Language of document : ECLI:EU:C:2022:142

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Marzu 2022 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2020/470 – Estensjoni tal-perijodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra – Bażi legali proċedurali – Artikolu 218(7) TFUE – Proċedura u regola ta’ vot applikabbli”

Fil-Kawża C‑275/20,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit‑23 ta’ Ġunju 2020

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, M. Afonso u D. Schaffrin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Plaza García u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn J.-L. Carré, T. Stehelin, E. de Moustier u A. Daniel, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman, C. S. Schillemans u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, I. Jarukaitis (Relatur), I. Ziemele u J. Passer, Presidenti tal-Awla, M. Ilešič, T. von Danwitz, F. Biltgen, P. G. Xuereb u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal‑25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 101, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IlProtokoll dwar ilKooperazzjoni Kulturali

2        Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (ĠU 2011, L 127, p. 1418, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2011, L 127, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), jipprevedi, fl-Artikolu 5 tiegħu intitolat “Produzzjonijiet Awdjoviżivi Konġunti”, id-dritt, għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi, li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali reġjonali jew lokali (iktar ’il quddiem id-“dritt inkwistjoni”). Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“[…]

3.      Il-Partijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, għandhom jiffaċilitaw il-produzzjonijiet konġunti bejn produtturi mill-Parti tal-[Unjoni Ewropea]u l-Korea, fosthom permezz tad-dritt li l-produzzjonijiet konġunti jibbenefikaw [mid-dritt inkwistjoni].

[…]

8. (a)      Id-dritt għall-produzzjonijiet konġunti huwa stabbilit għal perjodu ta’ tliet snin wara l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Fuq parir mill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, sitt xhur qabel l-iskadenza, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jikkoordina sabiex jevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni tad-dritt f’termini tat-tkabbir tad-diversità kulturali u l-kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku fuq xogħlijiet bi produzzjoni konġunta.

(b)      Id-dritt għandu jiġġedded għal perjodu ta’ tliet snin u wara jiġġedded awtomatikament għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv. Sitt xhur qabel l-iskadenza ta’ kull perjodu mġedded, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jwettaq evalwazzjoni fuq termini simili kif deskritt fis-subparagrafu (a).”

 IdDeċiżjoni 2011/265/UE

3        Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE tas‑16 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, tiddikjara:

“(6)      Skont l-Artikolu 218(7) [TFUE], huwa opportun li l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova ċerti modifiki limitati għall-Ftehim [mar-Repubblika tal-Korea]. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata ttemm [tad-dritt inkwistjoni] dment li l-Kummissjoni ma tiddeterminax li l-intitolament għandu jissokta u dan jiġi approvat mill-Kunsill skont proċedura speċifika meħtieġa kemm minħabba n-natura sensittiva ta’ dan l-element tal-Ftehim kif ukoll għall-fatt li l-Ftehim ser jiġi konkluż mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha […].”

4        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Il-Kummissjoni għandha tgħarraf [lir-Repubblika tal-]Korea bil-ħsieb tal-Unjoni li ma testendix il-perijodu [tad-dritt inkwistjoni] skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8) [tal-Protokoll] […] dment li, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill, erba’ xhur qabel tmiem dan il-perijodu ta’ intitolament, ma jaqbilx li jissokta bl-intitolament. Jekk il-Kunsill jaqbel li jissokta b’dan l-intitolament, din id-dispożizzjoni għandha terġa’ ssir applikabbli fi tmiem il-perijodu mġedded tal-intitolament. Għall-għan speċifiku biex jiddeċiedi dwar l-issoktar tal-perijodu ta’ intitolament, il-Kunsill għandu jaġixxi b’unanimità.”

 IdDeċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/226/UE

5        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/226/UE tal‑14 ta’ April 2014 dwar it-titwil tal-perijodu ta’ intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2014, L 124, p. 25), il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dritt inkwistjoni ġie estiż għal perijodu ta’ tliet snin, mill‑1 ta’ Lulju 2014 sat‑30 ta’ Ġunju 2017.

 IdDeċiżjoni (UE) 2015/2169

6        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal‑1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2015, L 307, p. 2), dan il-ftehim ġie approvat f’isem l-Unjoni. Il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni hija fformulata bl-istess mod bħall-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2011/265. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 huwa fformulat b’mod simili għall-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/265.

