Language of document : ECLI:EU:T:2019:447

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

26 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjonijiet għat-trade marks verbali tal-Unjoni Ewropea 200 PANORAMICZNYCH, 300 PANORAMICZNYCH, 400 PANORAMICZNYCH, 500 PANORAMICZNYCH u 1000 PANORAMICZNYCH – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 – Assenza ta’ użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawżi magħquda T‑117/18 sa T‑121/18,

Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o. o., stabbilita f’Częstochowa (il-Polonja), irrappreżentata minn C. Rogula, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra ħames deċiżjonijiet tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (Każijiet R 2194/2016‑5, R 2195/2016‑5, R 2200/2016‑5, R 2201/2016‑5 u R 2208/2016‑5), dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tas-sinjali verbali 200 PANORAMICZNYCH, 300 PANORAMICZNYCH, 400 PANORAMICZNYCH, 500 PANORAMICZNYCH u 1000 PANORAMICZNYCH bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Hendrix, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2018,

wara li rat ir-risposti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Lulju 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2018 li tgħaqqad il-kawżi T‑117/18 sa T‑121/18 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza,

wara s-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑1 ta’ April 2016, ir-rikorrenti, Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o. o., ippreżentat ħames applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade marks li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom huma s-sinjali verbali 200 PANORAMICZNYCH, 300 PANORAMICZNYCH, 400 PANORAMICZNYCH, 500 PANORAMICZNYCH u 1000 PANORAMICZNYCH.

3        Il-prodotti li għalihom saru l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-Klassi 16 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Magazins [perjodiċi]”.

4        Permezz ta’ ittri tat‑2 u tat‑3 ta’ Mejju 2016, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001) kienu jipprekludu r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni. B’dan il-mod, huwa kkonkluda li l-kelma “panoramicznych” (panoramiċi) kienet tindika tip ta’ tisliba għall-pubbliku li jitkellem bil-Pollakk u li s-sinjali kienu jindikaw li r-rivisti kienu jinkludu 200, 300, 400, 500 u 1000 tisliba panoramika rispettivament.

5        Permezz ta’ ittri tat‑28 u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat xi osservazzjonijiet u pproduċiet xi provi intiżi li juru li l-kelma “panoramicznych” (panoramiċi) ma kinitx tindika, fil-Pollakk, tip ta’ tisliba u li, fi kwalunkwe każ, it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu akkwistaw karattru distintiv sekondarju.

6        Permezz ta’ ħames deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Settembru 2016, l-eżaminatur ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu u rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għall “magazins [perjodiċi]” abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

7        Fis‑27 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra kull deċiżjoni tal-eżaminatur, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001). Fid‑29 u fit‑30 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti ssottomettiet noti li jesponu l-motivi tar-rikors.

8        Fis‑16 ta’ Mejju 2017, il-Bord tal-Appell bagħat ittra lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 70 tar-Regolament 2017/1001), li fiha talabha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dettalji dwar l-applikazzjonijiet u l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-Polonja, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw trade marks identiċi għat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni.

9        Permezz ta’ ittri tas‑26 ta’ Ġunju u tat‑18 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Bord tal-Appell.

10      Fis‑17 ta’ Ottubru 2017, il-Bord tal-Appell informa lir-rikorrenti li l-provi li hija kienet ipproduċiet ma kinux jirrigwardaw l-użu tas-sinjali verbali bħala trade marks, iżda l-funzjoni deskrittiva tagħhom u li ma kienx possibbli jiġi kkonstatat li dawn is-sinjali kienu akkwistaw karattru distintiv sekondarju.

11      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti pprovdiet kjarifiki ulterjuri fuq il-proċedimenti nazzjonali dwar it-trade marks nazzjonali li huma identiċi għat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u fuq il-kwistjoni tal-karattru distintiv sekondarju.

12      Permezz ta’ ħames deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Ħames Bord tal-Appell ċaħad ir-rikorsi għar-raġuni li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu deskrittivi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, u li l-provi pprovduti mir-rikorrenti ma kinux juru l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament.

13      Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 21 u 22 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li, peress li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu jinkludu kelma Pollakka, il-pubbliku rilevanti kien il-pubbliku li jitkellem bil-Pollakk u li inkwistjoni kien hemm il-konsumatur medju, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa dak ta’ konsumatur medju relattivament informat sew, attent u għaqli. Huwa rrileva, fil-punt 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-kelma Pollakka “panoramicznych” li tfisser “panoramiċi” li hija l-ġenittiv plural tal-kelma “panoramiczna” (panoramika) kienet tindika, b’mod partikolari, tip ta’ tisliba. Huwa qies, essenzjalment, fil-punti 26 u 31 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li t-tifsira tas-sinjali inkwistjoni kienet deskrittiva tal-“magazins [perjodiċi]”, sa fejn in-numri 200, 300, 400, 500 jew 1000 kienu jagħtu informazzjoni fuq in-numru ta’ tislibiet inklużi fir-rivisti, fatt li l-pubbliku rilevanti kien jipperċepixxi immedjatament u mingħajr riflessjoni fil-fond, minkejja li l-espressjoni “tisliba” kienet assenti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni. Il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 28, 32 sa 34 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-provi prodotti mir-rikorrenti, bħall-opinjonijiet lingwistiċi, ma jistgħux ipoġġu fi kwistjoni l-karattru deskrittiv tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u li r-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bħala taqsimiet editorjali ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li dawn kellhom karattru distintiv. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell żied, fil-punti 35 u 36 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jinkludu numri ma kinitx tinvalida din il-konklużjoni.

14      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punti 37 u 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Pollakki dwar is-sinjali verbali 100 PANORAMICZNYCH, 200 PANORAMICZNYCH u 300 PANORAMICZNYCH, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Pollakki, b’mod partikolari dwar is-sinjali figurattivi li jinkludu l-elementi “100 panoramicznych”, “300 panoramicznych” u “500 panoramicznych”, kienu jikkonfermaw li s-sinjali tar-rikorrenti li jinkludu numri ma kellhomx karattru distintiv.

15      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell qies li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni ma kinux akkwistaw karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001. Essenzjalment, huwa qies, fil-punti 46 sa 55 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-provi prodotti mir-rikorrenti, bħal stħarriġ tal-opinjoni pubblika, ittra ta’ distributur tal-istampa dwar il-bejgħ, rapporti dwar spejjeż ta’ reklamar kif ukoll fatturi li juru l-promozzjoni u r-reklamar intensiv, ma kinux juru li l-pubbliku rilevanti kien ser jipperċepixxi s-sinjali bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali iktar milli bħala informazzjoni deskrittiva fuq il-kontenut tar-rivisti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 56 sa 61 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-qoxra tar-rivisti, immanifatturata mir-rikorrenti, kienet turi li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni ġiet irriklamata, b’mod kostanti, f’forma grafika partikolari, li din tal-aħħar intużat f’dawn ir-rivisti bħala indikazzjoni tal-kontenut tagħhom u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom u li l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali kienet taqa’, għall-kuntrarju, taħt l-isem tal-kumpannija TECHNOPOL, li tifforma s-sinjal figurattiv preżenti fuq l-imsemmija qoxra. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 65 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, minkejja l-popolarità tas-serje ta’ rivisti tar-rikorrenti li jinkludu numri, li ma kienx possibbli li jiġi kkonstatat li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu akkwistaw karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tirriforma d-deċiżjonijiet ikkontestati billi tilqa’ r-rikorsi u tirreġistra t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, għar-raġuni li s-sinjali verbali ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001 u/jew li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kisbu karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u tistieden lill-EUIPO jeżamina mill-ġdid l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni għar-raġuni li s-sinjali verbali ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001 u/jew li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni akkwistaw karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

18      L-EUIPO jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà sa fejn ir-rikorrenti pproduċiet id-dokumenti inklużi fl-Annessi A. 7 u A. 8 tar-rikorsi għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Matul is-seduta, l-EUIPO qajjem ukoll l-inammissibbiltà tal-Anness A. 23 tar-rikorsi għall-istess raġuni.

