Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2014 – Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-74/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, D. Colas u J. Bousin, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2013) 7066 finali, tal-20 ta’ Novembru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.16237 implementata minn Franza favur is-Société Nationale Corse Méditerranée;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 7066 finali, tal-20 ta’ Novembru 2013, li permezz tagħha l-Kummissjoni qieset li, minn naħa, il-bqija li fadal mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, innotifikata fit-18 ta’ Frar 2002 mill-awtoritajiet Franċiżi, fl-ammont ta’ EUR 15.81 miljun, u min-naħa l-oħra, it-tliet miżuri implementati mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2006 favur is-Société nationale maritime Corse Méditerranée (iktar ʼil quddiem is-“SNCM”), jiġifieri, it-trasferiment ta’ 75 % tas-SNCM bil-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, iż-żieda tal-kapital ta’ EUR 8.75 miljun allokata lill-Compagnie générale maritime et financière (iktar ʼil quddiem is-“CGMF”) u l-ħlas bil-quddiem f’kont kurrenti ta’ EUR 38.5 miljun, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u huma inkompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħhom.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel aggravju jallega ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni rrifjutat li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (T-565/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

It-tieni motiv jallega, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kellha raġun ma tiftaħx mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-miżuri tal-2006 kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-motiv huwa diviż fi tliet partijiet. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE:

sa fejn hija qieset li t-trasferiment ta’ 75 % tas-SNCM bil-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat u li l-eżami tal-investitur privat ma ġiex sodisfatt f’dan il-każ;

sa fejn hija qieset li l-kontribuzzjoni fil-forma ta’ kapital ta’ EUR 8.75 miljun kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat;

sa fejn hija qieset li l-ħlas bil-quddiem f’kont kurrenti ta’ EUR 38.5 miljun favur l-impjegati tas-SNCM kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

It-tielet motiv jallega, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kellha raġun ma tiftaħx mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni fil-forma ta’ kapital EUR 15.81 miljun innotfikata fl-2002 bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

Ir-raba’ motiv jallega nuqqas ta’ motivazzjoni.