 IdDeċiżjoni (UE) 2017/1107

7        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1107 tat‑8 ta’ Ġunju 2017 fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta’ intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2017 L 160, p. 33), il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dritt inkwistjoni ġie estiż għal perijodu ta’ tliet snin, mill‑1 ta’ Lulju 2017 sat‑30 ta’ Ġunju 2020.

 Iddeċiżjoni kkontestata

8        Id-deċiżjoni kkontestata, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, tipprevedi li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dritt inkwistjoni għandu jiġi estiż għal perijodu ta’ tliet snin, mill‑1 ta’ Lulju 2020 sat‑30 ta’ Ġunju 2023.

 Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

9        Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

10      Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tagħha sakemm il-motivi ta’ annullament jiġu rrimedjati.

11      Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq irrikors

 Largumenti talpartijiet

12      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-użu, bħala bażi legali, tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 sabiex fuqu tiġi bbażata d-deċiżjoni kkontestata jmur kontra t-Trattati u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv uniku, il-Kummissjoni ssostni li, billi rrikorra għal din il-bażi legali, li teħtieġ li l-Kunsill jiddeċiedi b’unanimità u li jeskludi l-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, minflok ma jadotta, bħala bażi legali proċedurali, l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, li jipprevedi, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, vot b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, wara approvazzjoni tal-Parlament, kif kienet ipproponiet, il-Kunsill emenda r-regola tal-vot applikabbli u kiser il-prerogattivi tal-Parlament f’dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ parti minn ftehim internazzjonali.

14      Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jikkostitwixxi “bażi legali sekondarja”, li l-użu tagħha jmur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali.

15      Ikun, barra minn hekk, inkoerenti li tintalab l-unanimità fil-Kunsill għat-tiġdid tad-dritt inkwistjoni, meta l-istabbiliment ta’ dan tal-aħħar ġie deċiż bil-maġġoranza kkwalifikata, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/265, u l-Unjoni aċċettat, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, li dan bħala prinċipju jiġġedded awtomatikament. L-applikazzjoni ta’ regola interna iktar stretta u r-rekwiżit li l-Kunsill għandu jaċċetta t-tiġdid ta’ dan id-dritt imorru kontra l-għan tat-tiġdid awtomatiku miftiehem mill-partijiet għall-Ftehim u, għaldaqstant, imorru kontra l-ġurisprudenza dwar is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni.

16      Fir-replika, il-Kummissjoni żżid, b’risposta għall-argument tal-Kunsill li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq “bażi legali sekondarja”, iżda fuq l-Artikolu 218(7) TFUE, li hija taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill li din id-deċiżjoni għandha bħala suġġett modifika ta’ ftehim, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn hija testendi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tinsab fil-Protokoll. Madankollu, hija tqis li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 ma jistax jitqies li huwa każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(7) TFUE, peress li dan il-protokoll, billi jipprevedi tiġdid awtomatiku tad-dritt inkwistjoni għal perijodi suċċessivi ġodda tal-istess tul, ma jipprevedi ebda stadju proċedurali partikolari għat-tiġdid ta’ dan id-dritt, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova dan it-tiġdid.

17      Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet proċedurali li l-awtorizzazzjoni allegatament mogħtija lill-Kummissjoni hija marbuta magħhom huma inkompatibbli mal-Artikolu 218 TFUE u l-użu ta’ “bażi legali sekondarja” li teżiġi vot unanimu fi ħdan il-Kunsill huwa illegali.

18      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 ma jagħtix awtorizzazzjoni għall-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni, tal-modifiki tal-Ftehim, fis-sens tal-Artikolu 218(7) TFUE, iżda sempliċement jirrifletti s-setgħa li għandha l-Kummissjoni li tiżgura, fil-każ ta’ deċiżjoni li topponi t-tiġdid tad-dritt inkwistjoni, ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 TUE, filwaqt li l-Kunsill madankollu jibqa’ kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar dan it-tiġdid. Għalhekk, ma kienx hemm trasferiment effettiv tas-setgħa deċiżjonali, suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, favur il-Kummissjoni.

