Language of document : ECLI:EU:T:2023:640

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Politika kummerċjali – Regolament (UE) 2020/502 – Miżuri adottati mill-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti derivati mill-aluminju u l-azzar – Deċiżjoni tal-Unjoni dwar is-sospensjoni tal-konċessjonijiet kummerċjali u obbligi ekwivalenti oħra – Dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑402/20,

Zippo Manufacturing Co., stabbilita f’Bradford, Pennsylvania (l-Istati Uniti),

Zippo GmbH, stabbilita f’Emmerich am Rhein (il-Ġermanja),

Zippo SAS, stabbilita fi Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn R. MacLean u D. Sevilla Pascual, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Flett, G.-D. Balan u M. Mataija, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn G. De Baere, President, G. Steinfatt u K. Kecsmár (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        id-digriet tas-6 ta’ Mejju 2021 li jgħaqqad mal-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2020;

–        il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑12 ta’ Lulju 2022 u r-risposti tal-partijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 u fl‑10 ta’ Awwissu 2022;

–        il-miżura istruttorja tal‑21 ta’ Settembru 2022 u r-risposta tal-Kummissjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Settembru 2022.

wara s-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti Zippo Manufacturing Co. (iktar ’il quddiem “ZMC”), Zippo GmbH u Zippo SAS, jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2020, L 109, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn dan japplika għalihom.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Ir-rikorrenti jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji. Huma attivi fil-manifattura, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ lajters mekkaniċi tal-metall, taħt it-trade mark Zippo, kif ukoll fis-servizz ta’ wara l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Dawn il-prodotti huma mmanifatturati minn ZMC, li tippreżenta ruħha bħala l-uniku manifattur magħruf ta’ dan it-tip ta’ prodotti fl-Istati Uniti.

3        Il-kumpannija ZMC tesporta parti mill-prodotti tagħha lejn l-Unjoni Ewropea. Dawn huma suġġetti għal dazji doganali mad-dħul tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni, fis-subintestatura 9613 80 00 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem il-“kodiċi NM 9613 80 00”) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382). Il-kodiċi NM 9613 80 00 jikkonċerna l-“Lajters oħrajn”, li jinkludu l-“Lajters tas-sigarretti, ħlief alluminaturi ta’ titlu 3603), kemm jekk mekkaniċi jew elettriċi, u partijiet tagħhom ħlief żnied u ftejjel”.

4        Il-prodotti inkwistjoni jinbiegħu minn ZMC lis-sussidjarji tagħha, Zippo GmbH u Zippo SAS, u lil distributuri indipendenti awtorizzati, bl-għan li jiġu kkummerċjalizzati fit-territorju tal-Unjoni. L-imsemmija prodotti jinbiegħu fuq bażi free on board (FOB), b’tali mod li r-riskji relatati ma’ dawn il-prodotti jiġu ttrasferiti lid-distributuri, konnessi jew indipendenti, fil-mument tal-kunsinna tagħhom fil-port jew fl-ajruport tal-Istati Uniti għall-esportazzjoni. Il-ftehim ta’ distribuzzjoni bejn ZMC u l-imsemmija distributuri jippreċiżaw ukoll li dawn tal-aħħar għandhom ibatu l-ispejjeż tad-dazji doganali kollha.

5        Fl‑24 ta’ Jannar 2020, l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) adottaw miżuri ta’ salvagwardja fl-għamla ta’ żieda fit-tariffa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li huma derivat tal-aluminju u ċerti prodotti li huma derivat tal-azzar, effettiva mit‑8 ta’ Frar 2020 u b’durata illimitata.

6        Ikklassifikati bħala miżuri ta’ sigurtà mill-Istati Uniti tal-Amerika, dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu, skont il-Kummissjoni Ewropea, miżuri ta’ salvagwardja meħuda sabiex jiġu limitati l-importazzjonijiet bl-għan li tiġi protetta l-industrija nazzjonali kontra l-kompetizzjoni barranija u b’hekk jiġi żgurat l-iżvilupp kummerċjali tagħha. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li kien hemm lok li jiġu adottati miżuri b’eżekuzzjoni tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 2014, L 2014, p. 50, rettifika fil-ĠU 2015, L 243, p. 14).

7        Fis‑6 ta’ Marzu 2020, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 654/2014, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ formola mqiegħda għad-dispożizzjoni fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kummerċ tal-Kummissjoni. Il-ġbir ta’ informazzjoni ntemm fit‑13 ta’ Marzu 2020. Fost il-miżuri previsti fi tmiem l-imsemmi ġbir, il-Kummissjoni indikat il-possibbiltà li jiġu applikati dazji doganali addizzjonali għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti u b’mod partikolari, matul l-ewwel fażi, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti ma pparteċipawx f’dan il-ġbir ta’ informazzjoni.

8        Fis‑6 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat, li daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis‑7 ta’ April 2020.

9        L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha, immedjatament u f’kull każ, mhux aktar tard mis-7 ta’ April 2020, tagħti avviż bil-miktub lill-Kunsill tad-WTO għall-Kummerċ fil-Merkanzija, li fin-nuqqas ta’ diżapprovazzjoni mill-Kunsill għall-Kummerċ fil-Merkanzija, l-Unjoni tissospendi, mit-8 ta’ Mejju 2020, l-applikazzjoni għall-kummerċ tal-Istati Uniti ta’ konċessjonijiet ta’ dazji tal-importazzjoni skont il-[Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ] tal-1994 fir-rigward tal-prodotti elenkati fil-paragrafu 2.

