59. Madankollu, evalwazzjoni eżawrjenti ma tkunx possibbli f’dan l-istadju meta l-effetti fuq l-ambjent jistgħu jiġu evalwati biss matul il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, f’liema każ l-evalwazzjoni għandha ssir biss matul il-proċedura għall-adozzjoni ta’ din it-tieni deċiżjoni, jiġifieri sussegwentement (24).
60. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni, li permezz tagħha evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ titwettaq biss fl-ewwel stadju u mhux waqt l-istadju sussegwenti tal-awtorizzazzjoni ta’ punti li għadhom ma ġewx ittrattati, ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva EEA (25). Dan jissodisfa l-għan ta’ evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti fuq l-ambjent li jinkiser jekk l-evalwazzjoni tkun teħtieġ li ssir b’mod imperattiv f’mument meta l-effetti kollha tal-proġett ma jkunux għadhom identifikabbli.
61. Kif jirrilevaw ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Ċeka, huwa dubjuż kemm l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, hija deċiżjoni ewlenija dwar il-proġett, peress li tikkonċerna biss aspett parzjali tal-proġett. Dan huwa, prima facie, pjuttost tentattiv sabiex jitneħħa ostakolu speċifiku qabel ma jsiru sforzi oħra kumplessi fid-dawl tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex possibbli fuq kollox. Fil-fatt, fl-2010, il-protezzjoni tal-ispeċi kienet għadha tipprekludi l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Cimenteries CBR madankollu tikkwalifika l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi f’din il-funzjoni bħal fil-każ ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji.
62. Madankollu, huwa qabelxejn interessanti f’dan il-każ li, skont din il-ġurisprudenza, id-Direttiva EEA tippermetti li jiġu deċiżi ċerti kwistjonijiet qabel ma tkun twettqet l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għalhekk, jekk huma awtorizzati “deċiżjonijiet ewlenin”, li jistgħu min-natura tagħhom stess jikkonċernaw numru ta’ effetti tal-proġett fuq l-ambjent, mingħajr ma tiġi awtorizzata evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, deċiżjonijiet preċedenti fuq aspetti parzjali li għandhom effetti limitati fuq l-ambjent għandhom ġustament jiġu awtorizzati.
4. L-importanza tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-awtorizzazzjoni u l-protezzjoni ġudizzjarja
63. Madankollu, il-ġurisprudenza dwar il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji hija bbażata fuq il-verżjoni inizjali tad-Direttiva EEA u għadha ma tiħux inkunsiderazzjoni l-emendi (26) magħmula mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus (27). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva EEA. Skont din id-dispożizzjoni, il-pubbliku għandu jkun jista’ jesprimi ruħu fi stadju bikri u b’mod effettiv meta l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa u qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għal awtorizzazzjoni.
64. Dawn ir-rekwiżiti jipprojbixxu li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq ċerti effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, saħansitra qabel ma l-pubbliku jkollu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq dawn l-effetti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-fatt, f’dan il-każ, ma jkunux għadhom possibbli l-għażliet kollha.
65. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva EEA jipprovdi li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Dan jimplika, skont il-premessa 2 kif ukoll skont il-ġurisprudenza stabbilita, li, fil-formazzjoni tal-opinjoni tagħha, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent fil-proċessi tekniċi kollha ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni, sabiex jiġi evitat a priori kull impatt ambjentali: dan huwa aħjar milli jkollhom jiġu miġġielda l-effetti tagħhom sussegwentement (28).
66. Madankollu, jidher li meta l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar ċerti effetti fuq l-ambjent qabel ma tkun twettqet l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, huma jkunu għadhom ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura (29).
67. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll f’dan il-kuntest il-protezzjoni ġudizzjarja li għandha tiġi żgurata skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA, dispożizzjoni din li timplimenta wkoll il-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dan l-artikolu jipprevedi li jistgħu jiġu kkontestati, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-legalità, fil-mertu jew proċedurali, tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-ommissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EEA dwar il-parteċipazzjoni pubblika.
68. L-awtorizzazzjoni ta’ proġett skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA hija deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata skont din id-dispożizzjoni.
