Language of document : ECLI:EU:C:2022:142

Kawża C-275/20

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal1 ta’ Marzu 2022

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2020/470 – Estensjoni tal-perijodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra – Bażi legali proċedurali – Artikolu 218(7) TFUE – Proċedura u regola ta’ vot applikabbli”

1.        Atti tal-istituzzjonijiet – Proċedura ta’ adozzjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattati – Natura imperattiva – Possibbiltà għal istituzzjoni li tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji – Assenza


(ara l-punt 32)

2.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Modifiki – Bażi legali proċedurali – Artikolu 218(7) TFUE – Proċedura ssemplifikata stabbilita mill-Protokoll anness ma’ ftehim ta' kummerċ ħieles – Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tapprova modifika għal dan il-ftehim u li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ vot imsaħħa – Ksur tal-Artikolu 218 TFUE – Determinazzjoni tal-proċedura u tar-regola ta’ vot applikabbli

(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(7) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2169, Artikolu 3(1) u Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/470)

(ara l-punti 33, 37 sa 49, 51)

3.        Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Żamma tal-effetti tal-att ikkontestat – Ġustifikazzjoni bbażata fuq motivi ta’ ċertezza legali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

(ara l-punti 54 sa 56)

Sunt

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (1) estendiet, sat‑30 ta’ Ġunju 2023, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (2) għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (3);

Dan il-protokoll jipprevedi d-dritt, għal dawn il-koproduzzjonijiet, li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi ta’ promozzjoni tal-kontenut kulturali reġjonali jew lokali (iktar ’il quddiem id-“dritt inkwistjoni”), li huwa, wara l-perijodu inizjali ta’ tliet snin, miftuħ mill-ġdid għal tliet snin u sussegwentement jiġġedded awtomatikament għal perijodi suċċessivi tal-istess tul, sakemm parti ma titterminax dan permezz ta’ avviż bil-miktub ta’ mill-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perijodu sussegwenti (4).

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata permezz tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, li permezz tagħha ġie konkluż il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (5). Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tavża lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma ġġeddidx il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-dritt inkwistjoni, sakemm, fuq proposta tal-Kummissjoni u erba’ xhur qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ applikazzjoni, il-Kunsill ma jiddeċidix, b’mod unanimu, li jkompli l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt

Il-Kummissjoni ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill, billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, il-Kunsill uża illegalment “bażi legali sekondarja”.

B’deċiżjoni tal-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tiddeċiedi għall-ewwel darba, fuq il-proċedura u r-regola ta’ vot applikabbli għall-proċedura ssemplifikata bil-għan tal-modifika ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni, stabbilita mill-Artikolu 218(7) TFUE (6). Hija qegħda tannulla d-deċiżjoni kkontestata billi tikkonstata li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, implimentata mid-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex konformi mal-Artikolu 218 TFUE, sa fejn din teżiġi vot unanimu fi ħdan il-Kunsill filwaqt li, għall-adozzjoni ta’ regola interna fil-qasam kopert minn din id-deċiżjoni, ir-regola tal-vot b’maġġoranza kkwalifikata hija applikabbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/2169 (7) jirriżulta li l-proċedura deċiżjonali prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni għandha bħala bażi legali l-Artikolu 218(7) TFUE. Hija għalhekk tipproċedi bl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-proċedura deċiżjonali, implimentata mid-deċiżjoni kkontestata, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(7) TFUE u jekk hijiex konformi mal-Artikolu 218 TFUE.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, minn naħa, li mill-Artikolu 5(8)(a) u (b) tal-Protokoll jirriżulta li l-partijiet għall-ftehim u, b’estensjoni, għall-Protokoll, għandhom, kull tliet snin, wara evalwazzjoni mwettqa mill-Kumitat “Kooperazzjoni Kulturali”, jevalwaw jekk għandhomx l-intenzjoni li jġeddu jew le d-dritt inkwistjoni għal perijodu ġdid ta’ tliet snin. L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jipprevedi f’dan ir-rigward proċedura interna għall-Unjoni sa fejn jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li ttemm id-dritt inkwistjoni fi tmiem kull perijodu ta’ tliet snin jew, jekk hija tqis li dan id-dritt għandu jiġġedded, tagħmel proposta f’dan is-sens lill-Kunsill qabel l-iskadenza ta’ kull perijodu. Issa, l-assenza ta’ tiġdid tal-imsemmi dritt twassal għat-tħassir ta’ dritt stabbilit mill-Protokoll u li bħala prinċipju huwa mġedded b’mod taċitu u awtomatiku kull tliet snin. Għalhekk, din il-proċedura tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet dwar l-modifka ta’ dan il-protokoll. Konsegwentement, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jikkostitwixxi awtorizzazzjoni, mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill, waqt il-konklużjoni tal-ftehim u, b’estensjoni, tal-Protokoll, li tapprova, f’isem l-Unjoni, “modifiki għall-ftehim”, fis-sens tal-Artikolu 218(7) TFUE.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(8) (a) u (b) tal-Protokoll jipprevedi proċedura ssemplifikata fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex jintemm id-dritt inkwistjoni, li parti għall-ftehim tagħmel dan permezz ta’ avviż bil-miktub ikkomunikat tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu kkonċernat, peress li l-imsemmi dritt ikun, fin-nuqqas ta’ dan, imġedded awtomatikament.