2.      B’konsegwenza ta’ dan, l-Unjoni għandha tapplika dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodotti elenkati hawn taħt u li joriġinaw fl-Istati Uniti, kif ġej:

(a)      Fl-ewwel stadju, għandhom jiġu applikati dazji ad valorem addizzjonali ta’ 20 % u 7 % mit-8 ta’ Mejju 2020 fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati kif ġej: |

Kodiċi NM

Dazju ad valorem addizzjonali

9613 80 00

20 %

3926 30 00

7 %

[…]”

10      Skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament:

“L-Unjoni għandha tapplika d-dazji doganali addizzjonali previsti fl-Artikolu 1 sakemm, u sa fejn, l-Istati Uniti japplikaw jew japplikaw mill-ġdid il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom b’mod li jkollhom effett fuq il-prodotti mill-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jindika d-data li fiha l-Istati Uniti jkunu waqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom.”

11      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni l-komunikazzjonijiet preparatorji u d-dokumenti ta’ ħidma kollha dwar l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Wara r-risposta tal-Kummissjoni, fl‑24 ta’ Lulju 2020, u l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti, tal‑14 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni tat, fis‑27 ta’ Novembru 2020, l-aċċess sħiħ għal diversi mid-dokumenti inkwistjoni, l-aċċess parzjali għal uħud mill-imsemmija dokumenti u ċaħdet it-talbiet għal aċċess għall-bqija ta’ dawn id-dokumenti.

12      Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni l-esklużjoni tal-prodotti tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat, skont il-premessa 19 ta’ dan tal-aħħar. Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

13      Wara li l-Istati Uniti tal-Amerika ħabbret l-emenda tal-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2083 tas‑26 ta’ Novembru 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU 2021, L 246, p. 41). L-imsemmi regolament jissospendi b’mod partikolari d-dazji ad valorem addizzjonali applikati għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 previsti mir-Regolament ikkontestat, mill‑1 ta’ Jannar 2022 sal‑31 ta’ Diċembru 2023.

 Ittalbiet talpartijiet

14      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat u, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(2)(a) u l-Artikolu 2 tiegħu, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għalihom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

16      Permezz tal-eċċezzjoni tagħha ppreżentata abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment mir-Regolament ikkontestat. L-imsemmi regolament jieħu l-forma ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, li jikkonċerna lir-rikorrenti minħabba sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament minnu fir-rigward tal-għan tiegħu, jiġifieri bbilanċjar mill-ġdid kummerċjali fil-konfront tal-Istati Uniti tal-Amerika wara l-estensjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom għal ċerti prodotti derivati tal-azzar jew tal-aluminju. Għaldaqstant, hija tikkonkludi li r-rikors huwa inammissibbli.

17      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni tenniet l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-fatt li r-rikorrenti kienu jappartjenu għal ċirku magħluq ta’ operaturi fil-mument meta r-Regolament ikkontestat ġie adottat. Madankollu, hija indikat li hija kienet taf, matul il-proċess ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li parti kbira mill-miżura prevista mill-imsemmi regolament fir-rigward tal-prodotti koperti mill-kodiċi NM 9613 80 00 kienet ser tapplika għall-prodotti tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija kkontestat li kienet taf, matul l-imsemmi proċess, li huma kienu l-uniċi impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti allegaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-esportazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar lejn l-Unjoni żdiedu sa mill-introduzzjoni tad-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni.

18      Ir-rikorrenti jsostnu li huma individwalment u direttament ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat, bħal destinatarju tal-att, u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

19      Hemm lok li jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ appell ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu ma hijiex id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali appell jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma espressament previsti mit-Trattat FUE (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għandu jitfakkar ukoll li n-natura normattiva ta’ att ikkontestat ma teskludix li dan jista’ jikkonċerna direttament u individwalment lil ċerti persuni ġuridiċi jew fiżiċi kkonċernati (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill, C‑309/89, EU:C:1994:197, punt 19; ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, EU:T:1995:162, punt 66).

 Fuq ilkundizzjoni dwar linteress individwali

22      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jawtorizza lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi jippreżentaw rikors kontra att ta’ portata ġenerali, bħal regolament, biss meta, minbarra li jikkonċerna direttament lil dawn il-persuni, jaffettwahom ukoll minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u minħabba dan il-fatt tindividwalizzahom bl-istess mod bħal dak ta’ destinatarju ta’ deċiżjoni. Fi kliem ieħor, il-ksur allegat mir-rikorrenti għandu jkun ta’ natura li jindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tal-att (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq in-natura ta’ regolament ikkontestat.

24      Fil-fatt, il-fatt li r-Regolament ikkontestat, min-natura tiegħu, għandu effett erga omnes, ma jeskludix il-possibbiltà għal tali att li jinkludi miżuri li japplikaw individwalment għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ April 2003, VVG International et vs Il‑Kummissjoni, T‑155/02, EU:T:2003:125, punti 40 sa 42). Għaldaqstant, minkejja li l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat issir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettivament determinata, ir-rikorrenti jistgħu, madankollu, jinvokaw elementi ta’ natura li jindividwalizzawhom bl-istess mod bħad-destinatarju tal-att.

