Language of document : ECLI:EU:C:2019:59

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Jannar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/37/KE – Dokumenti ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi – Ommissjonijiet fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni – Rikonoxximent reċiproku – Direttiva 2007/46/KE – Vetturi mibnija qabel l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi fil-livell tal-Unjoni Ewropea – Modifiki li għandhom effett fuq il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura”

Fil-Kawża C‑326/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Directie van de Dienst Wegverkeer (RDW)

vs

X,

Y,

u

X,

Y

vs

Directie van de Dienst Wegverkeer (RDW),

u

Directie van de Dienst Wegverkeer (RDW)

vs

Z,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħlala l-President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi prinċipali

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Directie van de Dienst Wegverkeer (RDW), minn M. C. B. J. Maenhout, bħala aġent, assistit minn M. van Heezik, advocaat,

–        għal X u Y, minn C. B. Krol Dobrov, bħala mandatarju,

–        għal Z, minn S. J. C. van Keulen, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. Noort, M. Gijzen u P Huurnink, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn R. Nordeide u C. Anker, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u A. Nijenhuis kif ukoll minn N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 351), u tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU 2007, L 263, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, id-Directie van de Dienst Wegverkeer (RDW) (id-Direttorat tal-Uffiċċju tat-Traffiku tat-Triq, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem ir-“RDW”) u X u Y u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar u r-RDW, kif ukoll tilwima bejn ir-RDW u Z rigward ir-rifjut, mir-RDW, li jirrikonoxxi ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi maħruġa minn Stat Membri oħra u li jirreġistra dawn il-vetturi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 70/156

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/53/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 205), jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

–        vettura tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, kompleta jew mhux kompleta, li jkollha mill-inqas erba’ roti u veloċità massima ddisinjata li teċċedi l-25 km/h, u l-karrijiet tagħha, bl-eċċezzjoni tal-vetturi li jimxu fuq il-linji u tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u tal-makkinarju mobbli kollu,

[…]”

 Id-Direttiva 1999/37

4        Il-premessi 3 sa 6 u 9 tad-Direttiva 1999/37 jiddikjaraw:

“(3) […] l-armonizzazzjoni tal-forma u tal-kontenut taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandha tiffaċilita l-ftehim tiegħu u b’hekk tippromwovi l-moviment liberu, fuq it-toroq fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra, ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru;

(4)      […] l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jrid jippermetti li jiġi kkontrollat il-fatt li l-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317)] isuq biss dawk il-kategoriji ta’ vetturi li huwa jkun awtorizzat li jsuq; billi dan il-kontroll jgħin biex tittejjeb is-sigurtà fit-toroq;

(5)      […] bħala prerekwiżit għar-reġistrazzjoni ta’ vettura li tkun ġiet irreġistrata qabel fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri kollha jeħtieġu dokument li jiċċertifika dik ir-reġistrazzjoni u l-karatteristiċi tekniċi tal-vettura;

(6)      […] l-armonizzazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandha tiffaċilita d-dħul fis-servizz mill-ġdid ta’ vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor, u għandha tikkontribwixxi lejn il-ħidma tajba tas-suq intern;

[…]

(9)      […] sabiex jiġu ffaċilitati dawk il-kontrolli intenzjonati speċifikament biex jiġġieldu kontra l-qerq u l-kummerċ illeċitu f’vetturi misruqa, huwa xieraq li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq skambju effettiv ta’ informazzjoni”.

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dokumenti maħruġin mill-Istati Membri fil-ħin tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi.

Ma għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ Stati Membri li jużaw, għar-reġistrazzjoni temporanja ta’ vetturi, dokumenti li jistgħu ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva f’kull aspett.”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘vettura’: għandha tfisser kull vettura kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE […] u fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur li għandhom żewġ jew tliet roti [(ĠU 1992, L 225, p. 72)];

b)      ‘reġistrazzjoni’: għandha tfisser l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz ta’ vettura fit-traffiku tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-vettura u l-ħruġ tan-numru tas-serje għaliha, li għandu jissejjaħ in-numru ta’ reġistrazzjoni;

c)       ‘iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni’: għandu jfisser id-dokument li jiċċertifika li l-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru;

d)      ‘detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni’: għandha tfisser il-persuna li l-vettura tkun irreġistrata f’isimha.”