19      Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni, billi prinċipalment isostni li l-proċedura applikata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 218(7) TFUE, kif jindika b’mod ċar ħafna r-riferiment espliċitu għal din id-dispożizzjoni li jinsab fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/2169, u li din il-proċedura hija kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

20      Il-Kunsill isostni, fil-fatt, li l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 218(7) TFUE huma ssodisfatti, peress li, minn naħa, it-tiġdid tad-dritt inkwistjoni jikkostitwixxi modifika ta’ parti speċifika u indipendenti mill-Ftehim imwettaq permezz ta’ proċedura ssemplifikata stabbilita fl-Artikolu 5(8) tal-Protokoll. Il-Kummissjoni hija b’mod partikolari awtorizzata, fil-kwalità tagħha ta’ negozjatriċi, temenda d-dritt inkwistjoni billi tħassru mal-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin u tavża lir-Repubblika tal-Korea b’din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 tissuġġetta għal kundizzjonijiet validi din l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

21      Fil-fatt, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill, dan tal-aħħar isostni li t-tiġdid tad-dritt inkwistjoni jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali li d-dritt ikkonċernat jitħassar fl-assenza ta’ deċiżjoni kuntrarja, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar stretti.

22      Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li ma kienx possibbli li tiġi prevista l-unanimità fost il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 218(7) TFUE, ikun biss l-obbligu ta’ deċiżjoni b’unanimità li ma jkunx validu. Madankollu, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’unanimità, hija neċessarjament kisbet il-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill u għalhekk, fil-fehma tiegħu, għandha titqies li ġiet adottata b’mod validu.

23      Fil-kontroreplika, il-Kunsill jopponi, b’mod partikolari, l-argument tal-Kummissjoni li d-dritt inkwistjoni jista’ jiġi estiż mill-Unjoni mingħajr l-użu ta’ proċedura interna meta l-intenzjoni tal-Kummissjoni tkun li ġġedded dan id-dritt, filwaqt li proċedura deċiżjonali hija neċessarja sabiex dan jiġi tterminat. Fil-fehma tiegħu, in-natura awtomatika tat-tiġdid tad-dritt inkwistjoni fir-rigward ta’ kull waħda mill-partijiet għall-ftehim ma tistax, fil-fatt, teskludi kull tip ta’ proċedura deċiżjonali interna, peress li, billi t-tul tal-applikabbiltà ta’ dan id-dritt huwa limitat għal tliet snin, huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni kull tliet snin skont il-proċeduri deċiżjonali interni xierqa. Fl-assenza tal-osservanza ta’ dawn il-proċeduri deċiżjonali, l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tiġi ppreġudikata kif ukoll il-bilanċ istituzzjonali stabbilit mill-awturi tat-Trattati.

24      Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 218(7) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-proċedura prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169. Huwa jenfasizza, b’mod partikolari, li l-Artikolu 5(8) tal-Protokoll jistabbilixxi proċedura ssemplifikata għall-modifika ta’ dan il-protokoll billi jipprevedi kunsens taċitu għat-tiġdid tad-dritt inkwistjoni u notifika minn qabel sabiex jintemm dan id-dritt.

25      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata timplimenta proċedura bbażata fuq l-Artikolu 218(7) TFUE u li huwa, konsegwentement, b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tallega li l-Kunsill ibbaża din id-deċiżjoni fuq bażi legali mhux prevista mit-Trattat FUE. Fl-ewwel lok, hija tqis li l-modalitajiet ta’ tiġdid tad-dritt inkwistjoni jikkostitwixxu każ ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, minn naħa, it-tiġdid tad-dritt inkwistjoni jestendi l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ dan id-dritt, li jikkostitwixxu komponent speċifiku u awtonomu tal-protokoll u, għall-kuntrarju, l-assenza ta’ tiġdid tal-imsemmi dritt essenzjalment twassal sabiex iċċaħħad mill-effetti legali dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, it-tiġdid tad-dritt inkwistjoni jikkostitwixxi emenda ta’ dan il-protokoll.

26      Min-naħa l-oħra, it-tiġdid awtomatiku tad-dritt inkwistjoni, fis-silenzju tal-Partijiet, skont dan l-Istat Membru, għandu jitqies li jidħol fil-kategorija tad-dispożizzjonijiet derogatorji għall-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tal-ftehimiet internazzjonali, li hija tikkostitwixxi semplifikazzjoni tagħha.