25      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li ZMC hija l-unika produttriċi-esportatriċi magħrufa fl-Istati Uniti tal-prodotti suġġetti għad-dazji addizzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, billi jibbażaw ruħhom fuq id-data li toriġina mill-Eurostat, l-istess bħal dik użata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti jsostnu li, ladarba jiżdiedu l-ispejjeż tat-trasport bl-ajru, tat-trasport fuq l-art u tal-assigurazzjoni kif ukoll l-ispejjeż l-oħra ta’ spedizzjoni relatati u wara li jkunu applikaw ir-rata tal-kambju rilevanti, il-valur tal-esportazzjonijiet ta’ ZMC lejn l-Unjoni tal-prodotti inkwistjoni huwa qrib ħafna tal-valur totali tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 għas-sena 2019.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-fatt li hija l-ikbar produttriċi-esportatriċi tal-prodotti suġġetti għall-miżuri inkwistjoni ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jindividwalizza lil ZMC, dan ma huwiex irrilevanti, sa fejn jagħmel parti minn numru ta’ elementi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza lir-rikorrenti, fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tagħti l-fehma tagħha fuq iċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti. Issa, għalkemm il-Kummissjoni esprimiet riżervi dwar il-fatt li ZMC hija l-unika produttriċi-esportatriċi tal-prodotti inkwistjoni, hija madankollu ammettiet li d-data pprovduta mir-rikorrenti u d-data li tirriżulta mill-Eurostat kienu qrib. Minn dan għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova li tmur kontra l-provi prodotti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

28      Barra minn hekk, fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirku magħluq ta’ operaturi minħabba l-fatt li kull esportatur attwali jew potenzjali, stabbilit fit-territorju tal-Istati Uniti, ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 huwa wkoll ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, għandha tiġi identifikata s-serje ta’ elementi li jistgħu jikkaratterizzaw individwalizzazzjoni tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 17, u tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 66).

29      F’dan il-kuntest, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat, li r-Regolament ikkontestat jistabbilixxi dazji doganali addizzjonali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 u li dawn il-prodotti jaqgħu taħt l-attività ekonomika tar-rikorrenti. It-tieni, il-prodotti kollha esportati lejn l-Unjoni minn ZMC joriġinaw mit-territorju tal-Istati Uniti. It-tielet, mingħajr ma ġew validament kontradetti mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti pproduċew provi dokumentarji, b’mod partikolari żewġ dikjarazzjonijiet maħruġa minn organizzazzjonijiet professjonali, u ċifri intiżi sabiex juru li ZMC hija l-unika produttriċi-esportatriċi ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 mill-imsemmi territorju lejn l-Unjoni. Ir-raba’, id-data użata mill-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat, li toriġina mill-Eurostat, hija konfuża mad-data dwar ZMC prodotta mir-rikorrenti. Il-ħames, għalkemm il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid ma tipprovdix għal stadju formali intiż sabiex jiġu identifikati produtturi jew esportaturi li jistgħu jkunu kkonċernati mill-imsemmija miżuri, hija madankollu rrikonoxxiet li, matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, hija kienet taf bl-eżistenza ta’ “Zippo”, identifikat bħala “esportatur Amerikan kbir” tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00, u bil-fatt li parti kbira mill-esportazzjonijiet li jaqgħu taħt din il-linja tariffarja, prevista mir-Regolament ikkontestat, hija esportazzjonijiet ta’ “Zippo”. Is-sitt, il-Kummissjoni spjegat ukoll, waqt is-seduta, li l-għażla tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid kienet saret b’mod partikolari bl-għan li “l-parti l-oħra, f’dan il-każ l-Istati Uniti tal-Amerika, tirrinunzja għall-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom inkompatibbli mal-WTO” u li, f’dan il-kuntest, hija kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-Istat tal-Istati Uniti li minnu kienu joriġinaw l-imsemmija prodotti. Is-seba’, ir-rikorrenti jsostnu, mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li l-Istat ta’ Pennsylvania, fejn ZMC hija stabbilita, jikkostitwixxi wieħed mill-Istati tal-Istati Uniti li ttieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-imsemmija selezzjoni.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li mill-atti tal-proċess, li dwarhom il-partijiet esprimew ruħhom waqt is-seduta, jirriżulta li jeżistu numru ta’ elementi fattwali u legali li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza waħda mir-rikorrenti, jiġifieri ZMC, fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, fir-rigward ta’ kull operatur ekonomiku ieħor u, għaldaqstant, li turi l-inċidenza individwali tiegħu fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li ZMC hija individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat.

 Fuq ilkundizzjoni dwar linċidenza diretta

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42, u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 58).

33      Barra minn dan, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rekwiżit ta’ att li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni ma għandux jiġi konfuż mal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza diretta u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest tal-analiżi tal-inċidenza diretta, is-sempliċi eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi din l-inċidenza, peress li l-kriterju legali rilevanti huwa dak tal-ineżistenza ta’ kull setgħa diskrezzjonali mogħtija lid-destinatarji tal-att inkwistjoni, li huma inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Uzina Metalurgica Moldoveneasca vs Il‑Kummissjoni, T‑245/19, EU:T:2022:295, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk ZMC, li hija individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, hijiex ukoll direttament ikkonċernata minnu.

