Language of document : ECLI:EU:T:2023:833

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil Banca Tercas – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Preskrizzjoni – Dannu kontinwu – Inammissibbiltà parzjali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lil individwi – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑415/21,

Banca Popolare di Bari SpA, stabbilita f’Bari (l-Italja), irrappreżentata minn A. Zoppini, G. M. Roberti, I. Perego, G. Parisi u D. Gallo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, I. Barcew, A. Bouchagiar u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos, President, S. Gervasoni, N. Półtorak (Relatriċi), I. Reine u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ u tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrenti, Banca Popolare di Bari SpA, titlob kumpens għad-danni li hija allegatament ġarrbet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat‑23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Italja favur Banca Tercas (Cassa di risparmio della Provincia di Teramo SpA, iktar ’il quddiem “Tercas”) (ĠU 2016, L 203, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Tercas”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit‑30 ta’ April 2012, fuq proposta tal-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja), li kien ikkonstata xi irregolaritajiet fi ħdan Banca Tercas (iktar ’il quddiem, “Tercas”), il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Taljan iddeċieda li jissuġġetta lil Tercas għal amministrazzjoni straordinarja.

3        F’Ottubru 2013, wara li evalwa diversi għażliet, il-kummissarju speċjali, maħtur mill-Bank tal-Italja, beda negozjati mar-rikorrenti, li kienet uriet interess tissottoskrivi żieda fil-kapital ta’ Tercas, bil-kundizzjoni li jsir awditu minn qabel ta’ Tercas u li l-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Ħarsien tad-Depożiti, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“FITD”) ikopri għal kollox id-defiċit ta’ kapital ta’ dan il-bank.

4        Fit‑28 ta’ Ottubru 2013, wara talba tal-kummissarju speċjali ta’ Tercas, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FITD iddeċieda li jagħti miżuri ta’ appoġġ favur Tercas, li ġew approvati mill-Bank tal-Italja.

5        Fit‑18 ta’ Marzu 2014, il-FITD iddeċieda li jissospendi l-intervent previst minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-esperti tiegħu u dawk tar-rikorrenti. Dan in-nuqqas ta’ qbil ġie sussegwentement solvut permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ.

6        Il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kunsill tal-FITD iddeċidew, fit‑30 ta’ Mejju 2014, li jintervjenu favur Tercas.

7        Fis-7 ta’ Lulju 2014, il-Bank tal-Italja awtorizza l-intervent tal-FITD favur Tercas. Dan l-intervent kien jipprevedi tliet miżuri, jiġifieri, l-ewwel, kontribuzzjoni ta’ 265 miljun euro sabiex tiġi koperta l-ekwità negattiva ta’ Tercas; it-tieni, garanzija ta’ 35 miljun euro sabiex jiġi kopert ir-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ ċerti skoperturi ta’ Tercas u, it-tielet, garanzija ta’ 30 miljun euro sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trattament fiskali tal-ewwel miżura.

8        Il-kummissarju speċjali ta’ Tercas, bi qbil mal-Bank tal-Italja, sejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Tercas fis‑27 ta’ Lulju 2014 sabiex l-azzjonisti jingħataw il-possibbiltà jesprimu ruħhom dwar il-kopertura parzjali tat-telf skopert waqt l-amministrazzjoni straordinarja u dwar żieda fil-kapital irriżervata għar-rikorrenti. Din iż-żieda fil-kapital seħħet fl-istess jum.

9        Fl‑1 ta’ Ottubru 2014, ir-reġim ta’ amministrazzjoni straordinarja ta’ Tercas intemm u r-rikorrenti innominat il-korpi l-ġodda ta’ dan il-bank.

10      F’Diċembru 2014, ir-rikorrenti żiedet il-kapital, li kien jinkludi l-ħruġ ta’ ishma ġodda. Iż-żieda fil-kapital serviet sabiex issaħħaħ il-proporzjonijiet tal-kapital tar-rikorrenti, li kienu ġew affettwati bl-akkwist ta’ Tercas u s-sussidjarja tagħha, il-Banca Caripe S.p.A (iktar ’il quddiem “Caripe”).

11      F’Marzu 2015, ir-rikorrenti ssottoskriviet żieda oħra fil-kapital ta’ Tercas sabiex jiġi kopert it-telf ulterjuri rreġistrat fir-raba’ kwart tal‑2014, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ ristrutturar imwettaq fl‑2015 u fl‑2016 u sabiex jitjiebu l-proporzjonijiet tal-kapital ta’ Tercas.

12      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-intervent tal-FITD favur Tercas.

13      Fit‑23 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Tercas.

14      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-intervent awtorizzat fis‑7 ta’ Lulju 2014 mill-Bank tal-Italja, fis‑7 ta’ Lulju 2014, tal-FITD favur Banca Tercas, li l-assi kollha tiegħu huma miżmuma, sa mill‑1 ta’ Ottubru 2014, mir-rikorrenti, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern li kellha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju tagħha mir-Repubblika Taljana.

15      Fl‑4 ta’ Frar 2016, il-FITD għamel intervent “volontarju” favur Tercas u, fl‑14 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ngħaqdet permezz ta’ assorbiment ma’ Tercas.

16      Permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni, (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154), id-Deċiżjoni Tercas ġiet annullata.

17      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas filwaqt li talbet il-ħlas għad-danni ta’ 228 miljun euro.

18      Fil‑11 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

 Ittalbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tikkumpensaha fl-ammont ta’ 280 miljun ewro jew, sussidjarjament, 203 miljuni euro, b’kumpens għad-dannu materjali allegatament subit, kif ukoll kumpens f’ammont xieraq għad-dannu morali subiti, minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

21      Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija ssostni li l-azzjoni għad-danni hija preskritta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca SpA – Industria Alimentari Carni u Cremonini SpA vs Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali jibda jiddekorri meta l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens ikunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, meta d-dannu li jkollu jiġi kkumpensat ikun ikkonkretizza ruħu.

22      Hija ssostni, essenzjalment, li l-jum tat-tħabbir tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, li sar permezz ta’ komunikazzjonijiet istituzzjonali fit‑23 ta’ Diċembru 2015 u li kienu riprodotti mill-istampa fil-jiem ta’ wara, jirrappreżenta l-mument li fih ikkonkretizza ruħu l-allegat dannu. Konsegwentement, peress li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin kien it‑23 ta’ Diċembru 2015, dan it-terminu allegatament skada fit‑23 ta’ Diċembru 2020 u l-azzjoni għad-danni tidher li hija preskritta peress li t-talba għal kumpens tressqet fit‑28 ta’ April 2021.

23      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-allegat dannu ma huwiex ta’ natura kontinwa. Skont il-ġurisprudenza, u b’mod partikolari s-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 35), in-natura kontinwa tad-dannu timplika li dan id-dannu jiżdied proporzjonalment maż-żmien li jkun għadda. Issa, minkejja li d-dannu allegatament subit seta’ żdied maż-żmien, din iż-żieda potenzjali ma kinitx proporzjonali għaż-żmien li għadda. Għall-kuntrarju, id-dannu allegat mir-rikorrenti kien ta’ natura istantanja.

24      Konsegwentement, it-talba għal kumpens għad-danni li hija indirizzat lill-Kummissjoni fit‑28 ta’ April 2021 ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li jinterrompi l-preskrizzjoni.

25      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-mument meta l-allegat dannu kkonkretizza ruħu jikkoinċidi mad-data effettiva tal-irkupru, mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni Tercas. Skont il-Kummissjoni, hija d-Deċiżjoni Tercas li tat lok għall-allegat dannu.

26      Barra minn hekk, anki jekk il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa l-mument li fih ir-rikorrenti saret taf uffiċjalment, permezz ta’ ittra rreġistrata, bil-fatt li kkawża l-allegat dannu, dan il-mument jikkorrispondi, l-iktar tard, għad-data li fiha rċeviet din l-ittra rreġistrata b’kopja tad-Deċiżjoni Tercas, jiġifieri d‑29 ta’ Frar 2016. F’dan il-każ, it-terminu ta’ ħames snin jidher ukoll li kien diġà skada meta r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha għal kumpens fit‑28 ta’ April 2021.

27      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

28      Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jiddekorru minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom.