19      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, l-imsemmija dokumenti għandhom jiġu mwarrba mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Marzu 2014, Tubes Radiatori vs UASI – Antrax It (Radjaturi għat-tisħin), T‑315/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:115, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, huwa fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, u fil-kuntest tal-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, li r-rikorrenti tinvoka, minn naħa, l-Anness A. 7, dwar screenshot mis-sit tal-internet tal-enċiklopedija Wikipedia kif ukoll l-Anness A. 8 tar-rikorsi, li jikkorrispondu mal-paġna “Panorama dnia” tas-sit tal-internet “https://szarada.net”, li joffri tislibiet ta’ kuljum u, min-naħa l-oħra, l-Anness A. 23, dwar DVD li jinkludi rikording bil-vidjow ta’ studju mwettaq ma’ studenti minn Varsavja (il-Polonja) kif ukoll rikording bil-vidjow li jikkorrispondi ma’ estratt tax-xandira televiżiva Pollakka Śmiechu Warte.

21      Issa, matul is-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestatx li dawn id-dokumenti ma kinux ġew ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-istanzi tal-EUIPO.

22      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa wkoll għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti invokat, fil-kuntest tal-ħames motiv, l-Anness A. 22, dwar dokument intitolat “Analiżi u opinjoni [tal-Professur F.] dwar il-karattru distintiv tan-numri”.

23      Issa, peress li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni huwa bbażat fuq il-karattru deskrittiv tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 u fuq l-assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tipproduċi provi matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-istanzi tal-EUIPO (ara l-punti 5 u 9 sa 11 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-annessi addizzjonali prodotti flimkien mar-rikorsi kienu “perfettament iġġustifikati għaliex dawn [kienu] meħtieġa sabiex jipprovaw jew jispjegaw il-kontenut tar-rikors u jiċħdu l-allegazzjonijiet infondati tal-Bord tal-Appell, li saru biss fid-[deċiżjonijiet ikkontestati]” ma jistax jintlaqa’.

24      Konsegwentement, l-Annessi A. 7, A. 8, A. 22 u A. 23 għandhom jiġu mwarrba bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

25      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv li jistgħu jiġu raggruppati kif ġej. Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv, hija tqajjem ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001. Fit-tieni lok, fil-kuntest tat-tielet u tal-ħames motiv, hija tqajjem ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001. Fit-tielet lok, fil-kuntest tar-raba’ u tas-seba’ motiv, hija tinvoka użu ħażin ta’ poter dwar ir-reġistrazzjoni mill-EUIPO ta’ sinjali oħrajn li jinkludu numri u l-fatt li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju tal-awtonomija tas-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks, rispettivament. Fir-raba’ lok, fil-kuntest tas-sitt u tat-tmien sat-tnax-il motiv, ir-rikorrenti tqajjem, l-ewwel nett, użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-Bord tal-Appell illimita l-libertà ta’ għażla tar-rikorrenti fir-rigward tal-mod ta’ protezzjoni, it-tieni nett, il-ksur tal-Artikolu 118 TFUE u użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħħad lir-rikorrenti minn miżura ta’ protezzjoni effikaċi, it-tielet nett, il-ksur tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell iddistingwa l-prodotti ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq, ir-raba’ nett, il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell ma interpretax b’mod korrett il-kunċett ta’ rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark verbali, il-ħames nett, użu ħażin ta’ poter u l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, sa fejn il-Bord tal-Appell stipula kundizzjonijiet illegali li jeżiġu provi ġodda u, is-sitt nett, il-ksur tal-Artikolu 36 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell interpreta korrettament l-esklużività mogħtija bir-reġistrazzjoni tat-trade mark.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001

26      L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-pubbliku rilevanti sa fejn, b’differenza għal-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO, huwa qies li l-pubbliku rilevanti kien il-konsumatur medju tal-magażins tal-logħob u mhux dak tar-rivisti, li ma huwiex neċessarjament interessat fil-magażins tal-logħob. Ir-rikorrenti żżid li l-konsumatur medju informat relattivament sew u raġonevolment attent u għaqli, li jaqra rivisti inġenerali, ma għandux neċessarjament għarfien tal-magażins li jinkludu tislibiet.

27      It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-provi li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuqhom fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kelma “panoramiczna” (panoramika), bħas-sit tal-internet tal-enċiklopedija Wikipedia u sit tal-internet ta’ tislibiet, ma jikkostitwixxux sorsi affidabbli u li l-valur probatorju li l-Bord tal-Appell tahom ma josservax il-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO dwar l-eżami tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

28      It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell evalwa t-tifsira tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni b’mod “żbaljat, selettiv u parzjali”. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma ddefinixxiex il-kelma “panoramiczny” (panoramiċi), iżda l-espressjoni “krzyżówka panoramiczna” (tislibiet panoramiċi) sabiex jikkonkludi li l-imsemmija trade marks kellhom karattru deskrittiv. B’dan il-mod, hija targumenta li hija xjentement ħalliet barra l-kelma Pollakka “krzyżówki” (tislibiet) sabiex tagħti lis-sinjali inkwistjoni karattru ta’ fantasija, li jista’ jkollu diversi tifsiriet. Hija tikkonferma li, billi qies li l-kelma “panoramiczny” (panoramiċi) kienet tagħmel riferiment dirett għat-tislibiet u mhux għall-magażins, il-Bord tal-Appell ittratta l-provi b’mod selettiv u b’mod nieqes minn oġġettività li wasslu għal analiżi skorretta kif ukoll għal konklużjoni li huwa għamel a priori, u injora b’dan il-mod l-opinjonijiet lingwistiċi u l-opinjonijiet fil-qasam tal-logħob li r-rikorrenti kienet ipproduċiet. Ir-rikorrenti targumenta li s-sinjali inkwistjoni ma jinkludux informazzjoni evidenti fir-rigward tal-kontenut tal-magażins. F’dan ir-rigward, hija targumenta li l-kelma “panorama” hija polisemika u li din ma hijiex relatata mat-tislibiet (krzyżówka), b’mod illi s-sinjali inkwistjoni jinkludu kelma ta’ fantasija u jqajmu riflessjoni mingħajr ma jindikaw b’mod dirett, konkret u evidenti, il-kontenut tar-rivisti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreċiża li jeżistu diversi rivisti li isimhom huwa marbut mal-kontenut mingħajr madankollu din ir-rabta ma tkun diretta, inklużi dawk li jinkludu l-kelma “panorama”.

29      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

30      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott jew tal-provvista tas-servizz, għandha tiġi rrifjutata. Billi jipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ tali sinjali jew indikazzjonijiet, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 isegwi għan ta’ interess ġenerali, li jirrikjedi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2010, O2 (Germany) vs UASI (Homezone), T‑344/07, EU:T:2010:35, punti 18 u 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li huwa biżżejjed li r-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu biss f’parti tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata meta jkollha karattru deskrittiv fil-lingwa ta’ Stat Membru, minkejja li tkun tista’ tiġi rreġistrata fi Stat Membru ieħor (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, EU:C:2002:506, punt 40).

32      Sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, huwa neċessarju li jkollu relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’mod li tippermetti li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi jew ta’ xi waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2007, MacLean-Fogg vs UASI (LOKTHREAD), T‑339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ April 2016, Niagara Bottling vs EUIPO (NIAGARA), T‑89/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:244, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-għażla mil-leġiżlatur tal-kelma “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s-sinjali koperti mill-imsemmija dispożizzjoni huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata karatteristika, faċilment rikonoxxibbli mis-setturi kkonċernati, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 biss jekk huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li dan ser ikun irrikonoxxut mis-settur ikkonċernat, bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-imsemmija karatteristiċi (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Leifheit vs UASI (EcoPerfect), T‑328/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:197, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jidentifikaw karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz li għalih issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jitqiesu, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, li ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’dan il-mod tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark, sabiex, waqt akkwist ulterjuri, jerġa’ jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Olympus Medical Systems vs UASI (3D), T‑79/15, mhux ippubblikata, EU:T:2015:999, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sabiex l-EUIPO jirrifjuta rifjut ta’ reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, ma huwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark imsemmija f’dan l-artikolu effettivament jintużaw, fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi ta’ prodotti jew ta’ servizzi bħal dawk li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew għal karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għal tali għanijiet (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Vince vs EUIPO (ELECTRIC HIGHWAY), T‑315/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:667, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk, mill-anqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, Mechadyne International vs UASI (FlexValve), T‑588/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:676, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, fil-konfront tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tiegħu u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 38).