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/37 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal vetturi li huma soġġetti għal reġistrazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Iċ-ċertifikat għandu jikkonsisti jew f’parti waħda b’mod konformi ma’ l-Anness I jew f’żewġ partijiet b’mod konformi ma’ l-Annessi I u II.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lis-servizzi li huma jappuntaw għal dan il-għan, b’mod partikolari dawk tal-fabbrikanti, sabiex jimlew il-partijiet tekniċi taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

2.      Fejn jinħareġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ġdid għal vettura reġistrata qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw mudell ta’ ċertifikazzjoni kif definit f’din id-Direttiva u jistgħu jillimitaw id-dettalji li jidhru fih għal dawk li għalihom tkun disponibbli l-informazzjoni meħtieġa.

3.      L-informazzjoni mogħtija fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, b’mod konformi ma’ l-Annessi I u II, għandha tiġi rappreżentata mill-kodiċi armonizzati tal-Komunità murija f’dawk l-Annessi.”

8        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor.”

9        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħha sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2004.

 Id-Direttiva 2007/46

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Suġġett”, jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom [fl-Unjoni Ewropea].

[…]”

11      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dwar il-“[k]amp ta’ [a]pplikazzjoni” tagħha, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Din id-Direttiva tapplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi mfassla u mibnija fi stadju wieħed jew aktar għall-użu fit-triq, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi.

Hija tapplika wkoll għall-approvazzjoni individwali ta’ tali vetturi.

Din id-Direttiva tapplika wkoll għall-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi koperti b’din id-Direttiva.”

12      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:

[…]

11.      ‘vettura bil-mutur’ tfisser kwalunkwe vettura mħaddma bl-enerġija b’mezz ta’ propulsjoni tagħha stess, li għandha mill-inqas erba’ roti, li tkun kompluta, ikkompletata jew mhux kompluta, b’veloċità massima proġettata ta’ iktar minn 25 km/h;

12.      ‘karru’ tfisser kwalunkwe vettura bir-roti li m’għandhiex propulsjoni tagħha stess imfassla u mibnija biex tiġi rmunkata minn vettura bil-mutur;

13.      ‘vettura’ tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur jew il-karru tagħha kif definiti fil-punti (11) u (12);

[…]

19.      ‘vettura mhux kompluta’ tfisser kwalunkwe vettura li jonqosha mill-inqas stadju ieħor biex tkun kompluta u tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva;

20.      ‘vettura kkompletata’ tfisser vettura, li tirriżulta mill-proċess ta’ approvazzjoni tat-tip f’diversi stadji, li tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva;

21.      ‘vettura kompluta’ tfisser kwalunkwe vettura li m’għandhiex bżonn tiġi kkompletata biex tilħaq il-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva;

[…]”

13      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 huwa mfassal kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

Huma m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar.”

14      L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Approvazzjonijiet individwali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jeżentaw vettura partikolari, kemm jekk unika kif ukoll jekk le, milli tkun konformi ma’ waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew ma’ wieħed jew aktar mill-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew l-Anness XI, bil-kondizzjoni li jimponu ħtiġijiet alternattivi.

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu 1 għandhom jiġu rinunzjati biss meta Stat Membru jkollu raġunijiet motivati biex jagħmel hekk.

Bi “ħtiġijiet alternattivi”, huwa mfisser dispożizzjonijiet amministrattivi u ħtiġijiet tekniċi li għandhom l-għan li jiżguraw livell ta’ sikurezza stradali u protezzjoni ambjentali, li hu ekwivalenti l-massimu prattikabbli għal-livell previst mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness IV jew l-Anness XI skond il-każ.

[…]

6.      Il-validità ta’ approvazzjoni individwali għandha tkun ristretta għat-territorju ta’ l-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni.

Meta applikant jixtieq ibiegħ, jirreġistra jew idaħħal fis-servizz fi Stat Membru ieħor vettura li ngħatat approvazzjoni individwali, l-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni għandu, fuq talba, jipprovdi lill-applikant b’dikjarazzjoni tad-dispożizzjoniet tekniċi li bihom il-vettura kienet approvata.

Fir-rigward ta’ vettura li ngħatat approvazzjoni individwali minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru ieħor għandu jippermetti li l-vettura tinbiegħ, tiġi reġistrata jew tidħol fis-servizz sakemm m’għandux raġunijiet motivati biex jemmen li d-dispożizzjonijiet tekniċi li għalihom il-vettura kienet approvata mhumiex ekwivalenti għal dawk tiegħu.

7.      Fuq talba tal-manifattur jew tas-sid tal-vettura, l-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni individwali lil vettura li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u ma’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew l-Anness XI, kif xieraq.