29      Dan għandu l-funzjoni li, minn naħa, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, peress li din għandu jkollha biżżejjed żmien sabiex tiġbor informazzjoni xierqa fid-dawl ta’ eventwali rikors, u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li l-persuna leża tkun tista’ ddewwem b’mod indefinit li teżerċita d-dritt tagħha għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il‑Kunsill, T‑455/17, EU:T:2021:411, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Skont il-ġurisprudenza, l-imsemmi terminu jibda jiddekorri minn meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, meta jikkonkretizza ruħu d-dannu li jkun irid jiġi kkumpensat (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, EU:C:2008:409, punt 54). Għaldaqstant, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-mument meta effettivament ikun seħħ id-dannu u mhux mid-data tal-fatt li jikkawża preġudizzju (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jindika bħala att li jinterrompi l-preskrizzjoni jew ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew it-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-vittma lill-istituzzjoni kompetenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/03, EU:T:2005:458, punt 116).

32      Għandu wkoll jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta d-danni ma jkunux ġew ikkawżati b’mod istantanju, iżda jkunu komplew iseħħu għal ċertu perijodu, id-dritt għal kumpens jirrigwarda perijodi suċċessivi. B’mod partikolari, id-danni kollha mġedda matul perijodi suċċessivi u li jiżdiedu proporzjonalment għaż-żmien li jkun għadda għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kontinwa (digrieti tal‑4 ta’ Settembru 2009, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, T‑174/06, mhux ippubblikat, EU:T:2009:306, punti 56 u 57, u tad‑19 ta’ Mejju 2011, Formenti Seleco vs Il‑Kummissjoni, T‑210/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:228, punt 50).

33      F’tali każ, il-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tapplika għall-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin fid-data tal-att li jinterrompi l-preskrizzjoni, mingħajr ma taffettwa d-drittijiet li jkunu nħolqu matul perijodi sussegwenti (ara d-digriet tal‑4 ta’ Settembru 2009, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, T‑174/06, mhux ippubblikat, EU:T:2009:306, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tallega li ġarrbet dannu li rriżulta mid-Deċiżjoni Tercas. B’mod partikolari, permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mid-Deċiżjoni Tercas, li jikkonsisti f’deterjorament tal-fiduċja tal-klijentela fir-rigward tagħha, li allegatament ikkawża telf ta’ depożiti u ta’ klijentela (lucrum cessans), ħsara għar-reputazzjoni tagħha (dannu morali) u li allegatament ħoloq spejjeż għall-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-effetti negattivi tad-Deċiżjoni Tercas (dannu reali).

35      F’dan il-kuntest, sabiex tiġi ddeterminata l-ammissibbiltà tar-rikors, għandu jiġi analizzat jekk l-allegati danni humiex ta’ natura kontinwa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, kif issostni r-rikorrenti.

36      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-allegat lucrum cessans, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-telf ta’ depożiti diretti u ta’ klijentela tad-Deċiżjoni Tercas seħħ mill-pubblikazzjoni tagħha, fit‑23 ta’ Diċembru 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-Deċiżjoni Tercas bdiet tipproduċi l-effetti tagħha f’dan ir-rigward fit‑23 ta’ Diċembru 2015.

37      Minn dan isegwi li huwa minn din id-data li l-effetti tal-allegati danni materjali effettivament bdew iseħħu u li t-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, beda jiddekorri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 33, u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, EU:C:2008:409, punt 63).

38      Ir-rikorrenti ssostni li minħabba telf ta’ depożiti u ta’ klijentela, li jirriżulta minn tnaqqis fil-kapaċità tagħha li tagħti krediti li għandu effetti negattivi fuq l-attività kollha tagħha u li jnaqqar mill-prodott bankarju nett tagħha, li mmaterjalizza matul il-perijodu bejn Diċembru 2015 u April 2021, hija ma kisbitx id-dħul li hija setgħet raġonevolment tistenna li kieku d-Deċiżjoni Tercas ma kinitx ittieħdet.

39      Għalhekk, l-allegat dannu bbażat fuq lucrum cessans li jirriżulta mit-telf ta’ depożiti diretti, li r-rikorrenti tallega li ġarrbet, huwa ta’ natura kontinwa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, peress li d-danni materjali allegati f’dan ir-rigward ma ġewx ikkawżati b’mod istantanju, iżda komplew matul ċertu perijodu u ġġeddu matul perijodi suċċessivi, b’tali mod li l-ammont tagħhom żdied proporzjonalment għaż-żmien li għadda minħabba l-persistenza tal-effetti ta’ att illegali, jiġifieri d-Deċiżjoni Tercas.

40      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li ġarrbet lucrum cessans marbut ma’ telf ta’ klijentela sa April 2021. B’mod partikolari, hija allegatament tilfet 7 783 klijent mill‑2015 sal‑2016. Barra minn hekk, fir-rigward tal-previżjonijiet ta’ tkabbir li jinsabu fil-Pjan Industrijali 2016–2020 li saru abbażi tat-tendenzi tas-suq, li kien jipprevedi żieda fin-numru ta’ klijenti ġodda ta’ 50 000 unità, jiġifieri 10 000 fis-sena, ir-rikorrenti allegatament kellha żieda fil-klijentela li tikkorrispondi għal nofs l-imsemmija previżjonijiet, jiġifieri 5 000 klijent fis-sena mis-sena finanzjarja 2017.

41      Skont ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni Tercas ikkawżat dan it-telf ta’ klijentela, li warajha hija allegatament ġarrbet lucrum cessans li kien jikkonsisti f’telf ta’ marġni ta’ kummissjonijiet matul il-perijodu mix-xahar ta’ Diċembru 2015 sax-xahar ta’ April 2021; nuqqas ta’ żieda tal-klijentela prevista mill-Pjan Industrijali 2016–2020; deterjorament tal-marġni ta’ kummissjonijiet fuq il-klijenti li baqgħu; u, in-nuqqas ta’ kisba tal-prospetti ta’ żieda fil-prodott nett bankarju minn Diċembru 2015 sa April 2021.

42      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-istudji prodotti mir-rikorrenti, jiġifieri r-rapporti tekniċi ta’ uffiċċju ta’ awditu u ta’ Professur tal-Università, jirriżulta li l-allegati danni relatati mat-telf ta’ klijentela ppersistew sa meta d-deċiżjoni Tercas ma baqgħetx tipproduċi effetti, jiġifieri sa April 2021. B’mod partikolari, bla ħsara għall-eżami tar-rabta kawżali li ser issir iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti, minn naħa, kompliet titlef il-klijenti, u min-naħa l-oħra, ma kinitx f’pożizzjoni li tattira klijenti ġodda. Konsegwentement, l-allegat lucrum cessans li allegatament jirriżulta minn dan it-telf iġġedded matul perijodi suċċessivi u żdied proporzjonalment għaż-żmien li għadda. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-allegat dannu bbażat fuq lucrum cessans li jirriżulta mit-telf ta’ klijentela huwa ta’ natura kontinwa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq.

43      Għalhekk, l-allegat lucrum cessans imputabbli kemm għat-telf tad-depożiti diretti, kif ukoll għat-telf tal-klijentela, ma seħħx b’mod istantanju u fl-intier tiegħu fil-mument tat-tħabbir tad-Deċiżjoni Tercas. Huwa lanqas ma sempliċement iggrava proporzjonalment maż-żmien. Fil-fatt, seħħew danni ġodda li allegatament irriżultaw, b’mod partikolari, minn naħa, minħabba l-fatt li klijenti ġodda setgħu jiddeċiedu li jagħlqu l-kontijiet tagħhom mar-rikorrenti jew li jirtiraw id-depożiti tagħhom u, min-naħa l-oħra, minn lucrum cessans ġdid marbut ma’ telf ta’ profitti. Issa, peress li d-danni inkwistjoni, jekk jitqiesu li ġew stabbiliti, akkumulaw u ġew imġedda matul perijodi suċċessivi, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ dannu kontinwu, stabbiliti fil-punt 32 iktar ’il fuq, huma ssodisfatti.

44      Għaldaqstant, id-danni relatati mal-lucrum cessans allegatament imġarrba mir-rikorrenti jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura kontinwa.

45      Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni, li l-allegati danni ma humiex ta’ natura kontinwa sa fejn dawn ġew ikkawżati mill-avviż tad-Deċiżjoni Tercas, ma jistax jintlaqa’, minħabba li, bla ħsara għall-analiżi dwar ir-rabta kawżali, minkejja li l-imsemmija deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi l-fatt li ta lok għall-allegati danni, dawn tal-aħħar komplew madankollu għal diversi snin.