35      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta b’mod partikolari li, fl-assenza ta’ nuqqas ta’ qbil min-naħa tal-Kunsill tal-Kummerċ tal-Merkanzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Unjoni tissospendi, mit‑8 ta’ Mejju 2020, l-applikazzjoni għall-kummerċ tal-Istati Uniti tal-Amerika ta’ konċessjonijiet ta’ dazji fuq l-importazzjoni skont il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91, iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1994”) għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 u dazji ad valorem addizzjonali ta’ 20 % huma applikati minn din id-data fuq l-importazzjonijiet tal-imsemmija prodotti. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Unjoni għandha tapplika dawn id-dazji doganali addizzjonali sakemm, u sa fejn, l-Istati Uniti tal-Amerika japplikaw jew jerġgħu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja b’mod li jista’ jaffettwa l-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni.

36      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Istati Membri, responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rata tad-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni u l-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji fuq il-prodotti inkwistjoni, u li t-tieni kriterju msemmi fil-punt 32 iktar ’il fuq huwa għalhekk issodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 28 (mhux ippubblikata); tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill, T‑431/12, EU:T:2018:251, punt 50, u d-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Cambodge u CRF vs Il‑Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2020:415, punti 66, 68 u 108).

37      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel kriterju msemmi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li ZMC ma għandhiex tħallas id-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni, kif tfakkar fil-punt 4 iktar ’il fuq.

38      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-imsemmija rikorrenti ma tħallasx l-imsemmija drittijiet ma huwiex deċiżiv u li l-konstatazzjoni tal-inċidenza diretta tista’ tkun ibbażata fuq elementi oħra (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Cambodge u CRF vs Il‑Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2020:415, punt 107).

39      F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 kienu suġġetti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat għal rata kkonsolidata ta’ 2.7 %, li tirriżulta b’mod partikolari mill-applikazzjoni tal-konċessjonijiet multilaterali skont il-GATT tal‑1994. It-tieni, ir-Regolament ikkontestat issospenda temporanjament l-imsemmija konċessjonijiet u applika dazji ad valorem addizzjonali ta’ 20 % għall-imsemmija prodotti. It-tielet, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat u sas-sospensjoni tiegħu mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2083, l-imsemmija dazji kienu applikati mill-Unjoni sakemm, u sa fejn, l-Istati Uniti tal-Amerika kienu japplikaw jew japplikaw mill-ġdid il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom b’mod li jista’ jaffettwa l-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni. Ir-raba’, kif jirriżulta mill-qari tal-premessi 9 u 11 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid xierqa kellhom jieħdu l-forma ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonsistu b’mod partikolari fl-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali u proporzjonali għall-effetti tal-miżuri ta’ salvagwardja stabbiliti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mingħajr madankollu ma kienu eċċessivi. Il-ħames, tali dazji kienu jissodisfaw il-miżuri ta’ salvagwardja meħuda mill-Istati Uniti tal-Amerika li seta’ jkollhom riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi sinjifikattivi fuq l-industriji kkonċernati tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-qari tal-premessi 7 u 8 tar-Regolament ikkontestat. Is-sitt, kif indikat fil-punt 29 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jsostnu li ZMC hija l-unika produttriċi-esportatriċi magħrufa stabbilita fl-Istati Uniti tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 suġġetti għad-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni. Is-seba’, l-imsemmija prodotti huma importati fl-Unjoni b’mod partikolari minn sussidjarji ta’ ZMC responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija dazji. It-tmien, mill-elementi ppreżentati mir-rikorrenti bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li, matul is-sena 2021, perijodu li matulu dawn id-dazji kienu fis-seħħ, il-parti tal-prodotti importati fl-Unjoni mill-imsemmija sussidjarji rrappreżentat iktar minn 80 % tal-volumi ta’ prodotti ta’ ZMC importati fl-Unjoni.

40      Għaldaqstant, minn naħa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, b’mod analogu għall-miżuri ta’ salvagwardja stabbiliti mill-Istati Uniti tal-Amerika, il-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid stabbiliti mir-Regolament ikkontestat huma intiżi, permezz tal-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali u proporzjonali għall-effetti tal-imsemmija miżuri ta’ salvagwardja, sabiex jipproduċu riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-attività tal-impriżi tal-Istati Uniti li jesportaw lejn l-Unjoni l-prodotti li għalihom japplikaw dawn il-miżuri, fosthom ZMC fil-kwalità tagħha ta’ uniku produttriċi-esportatriċi tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00, għar-raġunijiet esposti fil-punt 29 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-imsemmija riperkussjonijiet huma enfasizzati fir-rigward ta’ ZMC minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm ta’ kumpanniji li jimportaw fl-Unjoni iktar minn 80 % tal-volum tal-imsemmija prodotti mill-Istati Uniti u li, għaldaqstant, isostnu l-parti l-kbira tal-ħlas tad-dazji addizzjonali stabbiliti mir-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00, li ZMC kienet direttament ikkonċernata mir-riperkussjonijiet negattivi mfittxija mill-Kummissjoni meta din adottat ir-Regolament ikkontestat.