27      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jimplimenta korrettament l-Artikolu 218(7) TFUE sa fejn dan jipprovdi li l-Kunsill għandu japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkomunikax it-terminazzjoni tad-dritt inkwistjoni. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jagħti lill-Kummissjoni setgħa deċiżjonali reali fuq l-għażla li għandha ssir kull tliet snin, filwaqt li żżid ma’ din l-awtorizzazzjoni kundizzjonijiet speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 218(7) TFUE. Din ir-restrizzjoni hija leġittima peress li din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 218(5),(6) u (9) TFUE u li t-tiġdid tad-dritt inkwistjoni jagħmel parti mill-atti ta’ definizzjoni tal-politika tal-Unjoni u tal-elaborazzjoni tal-azzjoni esterna tagħha. L-użu tal-vot bl-unanimità jikkostitwixxi biss modalità ta’ eżerċizzju tal-approvazzjoni, mill-Kunsill, tal-għażla tal-Kummissjoni li ma topponix it-tiġdid ta’ dan id-dritt u n-natura legali jew le ta’ dan il-metodu ma taffettwax il-validità tar-rekwiżit ta’ tali approvazzjoni.

28      Fit-tielet u fl-aħħar lok, ir-Repubblika Franċiża tiddikjara li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, id-dritt inkwistjoni ma setax jiġġedded fl-assenza ta’ att tal-Unjoni li jipprevedih speċifikament, indipendentement mill-fatt li tali tiġdid espliċitu ma huwiex neċessarju fl-ordinament ġuridiku internazzjonali.

29      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjara li jaqbel kompletament mal-pożizzjoni tal-Kunsill u mal-argumenti kollha invokati insostenn tagħha.

 Levalwazzjoni talQorti talĠustizzja

30      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, li jipprevedi b’mod partikolari, bħall-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/265, li l-Kummissjoni għandha tinforma lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma ġġeddidx il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dritt inkwistjoni, sakemm, fuq proposta tal-Kummissjoni u erba’ xhur qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ applikazzjoni, il-Kunsill ma jiddeċidix, b’mod unanimu, li jkompli l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt.

31      Il-Kummissjoni ssostni, insostenn tal-motiv uniku, li, billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, il-Kunsill uża illegalment “bażi legali sekondarja”.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma huma għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess. It-Trattati biss jistgħu, konsegwentement, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu. Għaldaqstant, li jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm jekk ikun sabiex issaħħaħ jew sabiex tiffaċilita l-modalitajiet tal-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qiegħda tingħata setgħa leġiżlattiva li teċċedi dak li huwa previst mit-Trattati. Dan iwassal ukoll sabiex hija tkun tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, li jimplika li kull waħda mill-imsemmija istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 54 sa 57, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑14/15 u C‑116/15, EU:C:2016:715, punt 47).

33      F’dan il-każ, mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/2169 jirriżulta li l-proċedura deċiżjonali prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni għandha bħala bażi legali l-Artikolu 218(7) TFUE, peress li din il-premessa tindika li, skont din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE, il-Kunsill jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova ċerti modifiki limitati tal-Ftehim u li hemm lok li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tiddeċiedi l-iskadenza tad-dritt inkwistjoni, sakemm hija ma tiddeċidix li testendi l-applikabbiltà ta’ dan id-dritt u sakemm dan jiġi approvat mill-Kunsill skont il-proċedura speċjali, fid-dawl tan-natura sensittiva ta’ dan l-element tal-Ftehim u tal-fatt li dan għandu jiġi konkluż mill-Unjoni u l-Istati Membri tiegħu.

34      Minn dan isegwi li l-motiv uniku invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud jekk il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, implimentata bid-deċiżjoni kkontestata, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(7) TFUE u jekk hija tkun konformi mal-Artikolu 218 TFUE, sa fejn teżiġi, għat-tiġdid tad-dritt inkwistjoni, vot unanimu fi ħdan il-Kunsill.

35      Skont l-Artikolu 218(7) TFUE, meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista’, b’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9 ta’ dan l-artikolu, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn il-modifiki għandhom jiġu adottati skont proċedura ssemplifikata jew minn korp stabbilit minn dan il-ftehim. Barra minn hekk, huwa jipprevedi li l-Kunsill jista’ jissuġġetta tali awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet speċifiċi.

36      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jawtorizzax lill-Kummissjoni tapprova, f’isem l-Unjoni, emenda tal-Protokoll u jekk dan tal-aħħar jipprevedix li tali modifika għandha tiġi adottata skont proċedura ssemplifikata jew minn korp stabbilit mill-Ftehim jew minn dan il-protokoll.

37      Fir-rigward, minn naħa, tal-punt dwar jekk, permezz tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, il-Kunsill jawtorizzax lill-Kummissjoni tapprova, f’isem l-Unjoni, modifika tal-Protokoll, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 5(8)(a) u (b) ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li l-partijiet għall-Ftehim u, b’estensjoni, għall-Protokoll għandhom, kull tliet snin, wara evalwazzjoni mwettqa mill-Kumitat “Kooperazzjoni Kulturali” kkostitwit skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan il-protokoll, jevalwaw jekk huma għandhomx l-intenzjoni jġeddu jew le d-dritt inkwistjoni għal perijodu ġdid ta’ tliet snin.

38      L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jipprevedi f’dan ir-rigward proċedura interna għall-Unjoni sa fejn jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li ttemm id-dritt inkwistjoni fi tmiem kull perijodu ta’ tliet snin jew, jekk hija tqis li dan id-dritt għandu jiġġedded, tagħmel proposta f’dan is-sens lill-Kunsill qabel l-iskadenza ta’ kull perijodu. Issa, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ tiġdid tal-imsemmi dritt twassal għat-tħassir ta’ dritt stabbilit mill-Protokoll u li bħala prinċipju huwa mġedded b’mod taċitu u awtomatiku kull tliet snin, u għalhekk tali tħassir għandu jiġi analizzat bħala modifika ta’ dan il-protokoll.

39      Għaldaqstant, minkejja li deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, li għandha bħala għan it-tiġdid tad-dritt inkwistjoni għal perijodu ta’ tliet snin, ma tistax, bħala tali, titqies li hija intiża li temenda l-Protokoll, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, applikabbli għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, tawtorizza lill-Kummissjoni tevalwa kull tliet snin jekk hemmx lok li jiġġedded dan id-dritt jew jekk għandhiex tiddikjara l-iskadenza tiegħu, tiddeċiedi waħedha dwar din l-iskadenza jew tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill għall-finijiet tat-tiġdid tal-imsemmi dritt. Din il-proċedura tawtorizza, għalhekk, lill-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet dwar il-modifika ta’ dan il-protokoll.

40      Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, implimentat bid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi tassew awtorizzazzjoni, mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill, waqt il-konklużjoni tal-Ftehim u, b’estensjoni, tal-Protokoll anness miegħu, sabiex tapprova, f’isem l-Unjoni, “modifiki għall-ftehim”, fis-sens tal-Artikolu 218(7) TFUE.

41      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-Protokoll jipprovdix li l-modifiki ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu adottati skont proċedura ssemplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim jew mill-imsemmi protokoll, kif jeżiġi l-Artikolu 218(7) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(8)(a) u (b) tal-Protokoll ma jagħtix is-setgħa lill-Kumitat Kooperazzjoni Kulturali li jemenda l-protokoll, iżda jagħtih biss il-kompitu li jwettaq evalwazzjonijiet tar-riżultati tal-implimentazzjoni tad-dritt inkwistjoni, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Għall-kuntrarju, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi effettivament proċedura ssemplifikata sa fejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biżżejjed, sabiex jintemm dan id-dritt, li parti għall-ftehim tagħmel dan permezz ta’ avviż bil-miktub ikkomunikat tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali jew ta’ kull perijodu sussegwenti, peress li l-imsemmi dritt ikun, fin-nuqqas ta’ dan, imġedded awtomatikament.

42      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li r-regoli previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jistgħu jitqiesu li japplikaw il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 218(7) TFUE, li l-Kunsill jissuġġetta l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għal kundizzjonijiet speċifiċi, peress li din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2015/2169 timponi fuq il-Kummissjoni, jekk din tal-aħħar tqis li ma hemmx lok li jintemm id-dritt inkwistjoni, iżda li dan jiġi mġedded għal perijodu ta’ tliet snin, li tagħmel proposta lill-Kunsill f’dan is-sens erba’ xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu kurrenti.

43      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, implimentata bid-deċiżjoni kkontestata, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(7) TFUE, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma kellhiex tiġi adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(6)(a) TFUE.

44      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 hijiex konformi mal-Artikolu 218 TFUE, sa fejn teżiġi, għat-tiġdid tad-dritt inkwistjoni, vot unanimu fi ħdan il-Kunsill, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 218(7) TFUE ma jipprevedi ebda regola ta’ vot fid-dawl tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet li għalihom huwa, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni li huwa ta lill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, żamm il-kompetenza tiegħu.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa b’riferiment għall-Artikolu 218(8) TFUE li r-regola ta’ vot applikabbli għandha, f’kull każ, tiġi ddeterminata. Fir-rigward tal-użu, minn naħa, tal-espressjoni “tul il-proċedura kollha”, fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u min-naħa l-oħra, tal-kelma “[m]adankollu” fil-bidu tat-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitqies li, bħala regola ġenerali, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata u li huwa unikament fil-każijiet indikati f’dan it-tieni subparagrafu li huwa jiddeċiedi b’mod unanimu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola ta’ vot applikabbli għandha, f’kull każ inkwistjoni, tiġi ddeterminata skont jekk taqax jew le taħt dawn l-aħħar każijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja) (C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 29).

46      B’mod partikolari, fl-ewwel każ, li huwa l-uniku wieħed rilevanti f’dan il-każ, fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jeżiġi li l-Kunsill jiddeċiedi bl-unanimità jirrigwarda l-ipoteżi li fih il-ftehim jittratta qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, fejn dan il-każ speċifiku jistabbilixxi għalhekk rabta bejn il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-imsemmi artikolu u r-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 29).

47      Ir-rabta li għalhekk hija żgurata bejn il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest ta’ ftehim u r-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex tiġi ppreżervata s-simetrija bejn il-proċeduri relatati mal-azzjoni interna tal-Unjoni u l-proċeduri relatati mal-azzjoni esterna tagħha, fir-rispett tal-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mill-awturi tat-Trattati (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 30).

48      Tali simetrija għandha għalhekk tiġi żgurata wkoll meta tiġi adottata deċiżjoni li tirrigwarda modifika ta’ ftehim kif prevista fl-Artikolu 218(7) TFUE.

49      Peress li d-dritt inkwistjoni ma jaqax f’qasam li għalih vot b’unanimità fi ħdan il-Kunsill huwa meħtieġ għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 ma hijiex, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, konformi mal-Artikolu 218 TFUE, sa fejn teżiġi tali vot bl-unanimità. Ir-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tkun dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, jiġifieri vot b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill.

50      Peress li l-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/2169 tindika li l-estensjoni tal-applikabbiltà tad-dritt inkwistjoni hija approvata mill-Kunsill skont proċedura speċjali, fid-dawl kemm tan-natura sensittiva ta’ dan l-element tal-ftehim kif ukoll tal-fatt li dan għandu jiġi konkluż mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għandu jingħad ukoll li, minn naħa, in-natura sensittiva tal-qasam ikkonċernat ma tistax tiġġustifika l-adozzjoni ta’ bażi legali sekondarja li tistabbilixxi proċedura speċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 59). Min-naħa l-oħra, dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jistgħux jippermettu lill-Kunsill jevita l-osservanza tar-regoli tal-vot previsti fl-Artikolu 218 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 55) u, b’mod partikolari, li jidderoga minnhom fil-kuntest tal-kundizzjonijiet speċifiċi li huwa jista’ jorbot mal-awtorizzazzjoni mogħtija lin-negozjatur skont l-Artikolu 218(7) TFUE.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jintlaqa’ l-motiv uniku invokat mill-Kummissjoni u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq iżżamma taleffetti taddeċiżjoni kkontestata

52      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, li żżomm l-effetti tagħha sakemm il-motivi ta’ annullament ikkonstatati jiġu rrimedjati.

53      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa meħtieġ, tindika liema mill-effetti tal-att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

54      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-motivi relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi gravi għall-partijiet ikkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja) (C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu l-effetti tagħha jista’ jqajjem dubju dwar l-impenn tal-Unjoni fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dritt inkwistjoni għal perijodu ta’ tliet snin, mill‑1 ta’ Lulju 2020 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, u jostakola b’dan il-mod l-implimentazzjoni tajba tal-Ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja) (C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Konsegwentement, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, hemm lok li jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, li l-annullament tagħha ġie deċiż permezz ta’ din is-sentenza, sakemm ikunu ġew irrimedjati l-motivi ta’ annullament ikkonstatati.

 Fuq lispejjeż

57      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

58      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, hija annullata.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2020/470 għandhom jinżammu fis-seħħ, sakemm il-motivi ta’ annullament ikkonstatati jkunu ġew irrimedjati.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4)      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.