46      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk id-dannu ma kienx kwantifikabbli bi preċiżjoni fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, dan kien reali u ċert u, konsegwentement, ir-rikorrenti setgħet tippreżenta t-talba tagħha għal kumpens qabel it‑28 ta’ April 2021. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fin-nota teknika ppreżentata mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, fil-kuntest ta’ inċertezza li kienet teżisti dak iż-żmien, ir-reazzjonijiet tal-klijenti tagħha ma setgħux ikunu omoġenji jew immedjati, peress li kienu marbuta mad-diversi evalwazzjonijiet ta’ kull klijent b’tali mod li d-danni ma setgħux ikunu prevedibbli. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-allegati danni bdew iseħħu sa mit-tħabbir tal-imsemmija deċiżjoni u li r-rikorrenti setgħet tippreżenta rikors għad-danni minn dak il-mument ma jeskludix li l-imsemmija danni huma ta’ natura kontinwa meta l-att illegali, li r-rikorrenti tallega li huwa l-kawża tal-allegati danni mġarrba, jibqa’ fis-seħħ u l-persistenza tal-effetti tiegħu tista’ twassal għal lucrum cessans li jakkumula maż-żmien li jkun għadda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, T‑673/15, EU:T:2017:377, punti 34 sa 38, u tal‑21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 68 u 69).

47      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li huma stabbiliti, mill-atti tal-proċess kif ukoll mill-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-allegati danni materjali relatati mal-lucrum cessans żdiedu proporzjonalment għaż-żmien li għadda fil-perijodu minn Diċembru 2015 sa April 2021. Konsegwentement, l-imsemmija danni huma ta’ natura kontinwa.

48      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti indirizzat, fit‑28 ta’April 20021, kif teżiġi t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talba preliminari lill-Kummissjoni sabiex tikseb kumpens għad-danni kkawżati, li ġiet segwita bil-preżentata ta’ rikors fix-xahrejn sussegwenti. Għaldaqstant, din it-talba tista’ titqies li tikkostitwixxi att li jinterrompi l-preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 46 tal-imsemmija Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq. Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 iktar ’il fuq, peress li d-dannu inkwistjoni huwa ta’ natura kontinwa, it-talba għad-danni ma hijiex preskritta sa fejn hija intiża għall-kumpens ta’ dannu allegatament subit matul il-ħames snin ta’ qabel l-atti li jinterrompi l-preskrizzjoni, jiġifieri fil-każ ineżami wara t‑28 ta’ April 2016.

49      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna d-danni morali invokati, ir-rikorrenti ssostni li dawn jirriżultaw mill-ħsara għar-reputazzjoni tagħha li d-Deċiżjoni Tercas ikkawżatilha.

50      Issa, il-ġurisprudenza tikklassifika n-natura istantanja jew kontinwa tad-danni morali li jikkonsistu fi ħsara għar-reputazzjoni skont is-sors tagħhom. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ħsara għar-reputazzjoni minħabba l-involviment fi proċeduri amministrattivi, ċivili jew kriminali jseħħ b’mod sħiħ fid-data tal-bidu tal-proċedura u għalhekk ma tistax tiġi assimilata ma’ dannu kontinwu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑4 ta’ Settembru 2009, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, T‑174/06, mhux ippubblikat, EU:T:2009:306,, punt 78, u tas‑7 ta’ Frar 2018, AEIM u Kazenas vs Il‑Kummissjoni, T‑436/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:78, punt 35).

51      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, min-natura tiegħu, id-dannu morali jkun ta’ natura kontinwa meta l-allegat dannu għar-reputazzjoni ma jkunx seħħ b’mod istantanju, iżda jkun iġġedded kuljum matul il-perijodu kollu li matulu l-fatt ikompli jippersisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Chart vs SEAE, T‑138/14, EU:T:2015:981, punt 93). Dan ikun il-każ meta l-ħsara għar-reputazzjoni toriġina jew minn aġir illegali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, bħal ommissjoni, jew minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li, inizjalment, tiġi adottata u reża pubblika permezz ta’ stqarrija għall-istampa u li, sussegwentement, tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ sunt (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, T‑673/15, EU:T:2017:377, punt 42).

52      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza, għalkemm hija tista’ tieħu forom differenti, il-ħsara għar-reputazzjoni hija ġeneralment dannu li jiġġedded kuljum u jdum sakemm tintemm il-kawża ta’ tali ħsara (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, T‑673/15, EU:T:2017:377, punt 42).

53      Fil-każ ineżami, l-allegat dannu morali li jirriżulta mill-ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti joriġina, skont ir-rikorrenti, mid-Deċiżjoni Tercas, li, inizjalment, ġiet adottata u reża pubblika permezz ta’ stqarrija għall-istampa u li, sussegwentement, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, l-imsemmi dannu huwa ta’ natura kontinwa.

54      Għaldaqstant, l-azzjoni għal kumpens hija preskritta biss sa fejn hija intiża għall-kumpens għal ħsara għar-reputazzjoni li seħħet qabel it‑28 ta’ April 2016.

55      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni wkoll li ġarrbet allegat dannu reali li jikkonsisti fi spejjeż addizzjonali magħmula minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tal-effetti negattivi tad-Deċiżjoni Tercas u, b’mod partikolari: il-pjan ta’ inċentiv għat-tluq tal-impjegati tat‑30 ta’ Diċembru 2015 bl-għan li jitnaqqas il-persunal b’ 85 impjegat; operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sintetika tal‑10 ta’ Mejju 2019 minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti inizjattivi ta’ appoġġ għall-kapital biex tkun tista’ tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji bħala riżultat tat-telf ta’ prodotti netti bankarji li jirriżultaw mit-tnaqqis tad-depożiti u tal-klijenti rreġistrati immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni u fis-snin ta’ wara; inizjattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju permezz ta’ żewġ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ self improduttiv, deċiżi u/jew implimentati, l-ewwel waħda, fl‑1 ta’ Awwissu 2016 u, t-tieni waħda, fis‑16 ta’ Novembru 2017; miżuri kummerċjali għall-attenzjoni tas-soċji, intiżi sabiex jirrestawraw ir-relazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fuq il-kundizzjonijiet standard ipprattikati mill-bank fuq is-self mhux iggarantit, matul il-perijodu bejn is-sena 2016 u s-sena 2019; spejjeż għall-konsulenti legali tal‑21 ta’ Jannar 2016, tad‑29 ta’ Marzu 2016, tat‑13 ta’ Jannar 2017, tal‑11 ta’ Novembru 2019, tas‑26 ta’ Mejju 2020, u tas‑7 ta’ Ġunju 2021.

56      Dan id-dannu, jekk jitqies li ġie stabbilit, immaterjalizza ruħu matul diversi perijodi wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas minħabba d-diversi spejjeż li r-rikorrenti kellha tbati.

57      Issa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-mument li fih id-Deċiżjoni Tercas ipproduċiet effetti dannużi fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma huwiex l-okkorrenza tal-fatt li jkun ikkawża d-dannu, peress li, fost oħrajn, wieħed ma jistax jinvoka kontra r-rikorrent bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni li huwa qabel ma jkunu bdew jidhru l-effetti dannużi tal-imsemmi fatt (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 52).

58      Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, id-danni allegatament imġarrba li jikkonsistu fi spejjeż li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-persunal, minn operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sintetika, u minn inizjattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskji, ma humiex ta’ natura kontinwa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż ġew magħmula b’mod istantanju, b’tali mod li mmaterjalizzaw ruħhom fid-data ta’ kull waħda mit-tranżazzjonijiet inkwistjoni u l-ammonti tagħhom ma żdidux b’mod proporzjonali għaż-żmien li għadda.

59      Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata d-data li minnha seħħu l-effetti dannużi tal-imsemmi dannu fir-rigward tar-rikorrenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq. Huwa minn dan il-mument li jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

60      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 55 iktar ’il fuq, id-danni allegatament imġarrba li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sintetika u minn inizjattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskji seħħew fl‑10 ta’ Mejju 2019, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ma kienx skada meta r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha preliminari quddiem il-Kummissjoni, jiġifieri fit‑28 ta’ April 2021. Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ dawn l-allegati danni.

61      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eventwali dannu relatat mat-tnaqqis tal-impjegati, dan jirriżulta mill-pjan ta’ inċentiv li ġie implimentat fit‑30 ta’ Diċembru 2015. Għalhekk, għandu jitqies li huwa f’dan il-mument preċiż li l-allegat dannu kkonkretizza ruħu. Minn dan isegwi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin kien skada meta r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha preliminari quddiem il-Kummissjoni u li, għaldaqstant, l-azzjoni hija preskritta fir-rigward tal-kumpens għal dan id-dannu.

62      It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-ispejjeż imġarrba għall-konsulenti legali fil‑21 ta’ Jannar 2016, fid‑29 ta’ Marzu 2016, fit‑13 ta’ Jannar 2017, fil‑11 ta’ Novembru 2019, fis‑26 ta’ Mejju 2020 u fis‑7 ta’ Ġunju 2021, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn l-ispejjeż huma, min-natura tagħhom stess, ta’ natura istantanja. Fil-fatt, huma effettivament seħħew f’data preċiża u l-ammonti tagħhom ma żdidux proporzjonalment għaż-żmien li għadda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Chart vs SEAE, T‑138/14, EU:T:2015:981, punti 82 u 84).

63      F’dan il-każ, mid-dokument ipprovdut mir-rikorrenti, li jagħti d-dettalji tal-fatturi relatati mal-ispejjeż ta’ assistenza legali, jirriżulta li dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-pariri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat bejn Frar u Diċembru 2015, inkluż l-eżami tad-Deċiżjoni Tercas (fatturi tal‑21 ta’ Jannar 2016 u tad‑29 ta’ Marzu 2016), l-attivitajiet relatati mal-kawża rreġistrata taħt in-numru T‑196/16 li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167) (fattura tat‑13 ta’ Jannar 2017), l-attività ta’ assistenza legali fil-proċedura relatata mad-Deċiżjoni Tercas quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja sal‑31 ta’ Ottubru 2019 (fattura tas‑26 ta’ Mejju 2020), u l-ħlas tal‑20 ta’ Mejju 2020 għat-tkomplija tal-proċedura relatata mad-Deċiżjoni Tercas (fattura tas‑7 ta’ Ġunju 2021).

64      Issa, min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-fatturi tal‑21 ta’ Jannar 2016 u tad‑29 ta’ Marzu 2016 dwar l-ispejjeż tal-konsultazzjonijiet legali pprovduti bejn Frar u Diċembru 2015, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin kien skada qabel it‑28 ta’ April 2021, data li fiha r-rikorrenti ippreżentat it-talba tagħha preliminari, b’tali mod li l-azzjoni għall-kumpens għad-danni hija preskritta.

65      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatturi tat‑13 ta’ Jannar 2017, tas‑26 ta’ Mejju 2020 u tas‑7 ta’ Ġunju 2021, huma jikkonċernaw l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għall-ġestjoni tal-proċessi fil-kawżi relatati mad-Deċiżjoni Tercas quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn l-ispejjeż huma ta’ natura istantanja sa fejn dawn effettivament seħħew, l-iktar tard, fil-mument meta l-avukat tar-rikorrenti intervjena għall-ewwel darba għall-finijiet tal-ftuħ ta’ kull waħda mill-proċeduri inkwistjoni (ara d-digriet tas‑7 ta’ Frar 2018, AEIM u Kazenas vs Il‑Kummissjoni, T‑436/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:78, punt 33).

66      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li r-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167) fid‑29 ta’ April 2016, filwaqt li l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni minn din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154), ġie ppreżentat fid‑29 ta’ Mejju 2019. Peress li r-rikorrenti ressqet it-talba preliminari fit‑28 ta’ April 2021, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ma kienx skada f’din id-data, b’tali mod li l-azzjoni ma hijiex preskritta fir-rigward tal-allegat dannu marbut mal-ispejjeż tal-avukat sostnuti għal dawn iż-żewġ proċeduri.

67      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-miżuri kummerċjali għall-attenzjoni tas-soċji implimentati matul il-perijodu bejn is-sena 2016 u s-sena 2019, li jikkonsistu fit-tnaqqis fuq is-self mingħajr garanziji, jidher li l-allegat dannu li jirriżulta minnhom seta’ jiġġedded matul dan il-perijodu u li ma setax ikun prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri jew tal-ewwel implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, id-dannu li jirriżulta minn dan, jekk jitqies li huwa stabbilit, jista’ jitqies li huwa ta’ natura kontinwa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, b’tali mod li, sa fejn it-talba għad-danni tikkonċerna d-dannu li seħħ wara t‑28 ta’ April 2016, din ma hijiex preskritta.

68      Minn dan isegwi li r-rikors huwa inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-allegati danni relatati mat-tnaqqis tal-impjegati u mal-fatturi relatati mal-ispejjeż ta’ assistenza legali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mal-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji relatati mad-Deċiżjoni Tercas quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

69      Min-naħa l-oħra, ir-rikors huwa ammissibbli għal dak li jikkonċerna l-allegati danni li jirriżultaw mil-lucrum cessans, mid-dannu morali kif ukoll mid-dannu reali fir-rigward tal-parti relatata ma’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sintetika u ma’ inizjattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskji, kif ukoll ma’ miżuri kummerċjali indirizzati lis-soċji u mal-ispejjeż ta’ assistenza legali marbuta mal-ftuħ tal-proċeduri ġudizzjarji relatati mad-Deċiżjoni Tercas quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq ilmertu

70      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jipprevedi li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

71      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu mġarrab jiddependu mill-fatt li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li l-istituzzjonijiet ikunu kkritikati bih, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32).

72      Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti.

74      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda billi teżamina l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali relattiva għall-illegalità tal-aġir ikkritikat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq.

 Fuq lillegalità talaġir

75      Sabiex illegalità tkun tista’ tiġi kkonstatata abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, l-att jew l-aġir tal-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni għandu jitqies li huwa ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42).

–       Fuq ilksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha lgħan li tagħti drittijiet lillindividwi

76      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 107(1) TFUE, bħala dispożizzjoni li tipproduċi effett dirett, jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali, fir-rigward tal-Artikolu 108(3) TFUE u li, għaldaqstant, jagħti drittijiet lill-individwi, tal-inqas meta tkun inkwistjoni għajnuna mhux innotifikata.

77      Barra minn hekk, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u b’mod partikolari l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn hija injorat l-argumenti u l-provi prodotti mill-partijiet waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tirribatti li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħtix drittijiet lill-individwi, iżda sempliċement jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jagħtu għajnuna lill-impriżi. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, EU:T:2004:222, punt 192), il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni.

79      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma injoratx l-argumenti kuntrarji li tressqu quddiemha fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar id-Deċiżjoni Tercas, iżda jidher li waslet għal konklużjonijiet differenti, b’tali mod li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex miksur.

80      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li dispożizzjoni legali jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi b’mod partikolari meta tkun dispożizzjoni li toħloq drittijiet li l-qrati għandhom jipproteġu, b’mod li jkollha effett dirett, jew li toħloq vantaġġ li jista’ jiġi kklassifikat bħala dritt kweżit, jew li jkollha l-funzjoni li tipproteġi l-interessi tal-individwi, jew li tagħti drittijiet lill-individwi li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi suffiċjentement identifikat (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata u tad‑9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, T‑868/16, EU:T:2022:58, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, dawn id-drittijiet jitnisslu mhux biss meta jingħataw espressament permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll minħabba obbligi pożittivi jew negattivi li dawn jimponu b’mod iddefinit sew kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri jew fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-ksur ta’ tali obbligi pożittivi jew negattivi, minn Stat Membru, jista’ jostakola l-eżerċizzju, mill-individwi kkonċernati, tad-drittijiet mogħtija lilhom impliċitament bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati, u li dawn għandhom ikunu jistgħu jinvokaw fuq livell nazzjonali, u b’hekk jibdlu s-sitwazzjoni legali li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li joħolqu għal dawn l-individwi. Huwa għalhekk li l-effettività sħiħa ta’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn għandhom bħala l-għan li jagħtu jeżiġu li l-individwi jkollhom il-possibbiltà jiksbu kumpens, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ikkonċernati għandhomx effett dirett, peress li din il-kwalità la hija neċessarja, u lanqas suffiċjenti fiha nnifisha sabiex il-kundizzjoni għall-eżistenza tar-responsabbiltà tal-Unjoni bbażata fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li tagħti drittijiet lill-individwi tkun issodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-Tniġġis tal-Arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

83      Issa, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, sa fejn jipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” inkompatibbli mas-suq intern sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni leali bejn l-impriżi tal-Istati Membri, l-Artikolu 107(1) TFUE huwa intiż li jipproteġi l-interessi tal-individwi u b’mod partikolari tal-impriżi.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, b’analoġija, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 101(1) TFUE, li huwa intiż li jipprojbixxi l-ftehimiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punti 21 u 31).

85      Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest li tagħmel parti minnu din id-dispożizzjoni u l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, T‑Mobile Austria, C‑282/13, EU:C:2015:24, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-individwi ma jistgħux, abbażi tal-Artikolu 107 TFUE biss, jikkontestaw il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali, u lanqas ma jistgħu jitolbu lil dawn il-qrati sabiex jiddeċiedu, prinċipalment jew b’mod inċidentali, dwar eventwali inkompatibbiltà. Madankollu, dan id-dritt jeżisti meta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE jkunu ġew applikati mid-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fl-Artikolu 109 TFUE jew minn deċiżjonijiet speċifiċi meħuda skont l-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike оWeinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 10).

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi applikat b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat kellhiex jew le tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ stħarriġ minn qabel prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, u, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013 P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE hija marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE. Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattat TFUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura maħsuba sabiex tintroduċi jew tbiddel għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-imsemmija istituzzjoni tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Il-projbizzjoni għall-Istat Membru interessat li jimplimenta l-miżuri ta’ għajnuna ppjanati tapplika għal kull għajnuna stabbilita mingħajr ma tiġi nnotifikata. Fil-każ ta’ notifika, hija tipproduċi l-effetti tagħha matul il-fażi preliminari u jekk il-Kummissjoni tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, sad-deċiżjoni finali. Għal dak li jikkonċerna dan il-perijodu kollu, hija toħloq, favur il-partijiet fil-kawża, drittijiet li l-qrati nazzjonali huma obbligati jħarsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, EU:C:1973:152, punti 6 u 7).

90      Fil-fatt, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw is-salvagwardja, sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi li jkunu qegħdin jaffaċċjaw ksur possibbli mill-awtoritajiet tal-Istat tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 20131, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Mill-effett dirett tal-Artikolu 108(3) TFUE jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-partijiet fil-kawża li ser jinsiltu l-konsegwenzi kollha ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ implimentazzjoni kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ eventwali miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punti 39 u 40; tas‑16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias, C‑690/13, EU:C:2015:235, punt 52, u tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 23 u 24).

92      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna stipulata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandha effett dirett u li n-natura immedjatament applikabbli tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija estiża għal kull għajnuna li tkun ġiet implimentata mingħajr ma ġiet innotifikata (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      L-Artikolu 108(3) TFUE jista’ għalhekk jiġi invokat mill-individwi sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq. Madankollu, kif indikat fil-punt 87 iktar ’il fuq, huwa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, li l-Kummissjoni tingħata permezz tal-Artikolu 108 TFUE s-setgħa li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern meta hija teżamina l-għajnuna eżistenti, meta hija tadotta deċiżjonijiet dwar għajnuna ġdida jew emendata u meta tieħu miżuri fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjonijiet tagħha jew tal-obbligu ta’ notifika. Huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-proċedura stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE tista’ taffettwa d-drittijiet tal-individwi, bħala kompetituri tal-benefiċjarji ta’ għajnuna jew bħala benefiċjarji tagħha.

94      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-Kummissjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-benefiċjarji tal-għajnuna, mill-kompetituri tagħhom kif ukoll mill-Istati Membri.

95      Fil-każ ineżami, fil-fatt, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Tercas bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li din l-istituzzjoni kkonstatat, b’mod żbaljat, li l-miżuri inkwistjoni, li kienu ġew awtorizzati bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 24). Minn dan jirriżulta, b’mod iktar preċiż, li, fil-każ ineżami, l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE taffettwa d-drittijiet tar-rikorrenti bħala benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni li ġew ikklassifikati b’mod żbaljat bħala għajnuna mill-Istat u li l-ammont tagħhom ġie rkuprat.

96      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi kklassifikat bħala regola li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, bħar-rikorrenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq.

97      Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE kkawża wkoll ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn din l-istituzzjoni injorat, mingħajr motivazzjoni, l-provi prodotti mill-partijiet interessati matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ dritt speċifiku bħad-dritt li l-kwistjonijiet jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ekwu u f’terminu raġonevoli, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 41 tal-Karta, għandu jitqies bħala dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Konsegwentement, huwa biss fil-kuntest ta’ dritt speċifiku li jesprimi l-prinċipju tad-dritt għal amministrazzjoni tajba li tista’ tiġi analizzata l-evalwazzjoni ta’ illegalità possibbli tal-aġir tal-Kummissjoni.

100    Issa, mill-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Għaldaqstant, ksur eventwali tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies bħala dak ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-Artikolu 340(2) TFUE.

–       Fuq leżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju

101    Ir-rikorrenti tindika, fl-ewwel lok, li s-sempliċi ksur tal-Artikolu 107 TFUE jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, peress li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest huwa limitat. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), ikkonfermaw li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni “taċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt” meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE, bi ksur tal-ġurisprudenza stabbilita relatata. Għaldaqstant dan huwa ksur suffiċjentement serju. Dan il-ksur huwa iktar u iktar serju peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

102    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

103    Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni relattiva għall-aġir illegali ta’ istituzzjoni, hija biss l-illegalità ta’ istituzzjoni li twassal għal tali ksur suffiċjentement serju li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, minn istituzzjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43, u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30).

104    Dan ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni huwa intiż sabiex jiġi evitat li r-riskju li jikkonsisti fil-ħlas tad-danni allegati mill-persuni kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li tinvolvi għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Għaldaqstant, hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi simili, ma kinitx titwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).

106    F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sistema mfassla mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà mhux kontrattwali tal-Unjoni tieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew interpretazzjoni tat-testijiet u b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni, T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-istituzzjoni kkonċernata jkollha biss marġni diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tkun differenti meta din l-istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kriterju deċiżiv sabiex ikun jista’ jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u gravi, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernat, li josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, EU:C:2002:736, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li ma hemm ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, in-nuqqas ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala wieħed suffiċjentement serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola ġenerali u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 87).

110    Min-naħa l-oħra, meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk aġir illegali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju, l-eżami tal-Qorti Ġenerali huwa fih innifsu iktar eżiġenti minn dak meħtieġ fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li fil-kuntest tiegħu l-Qorti Ġenerali sempliċement teżamina, fil-limiti tal-motivi ppreżentati mir-rikorrent, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiżgura ruħha li l-Kummissjoni tkun evalwat b’mod korrett id-diversi elementi li jippermettulha tiddikjara li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, sempliċi żbalji ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi suffiċjenti ma jistgħux fihom innifishom ikunu suffiċjenti sabiex jikklassifikaw ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 85).

112    Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kapaċità tal-Kummissjoni li teżerċita bis-sħiħ il-funzjoni ta’ regolatur tal-kompetizzjoni mogħtija lilha mit-Trattati tkun fil-perikolu kieku l-kunċett ta’ “ksur serju” kellu jinftiehem bħala li jinkludi l-iżbalji u n-nuqqasijiet kollha li, anki jekk jippreżentaw livell ta’ gravità ċerta, huma xorta waħda parti, permezz tan-natura tagħhom jew tal-portata tagħhom, mill-imġiba normali ta’ istituzzjoni responsabbli sabiex tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma kumplessi, delikati u suġġetti għal marġni kunsiderevoli ta’ interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-aġir tal-istituzzjoni meta dan jirriżulta f’att manifestament kuntrarju għad-dispożizzjoni legali u jippreġudika serjament l-interessi ta’ terzi għall-istituzzjoni u la jkun iġġustifikat u lanqas spjegat mir-restrizzjonijiet partikolari li huma imposti oġġettivament fuq id-dipartiment f’funzjonament normali (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 122 u 124; tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 40, u tal‑25 ta’ Jannar 2023, Società Navigazione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, T‑666/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:20, punt 95).

113    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandha tiġi evalwata n-natura tal-ksur imwettaq mill-Kummissjoni fil-każ ineżami u b’mod partikolari tal-gravità tiegħu. F’dan ir-rigward għandha tittieħed inkunsiderazzjoni il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 161).

114    Fil-każ ineżami, mis-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154) u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167) jirriżulta li, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-kunċett ta’ “intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat”.

115    Madankollu, ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-illegalità tad-Deċiżjoni Tercas tirriżulta minn żball kunċettwali marbut ma’ konfużjoni bejn il-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà ta’ għajnuna u dik relatata mar-riżorsi tal-Istat (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 63, u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni, T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167, punt 70). Barra minn hekk, dan jirriżulta min-nuqqas ta’ din l-istituzzjoni li tipprovdi u ssostni indizji suffiċjenti tali li jistabbilixxu li l-miżura inkwistjoni kienet imputabbli lill-Istat (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 67, u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni, T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167, punti 87 sa 90). Fl-aħħar nett, ġie deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-indizji meħuda inkunsiderazzjoni u ma pprovatx, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, l-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

116    Minkejja li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, dan il-ksur ma huwiex neċessarjament minħabba s-sempliċi fatt “suffiċjentement serju”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 106 u 107 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni u kkonstatat fis-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiġi ddeterminata l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun seħħet din il-miżura (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Issa, l-iżball ta’ evalwazzjoni imwettaq mill-Kummissjoni jikkonċerna l-analiżi tal-elementi meqjusa sabiex jiġi stabbilit li l-awtoritajiet Taljani kienu eżerċitaw kontroll pubbliku sostanzjali fid-definizzjoni tal-intervent tal-FITD favur Tercas.

119    Fil-fatt, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, il-Kummissjoni kienet obbligata, hekk kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), li jkollha sensiela ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti tal-miżuri inkwistjoni, li kienu ġew eżenti minn entità privata.

120    Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, f’kuntest legali u fattwali partikolarment kumpless, li fih il-miżuri ta’ għajnuna ngħataw minn entità privata, u b’hekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi u l-elementi li jippermettu li tiġi dedotta l-imputabbiltà tal-miżura, il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-miżuri nazzjonali msemmija fid-Deċiżjoni Tercas, l-involviment tar-rappreżentanti tal-Istat fid-diversi stadji tal-intervent kif ukoll il-mandat pubbliku li kellu l-FITD.

121    Il-fatt li, f’dawn iċ-ċirkustanzi legali u fattwali kumplessi, fid-Deċiżjoni Tercas il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fil-liġi, hekk kif ġie deċiż, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, l-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 84, u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni, T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167, punt 132), ma huwiex biżżejjed sabiex dan l-iżball ta’ evalwazzjoni jiġi kklassifikat bħala ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

122    Fil-fatt, l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni fil-każ ineżami ma hijiex estranja għall-aġir normali, prudenti u diliġenti ta’ istituzzjoni inkarigata li tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq.

123    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 107(1) TFUE.

124    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta u b’mod partikolari tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud, peress li, minn naħa, hija ma tipprovdix elementi preċiżi f’dan ir-rigward, u min-naħa l-oħra, la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mis-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), ma jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi u l-argumenti tal-partijiet fl-investigazzjoni u dan mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għalihom. Il-fatt li l-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet differenti minn dawk imressqa mir-rikorrenti ma jistax iwassal għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li hija lanqas ma wettqet ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 41 tal-Karta.

125    Konsegwentement, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ma hijiex issodisfatta u, għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta.

 Fuq leżistenza ta’ rabta kawżali

126    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina wkoll il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni u l-allegati danni.

127    Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm deterjorament fil-fiduċja tal-klijentela minħabba l-perċezzjoni tal-klijentela ta’ inċertezza dwar il-kapaċità li jitwettaq il-proċess ta’ assorbiment ta’ Tercas b’suċċess. Skont ir-rikorrenti, ir-rabta determinanti ta’ kawżalità, fid-dawl, ukoll, tal-assenza ta’ fatturi oħra konkomitanti possibbli, hija d-Deċiżjoni Tercas, li introduċiet element ta’ diskontinwità fil-proġett ta’ integrazzjoni ta’ Tercas u ta’ Caripe, previst fil-Pjan Industrijali 2015–2019, kif barra minn hekk ikkonfermaw ir-rapporti tekniċi li hija tippreżenta fl-anness.

128    Mill-imsemmija rapporti tekniċi jirriżulta li, filwaqt li l-klijentela kellha fiduċja kbira fis-solidità tal-bank, matul ix-xhur ta’ wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, seħħ it-telf ta’ depożiti u ta’ klijentela u dan kompla matul iż-żmien. Dan il-fenomenu kien imur kontra mhux biss l-iżvilupp tad-depożiti diretti tar-rikorrenti matul il-perijodu preċedenti, iżda wkoll it-tendenza tas-suq bankarju Taljan matul l-istess perijodu.

129    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreċiża li, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni (T‑635/19, EU:T:2021:394), il-Kummissjoni pprekludiet it-twettiq tal-Pjan Industrijali 2015–2019 tagħha, li kien diġà ġie approvat mill-awtoritajiet nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, li pprovoka sitwazzjoni prekarja u inċerta peress li minħabba din id-deċiżjoni, la l-awtoritajiet nazzjonali u lanqas il-bank ma kienu f’pożizzjoni li jaġixxu skont il-modalitajiet previsti, peress li huma ma kellhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

130    Ir-rikorrenti żżid tgħid li ebda element ieħor, bħar-riforma tal-banek popolari li ġiet implimentata sabiex tirrispondi għall-problemi marbuta mal-governanza u mal-istruttura tas-sistema bankarja u li tirrigwarda l-forma ġuridika u l-governanza, is-sanzjonijiet imposti fuq id-diretturi tagħha, l-involviment tal-imsemmija diretturi fi proċeduri kriminali, l-eżistenza ta’ telf fil-karta tal-bilanċ 2015 u l-istat ta’ falliment ta’ Tercas, ma kellu effett fuq l-allegati danni. Bl-istess mod, id-dokument imħejji mill-Bank tal-Italja, ippreżentat mill-Kummissjoni, jistabbilixxi li d-dannu mġarrab mir-rikorrenti huwa imputabbli għad-Deċiżjoni Tercas.

131    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

132    Fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali magħmula fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    B’mod iktar preċiż, id-dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali, li jeskludi, b’mod partikolari, id-danni li huma biss konsegwenza remota ta’ dan l-aġir (s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 135, u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 40).

134    Huwa neċessarju li l-imsemmi dannu jkun ġie effettivament ikkawżat mill-allegat aġir tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li għalih jkun qiegħed jintalab il-kumpens, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ tkun remota wisq minħabba fatturi oħra u b’mod partikolari minħabba responsabbiltà li taqa’ fuq persuni oħra, skont il-każ fuq ir-rikorrenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għażliet tal-impriżi jew ta’ operaturi oħra kkonċernati wara l-aġir illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 59).

135    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 iktar ’il fuq, urietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-Kummissjoni, jiġifieri l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, u d-danni allegatament subiti.

136    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li d-Deċiżjoni Tercas tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari r-rappurtaġġ vast tal-midja li segwa wara, ikkawżat deterjorament fil-fiduċja tal-klijentela fir-rigward tagħha minħabba inċertezza dwar il-kapaċità tagħha li tiffinalizza l-proċess ta’ fużjoni permezz ta’ assorbiment ta’ Tercas, fatt li kkawża telf ta’ depożiti u ta’ klijentela (lucrum cessans), ħsara għar-reputazzjoni tagħha (dannu morali) kif ukoll spejjeż għall-miżuri għal effetti negattivi attenwati tad-Deċiżjoni Tercas (dannu reali). Dan huwa r-riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, sa fejn hija qieset b’mod żbaljat li, minkejja n-natura privata tagħhom, l-interventi tal-FITD favur Tercas kienu jikkostitwixxu miżuri imputabbli lill-Istat Taljan u kienu jinkludu riżorsi tal-Istat.

137    Għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li r-rikorrenti ma tagħmilx distinzjoni bejn il-klijentela tagħha u dik ta’ Tercas u li hija ma tippreżentax argumenti speċifiċi intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk it-telf ta’ klijentela u ta’ depożiti diretti ta’ Tercas kienx imputabbli għad-Deċiżjoni Tercas. Għal dak li jirrigwarda d-danni allegatament subiti, ir-rikorrenti tirreferi għat-telf tagħha ta’ klijentela u ta’ depożiti diretti kif ukoll dawk ta’ Tercas u ta’ Caripe, mingħajr madankollu ma tippreċiża l-valuri attribwibbli lil waħda jew lill-oħra. Barra minn hekk, hija ma tallegax li ġarrbet dannu ekonomiku dovut għall-irkupru tal-għajnuna illegalment mitlub mill-Kummissjoni.

138    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa importanti li jiġi rrilevat li, minkejja li, permezz tad-Deċiżjoni Tercas, il-Kummissjoni eżiġiet b’mod żbaljat li l-miżuri ta’ intervent tal-FITD awtorizzati mill-Bank tal-Italja favur Tercas kellhom jiġu rkuprati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-klijenti tar-rikorrenti, li kkawżaw l-allegat dannu, ittieħdu fil-kuntest tal-valutazzjonijiet u tal-evalwazzjonijiet magħmula minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-interessi finanzjarji tagħhom.

139    Fil-fatt, il-klijenti tar-rikorrenti ma kellhom ebda obbligu li jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, peress li din tal-aħħar kienet tinvolvi biss il-ħlas lura tal-għajnuna. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma kien fiha ebda element intiż sabiex ir-rikorrenti tiġi ppreżentata bħala li ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta miżuri ta’ intervent volontarju alternattivi favur Tercas jew intiżi sabiex inaqqsu l-kredibbiltà tar-rikorrenti u l-fiduċja tal-klijenti tagħha fil-konfront tagħha. Għall-kuntrarju, sa mit-tħabbir tad-Deċiżjoni Tercas, il-Gvern Taljan kif ukoll ir-rikorrenti indikaw li miżuri ta’ intervent volontarju favur din tal-aħħar kienu lesti sabiex jissostitwixxu l-miżuri preċedenti previsti u li, konsegwentement, minn dan ma kien jirriżulta ebda effett negattiv.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni (T‑88/09, EU:T:2011:641, punti 60 u 65), li tikkonċerna wkoll il-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li fiha l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta, minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma ġarrbet ebda dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni tagħha li kieku l-Kummissjoni ma żvelatx, fid-deċiżjoni kkontestata, fatti u evalwazzjonijiet li jindikawha b’isimha bħala li ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi prodotti konformi mal-istandards fis-seħħ u li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha.

141    F’dan ir-rigward, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-allegat dannu morali, għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma pprovatx li d-Deċiżjoni Tercas kellha konsegwenza negattiva fuq ir-reputazzjoni tagħha. Hija sempliċement issostni, mingħajr preċiżazzjonijiet, li dan huwa l-każ. Għall-kuntrarju, l-artikli tal-istampa li hija ppreżentat jinformaw lill-pubbliku li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni ser jiġu nnewtralizzati permezz ta’ miżuri ta’ intervent volontarju.

142    Fit-tieni lok, l-argument dwar il-koinċidenza fiż-żmien bejn it-telf ta’ klijenti u ta’ depożiti diretti u d-Deċiżjoni Tercas ma jistax jipprova l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta. Fil-fatt, it-tabella li tinsab f’wieħed mir-rapporti tekniċi pprovduti mir-rikorrenti, turi li, matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni fih, jiġifieri il-perijodu minn Mejju 2015 sa Mejju 2016, kien hemm tnaqqis progressiv tad-depożiti diretti, bi tnaqqis drastiku b’effett minn Jannar 2016.

143    Madankollu, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, diversi elementi setgħu kkawżaw din id-degradazzjoni tal-fiduċja tal-klijentela tar-rikorrenti, li ma jippermettux li jiġi ddeterminat li din id-deċiżjoni kienet il-kawża diretta tad-dannu allegat mir-rikorrenti.

144    Fil-fatt, l-ewwel nett, mir-rapport tal-Bank tal-Italja ppreżentat mill-Kummissjoni jirriżulta li r-riżultati ħżiena tas-sena finanzjarja 2015 tar-rikorrenti, ippubblikati f’April 2016, wasslu, b’rabta mar-riforma tal-banek popolari, prevista mil-Liġi Nru 33 tal‑24 ta’ Marzu 2015 (Legge n. 33 del 24 marzo 2015, Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 24 gennaio 2015, n. 3, recante misure urgenti per il sistema bancario e gli investimenti) (GURI Nru 70, tal‑25 ta’ Marzu 2015, supplemento ordinario n. 15), li kienet timponi t-trasformazzjoni tar-rikorrenti f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, sabiex fil-laqgħa tal-azzjonisti jittieħdu deċiżjonijiet, waqt l-approvazzjoni tal-bilanċ tal‑2015, dwar it-tnaqqis tal-valur unitarju tal-azzjonijiet minn EUR 9.53 għal EUR 7.50, u dan ikkawża, skont dan ir-rapport tal-Bank tal-Italja, nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-klijentela. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Tercas, li ġiet adottata f’Diċembru 2015, ma seta’ kellha ebda impatt fuq ir-riżultati tal-operat tas-sena 2015. Barra minn hekk, minn dan l-istess rapport tal-Bank tal-Italja jirriżulta li, mis-sena 2014, is-sena li matulha ir-rikorrenti akkwistat lil Tercas, sal‑2015, l-indikaturi finanzjarji tar-rikorrenti ma għamlux ħlief jiddeterjoraw.

145    It-tieni nett, mid-deċiżjonijiet tal-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob) (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u għall-Borża, l-Italja) mibgħuta mill-Kummissjoni jirriżulta li, bejn ix-xahar ta’ Novembru 2014 u x-xahar ta’ Ġunju 2015, fil-kuntest taż-żidiet fil-kapital li seħħew, ir-rikorrenti ma informatx lill-investituri bil-metodu użat u ffissat il-prezz tal-azzjonijiet f’livell ogħla minn dak iffissat mill-espert responsabbli għad-determinazzjoni tal-prezz, b’tali mod li d-diretturi tar-rikorrenti kienu suġġetti għal sanzjonijiet amministrattivi u għal investigazzjonijiet kriminali, mibdija b’effett mis-sena 2017.

146    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevata, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-fatt li Tercas kien bank fallut, raġuni li għaliha, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2013, inbdew negozjati mar-rikorrenti li ssottoskriviet għaż-żieda fil-kapital ta’ Tercas (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punti 15 u 20), seta’ kellu impatt fuq ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn ir-rikorrenti u l-klijenti tagħha. Fil-fatt, bejn Diċembru 2014 u Diċembru 2015, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas, iżda wara l-integrazzjoni ta’ Tercas mir-rikorrenti, din tal-aħħar kienet diġà tilfet 4.9 % tad-depożiti diretti tagħha.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fużjoni ta’ Tercas mar-rikorrenti seħħet f’Lulju 2016 u li l-ikbar ġbid ta’ depożiti diretti seħħ bejn Lulju u Settembru 2016. Għaldaqstant, l-imsemmija fużjoni seta’ kellha wkoll impatt fuq ir-relazzjoni ta’ fiduċja mal-klijentela tar-rikorrenti.

148    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma tispjegax għaliex id-Deċiżjoni Tercas ipprekludietha milli tattira klijenti ġodda, filwaqt li l-intervent volontarju li ssostitwixxa l-intervent tal-FITD favur Tercas, li ma kienx ġie awtorizzat mill-imsemmija deċiżjoni, kien diġà ġie deċiż fi Frar 2016, jiġifieri xahrejn wara d-Deċiżjoni Tercas.

149    Il-ħames nett, għal dak li jikkonċerna d-dannu reali u b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż iġġenerati mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-allegati effetti negattivi tad-Deċiżjoni Tercas, dawn ma humiex imputabbli b’mod dirett lill-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż jirriżultaw minn għażliet deċiżjonali ta’ ġestjoni li saru mir-rikorrenti. Barra minn hekk, minkejja li dawn il-miżuri jistgħu jkunu konsegwenza diretta tat-telf tal-klijenti u tad-depożiti, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma ntweriex li d-Deċiżjoni Tercas tikkostitwixxi l-kawża determinanti ta’ dawn l-allegati danni.

150    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta hija kkonfermata mis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni (T‑635/19, EU:T:2021:394), għandu jiġi rrilevat li teżisti rabta fattwali bejn il-kawża preżenti u dik li tat lok għall-imsemmija sentenza. F’dik l-aħħar kawża, ir-rikorrenti riedu jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, minħabba li l-Kummissjoni allegatament ipprekludiet, permezz ta’ aġir allegatament illegali, b’mod partikolari, pressjoni illeċita eżerċitata fuq l-awtoritajiet Taljani, speċjalment fuq il-Bank tal-Italja, is-salvataġġ tal-Banca delle Marche, li r-rikorrenti kienu azzjonisti tiegħu u li fih kellhom bonds subordinati, fatt li kkawżalhom dannu. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni pprekludiet tali salvataġġ mill-FIPD, li wassal lill-awtoritajiet Taljani, u b’mod partikolari lill-Bank tal-Italja, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, sabiex jibdew proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche.

151    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li seħħew qabel ma nbdiet il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banca delle Marche, kienu sempliċement ta’ natura proċedurali, billi fakkru lill-awtoritajiet Taljani bin-neċessità li jikkomunikaw minn qabel u li ma jimplimentawx miżuri ta’ għajnuna possibbli favur b’mod partikolari dan il-bank. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux jirrigwardaw miżura konkreta, peress li ebda miżura ma kienet għada ġiet stabbilita jew ikkomunikata b’mod ċar, u lanqas dwar il-mod preċiż ta’ kif il-Kummissjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni, T‑635/19, EU:T:2021:394, punt 55). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma kinitx issodisfatta.

152    Issa, għalkemm huwa minnu li, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma saqsietx sempliċement dwar il-kompatibbiltà tal-intervent previst, iżda li hija effettivament adottat id-Deċiżjoni Tercas li fiha hija qieset li l-miżuri ta’ intervent inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-proċess ma jirriżultax li, billi adottat l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni pprekludiet l-implimentazzjoni tal-Pjan Industrijali 2015–2019.

153    Fil-fatt, huwa ppreċiżat, inkluż f’rapport tekniku tad‑9 ta’ Lulju 2021 ipprovdut mir-rikorrenti, li s-sostituzzjoni tal-imsemmi pjan bil-Pjan Industrijali 2016–2020 ma kinitx ikkawżata esklużivament mid-Deċiżjoni Tercas iżda kienet tirriżulta minn diversi fatturi li seħħew fl‑2015, jiġifieri t-tibdil tal-mudell ta’ governanza, peress li l-pożizzjoni ta’ direttur delegat issostitwixxiet il-pożizzjoni, eliminata, tad-Direttur Ġenerali; l-approvazzjoni tar-riforma tal-banek popolari, li kienet tinkludi t-trasformazzjoni tal-forma ġuridika f’soċjetà b’responsabbiltà limitata; l-evoluzzjoni tal-kuntest regolatorju, ikkaratterizzat minn mekkaniżmu superviżorju uniku ġdid imsemmi hawn fuq; xenarju ekonomiku u finanzjarju “diffiċli” u li qiegħed jevolvi kontinwament u t-tnedija ta’ proċess ta’ innovazzjoni tal-mudell ekonomiku.

154    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat dannu marbut mal-ispejjeż tal-avukat sostnuti għall-proċeduri relatati mal-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154) u mal-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167), mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn l-ispejjeż ma jikkostitwixxux danni li jistgħu jiġu kkumpensati fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punti 98 u 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi analizzat jekk il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali hijiex issodisfatta f’dan il-każ fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż.

155    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-provi inklużi fil-proċess, mid-data li tinsab fir-rapporti tekniċi ppreżentati mir-rikorrenti ma jirriżultax li din ipproduċiet provi li minnhom jirriżulta li l-aġir ikkritikat huwa l-kawża diretta u determinanti tat-telf ta’ fiduċja tal-klijenti tagħha u għalhekk tal-allegat dannu abbażi ta’ dan.

156    Fil-fatt, qabelxejn, ir-rapport tekniku tal-uffiċċju tal-awditu huwa bbażat fuq tliet kunsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Tercas kienet allegatament adatta sabiex tikkawża b’mod esklużiv jew, tal-inqas, determinanti l-allegat dannu minħabba l-fatt li kienet dgħajfet il-fiduċja tal-klijenti tal-bank u pprekludiet il-Pjan Industrijali 2015–2019; fit-tieni lok, bejn ix-xahar ta’ Mejju 2015 u x-xahar ta’ Mejju 2016, allegatament kien hemm tnaqqis tad-depożiti diretti konkomittanti mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Tercas; u fit-tielet lok, la mill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u lanqas mid-dokumenti “open source” ma jirriżulta li kien hemm avvenimenti oħra li setgħu jikkawżaw l-allegat dannu. Madankollu, f’dan l-istess rapport huwa indikat, fl-istess ħin, li parti, u mill-inqas 50 %, tat-telf imġarrab mir-rikorrenti bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2016 u x-xahar ta’ Diċembru 2016 kien dovut għad-Deċiżjoni Tercas. Madankollu, minbarra li mill-punti 144 u 145 iktar ’il fuq jirriżulta li avvenimenti oħra setgħu jikkawżaw id-danni allegati mir-rikorrenti, dawn l-argumenti jikkonsistu f’kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali u ma jipproduċux provi sabiex jipprovaw li d-Deċiżjoni Tercas tikkostitwixxi l-kawża diretta u determinanti tal-allegat dannu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fl-introduzzjoni tal-imsemmi rapport tekniku, huwa ppreċiżat li l-imsemmija analiżi huma limitati għall-aspetti ta’ natura ekonomika, kontabbli u finanzjarja, u li ma hemm ebda kunsiderazzjoni ġuridika dwar ir-rabta kawżali.

157    Barra minn hekk, huwa affermat fl-introduzzjoni ta’ dan ir-rapport u rrepetut diversi drabi li l-analiżi teknika saret fuq il-bażi ta’ dokumenti pprovduti mir-rikorrenti jew akkwistati minn sorsi pubbliċi, jiġifieri siltiet mill-kontijiet ipprovduti mid-diretturi tar-rikorrenti relattivi għall-perijodu mill‑2015 sal‑2016; stqarrijiet għall-istampa redatti mir-rikorrenti; il-Pjan Industrijali 2016–2020; u data ta’ ġestjoni mibgħuta mir-rikorrenti. Ġie miżjud li dawn l-analiżi ma fihomx verifika tal-elementi li fuqhom saru.

158    Sussegwentement, fir-rigward tar-rapport tekniku tal-Professur tal-Università, huwa affermat li r-rikorrenti kellha pożizzjoni favorevoli ħafna fis-suq Taljan qabel ftuħ il-proċedura ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar kif ukoll id-Deċiżjoni Tercas biddlu l-immaġni tar-rikorrenti fis-suq, il-fiduċja tal-klijenti tagħha u l-aspettattivi ta’ tkabbir. L-aġir tal-Kummissjoni allegatament wassal, waħdu, għal telf ta’ klijenti u ta’ depożiti diretti tar-rikorrenti, ostakola l-integrazzjoni ta’ Tercas u Carpise, prevista mill-pjan industrijali 2015–2019, u ddetermina l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni oħra sabiex jitkompla l-proġett ta’ integrazzjoni li kien għaddej. Madankollu, f’dan l-istess rapport huwa indikat ukoll li l-bilanċ tal‑2015 tar-rikorrenti, relatat mal-perijodu ta’ qabel id-Deċiżjoni Tercas, kien jinvolvi telf ta’ 296 miljun euro u li, mill-aħħar tas-sena 2016, l-imsemmija deċiżjoni kienet biss waħda mill-kawżi tad-dannu allegatament subit. Konsegwentement, il-konklużjoni li d-Deċiżjoni Tercas kienet il-kawża diretta u determinanti tad-dannu invokat tiddgħajjef bir-rikonoxximent, f’dan l-istess rapport, tal-elementi msemmija. Barra minn hekk, fl-introduzzjoni tal-imsemmi rapport, huwa ppreċiżat b’mod ċar li l-informazzjoni li abbażi tagħha dan kien ġie redatt ġiet trażmessa mir-rikorrenti, mingħajr ma saret ebda verifika, u li l-analiżi hija limitata għall-aspetti ta’ natura ekonomika u finanzjarja, li jeskludu dawk ta’ natura ġuridika.

159    Fl-aħħar nett, konsegwentement, ir-rapporti tekniċi msemmija iktar ’il fuq sempliċement jieħdu inkunsiderazzjoni d-data pprovduta mir-rikorrenti stess, mingħajr ma jwettqu ebda kontroll fuqha, dawn ma janalizzawx l-effett ta’ eventwali kawżi oħra tal-allegati danni, fosthom l-aġir tar-rikorrenti, b’tali mod li ma humiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jipprovaw li l-imsemmi dannu huwa konsegwenza diretta tal-aġir tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija rapporti ma jipproduċux prova tal-fatt li d-Deċiżjoni Tercas kienet il-kawża diretta u determinanti tal-imsemmija danni.

160    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-aġir allegatament illegali allegat fil-konfront tal-Kummissjoni pprovoka t-telf ta’ depożiti u ta’ klijentela, billi pprekluda t-twettiq tal-Pjan Industrijali 2015–2019 u kien il-kawża diretta tad-danni allegatament imġarrba minnha, ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, l-evalwazzjoni globali tal-provi rilevanti tippermetti lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, anki jekk id-Deċiżjoni Tercas seta’ kellha ċertu rwol fil-proċess ta’ telf tal-fiduċja tal-klijentela tar-rikorrenti, dan it-telf ġie kkawżat ukoll minn fatturi oħra, b’tali mod li l-imsemmija deċiżjoni ma tistax titqies li hija l-kawża determinanti u diretta tal-allegati danni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt134 iktar ’il fuq.

161    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir tal-Kummissjoni u l-allegati danni.

162    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, minn naħa, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu invokat, min-naħa l-oħra, ma humiex issodisfatti.

163    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni relattiva għar-realtà tad-dannu.

 Fuq lispejjeż

164    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Banca Popolare di Bari SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Gervasoni

Półtorak

Reine

 

      Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.