Language of document : ECLI:EU:C:2013:697

Kawża C‑85/12

LBI hf

vs

Kepler Capital Markets SA

u

Frédéric Giraux

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu — Direttiva 2001/24/KE – Artikoli 3, 9 u 32 – Att tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħti lil miżuri ta’ riorganizzazzjoni l-effetti ta’ proċedura ta’ stralċ – Dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprojbixxi jew li tissospendi kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni ta’ kreditu wara d-dħul fis-seħħ ta’ moratorju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2013

1.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Istituzzjonijiet ta’ kreditu – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24 – Kamp ta’ applikazzjoni – Rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji – Kriżi bankarja u finanzjarja internazzjonali – Att tal-leġiżlatur li jagħti lil miżuri ta’ riorganizzazzjoni l-effetti ta’ proċedura ta’ stralċ u li jipproduċi l-effetti tiegħu biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/24, Artikoli 3 u 9)

2.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Domandi relatati mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Istituzzjonijiet ta’ kreditu – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva  2001/24 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi jew li tissospendi kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni ta’ kreditu li tibbenefika minn moratorju – Effetti fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji meħuda fi Stat Membru ieħor – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/24, premessa 30 u Artikolu 32)

1.        L-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2001/24, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ adottati mil-leġiżlatur, li jissuġġettaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji mqiegħda taħt moratorju għal skema li jkollha ċerti effetti marbuta ma’ proċedura ta’ stralċ, għandhom jitqiesu bħala miżuri meħuda minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fis-sens ta’ dawn l-artikoli tad-Direttiva 2001/24, sa fejn l-imsemmija miżuri, li jkunu fil-forma ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, jipproduċu l-effetti tagħhom biss permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jagħtu moratorju lil istituzzjoni ta’ kreditu.

Fil-fatt, huma l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ deċiżi mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini li huma s-suġġett ta’ rikonoxximent skont id-Direttiva 2001/24, bl-effetti li jattribwixxilhom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. B’hekk, l-effetti li miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini jistgħu jipproduċu fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni huma ddeterminati, inkonformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2001/24, mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għaldaqstant, id-direttiva msemmija ma tipprekludix lil dan l-Istat Membri milli jemenda, anki b’effett retroattiv, ir-regoli legali applikabbli għal tali miżuri.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-istess dispożizzjonijiet, fil-kuntest tas-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2001/24, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jiġu rrikonoxxuti mingħajr ebda formalità oħra. B’mod partikolari, din id-direttiva ma tissuġġettax ir-rikonoxximent tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ għall-kundizzjoni li għandu jkun jista’ jiġi ppreżentat rikors kontrihom. Bl-istess mod, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, l-Istat Membru ospitanti lanqas ma jista’ jissuġġetta dan ir-rikonoxximent għal tali kundizzjoni, li tista’ anki tkun prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

(ara l-punti 28, 30, 38, 40 u 42, u d-dispożittiv 1)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45, 46)

3.        L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, li pprojbixxiet jew issospendiet kull azzjoni ġudizzjarja kontra istituzzjoni finanzjarja mad-dħul fis-seħħ ta’ moratorju, milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji meħuda minn Stat Membru ieħor qabel l-impożizzjoni tal-moratorju. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, u għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

Il-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija ċċarata mill-premessa 30 tad-Direttiva 2001/24, li tagħmel distinzjoni bejn il-kawżi pendenti u l-azzjonijiet individwali ta’ infurzar. Għaldaqstant, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċedura ta’ stralċ, għandha ssir distinzjoni bejn il-kawżi pendenti u l-miżuri ta’ infurzar individwali li jirriżultaw minn dawn il-kawżi, fejn dawn il-miżuri tal-aħħar huma suġġetti, skont ir-regola ġenerali stabbilita mid-Direttiva 2001/24, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini. B’hekk, l-espressjoni “kawża pendenti” tkopri biss il-proċeduri dwar il-mertu.

Fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji li għandhom l-effett li jċaħħdu lil istituzzjoni ta’ kreditu mil-libertà li tiddisponi minn parti mill-assi tagħha fl-istennija ta’ soluzzjoni, fir-rigward tal-mertu, għal tilwima li jkollha ma’ wieħed mill-kredituri tagħha, tali miżuri jikkostitwixxu miżuri ta’ infurzar individwali. Minn dan isegwi li tali miżuri kawtelatorji ma jaqgħux taħt l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, iżda huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini bħala l-lex concursus.

(ara l-punti 52-54, 56 u 58, u d-dispożittiv 2)