F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-approvazzjoni individwali u għandhom jippermettu l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz tal-vettura.

[…]”

15      Skont l-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, intitolat “Reġistrazzjoni, bejgħ u dħul fis-servizz ta’ vetturi”:

“1.       Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skond l-Artikolu 18.

Fil-każ ta’ vetturi mhux kompluti l-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ ta’ tali vetturi iżda jistgħu jiċħdu r-reġistrazzjoni permanenti tagħhom u d-dħul fis-servizz għal dak iż-żmien li l-vetturi jibqgħu mhux kompluti.

[…]”

16      L-Artikolu 48 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw qabel id-29 ta’ April 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ l-emendi sostantivi ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-29 ta’ April 2009.

[…]”

17      L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Tħassir”, jipprovdi:

“Id-Direttiva 70/156/KEE hi mħassra b’effett mid-29 ta’ April 2009, bla preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness XX, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XXI.”

 Id-Direttiva 2009/40/KE

18      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2009/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar testijiet tal-kondizzjoni ta’ vetturi u tal-karrijiet tagħhom għat-triq (ĠU 2009, L 141, p. 12), jistabbilixxi li, “[f]il-qafas tal-politika tat-trasport komuni, ċertu traffiku tat-triq fi ħdan il-Komunità għandu jopera taħt l-iktar ċirkostanzi favorevoli fir-rigward ta’ kemm is-sigurtà kif ukoll il-kondizzjonijiet kompetittivi li japplikaw għal trasportaturi fl-Istati Membri”.

19      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      F’kull Stat Membru, il-vetturi bil-mutur reġistrati f’dak l-Istat u l-karrijiet u s-semikarrijiet tagħhom għandhom jiġu suġġetti għal testijiet perjodiċi tal-kondizzjoni għat-triq konformement ma’ din id-Direttiva.

2.       Il-kategoriji tal-vetturi li għandhom jiġu ttestjati, il-frekwenza tat-testijiet tal-kondizzjoni għat-triq u l-elementi li għandhom jiġu ttestjati huma elenkati fl-Annessi I u II.”

20      L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu, fuq l-istess bażi daqslikieku hu stess ħareġ il-prova, jagħraf il-prova maħruġa fi Stat Membru ieħor li turi li vettura bil-mutur reġistrata fit-territorju ta’ dak l-Istat l-ieħor, flimkien mal-karru jew is-semi karru tagħha, għaddiet test tal-kondizzjoni għat-triq li jikkonforma ma’ mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

21      L-Artikolu 5(a) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II, l-Istati Membri jistgħu:

a)      iġibu ’l quddiem id-data għall-ewwel test obbligatorju tal-kondizzjoni għat-triq u, fejn ikun il-każ, jesiġu ttestjar tal-vettura qabel ir-reġistrazzjoni”.

 Id-dritt Olandiż

22      Skont l-Artikolu 52a(1) tal-wegenverkeerswet 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar it-traffiku tat-triq), ir-“RDW joħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jikkonferma l-iskrizzjoni fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet bl-indikazzjoni tal-isem tad-detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni”.

23      L-Artikolu 25b tal-kentekenreglement (ir-Regolament dwar iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni) jipprovdi:

“1.      Il-proprjetarju jew detentur ta’ vettura li għaliha huwa jitlob l-ewwel reġistrazzjoni bl-indikazzjoni tal-isem tad-detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u li preċedentement kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jippreżenta l-parti I taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ f’dan l-Istat Membru u, jekk din tkun inħarġet, ukoll il-parti II.

2.      Ir-reġistrazzjoni bl-indikazzjoni tal-isem tad-detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 hija rrifjutata jekk il-parti II taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, sa fejn kienet inħarġet, tkun nieqsa.

3.      F’każijiet eċċezzjonali, ir-RDW jista’ b’deroga għall-paragrafu 2 jirreġistra vettura u jindika l-isem tad-detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-vettura kienet ġiet preċedentement irreġistrata kienu kkonfermaw bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi li l-applikant għandu d-dritt li jirreġistraha fi Stat Membru ieħor.

4.      Ir-RDW jżomm matul sitt xhur id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jew parti minn dawk li jkun irċieva u jinforma dwar dan lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li kienu ħarġu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fix-xahrejn li jsegwu d-data meta kienu rċevuhom. Fuq it-talba tagħhom, ir-RDW jibgħat id-dokumenti ta’ reġistazzjoni rċevuti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li kienu ħarġu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

24      X u Y, minn naħa, u Z, min-naħa l-oħra, kull wieħed ippreżentaw, rispettivament fl-14 ta’ Jannar u fl-10 ta’ Ġunju 2014, applikazzjoni quddiem ir-RDW sabiex jirreġistraw vettura bil-mutur fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet Olandiż. Waħda minn dawn il-vetturi kienet ġiet prodotta fl-1950 minn Bentley Motors Limited, li kienet waħlet in-numru ta’ identifikazzjoni (Vehicle Identification Number, iktar ’il quddiem il-“VIN”) B28J0 fuqha, u ġiet irreġistrata fl-istess sena fl-Ingilterra. Il-vettura l-oħra ġiet prodotta fl-1938 minn Alvis Car and Engineering Company Limited, li waħlet il-VIN 14827 fuq din il-vettura.

25      Il-vettura tat-trade mark Bentley kienet ġiet ittrasformata b’mod kunsiderevoli fl-2013. Fid-29 ta’ Ottubru 2013, l-awtoritajiet Belġjani ħarġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jikkonċerna din il-vettura, li kien jinkludi informazzjoni fil-qosor. Il-qorti tar-rinivju tippreċiża li minn ispezzjoni ta’ din il-vettura, li saret fix-xahar ta’ Frar 2014, jirriżulta li din illum hija kkostitwita minn xażi ta’ oriġini Bentley Mark VI, minn magna bi 8 ċilindri f’linja ta’ Rolls Royce u minn karrozzerija ġdida ta’ dehra differenti, fuq il-mudell ta’ Bentley Speed Six u li x-xażi u s-sistema ta’ motopropulsjoni tagħha ġew fil-parti l-kbira kkonservati. Fid-dawl tal-modifiki li saru fir-rigward tal-mudell ta’ oriġini, ir-RDW ċaħad, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2014, it-talba għal iskrizzjoni fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet ippreżentata minn X u Y.

26      Fuq il-bażi ta’ tieni ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, maħruġ mill-awtorità Belġjana kompetenti fid-19 ta’ Mejju 2014, X u Y ippreżentaw, fl-4 ta’ Ġunju 2014, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġdida. B’ittra tat-18 ta’ Lulju 2014, ir-RDW informa li talba għal informazzjoni kienet ġiet indirizzata lill-awtoritajiet Belġjani. Mit-tweġibiet għal din it-talba jirriżulta li l-awtoritajiet Belġjani, sabiex joħorġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, irreferew għaċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni oriġinali Ingliż tal-1950. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, b’deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2014, ir-RDW ċaħad it-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

27      Il-vettura bil-mutur tat-trade mark Alvis, li għaliha kien inħareġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ingliż fl-14 ta’ Ottubru 2013, fuq il-bażi ta’ data li tinsab fid-dokumenti ta’ sostenn ifformulati mill-manifattur, kienet wkoll issubixxiet diversi modifiki kunsiderevoli. Konsegwentement, sabiex jagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn Z, ir-RDW talab informazzjoni lill-awtorità kompetenti Ingliża. Din tal-aħħar infurmatu li kienet irreġistrat din il-vettura fuq il-bażi ta’ data li tinsab fid-dokumenti ta’ sostenn ifformulati mill-manifattur u fuq il-bażi ta’ ritratti u ta’ informazzjoni ta’ klabb ta’ proprjetarji ta’ vetturi. Minbarra dan, ir-RDW ma setax jikseb tweġiba għall-mistoqsija dwar id-data tal-Alvis li fir-rigward tagħha ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Ingliż kien inħareġ. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2014, ir-RDW ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Z.

28      Ir-RDW indika, fid-deċiżjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Frar 2014 u tad-29 ta’ Settembru 2014, li huwa kien irrifjuta r-reġistrazzjonijiet minħabba li l-vetturi inkwistjoni, minħabba li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi mitluba mid-Direttiva 2007/46, ma humiex vetturi fis-sens kemm tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 1999/37, b’mod li din l-aħħar direttiva ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, sa fejn dawn il-vetturi jaqgħu taħt id-Direttiva 1999/37, ir-RDW jikkunsidra li ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li diġà nħarġu għal dawn il-vetturi minn awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra ma humiex ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar u, għaldaqstant, ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti fuq il-bażi tagħha. Minbarra dan, ir-RDW jikkunsidra li dawn iċ-ċertifikati ma jippermettux li dawn l-istess vetturi jiġu identifikati. Fl-aħħar nett, skont ir-RDW, il-vetturi kkonċernati, fil-kompożizzjoni attwali tagħhom, ma kienu qatt ġew ammessi għaċ-ċirkulazzjoni fid-data li fiha kienu kisbu l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tagħhom, rispettivament fl-1950 u fl-1938, u ma jirriżultax b’mod ċar minn elementi disponibbli għalih li dawn il-vetturi kisbu approvazzjoni individwali għall-finijiet ta’ tali ammissjoni wara l-modifika tagħhom.

29      X u Y, minn naħa, u Z, min-naħa l-oħra, ippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni li jikkonċernawhom. Skont il-qrati aditi fl-ewwel istanza, il-vetturi inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/37, minkejja li din id-direttiva hija applikabbli u li għandhom jiġu identifikati fuq il-bażi taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tagħhom, li jikkostitwixxu ċertifikati armonizzati għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Dawn il-qrati għalhekk ikkunsidraw li r-RDW kien obbligat li joħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Olandiż lil X u lil Y u r-RDW kellu jagħti deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn Z.

30      Ir-RDW ippreżenta appelli minn dawn is-sentenzi, quddiem il-qorti tar-rinviju. X u Y ukoll ippreżentaw appell quddiem din il-qorti mis-sentenza li tikkonċernahom.

31      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-tilwima tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-RDW kisirx l-Artikolu 25b tar-Regolament dwar iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, billi ma rrikonoxxiex, fid-dawl tar-reġistrazzjoni tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni maħruġa li jikkonċernaw il-vetturi tat-trade mark Bentley u Alvis, li jimplika li jiġi stabbilit jekk din id-direttiva hijiex applikabbli. Din il-qorti żżid li, f’dan il-każ, dawn id-dokumenti josservaw formalment il-mudell previst minn din id-direttiva, iżda li ċerta data obbligatorja, li setgħet faċilment tinstab waqt l-ispezzjoni tal-vettura, ma tidhirx f’dawn id-dokumenti. Fl-aħħar nett, din il-qorti tistaqsi jekk ir-RDW jistax, f’każ ta’ talba għal rikonoxximent taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru ieħor, jikkontrolla jekk il-vetturi inkwistjoni sabiex jiġi vverifikat jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi previsti mid-Direttiva 2007/46.

32      Billi qies li s-soluzzjoni tat-tilwimiet aditi quddiemu, li ġew magħqudin minnu, kienu jeħtieġu l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 1999/37 u 2007/46, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva [1999/37] hija applikabbli għal vetturi bil-mutur li kienu jeżistu qabel id-29 ta’ April 2009, data li fiha l-Istati Membri adottaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw rwieħhom mad-Direttiva [2007/46/CE]?

2)      Vettura bil-mutur magħmula minn komponenti essenzjali mibnija qabel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE, u minn naħa oħra, minn komponenti essenzjali miżjuda biss wara l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, hija vettura bil-mutur li kienet diġà teżisti qabel l-applikazzjoni tad-direttiva jew din il-vettura bil-mutur ġiet mibnija wara l-applikazzjoni tal-imsmemija direttiva?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/37/KE, l-obbligu ta’ rikonoxximent taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva japplika b’mod sħiħ jekk l-informazzjoni ma ġietx ikkompilata skont kodiċijiet Komunitarji determinati (li saru obbligatorji abbażi tal-annessi ta’ din id-Direttiva) fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura, fejn din l-informazzjoni tkun faċilment identifikabbli?

4)      Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37/KE, huwa permess li jiġi rrikonoxxut ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, iżda li l-vettura tiġi suġġetta xorta waħda għal kontroll tekniku, skont l-Artikolu 24(6) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, u, jekk il-vettura ma tissodisfax ir-rekwiżiti tekniċi tal-Istat Membru, li jiġi rrifjutat il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 1999/37, moqri flimkien mal-Artikolu 3(11) u (13) tad-Direttiva 2007/46, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 1999/37 hija applikabbli għad-dokumenti maħruġa mill-Istati Membri waqt ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi mibnija qabel id-29 ta’ April 2009, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/46.

34      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 1999/37, b’vettura jitfisser, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, kull vettura kif iddefinita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156.

35      Isegwi li, mid-data ta’ adozzjoni tagħha, id-Direttiva 1999/37 kienet intiża sabiex tapplika għal vetturi mqegħda fis-suq qabel id-29 ta’ April 2009.