69. Ċertament, il-konsegwenzi ta’ ċerti konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq din l-awtorizzazzjoni ma humiex iddeterminati mid-Direttiva EEA (30). Għall-kuntrarju, dawn il-konsegwenzi huma inklużi f’leġiżlazzjonijiet oħra u, fil-każ tal-protezzjoni tal-ispeċi, dawn jinsabu pereżempju fid-Direttiva dwar il-habitat jew fid-Direttiva dwar l-għasafar u fit-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt intern.
70. Għalhekk, il-legalità tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, mogħtija abbażi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, tiddependi mill-osservanza jew le tal-imsemmija dispożizzjonijiet ambjentali l-oħra mill-proġett inkwistjoni. Jekk fl-okkażjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta li l-proġett ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ambjentali ta’ leġiżlazzjonijiet oħra, l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni tiġi eskluża (31).
71. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA jinkludi, tal-inqas, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni li jista’ jkollhom effett dirett (32).
72. Barra minn hekk, peress li d-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA huwa marbut mal-evalwazzjoni eżawrjenti tal-effetti fuq l-ambjent, dan għandu jiġi eżerċitat abbażi tas-sejbiet f’din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, dawn is-sejbiet jippermettu li jiġu identifikati oġġezzjonijiet ambjentali li jistgħu jkunu l-bażi ta’ tali rikors jew jistgħu juru li ma hemmx lok li jiġi ppreżentat rikors.
73. Għalhekk ikun inkompatibbli li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq ċerti effetti fuq l-ambjent qabel it-twettiq tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Anki jekk tali deċiżjoni parzjali setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors separat, dan ir-rikors ikollu normalment jiġi ppreżentat mingħajr is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
74. Għalhekk, deċiżjoni bil-quddiem dwar ċerti effetti fuq l-ambjent ta’ proġett suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tkun provviżorja biss. Id-deċiżjonijiet definittivi jistgħu jittieħdu biss abbażi ta’ din l-evalwazzjoni u għalhekk neċessarjament wara din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal rikors eżawrjenti u indipendenti mid-deċiżjoni provviżorja, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA.
75. Għaldaqstant, id-deċiżjoni provviżorja ma tistax tkun il-bażi ta’ ċertezza legali eżawrjenti għall-iżviluppatur fir-rigward tas-suġġett u tal-konklużjoni tagħha, iżda tista’ tagħti indikazzjonijiet fuq il-punt dwar jekk, skont l-informazzjoni disponibbli, ċerti effetti fuq l-ambjent jipprekludux dan il-proġett.
76. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-argumenti ta’ Cimenteries CBR, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt Belġjan jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet ġenerali żżomm il-possibbiltà li tevalwa b’mod iktar strett l-effetti ta’ dan l-operat fuq l-ambjent meta mqabbla mal-parametri stabbiliti mill-awtur tal-ewwel deċiżjoni. Jekk dan ikun il-każ, din l-awtorità tista’ debitament tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-għoti tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EEA, kunflitti eventwali mal-protezzjoni tal-ispeċi li jirriżultaw biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, waqt is-seduta, diversi partijiet esponew li l-awtorizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi tista’ madankollu tikseb natura definittiva indipendentement mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fatt li jista’ jippreġudika l-protezzjoni ġudizzjarja eżawrjenti taħt l-imsemmi Artikolu 11.
V. Konklużjoni
77. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:
Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ewlenija li tagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq proġett u qabel il-parteċipazzjoni pubblika fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, tittieħed deċiżjoni provviżorja li tawtorizza ħsara għal speċi protetti fil-kuntest ta’ dan il-proġett.
Madankollu, skont l-Artikoli 3, 5, 6 u 7 tad-Direttiva 2011/92, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jeħtieġ li tinkludi l-effetti tal-proġett fuq l-ispeċi protetti, anki jekk dawn diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni provviżorja. Barra minn hekk, indipendentement mid-deċiżjoni preċedenti meħuda, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva sa fejn l-evalwazzjoni turi l-inkompatibbiltà tal-proġett mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ispeċi. Fl-aħħar nett, l-awtorizzazzjoni għal deroga mir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ispeċi marbuta mal-proġett jeħtieġ li tkun tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva.