Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation - Franza) – LBI hf, li kienet Landsbanki Islands hf vs Kepler Capital Markets SA, Frédéric Giraux

(Kawża C-85/12) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu — Direttiva 2001/24/KE — Artikoli 3, 9 u 32 — Att tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħti lil miżuri ta’ riorganizzazzjoni l-effetti ta’ proċedura ta’ stralċ — Dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprojbixxi jew li tissospendi kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni ta’ kreditu wara d-dħul fis-seħħ ta’ moratorju)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: LBI hf, li kienet Landsbanki Islands hf

Konvenuti: Kepler Capital Markets SA, Frédéric Giraux

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Cour de cassation - Interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 9 u 32 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15) - Awtoritajiet mogħtija s-setgħa li jadottaw miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu - Awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji - Ammissibbiltà ta’ miżuri li jirriżultaw direttament mil-liġi ta’ Stat Membru tal-EFTA - Liġi applikabbli għall-proċeduri pendenti li jikkonċernaw il-beni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab fi Stat Membru - Effetti fuq l-applikazzjoni, fi Stat Membru, ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxi jew li tissospendi kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni ta’ kreditu wara d-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, fil-każ ta’ miżuri kawtelatorji adottati qabel l-impożizzjoni tal-moratorju

Dispożittiv

L-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ ta’ istituzzjoni finanzjarja, bħal dawk ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu taħt il-punt II tal-Liġi Nru 44/2009, tal-15 ta’ April 2009, għandhom jitqiesu bħala miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens ta’ dawn l-artikoli tad-Direttiva 2001/24, sa fejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija jipproduċu l-effetti tagħhom biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jagħtu moratorju lil istituzzjoni ta’ kreditu.

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 98 tal-Liġi Nru 161/2002, dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, tal-20 ta’ Diċembru 2002, kif emendata bil-Liġi Nru 129/2008, tat-13 ta’ Novembru 2008, li pprojbixxiet jew issospendiet kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni finanzjarja mad-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħuda minn Stat Membru ieħor qabel l-impożizzjoni tal-moratorju.

____________

1 ĠU C 118, 21.04.2012.