36      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/37, li skont dan, meta ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ġdid jinħareġ għal vettura rreġistrata qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jużaw mudell ta’ ċertifikazzjoni konformi ma’ din id-direttiva u jistgħu jillimitaw id-dettalji li jidhru fih għal dawk li għalihom tkun disponibbli l-informazzjoni meħtieġa.

37      Fil-fatt din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola speċifika għall-vetturi li kienu ġew irreġistrati qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/37, li d-data limitu ta’ traspożizzjoni tagħha, prevista fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, kienet ġiet stabbilita għall-1 ta’ Ġunju 2004.

38      Din il-konstatazzjoni hija wkoll ikkorroborata mill-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 1999/37 li jikkonsisti li jiġi ffaċilitat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, permezz tal-armonizzazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz mill-ġdid ta’ vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, l-esklużjoni tad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi mibnija qabel id-29 ta’ April 2009 maħruġa mill-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tmur kontra dan l-għan.

39      Iċ-ċirkustanza biss li d-Direttiva 70/156 tħassret, b’effett mid-29 ta’ April 2009, permezz tad-Direttiva 2007/46, li l-Artikolu 49 tagħha jipprovdi li r-riferimenti magħmula għal din id-direttiva mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala li saru lid-Direttiva 2007/46 u li għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XXI tagħha, ma tistax tbiddel din il-konstatazzjoni.

40      Ċertament, minn dan l-Anness XXI jirriżulta li r-rifermenti għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156 għandhom jinqraw bħala riferimenti għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46. Huwa minnu wkoll li, skont il-punt 11 ta’ dan l-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 13 tiegħu, vettura bil-mutur tkun kemm kompleta, jew ikkompletata, jew mhux kompleta u li, skont il-punti 19 sa 21 ta’ dan l-Artikolu 3, il-vettura mhux kompleta għandha ssir kompleta konformement mar-rekwiżiti tekniċi imposti mid-Direttiva 2007/46, filwaqt li l-vetturi kompleti jew ikkompletati jissodisfaw tali rekwiżiti.

41      Madankollu, ir-riferiment hekk magħmul għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, għall-finijiet biss tad-definizzjoni tat-terminu “vettura”, ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tekniċi għall-vetturi mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni qabel id-29 ta’ April 2009.

42      Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li tali rekwiżiti tekniċi huma intiżi sabiex japplikaw, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46 stess, unikament għall-approvazzjoni, mid-29 ta’ April 2009, ta’ vetturi ġodda.

43      L-ewwel domanda għandha għalhekk tiġi risposta li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 1999/37, moqri flimkien mal-Artikolu 3(11) u (13) tad-Direttiva 2007/46, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 1999/37 hija applikabbli għad-dokumenti maħruġa mill-Istati Membri waqt ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi mibnija qabel id-29 ta’ April 2009, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/46.

 Fuq it-tieni domanda

44      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

45      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih reġistrazzjoni ġdida ta’ vettura użata hija mitluba għandhomx id-dritt li jirrifjutaw li jirrikonoxxu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Istat Membru li fih il-vettura kienet preċedentement ġiet irreġistrata, minħabba li ċerta data obbligatorja taċ-ċertifikati tkun nieqsa, iżda li faċilment tista’ tinstab.

46      L-ewwel nett, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, li jipprovdi li ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru konformement mal-mudell li jinsab fl-anness ta’ din id-direttiva għandu jiġi rrikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ġdida tal-vettura f’dawn l-Istati, jirriżulta li dan l-artikolu ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 73).

47      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 1999/37 ma tippermettix lill-Istati Membri jeħtieġu dokument barra ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ vettura li preċedentement kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 79).

48      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li Stat Membru kellu d-dritt, qabel ma jirreġistra vettura preċedentement irreġistrata fi Stat Membru ieħor, li jagħmel l-identifikazzjoni ta’ din il-vettura u li jeħtieġ għal dan il-għan il-preżentazzjoni tagħha li jimplika eżami fiżiku, sabiex jiġi vverifikat jekk din il-vettura hijiex effettivament preżenti fit-territorju tiegħu u jekk din tikkorrispondix mad-data msemmija fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑297/05, EU:C:2007:531, punti 54, 55 u 57 sa 63).

49      Tali preżentazzjoni ġiet ikklassifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sempliċi formalità amministrattiva, li ma tintroduċi l-ebda kontroll supplimentari, iżda hija inerenti għall-ipproċessar stess tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll għall-iżvolġiment tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑297/05, EU:C:2007:531, punt 58).

50      F’dak li jikkonċerna l-għanijiet tad-Direttiva 1999/37, għandu jitfakkar li din id-direttiva hija intiża sabiex tikkontribwixxi għall-moviment liberu fit-toroq fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra billi tipprevedi bħala kundizzjoni neċessarja għar-reġistrazzjoni ta’ vettura li preċedentement kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor ċertifikat li jiddikjara din ir-reġistrazzjoni kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura, bil-għan li jiġi ffaċilitat id-dħul fis-servizz mill-ġdid ta’ dawn il-vetturi fi Stat Membru ieħor u li għalhekk isir kontribuzzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 74).

51      Minbarra dan, skont il-premessa 4 ta’ din id-direttiva, il-kontenut ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandu jippermetti li jiġi kkontrollat li d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan isuq unikament il-kategoriji ta’ vetturi li huwa jkun awtorizzat li jsuq, billi tali verifika tikkontribwixxi sabiex tittejjeb is-sigurtà fit-toroq.

52      F’dan ir-rigward, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ preċedentement minn Stat Membru għandu jippermetti l-identifikazzjoni tal-vettura kkonċernata, fejn din għandha tikkorrispondi mad-data msemmija f’dan iċ-ċertifikat għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ġdida tagħha fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑297/05, EU:C:2007:531, punti 54 sa 56), sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ sigurtà fit-toroq jiġu ossservati.

53      Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/37, fil-każ fejn, bħal fil-kawżi prinċipali, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ġdid jinħareġ għal vettura rreġistrata qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, li seħħet fl-1 ta’ Ġunju 2004, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dettalji li jidhru fih għal dawk li għalihom tkun disponibbli l-informazzjoni meħtieġa.

54      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ tali eċċezzjoni mill-Istati Membri ma jimplikax li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kkonċernat ma għandux iktar, sussegwentement, jiġi rrikonoxxut.

55      Madankollu, sa fejn mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, tal-inqas, ċerta data nieqsa fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħan-numru ta’ postijiet, li hija obbligatorja, tista’ tinstab faċilment, din id-data għandha tiġi kkunsidrata bħala li kienet disponibbli fil-mument tat-tfassil ta’ dawn iċ-ċertifikati. Minbarra dan, billi l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew suġġetti għal modifiki kunsiderevoli, ċerti karatteristiċi tekniċi importanti ma kinux jinsabu f’dawn iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni u r-RDW ikkunsidra li ma kienx fil-pożizzjoni li jidentifika dawn il-vetturi.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, id-data msemmija f’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tikkorrispondi mal-vettura li dan iċ-ċertifikat jiddeskrivi u għandha tippermetti l-identifikazzjoni tal-vettura kkonċernata fuq il-bażi ta’ sempliċi eżami li ma jimplika ebda kontroll supplimentari, kif imsemmi fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza.

57      Meta dan ma jkunx il-każ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih ir-reġistrazzjoni ġdida ta’ vettura preċedentement irreġistrata fi Stat Membru ieħor hija mitluba għandhom id-dritt li jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ tali ċertifikat.

58      F’dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika mhux biss li d-data iskritta fiċ-ċertifikati inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrisponi mal-vetturi li huma jiddeskrivu iżda wkoll li din tippermetti l-identifikazzjoni tagħhom.

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih ir-reġistrazzjoni ġdida ta’ vettura użata hija mitluba għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jirrikonoxxu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Istat Membru li fih din il-vettura kienet ġiet preċedentement irreġistrata, meta ċerta data obbligatorja tkun nieqsa, id-data msemmija fih ma tikkorrispondix ma’ din il-vettura u dan iċ-ċertifikat ma jippermettix l-identifikazzjoni ta’ din l-istess vettura.

 Fuq ir-raba’ domanda

60      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24(6) tad-Direttiva 2007/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi suġġetta għal kontroll tekniku vettura rreġistrata fi Stat Membru meta din hija ppreżentata għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ġdida fi Stat Membru ieħor.

61      Kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2007/46, inkluż l-Artikolu 24 tagħha, tirreferi unikament għall-vetturi ġodda.

62      Issa, il-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma vetturi użati, prodotti rispettivament fl-1950 u fl-1938.

63      Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-vetturi ġewx modifikati jew le b’mod tali, sa mis-sena ta’ fabbrikazzjoni tagħhom, li għandhom jiġu assimilati ma’ vetturi ġodda, li jimplika approvazzjoni individwali eventwali tagħhom, ma tqumx fil-kawżi prinċipali, peress li huwa paċifiku li dawn il-vetturi ma ssubixxew ebda modifika sostanzjali bejn id-dati ta’ ċertifikazzjoni ta’ reġistrazzjoni u d-dati ta’ talbiet għal iskrizzjoni fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet Olandiż.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali vetturi ma jistgħux jitqiesu bħala vetturi ġodda, fis-sens tad-Direttiva 2007/46, b’tali mod li l-Artikolu 24(6) ta’ din id-direttiva ma jistax japplika għalihom.

65      Madankollu, iċ-ċirkustanza li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża adita biha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-RDW ikkonstata li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ssubixxew trasformazzjonijiet sinjifikattivi sa mid-data tal-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom u li ċ-ċertifikati ppreżentati kienu jinkludu ċerti ommissjonijiet. Issa, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, għalkemm tali konstatazzjonijiet qajmu dubji rigward is-sigurtà fit-toroq ta’ dawn il-vetturi, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt id-Direttiva 2009/40.

67      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li kull Stat Membru għandu, fuq l-istess bażi daqslikieku hu stess ipproduċa din il-prova, jirrikonoxxi l-prova prodotta fi Stat Membru ieħor li turi li vettura bil-mutur, irreġistrata fit-territorju ta’ dak l-Istat tal-aħħar, għaddiet b’suċċess minn kontroll tekniku li josserva mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi espressament li l-Istati Membri jistgħu jressqu ’il quddiem id-data tal-ewwel kontroll tekniku obbligatorju u, fejn ikun il-każ, jirrikjedu li l-vettura tiġi suġġetta għal kontroll qabel ir-reġistrazzjoni tagħha.

68      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju l-Istati Membri huma obbligati li debitament jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-vetturi preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra, ir-riżultati tal-kontrolli tekniċi magħmula f’dawn l-Istati Membri tal-aħħar u l-kontroll tekniku ma jistax jiġi impost b’mod ġenerali u sistematiku għal dawn il-vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑170/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:322, punti 39 u 44, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 62). Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-importanza tal-għan li jikkonsisti li tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku tat-triq fi ħdan l-Unjoni li d-Direttiva 2009/40 ssegwi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, huwa possibbli għall-Istat Membru li jissottometti vettura importata għal kontroll qabel ir-reġistrazzjoni tagħha f’dan l-Istat Membru jekk, minkejja t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli tekniki magħmula fi Stat Membru ieħor, jeżistu indizji konkreti li din il-vettura effettivament tippreżenta riskju għas-sigurtà fit-toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punti 59 sa 61).

69      Konsegwentement, ir-raba’ domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 24(6) tad-Direttiva 2007/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema li jipprevedi ma tapplikax fir-rigward ta’ vettura użata li tkun diġà ġiet irreġistrata fi Stat Membru meta din hija, fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, ippreżentata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ġdida tagħha lill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor kompetenti fil-qasam. Madankollu, jekk jeżistu indizji li din il-vettura tippreżenta riskju għas-sigurtà fit-toroq, din l-awtorità tista’, skont l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2009/40, teħtieġ li din il-vettura tiġi suġġetta għal kontroll qabel ir-reġistrazzjoni tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) taqta u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi, moqri flimkien mal-Artikolu 3(11) u (13) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 1999/37 hija applikabbli għad-dokumenti maħruġa mill-Istati Membri waqt ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi mibnija qabel id-29 ta’ April 2009, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/46.

2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih ir-reġistrazzjoni ġdida ta’ vettura użata hija mitluba għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jirrikonoxxu ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Istat Membru li fih din il-vettura kienet ġiet preċedentement irreġistrata, meta ċerta data obbligatorja tkun nieqsa, id-data msemmija fih ma tikkorrispondix ma’ din il-vettura u dan iċ-ċertifikat ma jippermettix l-identifikazzjoni ta’ din l-istess vettura.

3)      L-Artikolu 24(6) tad-Direttiva 2007/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema li jipprevedi ma tapplikax fir-rigward ta’ vettura użata li tkun diġà ġiet irreġisrata fi Stat Membru meta din hija, fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, ippreżentata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ġdida tagħha lill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor kompetenti fil-qasam. Madankollu, jekk jeżistu indizji li din il-vettura tippreżenta riskju għas-sigurtà fit-toroq, din l-awtorità tista’, skont l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2009/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar testijiet tal-kondizzjoni ta’ vetturi u tal-karrijiet tagħhom għat-triq, teħtieġ li din il-vettura tiġi suġġetta għal kontroll qabel ir-reġistrazzjoni tagħha.

Firem


*Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Olandiż