38      Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni motiv.

39      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjonijiet ikkontestati u mingħajr barra minn hekk ma jkun ikkontestat mir-rikorrenti, li dan kien il-pubbliku li jitkellem bil-Pollakk għar-raġuni li s-sinjali inkwistjoni kienu magħmula minn kelma Pollakka, jiġifieri “panoramicznych” (panoramiċi). Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma għamilx żball ta’ evalwazzjoni meta qies, fil-punt 21 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-“magazins [perjodiċi]” kienu intiżi għal konsumaturi medji u li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien dak ta’ konsumatur medju, relattivament informat sew, attent u għaqli.

40      Fil-fatt, l-allegata kontradizzjoni mqajma mir-rikorrenti bejn il-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati u s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI (C‑473/01 P u C‑474/01 P, EU:C:2004:260, punt 33), ma tistax tirnexxi. F’dan ir-rigward, minkejja li hija qieset li l-konsumatur medju kien relattivament informat sew, u mhux normalment informat, il-Bord tal-Appell barra minn hekk ma ddeduċiex minn dan li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur kellu jingħata interpretazzjoni differenti.

41      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-formulazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fit-tieni sentenza tal-punt 21 tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti, huwa biżżejjed jitfakkar li l-livell ta’ attenzjoni ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u għaqli, jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Fédération internationale des logis vs UASI (Sfumatura kannella), T‑329/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:510, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li din tipproduċi (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li kull wieħed mis-sinjali huwa kompost minn numru, jiġifieri 200, 300, 400, 500 jew 1000, segwit bl-element verbali “parnoramicznych” (panoramiċi).

44      F’dak li jirrigwarda n-numru inkluż f’kull wieħed mis-sinjali, diġà ġie deċiż li meta applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkun tikkonċerna, b’mod partikolari, kategorija ta’ prodotti li l-kontenut tagħhom huwa faċilment u tipikament indikat mill-kwantità tal-unitajiet tagħhom, huwa raġonevoli li jiġi previst li sinjal ikkostitwit minn ċifri ser ikun effettivament irrikonoxxut mill-oqsma kkonċernati bħala deskrizzjoni tal-imsemmija kwantità u għaldaqstant ta’ karatteristika ta’ dawn il-prodotti (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 56). Issa, dan huwa manifestament il-każ f’din il-kawża, mingħajr, barra minn hekk, din it-tifsira ma hija kkontestata mir-rikorrenti.

45      F’dak li jirrigwarda t-tifsira tal-element verbali “panoramicznych”, il-Bord tal-Appell indika, fil-punti 24 sa 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-kelma “panoramicznych” (panoramiċi) kienet il-ġenittiv plural tal-kelma “panoramiczna” (panoramika), innifisha dderivata mill-kelma “panorama” (panorama), li l-kelma “panoramika” kienet tindika, b’mod partikolari, tip ta’ tisliba, b’tali mod illi, f’dak li jirrigwarda l-prodotti koperti, it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu jagħtu informazzjoni evidenti fir-rigward tal-kontenut ta’ rivista (200, 300, 400, 500 jew 1000 tisliba panoramika).

46      Ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jqiegħed din l-evalwazzjoni inkwistjoni.

47      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, billi bbaża ruħu fuq provi fil-forma ta’ sorsi elettroniċi sabiex jiddetermina t-tifsira tal-element verbali “panoramicznych” (panoramiċi), l-EUIPO ma osservax il-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO, għandu jitfakkar li l-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO, minkejja li ma għandhomx valur vinkolanti, jikkostitwixxu mhux biss sors ta’ riferiment tal-prattika tal-EUIPO fil-qasam tat-trade marks, iżda wkoll il-kodifika tat-tip ta’ azzjoni li huwa stess jipproponi li jiġi adottat, b’tali mod illi, bla ħsara għall-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt ta’ livell superjuri, minnhom tirriżulta awtolimitazzjoni tal-EUIPO, sa fejn huwa l-obbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mar-regoli li huwa impona fuqu nnifsu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Federación Nacional de Cafeteros de Colombia vs UASI – Hautrive (COLOMBIANO HOUSE), T‑387/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:647, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, qabelxejn, mit-test iċċitat mir-rikorrenti stess jirriżulta ċarament li l-verżjoni tal-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2014, ma kinitx tillimita l-possibbiltà li tintuża tiftixa fuq l-internet sabiex tintwera tifsira deskrittiva biss tat-termini ġodda u tal-lingwaġġ informali. Fil-fatt, bħala eżempju, skont il-Kapitolu 4 tat-Taqsima 4 tal-Parti B, “[t]fittxija fuq l-internet ukoll hija mezz validu ta’ evidenza għat-tifsira deskrittiva, b’mod partikolari għal termini ġodda jew lingwaġġ informali”, u għalhekk il-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO ma kinux jeskludu tiftixa fuq l-internet f’każijiet oħrajn.

49      Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2017, l-istess test ġiet emendat kif ġej: “[t]fittxija fuq l-internet ukoll hija mezz validu ta’ evidenza għat-tifsira deskrittiva, b’mod partikolari għal termini ġodda, lingwaġġ tekniku jew lingwaġġ informali”. Issa, filwaqt li huwa minnu li l-kelma “panoramika” ma hijiex ġdida, is-sorsi l-oħrajn li l-Bord tal-Appell għamel riferiment għalihom fid-deċiżjonijiet ikkontestati b’mod partikolari juru li, fil-qasam tal-logħob, din il-kelma taqa’ sewwasew taħt lingwaġġ tekniku. Konsegwentement, ma hemm ebda kontradizzjoni mal-Linji gwida għall-eżaminazzjoni tal-EUIPO.

50      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu esklużivament fuq iż-żewġ sorsi ta’ informazzjoni msemmija mir-rikorrenti, jiġifieri s-sit tal-internet tal-enċiklopedija Wikipedia u s-sit tal-internet “krzyzowki.net”, sabiex jevalwa t-tifsira tal-element verbali “panoramicznych” (panoramiċi). Fil-fatt, il-Bord tal-Appell laqa’ l-provi l-oħrajn indikati fil-motivi għad-deċiżjonijiet tal-eżaminatur tad‑29 ta’ Settembru 2016 u għamel riferiment espress għal dawn l-elementi fil-punt 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, billi għamel riferiment ukoll għal diversi pubblikazzjonijiet fil-qasam tal-logħob, bħad-Dizzjunarju tal-kliem tax-xaradi u simili (1994), id-Dizzjunarju tal-eżerċizzji tax-xaradi, ippubblikat fuq l-internet, il-Manwal tal-professjonist tax-xaradi (1988) u pubblikazzjoni intitolata Parir minn professjonist tax-xaradi. Kif għandhom jiġu solvuti u ddisinjati eżerċizzji intellettwali (1968).

51      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Bord tal-Appell ma eżaminax l-opinjonijiet lingwistiċi u l-opinjonijiet fil-qasam tal-logħob, minkejja li dawn espressament ittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-punti 28 u 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fil-kuntest tal-eżami tat-tifsira tal-element verbali “panoramicznych” (panoramiċi). Huwa fl-analiżi tal-opinjonijiet fil-qasam tal-logħob, prodotti mir-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell irrileva li mill-imsemmija opinjonijiet kien jirriżulta li, fl-espressjoni “tislibiet panoramiċi”, il-kelma “panoramika” kienet tindika tip ta’ tisliba. Bħalma rrileva l-EUIPO, din il-konklużjoni hija kkorroborata mir-rikorrenti meta hija tistipula li hija volontarjament neħħiet il-kelma “tisliba” sabiex tagħti karattru ta’ fantażija għas-sinjali inkwistjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-imsemmija kelma ma tindika bl-ebda mod tip ta’ tisliba u li l-Bord tal-Appell għamel riferiment, fil-verità, għat-tifsira tal-espressjoni verbali “krzyżówka panoramiczna”, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

52      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk, mill-anqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Konsegwentement, il-fatt li l-kelma “panoramiċi” jista’ jkollha tifsiriet oħrajn ma jaffettwax, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

53      F’dan il-kuntest, huwa wkoll mingħajr effett eventwali żball imwettaq mill-Bord tal-Appell meta huwa ċċita, fil-punt 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, id-definizzjoni tal-kelma “panorama”, kif ippreżentata fl-ittra ta’ Rada Języka Polskiego Polskiej Akademii Nauk (Kunsill tal-Lingwa Pollakka tal-Akkademja Pollakka tax-Xjenza) tal‑11 ta’ Frar 2002, definizzjoni li, skont il-Bord tal-Appell, tiddefinixxi l-kelma “panorama” kif ġej: “1. Veduta wiesgħa ġeneralment ammirata minn post fl-għoli; ukoll: id-disinn jew ir-ritratt li jippreżenta din il-veduta; 2. Preżentazzjoni wiesgħa ta’ fenomenu f’xogħol letterarju jew ċinematografiku; 3. Affresk ta’ daqs kbir, li normalment jippreżenta temi ta’ battalja, mifruxa fuq il-ħitan interni ta’ bini tond; ukoll: il-bini li fih dan l-affresk”, filwaqt li, skont ir-rikorrenti, din id-definizzjoni taqra kif ġej: “2. Preżentazzjoni wiesgħa ta’ fenomenu fi ktieb, film, artiklu, eċċ. […]”. Huwa evidenti li, fiż-żewġ każijiet, din id-definizzjoni tirrigwarda t-tifsiriet l-oħrajn, bħalma ssemma fil-punt 52 iktar ’il fuq.

54      Barra minn hekk, fid-dawl tal-provi l-oħrajn, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, dwar it-tifsira tal-kelma “panoramicznych”, ma tistax tiġi kkontestata minn prova waħedha, jiġifieri l-opinjoni tal-President tal-Assoċjazzjoni Pollakka ta’ dawk li jilagħbu, li tipprovdi li “il-kliem komuni fl-istampa bħal: panorama, panoramiczne, panoramix jaqgħu taħt il-fantażija kreattiva tal-edituri f’dak li jirrigwarda l-ismijiet/titoli tal-istampa u mhux it-terminoloġija tal-logħob”. Barra minn hekk, din l-opinjoni hija kontradetta mir-rikorrenti nnifisha, sa fejn hija targumenta li, fuq is-sit tal-internet “https://szarada.net”, il-kelma “panorama”, li l-kelma “panoramicznych” hija dderivata minnha, tintuża sabiex tindika tip ta’ tisliba.

55      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell qies ġustament, fil-punti 24 u 26 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-kelma “panoramicznych” kienet tikkorrispondi, b’mod partikolari, għal tip ta’ tisliba li l-assoċjazzjoni tagħha ma’ numru kienet tindika numru ta’ tislibiet tat-tip panoramiku.

56      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li, fl-impressjoni globali tas-sinjali inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari l-qarrejja tar-rivisti ta’ tislibiet, jipperċepixxi, immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra, l-assoċjazzjoni tal-element “200”, “300”, “400”, “500” jew “1000” u l-element verbali “panoramicznych” bħala li tagħmel riferiment, f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tagħha, għal numru ta’ tislibiet ta’ tip panoramiku.

57      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li trade mark ma tistax tiġi rreġistrata għal grupp ta’ prodotti, f’dan il-każ “magazins [perjodiċi]”, jekk hija deskrittiva fir-rigward ta’ parti minn dawn il-prodotti li jikkostitwixxu s-sottogrupp mhux distint tagħhom, jiġifieri rivisti li jinkludu ċertu numru ta’ tislibiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T‑359/99, EU:T:2001:151, punt 33).

58      Fil-fatt, l-istess konklużjoni tapplika wkoll fil-każ li, bħal f’dan il-każ, it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jistgħu jitqiesu bħala deskrittivi biss għall-konsumaturi ta’ sottogrupp mhux distint.

59      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet u l-ħames motiv, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001

60      Fil-kuntest tat-tielet u tal-ħames motiv, ir-rikorrenti targumenta li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni akkwistaw “karattru distintiv sekondarju permezz ta’ użu intensiv u fit-tul”.

61      L-ewwel nett, dan huwa kkorroborat minn dokument intitolat “Analiżi u opinjoni [tal-Professur F.] dwar il-karattru distintiv tan-numri” kif ukoll minn studju mwettaq mal-istudenti.

62      It-tieni nett, it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jgawdu minn reputazzjoni fid-dawl tal-fatt li dawn ilhom jintużaw għal iktar minn 20 sena, bħalma turi d-data ta’ reġistrazzjoni tat-titoli tal-istampa. Konsegwentement, il-pubbliku kkonċernat huwa mdorri jistabbilixxi rabta bejn dawn l-islogans u t-tislibiet editjati mir-rikorrenti, li jiffaċilita wkoll l-identifikazzjoni minn dan il-pubbliku tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti indikati.

63      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta li, sa fejn it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni huma titoli tal-istampa protetti kontra r-reġistrazzjoni ta’ rivisti oħrajn bl-istess isem, dan huwa ekwivalenti għall-użu ta’ dawn is-sinjali minn bejjiegħ jew fornitur wieħed, f’dan il-każ hija stess. Issa, mis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377), jirriżulta li l-użu ta’ sinjal minn bejjiegħ jew fornitur wieħed jista’ jkun biżżejjed sabiex jagħtih karattru distintiv sekondarju.

64      It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li l-karattru distintiv sekondarju tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jintwera wkoll permezz ta’ provi dwar il-kollaborazzjoni tar-rikorrenti fix-xandira televiżiva Pollakka Śmiechu Warte, jiġifieri ringrazzjament għal din il-kollaborazzjoni, ċifri li juru l-popolarità ta’ din ix-xandira mat-telespettaturi Pollakki kif ukoll fatturi u kuntratt dwar il-finanzjament ta’ premjijiet in natura ddistribwiti fil-kuntest ta’ din ix-xandira u dwar ir-reklamar li sar tas-sinjali inkwistjoni f’dan l-istess kuntest.

65      Ir-raba’ nett, skont l-istess rikorrenti, il-karattru distintiv sekondarju tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jintwera wkoll permezz ta’ fatturi ta’ reklamar fl-istampa, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni u fuq billboards.

66      Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet speċifiċi ta’ bejgħ tar-rivisti, inklużi magażins ta’ tislibiet, jiġifieri l-fatt li, ġeneralment, il-konsumatur jikkomunika mal-bejjiegħ biss permezz ta’ punt ta’ kuntatt żgħir u għaldaqstant juża s-sinjal verbali biss f’forma fonetika għall-prodotti li huwa jkun għażel. Għaldaqstant, meta l-konsumatur jagħżel bejn il-prodotti tar-rikorrenti u dawk ta’ edituri oħrajn, huwa juża prinċipalment is-sinjali verbali inkwistjoni.

67      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell indika b’mod żbaljat, fil-punt 56 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li r-rikorrenti kienet ippromwoviet b’mod kostanti t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni f’forma grafika partikolari. Minn naħa, il-provi invokati mill-Bord tal-Appell innifsu juru li r-rikorrenti tuża wkoll is-sinjali verbali inkwistjoni fuq is-sit tal-internet tagħha. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2005, Nestlé (C‑353/03, EU:C:2005:432), jirriżulta li l-preżentazzjoni tas-sinjali inkwistjoni f’forma grafika la teskludi l-użu tagħhom u lanqas il-fatt li dawn ikunu akkwistaw karattru distintiv sekondarju.

68      Il-Bord tal-Appell kien żbaljat ukoll meta qies li kien biss is-sinjal TECHNOPOL u t-trade mark li tinkludi l-element verbali “technopol” li kienu jikkostitwixxu, f’dan il-każ, indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali. Il-logo Technopol huwa biss indikazzjoni tal-kwalità tal-prodotti inkwistjoni, li huma distinti għaldaqstant minn dawk ta’ kompetituri oħrajn mhux biss bl-ismijiet ta’ fantażija tagħhom, iżda wkoll bir-reputazzjoni tagħhom.

69      Ukoll, billi impona fuq ir-rikorrenti diversi rekwiżiti, inklużi fil-qasam ta’ provi, il-Bord tal-Appell wettaq abbuż sinjifikattiv u adotta aġir illegali. F’dan ir-rigward, sabiex jinsisti fuq l-assenza ta’ użu tas-sinjali inkwistjoni bħala trade marks, il-Bord tal-Appell jistabbilixxi rabta bejn il-karattru distintiv intrinsiku u sekondarju, fatt li jwassal, b’mod illegali, għal konsegwenzi negattivi għar-rikorrenti.

70      Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza Pollakka u b’mod partikolari dik tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) li ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Frar 2008 (Nru III CSK 264/07), li s-sinjali li kienu fil-magażins kienu akkwistaw karattru distintiv sekondarju.

71      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

72      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tal-imsemmi regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din, għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, takkwista karattru distintiv wara l-użu li jkun sar tagħha.

73      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jkun inkiseb permezz tal-użu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni. Konsegwentement, hija nieqsa minn rilevanza ċ-ċirkustanza li trade mark tkun akkwistat karattru distintiv permezz tal-użu wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark u qabel il-mument li fih l-EUIPO, jiġifieri l-eżaminatur jew, skont il-każ, il-Bord tal-Appell, ikun ta deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-raġunijiet assoluti għal rifjut jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Minn dan isegwi li l-provi kollha relatati mal-użu wara d-data tal-preżentata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-EUIPO (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2012, Getty Images vs UASI (PHOTOS.COM), T‑338/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:614, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Imagination Technologies vs UASI, C‑542/07 P, EU:C:2009:362, punt 49). Għaldaqstant, minkejja li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni punti li huma wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn jippermettu li jiġu misluta konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif kienet f’din l-istess data (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Murka vs EUIPO (SCATTER SLOTS), T‑704/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:728, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeżiġi li mill-anqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti tidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li jkunu ġejjin minn impriża partikolari (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Eurocermex vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-birra), T‑399/02, EU:T:2004:120, punt 42; tal‑15 ta’ Diċembru 2005, BIC vs UASI (Forma ta’ lajters biż-żnied), T‑262/04, EU:T:2005:463, punt 61; u tas‑17 ta’ Mejju 2011, Diagnostiko kai Therapeftiko Kentro Athinon “Ygeia” vs UASI (υγεία), T‑7/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:221, punt 42). Madankollu, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom tali kundizzjoni tista’ titqies bħala ssodisfatta, dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti abbażi ta’ data ġenerali u astratta biss (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 52; u tas‑17 ta’ Mejju 2011, υγεία, T‑7/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:221, punt 45).

75      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat li trade mark akkwistat karattru distintiv wara l-użu li jkun sar tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa b’mod globali l-elementi li jistgħu juru li t-trade mark saret xierqa sabiex tidentifika l-prodott ikkonċernat bħala li jkun ġej minn impriża partikolari u għalhekk tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 49; tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Forma ta’ lajters biż-żnied, T‑262/04, EU:T:2005:463, punt 63; u tas‑17 ta’ Mejju 2011, υγεία, T‑7/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:221, punt 43).

76      F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu ta’ din it-trade mark, il-kobor tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tal-oqsma kkonċernati li bis-saħħa tat-trade mark jidentifikaw il-prodott bħala li jkun ġej minn impriża partikolari, id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn kif ukoll l-istħarriġ tal-opinjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Forma ta’ lajters biż-żnied, T‑262/04, EU:T:2005:463, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata; u s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2011, υγεία, T‑7/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:221, punt 44).

77      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li s-sinjali inkwistjoni ma kinux akkwistaw karattru distintiv permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri fl‑1 ta’ April 2016, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pproduċiet żewġ kategoriji ta’ provi, jiġifieri:

–        stħarriġ tal-opinjoni pubblika u dokumenti oħrajn dwar iċ-ċifri tal-bejgħ u l-popolarità tar-rivisti tagħha li joħorġu kull xahar 100 PANORAMICZNYCH, 200 PANORAMICZNYCH, 300 PANORAMICZNYCH, 400 PANORAMICZNYCH, 500 PANORAMICZNYCH u 1000 PANORAMICZNYCH kif ukoll il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar fis-suq tal-logħob fil-Polonja;

–        fatturi u dokumenti oħrajn dwar ir-reklamar u l-promozzjoni għall-imsemmija rivisti li joħorġu kull xahar, inkluż fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tar-rikorrenti max-xandira televiżiva Pollakka Śmiechu Warte.

79      Għandu barra minn hekk jitfakkar li l-Annessi A. 22 u A. 23 tar-rikorsi għandhom jitwarrbu bħala inammissibbli f’dan il-każ għar-raġunijiet esposti fil-punti 18 sa 24 iktar ’il fuq.

80      Issa, f’dak li jirrigwarda l-ewwel kategorija ta’ provi (ara l-ewwel inċiż tal-punt 78 iktar ’il fuq), li l-evalwazzjoni tagħha magħmula mill-Bord tal-Appell barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punti 48 sa 54 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li, minkejja li dawn l-elementi kienu juru b’mod ċar li, għal ħafna snin, ir-rikorrenti kienet waħda mill-ikbar kumpanniji fis-suq u li r-rivisti tagħha li joħorġu kull xahar kienu jgawdu minn popolarità kbira mal-konsumaturi, l-imsemmija elementi madankollu ma kinux juru li s-sinjali inkwistjoni kienu pperċepiti bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali iktar milli informazzjoni deskrittiva fuq il-kontenut tal-imsemmija rivisti li joħorġu kull xahar.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-ċifri tal-bejgħ jistgħu jitqiesu biss bħala provi sekondarji li jistgħu jikkorroboraw, jekk ikun il-każ, il-provi diretti tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, kif irrappurtati permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew ta’ studji tas-suq (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, Hanso Holding vs EUIPO (REAL), T‑798/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:854, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Fil-fatt, iċ-ċifri tal-bejgħ bħala tali ma jurux li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti inkwistjoni jipperċepixxi t-trade mark kontenzjuża bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali. Għaldaqstant il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ma jistax jiġi pprovat, bħala prinċipju, bis-sempliċi produzzjoni ta’ ċifri tal-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, REAL, T‑798/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:854, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Dan huwa iktar u iktar il-każ f’din il-kawża peress li t-tieni kategorija ta’ provi (ara t-tieni inċiż tal-punt 78 iktar ’il fuq) ma tinkludix provi diretti tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu.

84      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-fatturi u dokumenti oħrajn dwar il-kollaborazzjoni tar-rikorrenti fix-xandira Pollakka Śmiechu Warte, li xxandret bejn l‑1994 u l‑2009 fuq l-ewwel stazzjon tat-televiżjoni Pollakka (TVP1), għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-dokumenti li jinkludu r-ringrazzjamenti għal din il-kollaborazzjoni u ċ-ċifri li juru l-popolarità tal-imsemmija xandira mat-telespettaturi Pollakki jaqgħu, min-natura tagħhom stess, taħt l-istess kategorija bħall-ewwel grupp ta’ provi.

85      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mis-sinjali li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jidher fuq il-fatturi dwar ix-xiri, mir-rikorrenti, ta’ kameras tal-vidjow li ġew iddistribwiti fil-kuntest tal-imsemmija xandira bħala premjijiet in natura.

86      It-tielet nett, l-istess japplika għall-fatturi dwar ir-reklamar li sar favur ir-rikorrenti fil-kuntest tal-istess xandira. Barra minn hekk, minkejja li dawn il-fatturi jsemmu, b’mod partikolari, “xandira ta’ sinjali ta’ reklamar” u “xandira ta’ film ta’ reklamar ‘Technopol’ ta’ 15/30 sekonda”, dawn ma jinkludu ebda indikazzjoni fuq il-kontenut ta’ dawn ix-xandiriet. Filwaqt li huwa minnu li l-kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u t-televiżjoni Pollakka fl‑2008 jagħmel ċerti preċiżazzjonijiet fuq il-kontenut tar-reklamar li sar favur ir-rikorrenti fil-kuntest tax-xandira televiżiva Śmiechu Warte, sa fejn dan jindika b’mod partikolari t-test li kellu jkun ippronunzjat fil-kuntest ta’ din ix-xandira – il-kameras tal-vidjow ġew iffinanzjati minn Technopol ta’ Częstochowa, editur tat-tislibiet 100, 200, 300, 500 u 1000 panoramicznych – hemm lok li jiġi rrilevat madankollu li, minn naħa, dan it-test ma jirrigwardax sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri 400 PANORAMICZNYCH, u, min-naħa l-oħra, mill-punt 6 tal-paragrafu (4) ta’ dan il-kuntratt jirriżulta li dan ġie konkluż biss għall-perijodu ta’ bejn it‑3 ta’ Marzu u l‑31 ta’ Ottubru 2008. Konsegwentement, sa fejn ir-rikorrenti tirrileva li, skont il-punt 2 tal-paragrafu 2 ta’ dan il-kuntratt, il-film pubbliċitarju li jinkludi t-test iċċitat iktar ’il fuq ser jixxandar 52 darba f’temp ta’ seba’ xhur waqt il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt u li hija targumenta, fuq din il-bażi, li “applikat fuq perijodu ta’ għaxar snin, dan il-kriterju jwassal sabiex jiġi konkluż li l-film ixxandar prattikament elf darba”, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza tal-kuntratti li jkopru perijodi oħrajn, din l-affermazzjoni tal-aħħar tar-rikorrenti bl-ebda mod ma hija sostnuta.

87      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fatturi dwar ir-reklamar u l-promozzjoni fl-istampa, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni u fuq il-billboards, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li dawn il-fatturi juru l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għal, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ “reklamar”, ta’ “tqegħid ta’ reklamar”, ta’ “kampanja pubbliċitarja fuq il-billboards AMS” u ta’ “promozzjoni tat-tislibiet tar-[rikorrenti]”, il-maġġoranza l-kbira tal-fatturi inkwistjoni lanqas ma jsemmu s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, inqas u inqas, il-kontenut tar-reklam jew tal-promozzjoni mitluba.

88      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li, minkejja li t-tieni kategorija ta’ provi turi li, matul is-snin, ir-rikorrenti nefqet ammonti sinjifikattivi għall-promozzjoni tal-prodotti tagħha, il-maġġoranza ta’ dawn il-provi ma jagħtu ebda informazzjoni dwar il-forma u l-kontenut ta’ din il-promozzjoni. Barra minn hekk, u fuq kollox, din il-kategorija ta’ provi fi kwalunkwe każ ma turix li, minħabba din il-promozzjoni, is-sinjali inkwistjoni huma pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali iktar milli bħala indikazzjoni deskrittiva dwar il-kontenut tar-rivisti.

89      Din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq is-sempliċi fatt li, wara r-reġistrazzjoni, fil-Polonja, tas-sinjali inkwistjoni bħala titoli tal-istampa, dawn is-sinjali jkunu rriżervati għal bejjiegħ jew fornitur wieħed, f’dan il-każ ir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu frekwenti ta’ sinjal li jikkonsisti fil-forma ta’ dawn il-prodotti seta’ jkun biżżejjed sabiex jagħti lil dan is-sinjal karattru distintiv, hija żiedet li dan seta’ jkun biżżejjed meta operatur kien l-uniku wieħed li joffri fis-suq prodotti partikolari u f’ċirkustanzi li, wara dan l-użu, proporzjon sostanzjali tal-oqsma interessati kien jassoċja din il-forma ma’ dan l-operatur, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe impriża oħra, jew kien jaħseb li l-prodotti b’din il-forma kienu joriġinaw minn dan tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 65). Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma ġewx murija bi provi prodotti mir-rikorrenti f’din il-kawża. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex l-unika waħda li toffri, fis-suq Pollakk, magażins li jinkludu tislibiet.

90      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda d-dokument intitolat “Analiżi u opinjoni [tal-Professur F.] dwar il-karattru distintiv tan-numri”, skont liema, “[f’]moħħ il-konsumaturi, kemm dawk li jaqraw magażins b’tislibiet kif ukoll dawk li ma jaqrawhomx, l-indikazzjoni ta’ rivista li tinkludi tislibiet b’numru ssemmi biss [lir-rikorrenti]” u skont liema “[i]l-konsumaturi huma konxji sew tal-fatt li magażin ta’ tislibiet bin-numru 100, 200, 300, 400, 500 u 1000 fuq il-qoxra ġej minn din il-kumpannija ta’ pubblikazzjoni”, dokument li għandu barra minn hekk jiġi mwarrab bħala inammissibbli f’dawn il-kawżi (ara l-punti 18 sa 24 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li dan id-dokument jirrigwarda biss is-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’dan il-każ, dan id-dokument ma jistax fi kwalunkwe każ ikun biżżejjed, fl-assenza ta’ provi oħrajn, sabiex juri karattru distintiv sekondarju tal-imsemmija sinjali.

91      Minn dan isegwi li, minkejja li r-rikorrenti targumenta ġustament li l-akkwist ta’ karattru distintiv jista’ jirriżulta kemm mill-użu, bħala parti minn trade mark irreġistrata, bħala element tagħha, kif ukoll mill-użu ta’ trade mark distinta flimkien ma’ trade mark irreġistrata (ara s-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C‑12/12, EU:C:2013:253, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li l-preżentazzjoni tas-sinjali inkwistjoni fil-forma indikata fil-punt 40 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri bħala elementi verbali tat-trade marks figurattivi 100 PANORAMICZNYCH, 300 PANORAMICZNYCH jew 500 PANORAMICZNYCH, ma jeskludix għaldaqstant effettivament l-użu tas-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Bord tal-Appell ġustament qies, fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrenti, li ma kienx possibbli li jiġi kkonstatat li dawn is-sinjali kienu kisbu karattru distintiv wara l-użu li kien sar tagħhom.

92      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ippreċiżat li, fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq, kien importanti li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, l-oqsma kkonċernati jipperċepixxu effettivament il-prodott jew is-servizz, indikat biss mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, bħala li joriġina minn impriża partikolari (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-użu jikkonċernax sinjal bħala parti minn trade mark irreġistrata jew flimkien magħha, il-kundizzjoni essenzjali hija li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark ikun jista’ jindika, f’moħħ l-oqsma kkonċernati, il-prodotti li jirreferi għalihom bħala li jkunu joriġinaw minn impriża partikolari (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Issa, ir-rikorrenti, preċiżament, ma pprovatx li din il-kundizzjoni essenzjali kienet issodisfatta f’dan il-każ.

95      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bir-riferiment, magħmul mir-rikorrenti, għas-sentenza tas‑Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) tal‑21 ta’ Frar 2008 (Nru III CSK 264/07). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li s-sistema ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, b’mod illi l-EUIPO u, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni ma humiex marbuta b’deċiżjoni li ttieħdet fi Stat Membru li taċċetta li dan l-istess sinjal jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark nazzjonali. L-istess japplika jekk tali deċiżjoni tkun ittieħdet skont leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata mad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2012, ThyssenKrupp Steel Europe vs UASI (Highprotect), T‑565/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:107, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tielet u l-ħames motiv għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ u s-seba’ motiv, ibbażati fuq użu ħażin ta’ poter mill-Bord tal-Appell dwar ir-reġistrazzjoni mill-EUIPO ta’ sinjali oħrajn li jinkludu numri u dwar il-ksur tal-prinċipju tal-awtonomija tas-sistema ta’ protezzjoni tat-trade marks mill-Bord tal-Appell

97      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tiegħu, l-EUIPO kien diġà rreġistra trade marks li jinkludu kliem assoċjati ma’ numri Għarab, b’mod partikolari fis-setturi tal-karozzi, tal-mediċini, tal-gazzetti u tal-finanzi, fatt li jipprova, skont hi, li l-imsemmija trade marks kellhom karattru distintiv meta ġew irreġistrati. F’dawn il-kundizzjonijiet, billi qal li ma setax jirreġistra t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni minħabba żball potenzjali li jivvizzja proċedimenti oħrajn għar-reġistrazzjoni tat-trade marks, il-Bord tal-Appell wettaq “abbuż ta’ dritt manifest”.

98      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ awtonomija ta’ protezzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għar-raġuni li huwa bbaża r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni fuq deċiżjonijiet tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej (l-Uffiċċju tal-Privattivi Pollakk) dwar is-sinjali verbali 100 PANORAMICZNYCH, 200 PANORAMICZNYCH u 300 PANORAMICZNYCH.

99      Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tar-Regolament 2017/1001, l-unika prova tanġibbli f’dan il-każ tkun ir-reġistrazzjoni mill-EUIPO, favur ir-rikorrenti, tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea 100 PANORAMICZNYCH taħt in-numru 3418639. It-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jagħmlu parti mill-istess familja, kemm fuq il-livell verbali kif ukoll fuq il-livell figurattiv, u huma promossi flimkien mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea msemmija iktar ’il fuq, fatt li jikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment tanġibbli l-iktar importanti, li jiġġustifika bis-sħiħ ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni.

100    Ir-rikorrenti żżid li l-ksur tas-sistema ta’ protezzjoni awtonoma tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea wassalha sabiex tirrikorri għal motivi oħrajn ta’ protezzjoni, insuffiċjenti, interkambjabbli u li ma għandhomx l-għan li jipproteġu t-trade marks, bħal dawk li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt ċivili, tal-liġi dwar l-istampa, tad-drittijiet tal-awtur u tal-projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali fil-konfront tal-konsumaturi jew ta’ dannu ta’ kompetizzjoni żleali.

101    L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

102    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 72(2) tar-Regolament 2017/1001, il-Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO biss “fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-[Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea], ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”.

103    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li deċiżjoni hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk din tidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk eċċepiti (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Unilever vs EUIPO – Technopharma (Fair & Lovely), T‑811/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:98, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija ta’ protezzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, huwa minnu, skont dan il-prinċipju, li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u li l-applikazzjoni tagħhom hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali u li, konsegwentement, jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2012, Highprotect, T‑565/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:107, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, suġġett għal din ir-riżerva, ir-reġistrazzjonijiet li diġà saru fi Stati Membri jikkostitwixxu element li, mingħajr ma jkun determinanti u mingħajr ma jkun jista’ jorbot lill-Bord tal-Appell f’ċirkustanzi li fihom huwa jqis li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija f’kunflitt mar-raġunijiet assoluti għal rifjut stipulati fir-Regolament 2017/1001, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2012, Highprotect, T‑565/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:107, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Bl-istess mod u suġġett għall-istess riżerva, ir-rifjuti ta’ reġistrazzjoni, magħmula fl-Istati Membri, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

107    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 38 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-eżami mwettaq mill-istanzi nazzjonali kien wieħed mill-elementi essenzjali sa fejn ir-raġuni għal rifjut kienet tikkonċerna t-territorju tal-Polonja u l-kapaċità ta’ reġistrazzjoni kif ukoll il-karattru distintiv ta’ sinjali identiċi jew analogi għat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienu s-suġġett ta’ diversi proċedimenti nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa rrileva, fil-punti 39 sa 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li xi deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Pollakki, li jirrigwardaw is-sinjali verbali 100 PANORAMICZNYCH, 200 PANORAMICZNYCH u 300 PANORAMICZNYCH, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Pollakki, li jirrigwardaw b’mod partikolari s-sinjali figurattivi 100 PANORAMICZNYCH, 300 PANORAMICZNYCH u 500 PANORAMICZNYCH, kienu jikkonfermaw li s-sinjali tar-rikorrenti li jinkludu numri, bħat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, ma kellhomx karattru distintiv.

108    Għalhekk, il-Bord tal-Appell irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn is-sinjali kienu deskrittivi tal-“magazins [perjodiċi]”, u abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn l-imsemmija trade marks ma kinux akkwistaw karattru distintiv permezz tal-użu.

109    Minn dan isegwi li, minkejja li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali invokati fil-punt 107 iktar ’il fuq, huwa ma kisirx il-prinċipju ta’ awtonomija stipulat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq.

110    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar ir-reġistrazzjoni, mill-EUIPO, ta’ sinjali oħrajn li jinkludu numri, għandu jitfakkar li l-EUIPO huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u li, fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-EUIPO għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Minkejja dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 75).

112    Konsegwentement, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, preċiżament, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza marbuta u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali, għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament 2017/1001, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prattika deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO, li ma tistax, fi kwalunkwe każ, torbot lill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Revolution vs EUIPO (REVOLUTION), T‑654/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:334, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan il-każ, irriżulta li, kuntrarjament għal kif seta’ kien il-każ fir-rigward ta’ ċerti applikazzjonijiet preċedenti għal reġistrazzjoni ta’ sinjali kkostitwiti minn ċifri, jew li jinkludu dawn tal-aħħar, bħala trade marks, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kienu f’kunflitt, fid-dawl tal-prodotti li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u tal-perċezzjoni mill-pubbliku rilevanti, ma’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001.

116    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell seta’ jqis ġustament, fil-punt 35 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li, peress li l-konklużjoni, li huwa kien diġà wasal għaliha fil-punti preċedenti tal-imsemmija deċiżjonijiet u skont liema reġistrazzjoni tas-sinjali inkwistjoni bħala trade marks għall-prodotti msemmija fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti kienet inkompatibbli mar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni preċedenti mill-EUIPO ta’ trade marks li jinkludu numri ma kinitx argument li jiġġustifika r-reġistrazzjoni tas-sinjali inkwistjoni.

117    Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li d-deċiżjonijiet ikkontestati jieħdu inkunsiderazzjoni r-reġistrazzjoni preċedenti mill-EUIPO ta’ trade marks li jinkludu numri, la d-deċiżjonijiet tal-eżaminatur u lanqas id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jinkludu raġunijiet relattivi għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea 100 PANORAMICZNYCH, ippreżentata lill-EUIPO fl‑20 ta’ Ottubru 2003, u rreġistrata fil‑11 ta’ Marzu 2005, bid-data ta’ skadenza l‑20 ta’ Ottubru 2023 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”).

118    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li t-trade mark preċedenti u t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni huma kważi identiċi, sa fejn kollha kemm huma jinkludu l-element verbali “panoramicznych”, ippreċedut minn numru, jiġifieri 100 fil-każ tat-trade mark preċedenti u 200, 300, 400, 500 jew 1000 fil-każ tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni. Barra minn hekk, huwa favur ir-rikorrenti li t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata mill-EUIPO, b’mod partikolari għal “magażins ta’ tislibiet u ta’ logħob ta’ taħbil il-moħħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jaqgħu taħt il-Klassi 16.

119    Issa, fid-dawl tax-xebh kbir bejn it-trade mark preċedenti u t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, tal-identiċità tal-proprjetarju u tal-identiċità parzjali, iżda kruċjali (ara l-punti 57 u 58 iktar ’il fuq), tal-prodotti koperti, hemm lok li jitqies li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, kien l-obbligu tal-istanzi tal-EUIPO – li jinvokaw barra minn hekk huma stess id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet u ta’ qrati Pollakki, dwar, b’mod partikolari, it-trade mark verbali Pollakka identika għat-trade mark preċedenti u t-trade mark figurattiva Pollakka li tinkludi l-element “100 panoramicznych” – li jieħdu inkunsiderazzjoni t-trade mark preċedenti u li jinvestigaw, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tittieħed deċiżjoni fl-istess sens, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx invokat din it-trade mark matul il-proċedura amministrattiva.

120    Peress li l-motivi għad-deċiżjonijiet tal-eżaminatur kif ukoll għad-deċiżjonijiet ikkontestati jinjoraw it-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-istanzi tal-EUIPO ma osservawx dan l-obbligu f’dan il-każ u għaldaqstant id-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’irregolarità proċedurali.

121    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li fl-assenza ta’ din l-irregolarità d-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Philip Morris Brands vs EUIPO – Explosal (Superior Quality Cigarettes FILTER CIGARETTES Raquel), T‑105/16, EU:T:2018:51, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Issa, il-Bord tal-Appell wettaq eżami sħiħ u konkret tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni sabiex jikkonkludi, ġustament, li dawn kienu deskrittivi tal-prodotti inkwistjoni, bħalma jirriżulta mill-punti 30 sa 59 iktar ’il fuq, u li dawn ma kinux kisbu karattru distintiv permezz tal-użu, għall-motivi esposti fil-punti 72 sa 96 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni t-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea 100 PANORAMICZNYCH ma għandhiex effett fuq il-fondatezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, “Rauscher” Consumer Products vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ tampun), T‑492/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:421, punt 34).

123    Minn dan isegwi li, huwa mingħajr ma għamel użu ħażin ta’ poter fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq u mingħajr ma kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew il-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-Bord tal-Appell irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001.

124    Fl-aħħar nett, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li l-allegata restrizzjoni ta’ protezzjoni tas-sinjali li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti hija totalment suġġetta għall-eżami tal-ilmenti eżaminati preċedentement, jew anki tar-rikorsi odjerni fit-totalità tagħhom. Fil-fatt, rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal skont ir-Regolament 2017/1001 għandu l-konsegwenza inevitabbli li l-applikant għar-reġistrazzjoni jirrikorri għal mezzi oħrajn ta’ protezzjoni ta’ tali sinjal.

125    Konsegwentement, ir-raba’ u s-seba’ motiv għandhom jiġu miċħuda wkoll.

 Fuq is-sitt u t-tmien sat-tnax-il motiv, ibbażati fuq użu ħażin ta’ poter, fuq il-ksur tal-Artikolu 118 TFUE, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament 2017/1001, fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001, fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 36 TFUE u tal-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001, rispettivament

126    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta, fil-kuntest tas-sitt, id-disa’ u l-għaxar motiv, li l-Bord tal-Appell għamel użu ħażin ta’ poter sa fejn huwa llimita l-libertà tal-għażla tar-rikorrenti għall-mod ta’ protezzjoni u li huwa kiser l-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001, skont liema trade marks tal-Unjoni Ewropea jistgħu jikkonsistu fi “kwalunkwe sinjal” li jista’ “jagħm[el] distinzjoni bejn l-oġġetti jew is-servizzi ta’ intrapriża minn dawk ta’ intrapriżi oħra”, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li l-libertà tal-għażla li tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001 hija limitata b’mod partikolari għall-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament li jistipula r-raġunijiet assoluti għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark.

127    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta b’mod ċar li s-sinjali kollha jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea, dan jista’ jsir biss suġġett għall-kundizzjonijiet espressi, stipulati fl-Artikolu 7 tal-istess regolament, li jkollhom karattru distintiv fil-konfront tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li ma jikkostitwixxux sempliċi deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti u servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Colgate-Palmolive vs EUIPO (360°), T‑332/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:876, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Konsegwentement, peress li l-Bord tal-Appell qies ġustament li s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’dan il-każ kienu jmorru kontra r-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 u li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux juru li dawn is-sinjali kienu akkwistaw, għall-prodotti msemmija, karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan l-istess regolament, dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jirnexxu.

129    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell lanqas ma jista’ jiġi kkritikat għall-fatt li ma ħax inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq. Minkejja li r-rikorrenti targumenta ġustament li, fis-suq tar-rivisti perjodiċi, it-titoli tar-rivisti jikkostitwixxu għall-konsumatur l-uniku mod sabiex jiddistingwi prodott minn ieħor, dan ma jistax jeżenta dawn it-titoli, inklużi s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’dan il-każ, mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001.

130    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-maġġoranza l-kbira tat-trade marks (titoli ta’ magażins) tinkludi element deskrittiv, huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq, skont liema l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza marbuta u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali, għandu jiġi evalwat biss abbażi tar-Regolament 2017/1001, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prattika deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO, li ma tistax, fi kwalunkwe każ, torbot il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, REVOLUTION, T‑654/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:334, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta, fil-kuntest tat-tmien u tat-tnax-il motiv, ksur tal-Artikolu 118 TFUE u użu ħażin ta’ poter sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħħadha minn miżura ta’ protezzjoni effikaċi kif ukoll ksur tal-Artikolu 36 TFUE u tal-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001 sa fejn il-Bord tal-Appell ma interpretax korrettament l-esklużività mogħtija mir-reġistrazzjoni tat-trade mark, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri dwar il-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni u dwar l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni.

132    Issa, ir-rikorrenti ma tistax tislet minn tali dispożizzjoni dritt suġġettiv għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal jew dritt li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta din ir-reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) u (3) tar-Regolament 2017/1001. F’dan ir-rigward, huwa barra minn hekk ġustament li l-EUIPO jargumenta li s-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija intiża li tiggarantixxi l-protezzjoni tat-trade marks li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni u li l-effikaċja ta’ din is-sistema hija riflessa b’mod preċiż fil-garanzija li t-trade marks li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux protetti.

133    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 36 TFUE u l-Artikolu 14 tar-Regolament 2017/1001, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu biss ċerti effetti tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant huma nieqsa minn rilevanza fil-kuntest tal-kawżi odjerni li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti qabel reġistrazzjoni.

134    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-proċedura applikata fil-konfront tagħha ma kinitx “trasparenti, rigoruża, ġusta u xierqa”, għandu jiġi kkonstatat, bħall-EUIPO, li dan l-ilment bl-ebda mod ma huwa sostnut bi spjegazzjonijiet addizzjonali fir-rikorsi.

135    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tqajjem, fil-kuntest tal-ħdax-il motiv, użu ħażin ta’ poter u ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali sa fejn il-Bord tal-Appell stipula kundizzjonijiet illegali li jeżiġu provi ġodda, għandu jiġi kkonstatat li huwa l-kompitu tar-rikorrenti li tipproduċi provi suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-istanzi tal-EUIPO taw lir-rikorrenti – fuq inizjattiva tagħhom stess u b’osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – diversi okkażjonijiet sabiex tippreżenta osservazzjonijiet jew provi (ara l-punti 4, 5 u 8 sa 11 iktar ’il fuq) ma jikkostitwixxix użu ħażin ta’ poter fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq jew ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

136    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta huwa qies, fil-punt 52 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-preżentazzjoni tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li kien juri li l-pubbliku rilevanti kien jipperċepixxi t-titoli tas-serje tar-rikorrenti li jinkludu numri (u b’mod partikolari s-sinjali inkwistjoni) bħala li ġejjin mir-rikorrenti tista’ tkun utli sabiex jintwera li dawn is-sinjali kellhom karattru distintiv sekondarju. Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li r-rikorrenti pproduċiet, quddiem l-EUIPO, stħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 54 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li dan l-istħarriġ kien jikkonferma li r-rivisti ta’ tislibiet tar-rikorrenti kellhom sehem sinjifikattiv mis-suq, iżda ma kienx prova li s-sinjali inkwistjoni kienu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala trade mark. Huwa barra minn hekk quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti pproduċiet għall-ewwel darba stħarriġ li għamel riferiment għalih il-Bord tal-Appell fil-punt 52 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jiġġustifika fi kwalunkwe każ li tali element jitwarrab bħala inammissibbli (ara l-punti 18 sa 24 iktar ’il fuq).

137    Fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti fil-ħin, minn dan kollu preċedenti (ara b’mod partikolari l-punti 72 sa 96 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-interpretazzjoni tagħhom mill-Bord tal-Appell ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni.

138    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, is-sitt u t-tmien sat-tnax-il motiv għandhom jiġu miċħuda wkoll u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

139    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o. o. hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.