Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2009 - Soliver vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-68/09)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Soliver NV (Roeselare, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Gilliams u J. Bocken, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, li permezz tiegħu ġie stabbilit li r-rikorrenti kienet involuta fi ksur ta' din id-deċiżjoni fil-perijodu bejn id-19 ta' Novembru 2001 u l-11 ta' Marzu 2003.

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 - Ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, li permezz tiegħu ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti ta' EUR 4 396 000.

sussidjarjament, tnaqqas b'mod sostanzjali l-multa imposta fuq ir-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tallega l-ewwel nett ksur tal-Artikoli 81 KE u 53 ŻEE, in-nuqqas ta' motivazzjoni u evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tiddikjara b'mod żbaljat li, fil-perijodu bejn id-19 ta' Novembru 2001 u l-11 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti kienet involuta fil-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-valur tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni mhuwiex motivat, ħaġa li mhijiex konformi mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li ma tippermettix lir-rikorrenti tiddefendi lilu nnifisha kif dovut, li tmur kontra l-preżunzjoni ta' innoċenza u li tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, tal-prinċipju ta' proporzjonalità, ksur tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi kif ukoll nuqqas ta' twettiq tal-obbligu ta' motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tuża, sabiex tikkalkula l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, perċentwali eċċessivament għolja tal-valur tal-bejgħ.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, tal-prinċipju ta' trattament ugwali, kif ukoll evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti, peress li l-Kummissjoni timmoltiplika l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti man-numru ta' snin li fihom ir-rikorrenti kienet allegatament involuta fil-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-projbizzjoni ta' retroattività. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni tapplika l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 1 għal allegat ksur li kien diġà waqaf qabel l-adozzjoni tal-imsemmija linji gwida.

Is-sitt nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, tal-prinċipju ta' proporzionalità kif ukoll evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti, peress li l-Kummissjoni żżid l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti b'16 % tal-valur tal-bejgħ.

Is-seba' nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, peress li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-multa tar-rikorrenti, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni bosta ċirkustanzi attenwanti għar-rikorrenti.

____________

1 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (Test rilevanti għaż-ŻEE) (ĠU 2006, C 210, p. 2).