Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Mejju 2011 - ClientEarth et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-278/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit), Friends of the Earth Europe (Amsterdam, il-Pajjizi l-Baxxi), Stichting Fern (Leiden, il-Pajjizi l-Baxxi); u Stichting Corporate Europe Observatory (Amsterdam, il-Pajjizi l-Baxxi) (rappreżentant: P. Kirch, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1049/2001 1;

tiddikjara li l-Kummissjoni kisret il-Konvenzjoni ta' Aarhus 2;

tiddikjara li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1367/2006 3;

tannulla d-deċiżjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li permezz tagħha kien hemm deċiżjoni impliċita negattiva tan-nuqqas tal-Kummissjoni li twieġeb fit-termini previsti għat-talba konfermatorja tar-rikorrenti;

tagħti rimedju permezz ta' inġunzjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus li tordna lill-Kummissjoni tipprovdi f'terminu stabbilit aċċess għad-dokumenti kollha mitluba, sa kemm ma jkunux protetti taħt eċċezzjoni assoluta fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001;

tordna lill-Kummissjoni ssostni l-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż tal-intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament taċ-ċaħda tal-Kummissjoni tat-talba tagħhom għall-aċċess għal dokumenti relatati mal-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarji li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 4.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tipprovdi risposta fit-terminu previst u li tagħti raġunijiet dettaljati għat-talba intiża għall-estensjoni tat-terminu.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li twieġeb fit-terminu estiż.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba li l-Kummissjoni ma pprovdietx raġunijiet dettaljati għan-nuqqas ta' żvelar ta' kull dokument.

Ir-raba motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tipprovdi evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut ta' kull dokument.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 minħabba li ġiet invokata l-eċċezzjoni għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 minħabba l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni.

Is-seba' motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) u (7) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba li l-Kummissjoni naqset milli teżamina liema parti tad-dokumenti setgħet jew ma setgħetx tiġi żvelata u naqset milli teżamina l-perijodu ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni applikabbli.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 - Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

3 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

4 - Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16).