41      Min-naħa l-oħra, billi jissospendi l-applikazzjoni tar-rata kkonsolidata ta’ 2.7 % fuq l-importazzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00 u billi japplika għall-imsemmija prodotti dazji ad valorem addizzjonali ta’ 20 %, ir-Regolament ikkontestat jaffettwa d-dritt ta’ aċċess għas-suq tal-Unjoni li kienu jibbenefikaw minnu dawn il-prodotti sad-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Cambodge u CRF vs Il‑Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2020:415, punti 60 u 61). Issa, sa fejn l-istatus ta’ ZMC bħala l-uniku produttriċi-esportatriċi ta’ dawn il-prodotti stabbilit fl-Istati Uniti ma ġiex validament ikkonfutat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament ikkontestat jaffettwa wkoll id-dritt ta’ aċċess għas-suq tal-Unjoni tal-prodotti ta’ ZMC u li, għaldaqstant, l-imsemmi regolament jipproduċi effetti legali diretti fuqha.

42      Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat, il-volum tal-prodotti esportati minn ZMC lejn it-territorju tal-Unjoni żdied, ma jbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li din iż-żieda tirriżulta b’mod partikolari minn riorganizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom u minn żieda fil-punti ta’ bejgħ tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, fin-nuqqas tad-dazji doganali imposti mir-Regolament ikkontestat, din iż-żieda setgħet tkun ikbar. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dazji doganali inkwistjoni ġew applikati matul perijodu relattivament qasir, mit‑8 ta’ Mejju 2020 sal‑31 ta’ Diċembru 2021. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ma huwiex possibbli li jiġu osservati r-riperkussjonijiet negattivi mfittxija permezz ta’ regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid, bħar-Regolament ikkontestat, ma huwiex determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-inċidenza diretta, sa fejn huwa biżżejjed li l-att inkwistjoni jibdel awtomatikament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Issa, għar-raġunijiet żviluppati fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, ir-Regolament ikkontestat ipproduċa effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ ZMC b’mod awtomatiku u immedjat.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ZMC hija direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat u, għaldaqstant, għandha locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

44      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, li hija bbażata fuq raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, jekk l-istess att huwa kkontestat minn diversi rikorrenti u huwa stabbilit li waħda minnhom għandha locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 37, u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, EPSU u Goudriaan vs Il‑Kummissjoni, T‑310/18, EU:T:2019:757, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, fid-dawl tal-konklużjoni li ZMC għandha locus standi għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk Zippo GmbH u Zippo SAS għandhomx locus standi neċessarju sabiex jippreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE kontra dan l-istess regolament.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku kontra r-Regolament ikkontestat, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

47      F’dan ir-rigward, il-fatt li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat, id-dazji ad valorem addizzjonali inkwistjoni ġew sospiżi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2083, wara l-preżentata tar-rikors, ma għandux effett fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fid-dawl tas-suġġett tar-rikors. Fil-fatt, l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni la ħassar u lanqas irtira r-Regolament ikkontestat mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li għaldaqstant għadu jifforma parti minnu. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2083 jipprevedi li din is-sospensjoni għandha tintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2023. Issa, ir-rikorrenti jżommu interess ġuridiku wkoll sabiex jevitaw li l-illegalitajiet allegati ma jerġgħux iseħħu fil-futur, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eventwali żamma tad-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑595/14, EU:C:2015:847, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill, T‑431/12, EU:T:2018:251, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ilmertu

49      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

50      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox jiġi eżaminat il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

51      Ir-rikorrenti jsostnu li l-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni, li għalih isir riferiment fil-premessa 10 tar-Regolament ikkontestat, ma osservax il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Qabelxejn, dan il-proċess ma kienx trasparenti, peress li kien ġie organizzat f’parti mis-sit internet tad-DĠ “Kummerċ” li kien kważi inviżibbli u li għalih kien diffiċli li jinkiseb aċċess. Sussegwentement, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni dwar l-imsemmi proċess, tali pubblikazzjoni kienet tkun konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fl-aħħar nett, dan il-proċess ma ppermettiex lir-rikorrenti li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u, fid-dawl tas-severità tal-miżuri previsti kontra l-interessi tagħhom, id-dritt tagħhom għal smigħ ma ġiex irrispettat, bi ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta.

52      Il-Kummissjoni ssostni li l-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettaq fil-kuntest tal-preparazzjoni tar-Regolament ikkontestat issodisfa kompletament ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 654/2014. Il-Kummissjoni tindika li rċeviet il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, u b’hekk ikkonfermat l-effettività tal-komunikazzjoni madwar l-imsemmi proċess. Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ ma jobbligax lill-Kummissjoni tikkuntattja individwalment lil kull impriża li l-attivitajiet ekonomiċi tagħha jistgħu jiġu affettwati minn miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid. Dan id-dritt huwa debitament protett permezz tal-pubblikazzjoni online ta’ avviż pubbliku, li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jiġu informati u li juru l-interess tagħhom, inkluż billi jitolbu informazzjoni, pariri jew intervista.

53      Fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda l-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tal-għażla u tan-nuqqas ta’ trasparenza tal-metodu ta’ komunikazzjoni użat mill-Kummissjoni sabiex torganizza l-ġbir ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 654/2014, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

54      Fil-fatt, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, sabiex b’mod partikolari tibbilanċja mill-ġdid il-konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi terzi, konformement mal-Artikolu 3(c) tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li din tfittex informazzjoni u avviżi dwar l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni fi prodotti jew servizzi jew f’setturi speċifiċi, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor xieraq ta’ komunikazzjoni pubblika, billi tindika t-terminu għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, minn naħa, u li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li hija tirċievi, min-naħa l-oħra.

