Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fis-27 ta’ Ġunju 2023 – Braila Winds SRL vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București - Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București, Ministerul Finanţelor, Preşedintele Agenţiei Naţionale de Administrare Fiscală, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală

(Kawża C-391/23, Braila Winds)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Braila Winds SRL

Konvenuti: Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București - Administrația Fiscală pentru Contribuabili Mijlocii București, Ministerul Finanţelor, Preşedintele Agenţiei Naţionale de Administrare Fiscală, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita bil-Legea nr. 259/2021 pentru aprobarea Ordonanței de urgență a Guvernului nr. 118/2021 privind stabilirea unei scheme de compensare pentru consumul de energie elettrica și gaze naturale pentru sezonul rece 2021-2022, precum și pentru completarea Ordonanței Guvernului nr. 27/1996 privind acordarea de facilități persoanelor care domiciliază sau lucrează în unele localități din Munții Apuseni și în Rezervația Biosferei “Delta Dunării” (il-Liġi Nru 259/2021 għall-approvazzjoni tad-Digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 118/2021 dwar it-twaqqif ta’ skema ta’ kumpens għall-konsum ta’ elettriku u gass naturali għall-istaġun tal-kesħa 2021-2022, kif ukoll għall-ikkompletar tad-Digriet tal-Gvern Nru 27/1996 dwar l-għoti ta’ faċilitajiet lil persuni li jgħixu jew jaħdmu f’lokalitajiet speċifiċi fil-muntanji Apuseni u fir-riżerva tal-bijosfera “Delta Dunării”), li timponi taxxa biss fuq ċerti produtturi tal-elettriku, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija lill-produtturi eżenti minn din it-taxxa, li hija suġġetta għall-obbligi ta’ komunikazzjoni? Leġiżlazzjoni bħal din hija diskriminatorja jekk tapplika biss għal ċerti produtturi tal-elettriku, inklużi dawk minn sorsi rinnovabbli?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 49 u 56 TFUE u, rispettivament tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita bil-Liġi Nru 259/2021, li permezz tagħha tiġi imposta taxxa għolja biss fuq ċerti produtturi tal-elettriku (inklużi dawk minn sorsi rinnovabbli), bl-esklużjoni ta’ kategoriji oħra ta’ produtturi?

Qabel ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija 1 , id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE 2 , kienet tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ twassal fl-iffissar tal-prezz tal-bejgħ/limitazzjoni tal-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-bejgħ, bħal dik stabbilita bil-Liġi Nru 259/2021?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 191(2) TFUE dwar il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ prevenzjoni u ta’ korrezzjoni ta’ tniġġis fis-sors u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita bil-Liġi Nru 259/2021? Dan jaffettwa l-objettivi Ewropej li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tassazzjoni tal-enerġija?

____________

1     ĠU 2022, L 261 I, p. 1.

1     ĠU 2019, L 158, p. 125.