Barra minn hekk, ir-regoli previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 jistgħu jitqiesu li japplikaw il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 218(7) TFUE, li l-Kunsill jissuġġetta l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għal kundizzjonijiet speċifiċi, peress li din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2015/2169 timponi fuq il-Kummissjoni, jekk hija tqis li hemm lok li d-dritt inkwistjoni jiġġedded għal perijodu ta’ tliet snin, li tagħmel proposta lill-Kunsill f’dan is-sens erba’ xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu kurrenti.

Minn dan isegwi li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169, implimentata mid-deċiżjoni kkontestata, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(7) TFUE, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma kellhiex tiġi adottata skont il-proċedura ordinarja prevista fl-Artikolu 218(6)(a) TFUE.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li l-Artikolu 218(7) TFUE ma jipprevedi ebda regola ta’ vot bil-għan tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet li għalihom dan tal-aħħar, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni li huwa ta lill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, żamm il-kompetenza tiegħu, huwa b’riferiment għall-Artikolu 218(8) TFUE (8) li r-regola ta’ vot applikabbli għandha, f’kull każ, tiġi ddeterminata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata u li huwa biss fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tiegħu li huwa jiddeċiedi b’mod unanimu. L-ewwel każ li fih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jirrikjedi li l-Kunsill jiddeċiedi b’unanimità, li huwa l-uniku wieħed rilevanti f’dan il-każ, jikkonċerna l-każ fejn il-ftehim ikun jirrigwarda qasam li għalih l-unanimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Peress li d-dritt inkwistjoni ma jaqax f’dan il-qasam, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2015/2169 ma hijiex konformi mal-Artikolu 218 TFUE, sa fejn teżiġi vot unanimu. Fil-fatt, ir-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni kkontestata għandha, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, jiġifieri vot b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija tiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li żżomm l-effetti tagħha sakemm jiġu rrimedjati l-motivi ta’ annullament ikkonstatati.


1      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal‑25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2020, L 101, p. 1).


2      Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (ĠU 2011, L 127, p. 1418, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).


3      Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU 2011, L 127, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”)


4      Artikolu 5(8)(a) u (b) tal-Protokoll.


5      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 2).


6      L-Artikolu 218(7) TFUE jipprevedi li b’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9 ta’ dan l-artikolu, il-Kunsill jista’, waqt il-konklużjoni ta’ ftehim jawtorizza lin-negozjatur jipprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki tal-ftehim, meta dan jipprevedi li dawn il-modifiki jridu jiġu adottati skont proċedura ssemplifikata jew minn korp stabbilit minn dan il-ftehim. Il-Kunsill jista’ jissuġġetta din l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet speċifiċi.


7      Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/2169 tindika li, skont l-Artikolu 218(7) TFUE, il-Kunsill jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova ċerti modifiki limitati tal-ftehim u li hemm lok li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tiddeċiedi dwar l-iskadenza tad-dritt inkwistjoni, sakemm ma tiddeċidix li testendi l-applikabbiltà ta’ dan id-dritt u sakemm din tiġi approvata mill-Kunsill skont proċedura speċjali, fid-dawl kemm tan-natura sensittiva ta’ dan l-element tal-ftehim kif ukoll tal-fatt li dan għandu jiġi konkluż mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.


8      L-Artikolu 218(8) TFUE jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tiegħu: “Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.” It-tieni subparagrafu jipprovdi: “Mandankollu, għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta’ att ta’ l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-ftehim previsti fl-Artikolu 212 ma’ l-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni. […]”