55      Issa, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti stess, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 654/2014, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinforma lill-partijiet ikkonċernati bl-iżvolġiment tal-imsemmi ġbir ta’ informazzjoni esklużivament permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li hija setgħet ukoll tiżgura l-pubbliċità ta’ dan il-ġbir “b’kull mezz ieħor xieraq ta’ komunikazzjoni pubblika”.

56      F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, ir-reklamar tal-ġbir ta’ informazzjoni mwettaq qabel l-adozzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 654/2014, sar permezz ta’ paġna, intitolata “Konsultazzjonijiet”, tas-sit internet tad-DĠ “Kummerċ”. Mill-imsemmija paġna tal-internet, il-pubbliku seta’ jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa fil-qasam tal-politika kummerċjali mis-servizzi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari sabiex jikkontribwixxi għaliha.

57      Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dawn l-istess dokumenti tal-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni talbet informazzjoni min-naħa tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ formola li għandha timtela minn dawn tal-aħħar u aċċessibbli minn din l-istess paġna tas-sit internet tad-DĠ “Kummerċ”. Id-dokument ta’ preżentazzjoni li miegħu ġiet mehmuża l-imsemmija formola kien jispeċifika b’mod partikolari l-kuntest tal-ġbir ta’ informazzjoni inkwistjoni, il-miżuri previsti mill-Kummissjoni wara dan u t-terminu li fih il-partijiet ikkonċernati setgħu jippreżentawlha, permezz ta’ posta elettronika, informazzjoni u opinjonijiet, jiġifieri mhux iktar tard mit‑13 ta’ Marzu 2020 f’nofsinhar, ħin ta’ Brussell (il-Belġju). Għalkemm huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti ma pparteċipawx f’din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni min-naħa l-oħra kkonfermat, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li rċeviet kontribuzzjonijiet mingħand sitt partijiet ikkonċernati, li l-ebda waħda minnhom madankollu ma kienet tikkonċerna l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00.

58      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, billi pproċediet kif ġie deskritt fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 654/2014.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-atti kollha tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, peress li dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tagħhom li għandha tiġi mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji li jistabbilixxi t-Trattat FUE (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285).

60      Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul proċedura amministrattiva fil-qasam tad-difiża kontra miżuri ta’ politika kummerċjali min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Unjoni, fosthom id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Skont il-ġurisprudenza rigward il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2012, JBF RAK vs Il‑Kunsill, T‑555/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:262, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑835/17, EU:T:2020:96, punt 143).

61      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fir-rigward tagħha miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 43).

62      Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi speċifikat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għal smigħ huwa imperattiv anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix espressament għal tali formalità (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 326 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tista’ la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ, inkwantu prinċipju u dritt fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa wiesa’ meta l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma tiddependix mill-eżistenza ta’ regola espressa għal dan il-għan prevista mid-dritt sekondarju (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 64).

66      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 654/2014 ma teskludi jew tirrestrinġi espliċitament id-dritt għal smigħ tal-impriżi li l-prodotti tagħhom huma suġġetti għal miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid previsti minn att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

67      Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 654/2014, sa fejn jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tfittex informazzjoni u opinjonijiet dwar l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f’oġġetti jew servizzi jew f’setturi speċifiċi, ma jikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-imsemmija impriżi. Fil-fatt, l-interessi partikolari tagħhom ma jitħalltux mal-interessi ekonomiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari meta din tkun impriża ta’ Stat terz. Ċertament, meta impriża tkun ipparteċipat f’tali ġbir ta’ informazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li jiġi kkunsidrat li hija, minħabba l-informazzjoni jew l-opinjonijiet li hija ppreżentat, tinvoka b’mod utli u effettiv l-interessi tagħha jew elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha. Madankollu, meta impriża, li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sfavorevoli mill-miżuri previsti minn att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, ma tkunx ipparteċipat f’tali ġbir ta’ informazzjoni, ma jistax jitqies li d-dritt għal smigħ tagħha, kif iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, ma jkunx inkiser għas-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni tkun issodisfat l-obbligu tagħha li torganizza l-imsemmi ġbir, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament.

68      Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri previsti mir-Regolament ikkontestat għandhom bħala għan, abbażi tal-Artikolu 3(c) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, l-ibbilanċjar mill-ġdid ta’ konċessjonijiet fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti tal-Amerika, fil-forma ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonsistu fis-sospensjoni ta’ konċessjonijiet tariffarji u fl-impożizzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00.

69      Għalhekk, il-produtturi tal-prodotti kkonċernati mill-imsemmija dazji doganali miżjuda u esportati minn dan l-Istat terz lejn l-Unjoni ma humiex destinatarji tal-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid inkwistjoni li jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni u dan l-istess Stat terz.

70      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, il-Kummissjoni tista’ teżerċita d-dritt ta’ bbilanċjar mill-ġdid fil-forma ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali sostanzjalment ekwivalenti għal-livell tal-konċessjonijiet affettwati mill-miżuri ta’ salvagwardja adottati mill-Istat terz inkwistjoni, konformement mal-Artikolu 4(2)(ċ) tal-imsemmi regolament.

71      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri ta’ salvagwardja adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika seta’ jkollhom riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi sinjifikattivi fuq l-industriji kkonċernati tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie espost fil-punt 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, b’mod analogu għall-miżuri ta’ salvagwardja stabbiliti mill-Istati Uniti tal-Amerika, skont ir-Regolament ikkontestat, il-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid stabbiliti minn dan tal-aħħar huma intiżi, bl-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali u proporzjonali għall-effetti tal-imsemmija miżuri ta’ salvagwardja, sabiex jipproduċu riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-attività tal-impriżi tal-Istati Uniti li jesportaw lejn l-Unjoni l-prodotti li għalihom japplikaw dawn il-miżuri.

72      Għalhekk, miżura ta’ bbilanċjar mill-ġdid prevista minn att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, anki jekk ma titteħidx wara proċedura individwali kontra l-impriżi esportaturi tal-prodotti kkonċernati minnha, tista’ tikkostitwixxi miżura li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tal-imsemmija impriżi.

73      Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-impriżi li jesportaw il-prodotti kkonċernati mill-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid previsti minn regolament adottat abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, b’mod partikolari fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali, jistgħu jinvokaw id-dritt għal smigħ, kif iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmija miżuri.

74      Fir-risposta tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 654/2014, ma tipprevedix l-identifikazzjoni tal-produtturi jew tal-esportaturi li l-prodotti tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid. Madankollu, konformement mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq, meta t-tmexxija tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmi att twassal lill-Kummissjoni sabiex tidentifika persuna fiżika jew ġuridika li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sfavorevoli mill-miżuri previsti minn dan l-istess att, għandu jitqies li din il-persuna għandha tkun tista’ ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw favur li l-att inkwistjoni jiġi adottat, ma jiġix adottat jew li jkollu tali jew tali kontenut.

75      F’dan il-każ, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li hija kienet taf, matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, mhux biss li l-prodotti tar-rikorrenti kienu jinsabu fost dawk li għalihom kellhom japplikaw id-dazji doganali addizzjonali inkwistjoni, iżda wkoll li l-imsemmija dazji kienu jikkonċernawhom fil-parti l-kbira tagħhom.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-identifikazzjoni tal-prodotti tat-trade mark Zippo matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat ma tirriżultax mill-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 654/2014. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li hija ma kinitx irċeviet kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, identifikat il-prodotti tar-rikorrenti bħala li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid previsti permezz tar-Regolament ikkontestat.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti kellhom id-dritt għal smigħ matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

78      Madankollu, l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta li skontha:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

79      Hija fil-fatt ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 207 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 337 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza stess tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, hija ma ssostnix li kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq it-tfittxija ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali kienu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-imsemmi dritt fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Min-naħa l-oħra, hija ssostni, essenzjalment, li l-proċedura kollha ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kienet suġġetta għat-termini li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji u li l-ġbir ta’ informazzjoni kellu neċessarjament isir f’dan il-kuntest. Għandu jinftiehem li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest tal-proċedura prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, hija ma kellhiex materjalment iż-żmien neċessarju sabiex tisma’ lir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, fid-dawl taż-żmien li għandu jiġi ddedikat għad-diversi stadji tal-imsemmija proċedura, b’mod partikolari l-ġbir ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 654/2014, u tat-termini imposti mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji. Waqt is-seduta, hija sostniet ukoll li l-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid inkwistjoni kellhom jiġu adottati fl‑1 ta’ April 2020 sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji u li ġbir ta’ informazzjoni ta’ ġimgħa fix-xahar ta’ Marzu 2020 kien il-massimu li hija setgħet tagħmel.

81      F’dan ir-rigward, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-proċess ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kellu jaqa’ fit-termini li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji, li jipprevedu b’mod partikolari li s-sospensjoni tal-konċessjonijiet għall-kummerċ tal-Istat terz li jkun adotta miżuri ta’ salvagwardja għandha sseħħ f’terminu ta’ 90 jum li jibda jiddekorri mill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u fl-iskadenza ta’ terminu ta’ 30 jum li jibda jiddekorri minn dak li fih il-Kunsill tal-Kummerċ tal-Merkanzija tal-WTO jkun irċieva opinjoni bil-miktub li tinformah b’din is-sospensjoni. Għaldaqstant, skont dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika, li għalihom jirrispondi r-Regolament ikkontestat, daħlu fis-seħħ fit‑8 ta’ Frar 2020, il-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid adottati mill-Kummissjoni kellhom huma stess jidħlu fis-seħħ f’terminu ta’ 90 jum, jiġifieri mhux iktar tard mit‑8 ta’ Mejju 2020. Barra minn hekk, mill-inqas 30 jum qabel din id-data, il-Kummissjoni kellha tinforma lill-Kunsill dwar il-kummerċ tal-merkanzija tal-WTO, jiġifieri mhux iktar tard mis‑7 ta’ April 2020.

82      Issa, għandu jiġi osservat li, sabiex jiġu osservati dawn it-termini, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat fis‑6 ta’ April 2020.

83      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 75 u 76 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet identifikat fuq inizjattiva tagħha stess il-prodotti tat-trade mark Zippo bħala kkonċernati mill-miżuri ta’ bilanċ mill-ġdid previsti mir-Regolament ikkontestat, li dak iż-żmien kienu fil-proċess li jiġu adottati.

84      F’tali ċirkustanzi, hija l-Kummissjoni, minn naħa, li għandha tiżgura l-osservanza tat-termini li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji u, min-naħa l-oħra, li tisma’ lir-rikorrenti, li kellhom id-dritt għal smigħ matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kif ġie konkluż fil-punt 77 iktar ’il fuq.

85      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement targumenta dwar l-eżistenza tal-imsemmija dispożizzjonijiet, mingħajr madankollu ma tindika kif l-osservanza tat-termini li jirriżultaw minnhom kienet tipprekludi s-smigħ tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija termini u d-data li fiha r-Regolament ikkontestat kellu jiġi adottat kienu magħrufa mill-Kummissjoni. It-tieni, l-għażla tal-Kummissjoni li tirrispondi, permezz ta’ miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid adottati skont ir-Regolament Nru 654/2014, għall-miżuri ta’ salvagwardja adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika ġiet ifformalizzata fis‑6 ta’ Marzu 2020 permezz tat-talba għal konsultazzjonijiet imressqa lill-WTO skont il-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna msemmija fil-premessa 4 tar-Regolament ikkontestat. It-tielet, għalkemm il-Kummissjoni ddikjarat, waqt is-seduta, li ġbir ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 654/2014 “ta’ ġimgħa fix-xahar ta’ Marzu [2020] kien il-massimu [li hija setgħet] tagħmel”, hija ma tispjegax kif is-smigħ tar-rikorrenti, abbażi tad-dritt għal smigħ, kien jeħtieġ iktar żmien u lanqas għaliex il-ġbir tal-osservazzjonijiet tagħhom ma setax isir b’mod parallel jew sussegwenti għall-imsemmi ġbir, fil-perijodu ta’ bejn is‑6 ta’ Marzu 2020, id-data tat-talba għal konsultazzjonijiet ippreżentata lill-WTO, u l‑1 ta’ April 2020, data li warajha l-Kummissjoni indikat li l-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid inkwistjoni kellhom jiġu adottati. Ir-raba’, kif indikat fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġabret biss sitt kontribuzzjonijiet min-naħa tal-partijiet ikkonċernati waqt l-imsemmi ġbir u għandu jiġi osservat li hija ma tressaq ebda argument sabiex tispjega kif it-trattament tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, miżjud ma’ dak ta’ dawn is-sitt kontribuzzjonijiet miġbura mis‑6 sat‑13 ta’ Marzu 2020, kellu bħala konsegwenza li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta r-Regolament ikkontestat b’osservanza tat-termini li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji, filwaqt li tiżgura lir-rikorrenti d-dritt għal smigħ tagħhom skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

86      Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi l-prova tal-impossibbiltà tagħha li tisma’ b’mod utli lir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, meta hija rrikonoxxiet li identifikathom fuq inizjattiva tagħha stess f’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li hija kellha ż-żmien neċessarju sabiex tippermetti lir-rikorrenti jeżerċitaw id-dritt għal smigħ tagħhom.

87      Ċertament, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament inkwistjoni biss sa fejn din l-irregolarità seta’ jkollha effett fuq ir-riżultat tal-proċedura, u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il‑Kunsill, T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punti 224 u 225 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, madankollu, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrenti l-obbligu li turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża, peress li hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità proċedurali (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il‑Kunsill, T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 214 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      F’dan ir-rigward, fir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid ippjanati fir-rigward tal-prodotti tagħhom kienu jikkostitwixxu l-iktar forma iebsa tal-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid ippjanati, kemm fuq il-livell tad-daqs tagħhom kif ukoll tal-ammont tagħhom, meta mqabbla ma’ dawk li kienu jikkonċernaw industriji oħra tal-Istati Uniti. Hija tirrimarka wkoll in-natura partikolarment severa ta’ miżura li tirrigwarda impriża waħda u li tirrigwarda lilha l-konsegwenza sħiħa tal-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid inkwistjoni jew ukoll il-fatt li l-prodotti tagħhom ma għandhomx rabta ma’ dawk koperti mill-miżuri ta’ salvagwardja adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika, b’tali mod li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni ma jistgħux għaldaqstant jikkumpensaw l-effetti tal-imsemmija miżuri ta’ salvagwardja. Huma jsostnu wkoll li, billi indirizzathom speċifikament, il-Kummissjoni adottat miżura diskriminatorja, meta hija kellha l-possibbiltà li tagħżel prodotti oħra li kienu jikkonċernaw diversi impriżi u li tqassam b’mod iktar ġust il-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid inkwistjoni.

89      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li, kieku r-rikorrenti setgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, huma setgħu b’mod partikolari jinvokaw l-argumenti mfakkra fil-punt 88 iktar ’il fuq.

90      Issa, sa fejn ZMC hija l-unika produttriċi-esportatriċi tal-prodotti inkwistjoni, għar-raġunijiet esposti fil-punt 29 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li r-Regolament ikkontestat kien ikollu kontenut differenti li kieku r-rikorrenti kienu nstemgħu mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tiegħu.

91      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u li dan il-ksur seta’ kellu effett fuq l-eżitu tal-proċedura.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn dan jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Jannar 2023.

 Fuq l-ispejjeż

93      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka, huwa annullat sa fejn jirrigwarda prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9613 80 00.

2)      Il‑Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

De Baere

Steinfatt

Kecsmár

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Ottubru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.